Language of document : ECLI:EU:C:2019:695

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑10 ta’ Settembru 2019 (1)

Kawża C125/18

Marc Gómez del Moral Guasch

vs

Bankia SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia n° 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Rata ta’ interess varjabbli – Indiċi ta’ referenza għal self ipotekarju (IRPH) – Indiċi li jirriżulta minn regolament jew dispożizzjoni amministrattiva – Introduzzjoni unilaterali mill-professjonist – Stħarriġ ta’ trasparenza mill-qorti nazzjonali – Livell ta’ informazzjoni mitlub mill-bank”






Werrej



I.      Introduzzjoni

1.        Illum il-ġurnata, l-akkwist ta’ proprjetà immobbli, rari jsir mingħajr ma wieħed jirrikorri għal self. Il-ħlasijiet mensili ta’ kreditu ipotekarju minn dejjem kienu parti mill-ħajja ta’ kuljum (2). Sabiex jieħu self, il-konsumatur medju jkollu, bħala prinċipju, sorsi differenti ta’ informazzjoni, bħalma huma l-fuljetti jew il-gwidi prattiċi maħruġa mill-istabbilimenti bankarji iżda anki mill-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi, intiżi sabiex jagħtu informazzjoni lix-xerrejja potenzjali dwar elementi differenti bħad-dejn massimu, ir-rati ta’ interess fissi jew varjabbli, u l-indiċijiet ta’ referenza.

2.        Madankollu, ħafna drabi, minħabba n-natura teknika tal-informazzjoni li tirrigwarda s-self ipotekarju, il-konsumatur medju ma jkunx jista’ jifhem ċerti kunċetti, bħal dawk ta’ “rata ta’ interess”(fissa jew varjabbli), ta’ “indiċi ta’ referenza” jew ta’ “rata perċentwali annwali ta’ imposta” (iktar ’il quddiem ir-“RPAI”), u, b’mod partikolari, id-differenzi bejn dawn il-kunċetti. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-funzjonament jew il-kalkolu konkret mhux biss tar-rati ta’ interess varjabbli, iżda anki tal-indiċijiet ta’ referenza uffiċjali ta’ self ipotekarju u tar-rati perċentwali annwali ta’ imposta, li fuq il-bażi tagħhom jiġu kkalkolati dawn ir-rati ta’ interess. F’dan il-kuntest, il-livell ta’ informazzjoni mitlub mill-professjonist huwa ta’ importanza kruċjali sabiex il-konsumatur medju jkun jista’ jifhem l-ispiża reali tas-self tiegħu.

3.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li ġie indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Juzgado de Primera Instancia n° 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona, Spanja), jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13/KEE (3), b’mod partikolari tal-Artikolu 1(2), tal-Artikolu 4(2), u tal-Artikoli 5 u 8 tagħha. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Marc Gómez del Moral Guasch u Bankia SA, stabbiliment bankarju, dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn dawn iż-żewġ partijiet u li tissuġġetta r-rata ta’ interess varjabbli tas-self għal wieħed mill-indiċijiet ta’ referenza ta’ self ipotekarju (IRPH) uffiċjali (iktar ’il quddiem il-“klawżola kontenzjuża”), jiġifieri l-IRPH Cajas (IRPH tal-banek tat-tfaddil).

4.        Id-domandi preliminari magħmula f’din it-talba jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha fir-rigward, b’mod partikolari, minn naħa, tal-portata tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 u, min-naħa l-oħra, il-portata u l-kontenut tal-istħarriġ tat-trasparenza tal-klawżola kontenzjuża, konformement mal-Artikolu 4(2) u mal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        It-tlettax, id-dsatax u l-għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxu li:

“[b]illi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji [mandatorji] statutorji jew regolatorji […]; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) [ta’ din id-direttiva] ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra;

[…]

[b]illi, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, m’għandhiex issir stima ta’ karattru inġust ta’ klawżoli li jiddeskrivu l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas il-proporzjon bejn kwalità/il-prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti; billi l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u l-proporzjon bejn kwalità/prezz jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati meta tkun qiegħda ssir l-istima dwar jekk klawżoli oħra jkunux ġusti; […]

[b]illi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, […] u, jekk ikollu xi dubju, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli lejn il-kunsumatur għandha tirbaħ”.

6.        Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13:

“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji [mandatorji] statutorji jew regolatorji […] m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

7.        L-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

8.        L-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

9.        L-Anness għad-Direttiva 93/13, intitolat “Klawżoli msemmija fl-Artikolu 3(3)”, jistabbilixxi, fil-punt 1(l) u fil-punt 2(ċ) u (d), li:

“1.      Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

[…]

(l)      jipprovdu biex il-prezz tal-merkanzija jiġi stabbilit fil-ħin tal-provvista jew jippermettu lil bejjiegħ ta’ merkanzija jew lil fornitur ta’ servizzi jżid il-prezz tagħhom mingħajr ma’ jagħti lill-konsumatur fiż-żewġ każi d-dritt korrispondenti li jikkanċella l-kuntratt jekk l-aħħar prezz ikun għoli wisq f’relazzjoni mal-prezz miftiehem meta l-kuntratt ikun ġie konkluż;

[…]

2.      L-ambitu tas-subparagrafi […] (l)

[…]

(ċ)      Is-subparagrafi […] (l) ma jgħoddux għal:

-      transazzjonijiet f’ishma trasferibbli, strumenti finanzjarji u prodotti jew servizzi oħra fejn il-prezz ikun abbinat ma’ tlugħ u nżul f’suq tal-kambju jew indiċi jew ma’ rata finanzjarja kummerċjali li l-bejjiegħ jew il-fornitur ma jkunx jikkontrolla.

