Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Jannar 2011 - Air France - KLM vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-62/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Air France - KLM (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: A. Wachsmann u S. Thibault-Liger, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2010) 7694 finali, tad-9 ta' Novembru 2010 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Każ COMP/39258 - Trasport tal-merkanzija bl-ajru, sa fejn tikkonċerna lil Air France-KLM kif ukoll il-motivi li huma l-bażi tad-dispożittiv tagħha;

għall-anqas, tannulla l-Artikolu 5(b) u (d) tad-Deċiżjoni Nru C(2010) 7694 finali, tad-9 ta' Novembru 2010, li jimponi żewġ multi fuq Air France-KLM u l-motivi li huma l-bażi tiegħu, jew tnaqqas dawn il-multi b'ammont xieraq, abbażi tal-Artikolu 261 TFUE;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tnax-il motiv:

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-imputazzjoni lir-rikorrenti, b'mod żbaljat, tar-responsabbiltà għall-prattiki ta' Société Air France u ta' KLM bi ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, tar-regoli li jirregolaw l-imputazzjoni lill-kumpanniji parent tal-prattiki tas-sussidjarji tagħhom u ta' dawk li jirregolaw is-suċċessjoni tal-impriżi fi ħdan gruppi, kif ukoll tal-prinċipji ta' responsabbiltà personali u ta' individwalità tal-pieni.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali li jirriżulta mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata minn awtorità li għandha kemm setgħat ta' stħarriġ kif ukoll setgħat ta' sanzjoni, bi ksur tal-Artikoli 47(2) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

It-tielet motiv huwa ibbażat fuq ksur tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-klemenza, adottat fl-2002 1 u tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' aspettattivi leġittimi li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan l-avviż favur Lufthansa/Swiss li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-avviż dwar il-klemenza.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni li jirriżulta minn kontradizzjoni bejn id-dispożittiv u l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-definizzjoni ta' ksur imputat lir-rikorrenti.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni u fuq ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni li jirriżulta mill-abbandun tal-proċeduri kontra ħdax-il kumpannija tal-ajru.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta' nuqqas ta' retroattività tal-pieni iktar ħorox u ta' aspettattivi leġittimi li jirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida tal-Kummissjoni tal-2006 dwar il-kalkolu tal-multi 2 għall-kalkolu tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti minkejja l-fatt li dawn il-linji gwida kienu ġew adottati wara l-bidu tal-investigazzjoni; din l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida tal-2006 wasslet għal żieda sinjifikattiva tal-livell tal-multi li ma setgħatx tiġi prevista, b'mod raġonevoli, fid-data tal-fatti.

Is-seba' motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal smigħ u tal-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali għall-partijiet fir-rigward tal-kalkolu tal-multi li ġew imposti fuqha, filwaqt li ma sar l-ebda skambju ta' opinjonijiet bejn il-partijiet rigward l-elementi essenzjali tal-kalkolu tal-multi.

It-tmien motiv huwa bbażat fuq żbalji li jaffettwaw il-kalkolu tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti peress li dawn il-multi ġew ikkalkolati abbażi ta' valuri tal-bejgħ żbaljati (i) li kellhom jinkludu biss it-taxxi addizzjonali msemmija u mhux it-tariffi u (ii) li ma setgħux jinkludu l-ammonti korrispondenti sa 50 % tad-dħul inbound taż-Żona Ekonomika Ewropea ta' Société Air France u ta' KLM.

Id-disa' motiv huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-prattiki ta' Société Air France u ta' KLM li tirriżulta minn żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u minn ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, minn naħa, billi ġie rrifjutat li jittieħed inkunsiderazzjoni il-ksur l-inqas gravi dwar it-taxxi addizzjonali, is-sehem żgħir fis-suq akkumulat mill-partijiet, il-marġini ta' profitti baxxi miksuba minn Société Air France u KLM, u d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' dawn tal-aħħar minħabba l-kriżi ekonomika fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru u, min-naħa l-oħra, billi fil-parametri tal-ksur ġew inklużi kuntratti dwar prattiki implementati barra miż-Żona Ekonomika Ewropea.

L-għaxar motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità tal-pieni u fuq żball manifest ta' evalwazzjoni li jirriżultaw minn applikazzjoni tal-ammont addizzjonali ta' 16 % fil-multi imposti fuq ir-rikorrenti, u minn nuqqas ta' motivazzjoni rigward ir-rata ta' 16 % applikata f'dan is-sens.

Il-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq kalkolu żbaljat tat-tul tal-ksur applikat kontra Société Air France li wassal għal żieda mhux ġustifikata tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minħabba dan il-ksur.

It-tnax-il motiv huwa bbażat fuq in-natura manifestament insuffiċjenti tat-tnaqqis ta' 15 % tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti taħt is-sistemi regolatorji li jirregolaw it-trasport tal-merkanzija bl-ajru bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi.

____________

1 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

2 - Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).