Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Ġunju 2008 - C-Content BV vs L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-247/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: C-Content BV ('s Hertogenbosch, l-Olanda) (rappreżentant: M. Meulenbelt, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet) kiser id-dritt Komunitarju fil-qasam tas-sejħa għal offerti u kuntratti kif espost f'dan ir-rikors;

tordna lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jikkumpensa l-ispejjeż u d-danni sostnuti mir-rikorrenti, kif espost f'dan ir-rikors;

tikkundanna l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti qegħda tressaq rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali li tirriżulta minn danni li hija tgħid li sostniet bħala riżultat ta' l-allegati irregolaritajiet imwettqa mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet (l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet) rigward ċertu proċeduri ta' sejħiet għal offerti relatati ma' servizzi ta' pubblikazzjoni elettronika.

Ir-rikorrenti tressaq numru ta' raġunijiet għal responsabiltà għal kull proċedura ta' offerti kkontestata.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet kiser il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u l-obbligu ta' diliġenza kif ukoll il-prinċipji ta' trattament ugwali, trasparenza u aspettativi leġittimi:

1.    Fis-sejħa għal offerti Nru 2034, għall-produzzjoni u kkupjar ta' CD-ROMs li jkun fihom is-serje L u C tal-Ġurnal Uffiċjali: billi aċċettat l-offerta ta' kompetitur tar-rikorrenti, minkejja li r-rikorrenti kienet għamlet l-iktar offerta vantaġġuża ekonomikament, billi bidlet l-ispeċifikazzjonijiet prinċipali u naqqset ir-rekwiżiti tas-sejħa għal offerti matul il-proċedura ta' l-offerti jew wara li l-offerent rebbieħ kien diġà ntgħażel mingħajr ma ġew informati l-kompetituri l-oħra; billi irrifjuta li jagħmel reviżjoni kif xieraq tar-riżultati tas-sejħa għal offerti meta tressqu għall-attenzjoni ta' l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijet oġġezzjonijiet dwar ir-riżultat ta' l-offerta; billi naqas milli jorganizza sejħa għal offerti ġdida minflok ikompli l-kuntratt Nru 2034 fuq il-bażi ta' standards sinjifikattivament imnaqqsa.

2.    Fis-sejħa għal offerti Nru 6019, għall-provvista ta' servizzi rigward pubblikazzjonijiet elettroniċi, b'mod partikolari s-Suppliment (S) tal-Ġurnal Uffiċjali, wara l-adeżjoni ta' 10 Stati Membri ġodda: billi kkanċella s-sejħa għal offerti fuq il-bażi ta' l-Artikolu 101 tar-Regolament 1605/2002 1 minħabba li nkixfet informazzjoni kunfidenzjali; ir-rikorrenti tissottometti li dan il-kxif ma setgħax jinfluwenza r-riżultati ta' l-offerta minħabba li l-informazzjoni kienet diġà pubblika u l-offerti kienu diġa saru sa dak iż-żmien. Barra min hekk, ir-rikorrenti ssostni li ma ngħatatx motivazzjoni xierqa mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. Fl-aħħar nett tissottometti li l-kanċellament ikkawża danni sostanzjali lir-rikorrenti li kienet għamlet l-offerta l-aktar vantaġġuża fost iż-żewġ offerti li kien fadal fis-sejħa għal offerti kkanċellata.

3.    Fis-sejħa għal offerti Nru 1695, għall-provvista ta' servizzi rigward il-pubblikazzjonijet elettroniċi, b'mod partikolari s-Suppliment (S) tal-Ġurnal Uffiċjali: billi uża l-estensjoni tal-Kuntratt Nru 1695 sabiex jibdilha. Ir-rikorrenti ssostni li ma kien hemm l-ebda bażi legali sabiex l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jipproċedi jew jawtorizza l-estensjoni tal-kuntratt u, bħala konsegwenza, li jibdlu, billi jibdel is-subkuntrattur. Ir-rikorrenti tissottometti li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet naqas milli serjament jinnegozja jew jinvestiga l-possibbiltà li jżomm lir-rikorrenti bħala s-subkuntrattur prinċipali eżistenti matul il-perjodu li kien fadal.

Ir-rikorrenti ssostni li bħala riżultat dirett ta' l-imsemmija ksur, hija tilfet il-pożizzjoni tagħha bħala fornitriċi ta' softwer għall-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet u sostniet spejjeż, danni u telf ta' profitti sostanzjali u tqis li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet huwa responsabbli għal kumpens tagħhom.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002 L 248 p. 1)