[…]

(d)      Is-subparagrafu (1) huwa mingħajr xkiel għal klawsoli ta’l-indiċjar tal-prezzijiet, fejn legali, sakemm il-metodu li bih ivarjaw il-prezzijiet jiġi deskritt b’mod espliċitu.”

B.      Id-dritt Spanjol

10.      L-Artikolu 1303 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) huwa fformulat kif ġej:

“Meta obbligu jiġi ddikjarat null, il-partijiet kontraenti għandhom jirrestitwixxu reċiprokament l-affarijiet li kienu s-suġġett tal-kuntratt, il-frott minn dawn l-affarijiet u l-prezz flimkien mal-interessi, bla ħsara għall-artikoli li ġejjin.”

11.      L-Artikolu 80(1)(a) tat-texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (it-test ta’ riformulazzjoni tal-Liġi Ġenerali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti u liġijiet oħra komplementari), approvat bir-Real Decreto Legislativo 1/2007 (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007), tas‑16 ta’ Novembru 2007 (4), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LGDCU”), jipprovdi li:

“1.      Fil-kuntratti konklużi ma’ konsumaturi u ma’ utenti li jinkludu klawżoli li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali, […] dawn il-klawżoli għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

a)      ir-redazzjoni għandha tkun preċiża, ċara u sempliċi, tista’ tinftiehem direttament, mingħajr ma wieħed jirreferi għal testi jew għal dokumenti li ma jkunux ipprovduti minn qabel jew fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt u li, fi kwalunkwe każ, għandhom jissemmew b’mod espliċitu fid-dokument tal-kuntratt.”

12.      L-Artikolu 82(1) u (2) tal-LGDCU jipprevedi li:

“1.      Għandhom jiġu kkunsidrati bħala inġusti l-klawżoli kollha li ma kinux is-suġġett ta’ negozjati individwali kif ukoll il-prattiki kollha li ma jirriżultawx minn ftehim espress u li, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, joħolqu, għad-detriment tal-konsumatur u tal-utent, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.

2.      […] Jekk il-professjonist jallega li klawżola partikolari ma kinitx is-suġġett ta’ negozjati individwali, l-oneru tal-prova għandu jaqa’ fuqu.”

13.      L-Artikolu 83 tal-LGDCU huwa fformulat kif ġej:

“Il-klawżoli inġusti huma nulli ipso jure u huma kkunsidrati mhux miktuba. Għal dan l-għan, wara li tisma’ lill-partijiet, il-qorti għandha tikkonstata n-nullità tal-klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratt, iżda dan jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini jekk ikun jista’ jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

14.      L-Orden del Ministerio de la Presidencia, sobre transparencia de las condiciones financieras de los préstamos hipotecarios (id-Digriet tal-Ministeru għall-Presidenza dwar it-Trasparenza tal-Kundizzjonijiet Finanzjarji tas-Self Ipotekarju), tal‑5 ta’ Mejju 1994 (5), kif emendat bid-Digriet Ministerjali tas‑27 ta’ Ottubru 1995 (6) (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994”), japplika biss għas-self li l-garanzija ipotekarja tiegħu kienet tirrigwarda akkomodazzjoni, konkluż minn persuni fiżiċi, sakemm l-ammont ta’ self mitlub kien ta’ EUR 150 000 jew inqas. Illum il-ġurnata mħassar, dan id-digriet kien fis-seħħ mill‑11 ta’ Awwissu 1994 sad‑29 ta’ April 2012, data li fiha l-Orden EHA/2899/2011 de transparencia y protección del cliente de servicios bancarios (id-Digriet Ministerjali 2899/2011 dwar it-Trasparenza u l-Protezzjoni tal-Utenti ta’ Servizzi Bankarji) il-ġdid, tat‑28 ta’ Ottubru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Digriet 2899/2011”) (7), daħal fis-seħħ (8).

15.      It-tieni dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994 kienet tipprovdi li:

“Il-Banco de España, fuq rapport tad-Dirección General del Tesoro y Política Financiera [id-Direttorat Ġenerali tat-Teżor u l-Politika Finanzjarja] jiddefinixxi, permezz ta’ ċirkulari, ġabra ta’ indiċijiet jew ta’ rati ta’ referenza uffiċjali li jistgħu jiġu applikati mill-istabbilimenti ta’ kreditu għas-self ipotekarju b’rata ta’ interess varjabbli, u jippubblika l-valur tagħhom b’mod regolari.”

16.      L-Artikolu 6(2)(a) u (b), kif ukoll il-punti (1) u (2) tal-Artikolu 6(3) tad-Digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994 kienu jipprevedu li:

“2.      Għas-self b’rata ta’ interess varjabbli suġġett għal dan id-digriet, l-istabbilimenti ta’ kreditu jistgħu jużaw bħala indiċijiet jew rati ta’ referenza esklużivament dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      li ma jkunux esklużivament dipendenti fuq l-istabbiliment ta’ kreditu nnifsu u ma jkunux jistgħu jiġu influwenzati minnu skont ftehimiet jew prattiki konxjament paralleli għal dawk ta’ stabbilimenti oħrajn;

b)      li l-informazzjoni li l-indiċi huwa bbażat fuqha tiġi miksuba skont metodu matematiku oġġettiv.

