Language of document : ECLI:EU:T:2009:266

Kawżi magħquda T‑246/08 u T‑332/08

Melli Bank plc

vs

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra r‑Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li tiġi evitata l‑proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Stħarriġ ġudizzjarju — Proporzjonalità — Trattament ugwali — Obbligu ta’ motivazzjoni — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007”

Sommarju tas-sentenza

1.      Komunitajiet Ewropej — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Regolament dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

2.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran

(Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 7(2)(d))

3.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran

(Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 7(2)(a), (b) u (d))

4.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran

(Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 7(2)(d))

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikoli 7(2) u 15(3))

1.      Fir-rigward tar-rigorożità tal-istħarriġ ġudizzjarju, żewġ tipi ta’ elementi għandhom jiġu distinti fi ħdan ir-Regolament Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran. Fil-fatt, minn naħa, l-artikoli tal-imsemmi regolament jipprevedu r-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ miżuri restrittivi li jintroduċi. Min-naħa l‑oħra, l-Anness V ta’ dan ir-regolament, li jelenka l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi adottati skont l‑Artikolu 7(2) tal-istess regolament, jinkludi fih numru ta’ miżuri li japplikaw ir-regoli ġenerali msemmija iktar ’il fuq għal entitajiet speċifiċi.

F’dak li jikkonċerna l-ewwel tip ta’ element, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, skont pożizzjoni komuni adottata taħt il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni. Peress li l‑qorti Komunitarja ma tistax, b’mod partikolari, tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-provi, il-fatti u ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l‑adozzjoni ta’ tali miżuri bl-evalwazzjoni tagħha, l-istħarriġ li jsir mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jirrigwarda biss il-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest fl‑evalwazzjoni tal-fatti u ta’ abbuż ta’ poter. Dan l-istħarriġ ristrett japplika, b’mod partikolari, għall‑evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom tali miżuri huma bbażati.

Dwar l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni li permezz tagħha entità tiġi inkluża fil-lista tal‑Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, skont l-Artikolu 7(2) tiegħu, hija l‑Qorti tal‑Prim’Istanza li għandha tivverifika, fid-dawl tal-motivi ta’ annullament imqajma mill-entità kkonċernata jew imqajma ex officio, b’mod partikolari, li l-każ ineżami jikkorrispondi għal waħda mill-erba’ ipoteżijiet elenkati fl-Artikolu 7(2)(a) sa (d) tal-imsemmi regolament. Dan jimplika li l‑istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad‑deċiżjoni inkwistjoni jestendi għall‑evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawha u kif ukoll għall-verifika tal-provi u ta’ informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l‑evalwazzjoni. Il‑Qorti tal-Prim’Istanza għandha wkoll tiżgura ruħha li d‑drittijiet tad-difiża u r-rekwiżit ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward jiġu rrispettati kif ukoll, fejn xieraq, il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet imperattivi invokati eċċezzjonalment mill-Kunsill sabiex ma jirrispettax dawn id-drittijiet.

(ara l-punti 44-46)

2.      L-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran jimponi fuq il-Kunsill li jiffriża l‑fondi ta’ entità proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn entità identifikata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari fis‑sens tal-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tal‑istess regolament, filwaqt li l-Kunsill jevalwa każ b’każ il-kwalità ta’ entità “proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn” l-entitajiet ikkonċernati.

B’dan il-mod, minn naħa, l‑estensjoni tal-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi għall-entitajiet miżmuma bi proprjetà jew ikkontrollati hija obbligatorja, peress li l-Kunsill ma għandux setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.

Minn naħa l-oħra, sa fejn il-Kunsill għandu jevalwa l-kwalità ta’ entità “proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn”, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l‑elementi rilevanti tal-każ partikolari, bħalma huma l-livell tal-indipendenza operattiva tal-entità inkwistjoni jew l-impatt eventwali tas-sorveljanza ta’ awtorità pubblika li għaliha hija suġġetta. Għall-kuntrarju, in-natura tal-attività tal‑entità kkonċernata u n-nuqqas eventwali ta’ rabta bejn din l-attività u l-proliferazzjoni nukleari mhumiex kriterji rilevanti f’dan il-kuntest.

(ara l-punti 63, 67, 69)

3.      Minħabba l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill‑prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, il-legalità tal-projbizzjoni ta’ attività ekonomika hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-miżuri ta’ projbizzjoni jkunu xierqa u meħtieġa għat-twettiq tal‑għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi.

Ir‑Regolament Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran għandu l-għan li jevita l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha u b’hekk jeżerċita pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex ittemm l‑attivitajiet ikkonċernati. Dan l-għan jagħmel parti mill-kuntest iktar ġenerali tal-isforzi marbuta maż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u huwa, għalhekk, leġittimu. L-iffriżar ta’ fondi proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn entità identifikata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 7(2)(a) jew (b) tal-imsemmi regolament huwa marbut ma’ dan l-għan. Fil-fatt, meta l-fondi ta’ entità identifikata bħala li hija involuta fil‑proliferazzjoni nukleari jkunu ffriżati, ikun hemm riskju mhux insinjifikattiv li din teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li hija żżomm bi proprjetà jew tikkontrolla sabiex tevita l-effett ta’ miżuri li jsiru kontra tagħha, billi tħeġġiġhom jittrasferixxulha, direttament jew indirettament, il-fondi tagħhom jew sabiex jagħmlu tranżazzjonijiet li hija ma tistax tagħmel hija stess minħabba l-iffriżar tal-fondi tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-iffriżar ta’ fondi tal-entitajiet proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn entità identifikata bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari huwa meħtieġ u xieraq għall-iżgurar tal-effikaċja tal-miżuri adottati kontra din tal-aħħar u sabiex jiġi ggarantit lil dawn il‑miżuri ma jkunux evażi.