3.      Għas-self b’rata ta’ interess varjabbli suġġett għal dan id-digriet, ma huwiex obbligatorju li jiġu kkomunikati individwalment lill-persuna li tissellef il-varjazzjonijiet tar-rata ta’ interess applikabbli meta ż-żewġ ċirkustanzi li ġejjin jiġu ssodisfatti:

1.      ikun ġie miftiehem li jintużaw indiċi jew rata ta’ referenza uffiċjali minn fost dawk imsemmija fit-tieni dispożizzjoni addizzjonali ta’ dan id-digriet;

2.      ir-rata ta’ interess applikabbli għas-self tkun iddefinita bil-mod previst fil-klawżola 3a(1)(a) jew (b) tal-Anness II ta’ dan id-digriet.”

17.      L-IRPH, fit-tliet varjanti tiegħu, jiġifieri l-IRPH tal-banek (iktar ’il quddiem l-“IRPH Bancos”), l-IRPH tal-banek tat-tfaddil (iktar ’il quddiem l-“IRPH Cajas”) u l-IRPH tal-istabbilimenti ta’ kreditu kollha (iktar ’il quddiem l-“IRPH Entidades”), huwa indiċi uffiċjali introdott mid-dispożizzjoni 6a taċ-Circular 8/1990 del Banco de España, a entidades de crédito, sobre transparencia de las operaciones y protección de la clientela (iċ-Ċirkulari 8/1990 tal-Banco de España, għall-Istabbilimenti ta’ Kreditu, dwar it-Trasparenza tat-Tranżazzjonijiet u l-Protezzjoni tal-Klijenti), tas‑7 ta’ Settembru 1990 (9), kif emendata biċ-Circular 5/1994 del Banco de España, a entidades de crédito, sobre modificación de la Circular 8/1990, sobre transparencia de las operaciones y protección de la clientela (iċ-Ċirkulari 5/1994 tal-Banco de España, għall-Istabbilimenti ta’ Kreditu, li temenda ċ-Ċirkulari 8/1990 dwar it-Trasparenza tat-Tranżazzjonijiet u l-Protezzjoni tal-Klijenti), tat‑22 ta’ Lulju 1994 (10) (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari 8/1990”). Ir-raba’ paragrafu tal-espożizzjoni tal-motivi taċ-Ċirkulari 5/1994 kien jistabbilixxi li:

“Ir-rati ta’ referenza magħżula huma, fl-aħħar analiżi, [RPAI]. Ir-rati medji tas-self ipotekarju għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni li l-prezz tagħha huwa ffissat b’mod liberu huma hekk, minħabba li dawn jinkludu wkoll l-effetti tal-kummissjonijiet. Barra minn hekk, l-użu direttament u sempliċement bħala rati kuntrattwali tagħhom jippreżupponi l-impożizzjoni tar-[RPAI] tat-tranżazzjoni ipotekarja fuq ir-rata mitluba mis-suq. Sabiex ir-[RPAI] ta’ din it-tranżazzjoni tiġi allinjata ma’ dik tas-suq, ikun meħtieġ li jiġi applikat marġni negattiv li l-valur tiegħu jvarja skont il-kummissjonijiet tat-tranżazzjoni u tal-frekwenza tal-ħlasijiet […]”.

18.      Id-dispożizzjoni 2 taċ-Ċirkulari 8/1990, intitolata “Informazzjoni dwar ir-rati ta’ interess applikati”, kienet tirrigwarda l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-Banco de España sabiex dan tal-aħħar jistabbilixxi u jippubblika ċerti indiċijiet jew rati ta’ referenza tas-suq ipotekarju. Din id-dispożizzjoni kienet ifformulata kif ġej:

“[…] Il-banek, il-banek tat-tfaddil, il-konfederazzjoni tal-banek tat-tfaddil Spanjoli, il-fergħat tal-istabbilimenti ta’ kreditu barranin u l-kumpanniji ta’ self ipotekarju għandhom jikkomunikaw lill-Banco de España, fl-ewwel ħmistax‑il jum ta’ kull xahar, informazzjoni dwar ir-rati medji tat-tranżazzjonijiet ta’ kreditu u ta’ depożiti f’pesetas [Spanjoli (ESP)] imwettqa fi Spanja, li kienu taw jew ġeddew fix-xahar ta’ qabel”.

19.      Id-dispożizzjoni 6a taċ-Ċirkulari 8/1990, intitolata “Self ipotekarju” kienet tagħmel riferiment, fil-paragrafu 3(b) tagħha, għall-IRPH Cajas kif ġej:

“3.      Għall-finijiet tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali tad-digriet dwar is-self ipotekarju, huma kkunsidrati bħala uffiċjali l-indiċijiet jew ir-rati ta’ referenza li ġejjin, li d-definizzjoni u l-mod ta’ kalkolu tagħhom huma stabbiliti fl-Anness VIII:

b)      ir-rata medja tas-self ipotekarju mogħti mill-banek tat-tfaddil għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni li l-prezz tagħha huwa ffissat b’mod liberu.

[…]

Il-Banco de España jxerred b’mod xieraq dawn l-indiċijiet, li fi kwalunkwe każ huma ppubblikati kull xahar fil-Boletín Oficial del Estado.”

20.      Id-definizzjoni tal-formola matematika ta’ kalkolu ta’ dawn l-indiċijiet jidhru fl-Anness VIII għaċ-Ċirkulari 8/1990. L-Anness VIII(2) għal din iċ-ċirkulari jiddefinixxi l-IRPH Cajas bħala “[…] il-medja sempliċi tar-rati ta’ interess medji pponderati mill-kapital tat-tranżazzjonijiet ta’ self, flimkien ma’ garanzija ipotekarja għal perijodu ta’ tliet snin jew iktar, għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni li l-prezz tagħha jiġi ffissat b’mod liberu, li l-banek tat-tfaddil kollha jkunu bdew jew ġeddew matul ix-xahar ta’ referenza tal-indiċi. Dawn ir-rati ta’ interess medji pponderati huma r-rati annwali ekwivalenti ddikjarati lill-Banco de España għal dawn it-termini mill-banek tat-tfaddil kollha, konformement mad-dispożizzjoni 2.

Il-formola tal-kalkolu ta’ din ir-rata hija din li ġejja:


Ica = somma ta’ ica/nca

Jew:

Ica = medja tar-rati ta’ interess medji pponderati mill-banek tat-tfaddil kollha;

ica = rata medja ponderata tas-self ta’ kull bank;

nca = numru ta’ banek li jirrapportaw.”

21.      L-IRPH Cajas u l-IRPH Bancos kif ukoll l-indiċi CECA ma baqgħux rati uffiċjali ta’ referenza mad-dħul fis-seħħ tad-Digriet 2899/2011 u taċ-Circular 5/2012, del Banco de España, a entidades de crédito y proveedores de servicios de pago, sobre transparencia de los servicios bancarios y responsabilidad en la concesión de préstamos (iċ-Ċirkulari 5/2012 tal-Banco de España, għall-Istabbilimenti ta’ Kreditu u għall-Fornituri ta’ Servizzi ta’ Ħlas, dwar it-Trasparenza tas-Servizzi Bankarji u r-Responsabbiltà fil-Qasam tal-Għoti ta’ Self), tas‑27 ta’ Ġunju 2012 (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari 5/2012”) (11).

22.      L-IRPH Cajas ġie ssostitwit mill-IRPH tal-istabbilimenti ta’ kreditu kollha ta’ Spanja, (iktar ’il quddiem l-“IRPH Conjunto de Entidades”) li, attwalment, skont id-Digriet 2899/2011, huwa wieħed mis-sitt indiċijiet uffiċjali ta’ referenza li jeżistu fi Spanja.

23.      L-Artikolu 27 tad-Digriet 2899/2011, intitolat “Rati ta’ interess uffiċjali”, jagħmel riferiment, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, għall-IRPH Conjunto de Entidades. Dan l-IRPH huwa stabbilit billi jittieħdu l-valuri tat-tranżazzjonijiet realment imwettqa mill-istabbilimenti ta’ kreditu mal-klijenti tagħhom matul kwalunkwe perijodu. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li:

“Bil-għan li jiġu applikati mill-korpi ta’ kreditu, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan id-digriet ministerjali, ir-rati ta’ interess uffiċjali li ġejjin għandhom jiġu ppubblikati kull xahar: a) Rata medja tas-self ipotekarju mogħti mill-istabbilimenti ta’ kreditu fi Spanja għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni li tinbiegħ b’mod liberu.”

24.      L-IRPH Conjunto de Entidades ġie mfassal mill-awtoritajiet finanzjarji Spanjoli, jiġifieri l-Banco de España u d-Dirección General del Tesoro (id-Direttorat Ġenerali tat-Teżor) u kiseb natura uffiċjali sa mill-inklużjoni tiegħu fiċ-ċirkulari tal-Banco de España msemmija iktar ’il fuq u mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Boletín Oficial del Estado.

25.      Il-Ley 14/2013 de apoyo a los emprendedores y su internacionalización (il-Liġi 14/2013 ta’ Appoġġ għall-Imprendituri u l-Internazzjonalizzazzjoni tagħhom) (12), tas‑27 ta’ Settembru 2013 (iktar ’il quddiem il-“Liġi 14/2013”), jipprevedi fil-ħmistax‑il dispożizzjoni addizzjonali tagħha, intitolata “Sistema tranżitorja għat-tmiem tal-indiċijiet ta’ referenza jew tar-rati ta’ interess”, id-data minn meta l-IRPH Cajas u l-IRPH Bancos, kif ukoll l-indiċi CECA, ma għandhomx jibqgħu jiġu ppubblikati mill-Banco de España. Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

“1.      Mill‑1 ta’ Novembru 2013, l-indiċijiet uffiċjali li ġejjin applikabbli għas-self jew il-krediti ipotekarji, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, ma għandhomx jibqgħu jiġu ppubblikati fis-sit internet tal-Banco de España u jintemmu kompletament:

[…]

b)      ir-rata medja tas-self ipotekarju mogħti mill-banek tat-tfaddil [IRPH Cajas] għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni fis-suq ħieles;

c)      ir-rata attiva ta’ referenza tal-banek tat-tfaddil [CECA].

2.      Ir-riferimenti għar-rati msemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom jiġu ssostitwiti, minn meta ssir ir-reviżjoni li jmiss tar-rati applikabbli, bir-rata jew l-indiċi ta’ referenza ta’ sostituzzjoni previsti fil-kuntratt.