L-importanza tal‑għanijiet li leġiżlazzjoni bħalma huwa r-Regolament Nru 423/2007 tfittex li tilħaq hija tali li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi. Anki jekk il-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika kif ukoll id-dritt ta’ proprjetà ta’ stabbiliment bankarju li jinsab fit‑territorju tal-Komunità huma ristretti b’mod sostanzjali bl‑iffriżar tal-fondi tiegħu, l-iżvantaġġi maħluqa mhumiex sproporzjonati fil-kuntest tal-għanijiet previsti.

(ara l-punti 100, 102, 103, 111, 112)

4.      Il-kontenut tal-kunċett ta’ entità “proprjetà ta’” entità rikonoxxuta bħala li hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari fis-sens tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, jidher prima facie preċiż, peress li jirreferi għall‑involviment tal-entità parent fil-kapital tas‑sussidjarja. Madankollu, l-analiżi tal‑kunċett inkwistjoni ma għandhiex tkun ibbażata biss fuq il-kontenut semantiku tiegħu, iżda għandha, barra minn hekk, b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni r-rabta li hemm bejn l-Artikolu 7(2)(d) tal-imsemmi regolament u l-għan imfittex minn dan ir‑regolament. Għalhekk, għandu jiġi mfittex jekk, minħabba l-fatt li kumpannija sussidjarja hija proprjetà tal-kumpannija parent, din tistax tiġi mwassla, bi probabbiltà li mhijiex insinjifikattiva, tevadi l-effett tal‑miżuri adottati kontra l-entità parent tagħha.

Għandu jiġi evalwat jekk l-eżistenza ta’ influwenza deċiżiva tal-kumpannija parent tistax twassal lill-kumpannija sussidjarja tapplika l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent minnflok ma tiddeċiedi l-imġiba tagħha b’mod awtonomu. Sabiex l-imġiba tal-entità miżmuma bi proprjetà tiġi influwenzata b’mod utli, il-pressjoni li ssir mill-entità parent għandha essenzjalment tkun intiża għad-diretturi u/jew għall‑impjegati ta’ din tal-aħħar. Il-fatt li entità hija totalment proprjetà ta’ oħra jimplika ġeneralment li t-tieni waħda għandha d-dritt li taħtar id‑diretturi tal-ewwel waħda u għalhekk tista’ teżerċita kontroll effettiv fuq il-kompożizzjoni tal-amministrazzjoni ta’ din tal-aħħar u, fl‑aħħar mill-aħħar, fuq il-persunal kollu tagħha. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2)(d) tar‑Regolament Nru 423/2007 għal entità proprjetà, anki totalment, tal-entità parent ma tiġix iġġustifikata fid-dawl tal-eżistenza ta’ fatturi li jibbilanċjaw l‑influwenza tat-tieni waħda fuq l-ewwel waħda.

(ara l-punti 120-123)

5.      L-obbligu li jiġi motivat att li jikkawża preġudizzju kif previst fl-Artikolu 253 KE u, b’mod iktar partikolari, fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata b’informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat, jew jekk huwiex ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti Komunitarja u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni hekk stabbilit jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt Komunitajru li tista’ ssir deroga minnu biss minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess waqt tal-att li jikkawżalha preġudizzju, peress li n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rrimedjat bil-fatt li l-parti kkonċernata ssir taf ir-raġunijiet tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti Komunitarja. Barra minn hekk, l‑osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar importanti fil-każ tal-ewwel deċiżjoni li biha l-fondi ta’ entità jiġu ffriżati, għaliex dan jikkostitwixxi l‑unika garanzija li tippermetti lill-parti kkonċernata tagħmel użu effettiv tal-mezzi ta’ azzjoni għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni, ladarba ma għandhiex dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tagħha.

Għalhekk, sakemm ma jkunx hemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Komunità jew tal-Istati Membri tagħha jew il-kondotta tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom li jipprekludu dan, il-Kunsill huwa obbligat, skont l-Artikolu 15(3) tal-imsemmi regolament, jgħarraf lill-entità kkonċernata bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata. Għandu jsemmi wkoll il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l‑kunsiderazzjonijiet li wassluh għaliha. Sa fejn ikun possibbli, din il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata jew fl-istess ħin li l-miżura tiġi adottata, jew kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tagħha.

Madankollu, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih kien ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari, skont il-kontenut tal-att, in-natura tar-raġunijiet invokati u l-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex mitlub li l‑motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi inkwantu l‑kwistjoni dwar in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fir‑rigward mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tal‑ġabra tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-materja kkonċernata. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju huwa suffiċjentement motivat meta jsir f’kuntest magħruf mill-parti kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal‑miżura meħuda fil-konfront tagħha.

(ara l-punti 143-145)