3.      Fin-nuqqas ta’ rata jew ta’ indiċi ta’ referenza previsti fil-kuntratt jew jekk dawn kienu fost l-indiċijiet jew ir-rati li jintemmu, issir is-sostituzzjoni tar-rata ta’ interess uffiċjali msejħa ‘rata medja tas-self ipotekarju mogħti mill-istabbilimenti ta’ kreditu fi Spanja għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni fis-suq ħieles’, flimkien ma’ marġni ekwivalenti għall-medja aritmetika tad-differenzi bejn ir-rata eliminata u r-rata msemmija iktar ’il fuq, ikkalkolati fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli bejn id-data tal-konklużjoni tal-kuntratt u dik li fiha tidħol fis-seħħ is-sostituzzjoni tar-rata.

Is-sostituzzjoni tar-rati konformement ma’ dan il-paragrafu tirriżulta awtomatikament fin-novazzjoni tal-kuntratt, mingħajr emenda jew telf tal-valur tal-ipoteka iskritta.

4.      L-ebda rimedju ġudizzjarju ma għandu jkun disponibbli għall-partijiet sabiex jitolbu l-emenda, l-emenda unilaterali jew it-tmiem tal-kuntratt tas-self jew tal-kreditu inkambju għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26.      Fid‑19 ta’ Lulju 2001, M. Gómez del Moral Guasch ikkonkluda maċ-Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, li saret Bankia, kuntratt ta’ self ipotekarju għall-ammont ta’ EUR 132 222.66, bil-għan li jiffinanzja l-akkwist ta’ akkomodazzjoni.

27.      L-ewwel parti tal-klawżola 3a ta’ dan il-kuntratt ta’ self, dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tar-rata ta’ interess varjabbli applikabbli għal dan is-self (IRPH Cajas) hija fformulata kif ġej:

“Klawżola 3a. Rata ta’ interess varjabbli.

L-ewwel nett. Ir-rata ta’ interess kuntrattwali hija ddeterminata għal perijodi semestrali, ikkalkolati mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt, fejn ir-rata tal-ewwel semestru hija dik imsemmija fit-tielet klawżola finanzjarja. Għas-semestri sussegwenti, ir-rata applikabbli hija r-rata medja tas-self ipotekarju mogħti mill-banek tat-tfaddil għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni li l-prezz tagħha jiġi ffissat b’mod liberu, fis-seħħ fil-mument tar-reviżjoni, li tiġi ppubblikata uffiċjalment mill-Banco de España, f’intervalli regolari, fil-Boletín Oficial del Estado għas-self ipotekarju b’rata varjabbli għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni, aġġustata għal kwart ta’ punt perċentwali iktar u miżjuda b’0.25 punt perċentwali [sic]”.

28.      Ir-rata supplimentari applikata, skont l-istess kriterju tar-rata ta’ referenza preċedenti, hija l-indiċi CECA.

29.      Fit‑18 ta’ April 2017, M. Gómez del Moral Guasch ippreżenta rikors quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n° 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona) intiż sabiex jikkonstata n-nullità tal-klawżola inkwistjoni minħabba n-natura inġusta tagħha, fuq il-bażi li l-maġġoranza tal-krediti ipotekarji normalment jiġu indiċjati fuq l-Euribor (13), li ġeneralment hija iktar vantaġġuża.

30.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-indiċjar fuq l-IRPH, użat fis-self ipotekarju b’rata ta’ interess varjabbli u li jirrappreżenta madwar 10 % tal-krediti mogħtija fi Spanja, huwa fil-fatt inqas vantaġġuż għall-konsumatur mill-indiċjar fuq l-Euribor, li jintuża f’90 % tas-self ipotekarju. Hija tindika li l-użu tal-IRPH jirriżulta fi spiża għall-konsumatur ta’ madwar EUR 18 000 sa EUR 21 000 għal kreditu ipotekarju, meta mqabbel mal-Euribor, u tqajjem dubji dwar il-livell ta’ informazzjoni li bbenefika minnu r-rikorrent fil-kawża prinċipali meta ġie konkluż il-kuntratt inkwistjoni.

31.      Il-qorti tar-rinviju tiġġustifika din it-talba għal deċiżjoni preliminari bid-dubji li hija għandha fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-klawżola kontenzjuża li tiffissa rata ta’ interess fuq il-bażi ta’ indiċi legali bħall-IRPH, hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, jew le, u jekk din id-direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-qorti nazzjonali tistħarreġ in-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

32.      L-inċertezzi tal-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, huma marbuta mal-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-IRPH huwa rregolat b’dispożizzjoni amministrattiva riprodotta fil-kuntratt ta’ self ipotekarju fil-forma ta’ klawżola kuntrattwali, b’tali mod li din id-dispożizzjoni la tkun mandatorja u lanqas supplimentari, iwassalx sabiex l-eċċezzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ma tkunx applikabbli għall-klawżola kontenzjuża. F’dan ir-rigward, din il-qorti tikkunsidra, fuq il-bażi tas-sentenzi Andriciuc et (14) u Kušionová (15), li tali dispożizzjoni ma hijiex mandatorja sa fejn din tkun dispożizzjoni amministrattiva li tirregola interess varjabbli u remuneratorju li jiġi inkluż b’mod fakultattiv fil-kuntratt mill-professjonist. Hija targumenta li peress li s-suġġettar għall-IRPH isir esklużivament minħabba l-klawżola kontenzjuża, kien possibbli li l-professjonist jirrikorri għal indiċijiet oħrajn għall-finijiet tal-indiċjar tas-self ipotekarju. Din il-qorti tippreċiża wkoll li, fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, l-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx ta’ natura supplimentari.

33.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li, madankollu, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), fis-sentenza tagħha Nru 669/2017 (16), reċentement tat deċiżjoni kuntrarja, billi qieset li l-IRPH Entidades  fih innifsu  ma jaqax taħt id-Direttiva 93/13 peress li ġie ffissat minn dispożizzjoni legali. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li din is-sentenza, mogħtija f’seduta plenarja, tikkostitwixxi ġurisprudenza vinkolanti u direttament applikabbli għall-qrati Spanjoli kollha.

34.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk ikun il-każ, dwar l-informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata mill-professjonist meta dan jikkonkludi, mal-konsumaturi, kuntratti ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli indiċjata fuq indiċi legali bħall-IRPH, li l-formola tal-kalkolu tiegħu hija kumplessa u ftit li xejn trasparenti għal konsumatur medju, kif ukoll fuq il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kontenzjuża. F’dan ir-rigward, hija tinnota li l-leġiżlatur Spanjol ma ttrasponiex l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 bil-għan li jiggarantixxi livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur ogħla minn dak previst minn din id-direttiva, u tfittex li ssir taf jekk l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

35.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de Primera Instancia n° 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona), permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2018, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-[IRPH] Cajas, għandu jkun suġġett għal protezzjoni ġudizzjarja fis-sens li jiġi eżaminat jekk dan jinftiehemx mill-konsumatur mingħajr ma jkun prekluż li jiġi rregolat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi, inkwantu dan ma huwiex previst fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ġaladarba ma jirrigwardax dispożizzjoni obbligatorja iżda interess varjabbli u remuneratorju li jiġi inkluż b’mod fakultattiv mill-professjonist inkarigat mill-kuntratt?

2)      a)      Konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, mhux trasposta fl-ordinament ġuridiku [Spanjol], il-fatt li qorti Spanjola tinvoka u tapplika l-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva meta din id-dispożizzjoni ma ġietx trasposta fl-ordinament ġuridiku [Spanjol] fuq rieda tal-leġiżlatur, li kellu l-għan li jiggarantixxi livell ta’ protezzjoni sħiħa fir-rigward tal-klawżoli kollha li l-professjonist jista’ jinkludi f’kuntratt sottoskritt minn konsumaturi, inklużi dawk li jħallu effetti fuq l-għan prinċipali tal-kuntratt – anki jekk ikunu ġew redatti b’mod ċar u li jinftiehem, imur kontra d-Direttiva 93/13/KEE u l-Artikolu 8 tagħha?

b)      Fi kwalunkwe każ, huwa neċessarju li tiġi trażmessa informazzjoni jew reklamar dwar il-fatti jew data li ġejjin, jew uħud minnhom, sabiex tinftiehem il-klawżola essenzjali, b’mod speċifiku tal-IRPH?

(i)      Spjegazzjoni ta’ kif tiġi kkonfigurata r-rata ta’ referenza, jiġifieri, informazzjoni dwar il-fatt li dan l-indiċi jinkludi l-kummissjonijiet u spejjeż oħra minbarra r-rata ta’ interess nominali, li tirrigwarda medja sempliċi mhux ipponderata li l-professjonist [għandu] jkun jaf filwaqt li [għandu] jikkomunika l-fatt li [għandu] japplika differenzjal negattiv u li d-data pprovduta ma hijiex pubblika, meta mqabbel mal-indiċi l-ieħor li jintuża abitwalment, Euribor?

(ii)      Spjegazzjoni ta’ kif dan l-indiċi evolva fil-passat u kif jista’ jevolvi fil-futur, billi tintuża l-grafika fl-informazzjoni u fir-reklamar li tkun tispjega b’mod ċar u li jinftiehem lill-konsumatur l-iżvilupp ta’ din ir-rata speċifika ta’ rata meta mqabbel ma’ Euribor, rata abitwalment użata tas-self b’garanzija ipotekarja.

c)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-qorti tar-rinviju għandha l-obbligu li teżamina n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali u li għandha tislet il-konsegwenzi kollha konformement mad-dritt nazzjonali tagħha, jeħtieġ li ssir id-domanda li ġejja: in-nuqqas ta’ informazzjoni ta’ dawn l-elementi kollha jagħti lok għal nuqqas ta’ fehim tal-klawżola inkwantu din ma tkunx ċara għall-konsumatur medju skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jew li l-ommissjoni ta’ din l-informazzjoni tkun ekwiparabbli għal trattament żleali min-naħa tal-professjonist [mal-konsumatur] u li, għaldaqstant, li kieku l-konsumatur kien informat korrettament huwa ma kienx jaċċetta r-rata ta’ referenza [ma kienx jaċċetta l-indiċjar] tal-IRPH għas-self tiegħu?

3)      Fil-każ li tiġi ddikjarata n-nullità tal-IRPH Cajas, liema miż-żewġ konsegwenzi li ġejjin tkun konformi mal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13 fin-nuqqas ta’ ftehim jew jekk ftehim kien jirriżulta li huwa iktar dannuż għall-konsumatur?

a)      Emenda fil-kuntratt billi jiġi applikat l-indiċi ta’ sostituzzjoni abitwali, l-Euribor, inkwantu dan ikun kuntratt essenzjalment ivvinkolat b’interess produttiv favur l-entità [ta’ kreditu] [li jkollha l-kwalità ta’] professjonist?

b)      It-tneħħija tal-interessi, bis-sempliċi obbligu li jitħallas il-kapital misluf fit-termini stipulati min-naħa tal-persuna li tislef [li tissellef] jew mid-debitur.”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36.      Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ April 2018, it-talba tal-Juzgado de Primera Instancia n° 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona), intiża sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet miċħuda.

37.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Spanjol u dak tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Is-sottomissjonijiet orali tal-istess partijiet instemgħu fis-seduta li saret fil‑25 ta’ Frar 2019.

V.      Analiżi

38.      Id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw tliet problemi, jiġifieri, l-ewwel nett, il-portata tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, it-tieni nett, il-portata u l-kontenut tal-istħarriġ tat-trasparenza tal-klawżola kontenzjuża, konformement mal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva u, it-tielet u l-aħħar nett, il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

39.      Qabel ma jiġu eżaminati dawn il-problemi, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju, il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol, kif ukoll il-Kummissjoni, kollha għamlu riferiment għall-ispeċifiċitajiet tal-IRPH Cajas li jinsabu fil-klawżola kontenzjuża, kif ukoll għas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal‑14 ta’ Diċembru 2017.

40.      Konsegwentement, jidhirli li huwa xieraq li jiġu fformulati xi osservazzjonijiet dwar dawn iż-żewġ punti.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

1.      L-IRPH Cajas: żvilupp u funzjonament

41.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li, fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ self ipotekarju, konkluż bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u Bankia, il-klawżola kontenzjuża kienet tipprevedi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rata ta’ interess tas-self, l-applikazzjoni tal-IRPH Cajas, hekk imsejjaħ sa fejn, għall-kalkolu tiegħu, kienu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-tranżazzjonijiet ta’ krediti ipotekarji mwettqa mill-banek tat-tfaddil (17).

42.      Mill-kuntest ġuridiku jirriżulta, kif ġie ppreżentat mill-qorti tar-rinviju, li l-IRPH Cajas kien, f’dak il-mument, wieħed mill-“indiċijiet ta’ referenza bbażati fuq is-self ipotekarju” introdott mid-dispożizzjoni 6a(3)(b) taċ-Ċirkulari 8/1990 u, konsegwentement, kellu natura uffiċjali u legali (18). Madankollu, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet 2899/2011, l-IRPH Cajas (kif ukoll l-IRPH Bancos u l-indiċi CECA) ma baqgħux indiċijiet uffiċjali ta’ referenza, u li ġiet prevista sistema tranżitorja għas-self ipotekarju li juża dawn l-indiċijiet (19).

43.      Fir-rigward ta’ din is-sistema tranżitorja, il-Gvern Spanjol sostna li fil-paragrafi 2 u 3 tal-ħmistax‑il dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 14/2013 hemm stabbilit li r-referenzi għar-rati li ntemmew huma ssostitwiti bir-“rata jew indiċi ta’ referenza ta’ sostituzzjoni previsti fil-kuntratt” u li, fin-nuqqas ta’ rata jew ta’ indiċi ta’ sostituzzjoni kuntrattwali, jew fil-każ fejn dawn ikunu wieħed mill-indiċijiet jew ir-rati li l-eliminazzjoni tagħhom hija prevista – li huwa l-każ fil-każ inkwistjoni – (20), ir-rata jew l-indiċi inkwistjoni jiġu ssostitwiti mir-“rata ta’ interess uffiċjali msejħa ‘rata medja tas-self ipotekarju mogħti mill-istabbilimenti ta’ kreditu fi Spanja għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni li l-prezz tagħha huwa ffissat b’mod liberu’ [l-IRPH Conjunto de Entidades], li għaliha jiġi applikat marġni ekwivalenti għall-medja aritmetika tad-differenzi bejn ir-rata li ntemmet u r-rata msemmija iktar ’il fuq, ikkalkolati skont l-informazzjoni disponibbli bejn id-data ta’ konklużjoni tal-kuntratt u dik li fiha r-rata tiġi ssostitwita effettivament” (21).

44.      Dan il-gvern sostna wkoll li, konformement mal-paragrafu 3 tal-ħmistax‑il dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 14/2013, din is-sostituzzjoni kienet timplika n-novazzjoni awtomatika tal-kuntratt mingħajr ma tirriżulta f’emenda jew f’telf tal-valur tal-ipoteka iskritta. Huwa żied li l-paragrafu 3 tal-ħmistax‑il dispożizzjoni addizzjonali tal-imsemmija liġi kien jipprevedi li l-partijiet ma kinux awtorizzati li jikkontestaw quddiem qorti l-emenda, il-bdil unilaterali jew it-tmiem tal-kuntratt tas-self jew tal-kreditu. Attwalment, għalhekk, l-indiċi li jinsab fil-klawżola 3a tal-kuntratt huwa l-IRPH Conjunto de Entidades.

45.      Fir-rigward tal-funzjonament tal-IRPH Cajas, il-qorti tar-rinviju tinnota, l-ewwel nett, li dan l-indiċi kien ikkalkolat fuq il-bażi ta’ informazzjoni kkomunikata kull xahar mill-banek tat-tfaddil lill-Banco de España u kien jikkorrispondi għal medja sempliċi, fejn il-banek tat-tfaddil kollha għandhom l-istess importanza, indipendentement mill-volum tas-self mogħti. Għalhekk, skont din il-ġurisdizzjoni, ir-rappreżentattività ta’ bank tat-tfaddil fi ħdan l-IRPH Cajas ma tinbidilx jekk titlef sehem mis-suq wara li tkun żiedet ir-rati ta’ interess jew il-kummissjonijiet matul xahar. Konsegwentement, iktar ma n-numru ta’ banek tat-tfaddil kien jonqos, iktar kienet tiżdied l-influwenza tal-IRPH Cajas tal-banek tat-tfaddil li jibqgħu, b’tali mod li kwalunkwe bank tat-tfaddil seta’ jeżerċita influwenza fuq ir-riżultat ta’ dan l-indiċi, billi jżid l-interessi jew il-kummissjonijiet li kien japplika fix-xahar inkwistjoni.

46.      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-informazzjoni pprovduta mill-banek tat-tfaddil sabiex tinkiseb il-medja aritmetika tal-IRPH kienet tinkludi r-RPAI, l-ispejjeż u l-kummissjonijiet, fejn dawn jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor iktar minn kwart ta’ punt perċentwali flimkien mal-interess nominali, kif ukoll klawżoli “ta’ rata minima” jew li jipprevedu l-aġġustament għall-unità ogħla kienu inklużi.

47.      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju ssostni li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rati li kienu tnaqqsu minħabba sussidji jew ftehimiet favur l-impjegati – u li wasslu għat-tnaqqis tar-riżultat – ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-IRPH.

48.      Ir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, ladarba r-rati medji pponderati kienu RPAI, sabiex l-IRPH jirrifletti l-interessi medji tas-suq, kien meħtieġ li, kif indika l-Banco de España (22), sabiex jiġi kkumpensat l-effett inflazzjonarju tal-kummissjonijiet, jiġi applikat marġni negattiv li l-valur tiegħu jiddependi mill-kummissjonijiet applikati. Madankollu, f’dan il-każ, u b’mod ġenerali, marġni pożittiv kien applikat, jiġifieri l-IRPH Cajas + 0.25 punt perċentwali.

49.      Il-ħames nett, il-qorti tar-rinviju żżid li, fl-aġenziji ta’ Bankia, l-IRPH kien jiġi indikat lill-klijenti bħala indiċi inqas varjabbli, iktar sigur u iktar stabbli mill-Euribor (23), b’tali mod li għandu jiġi mistoqsi jekk il-grafika differenti, meħuda mill-informazzjoni tal-Banco de España, u għalhekk magħrufa minn Bankia, kellhiex tiġi prodotta, sabiex il-konsumatur ikun konxju mill-iżvilupp ta’ kwalunkwe waħda mir-rati (l-IRPH u l-Euribor).

50.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tinnota li din l-informazzjoni kollha, flimkien mal-formola matematika tagħha, li wkoll tagħmel parti mill-fehim tagħha u li tinsab fil-paragrafu 1 tal-Anness VIII taċ-Ċirkulari 8/1990, hija intiża li tindika li l-IRPH huwa indiċi kumpless fit-totalità tiegħu, li jista’ jirrikjedi iktar informazzjoni u reklamar minħabba li dan l-indiċi huwa element essenzjali tal-kuntratt.

2.      Is-sentenza tal14 ta’ Diċembru 2017

51.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol u tal-Kummissjoni, jirriżulta li, fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Diċembru 2017, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet dwar klawżola kuntrattwali, simili għal dik fil-kawża prinċipali u li kienet tipprevedi l-applikazzjoni tal-IRPH Entidades (24).

52.      Bla ħsara għall-verifiki eventwali sussegwenti mill-qorti tar-rinviju, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol jirriżulta li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ikkunsidrat l-elementi esposti li ġejjin.

53.      Qabel kollox, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ikkonstatat li l-IRPH Entidades huwa indiċi ddefinit u rregolat legalment, introdott fil-kuntratt ta’ self ipotekarju b’rata ta’ interess varjabbli mill-istabbiliment bankarju li jsellef, permezz ta’ kundizzjoni kuntrattwali ġenerali. Madankollu, “il-parti li tinkludi l-kawżola ifformulata minn qabel ma tiddefinixxix l-indiċi ta’ referenza kuntrattwalment, iżda tagħmel riferiment għal wieħed mill-indiċijiet uffiċjali rregolati mid-dispożizzjonijiet legali għal dan it-tip ta’ kuntratti. Konsegwentement, hija l-amministrazzjoni pubblika li għandha tiżgura li dawn l-indiċijiet ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni dwar it-trasparenza bankarja, b’dan il-kontroll għalhekk jevita l-ġurisdizzjoni tal-qrati ċivili. […] Għaldaqstant, dan l-indiċi bħala tali ma jistax ikun is-suġġett ta’ stħarriġ ta’ trasparenza fir-rigward tad-Direttiva 93/13” (25).

54.      Sussegwentement, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), wara li analizzat il-klawżola, ikkonkludiet li din kienet tissodisfa l-istħarriġ ta’ trasparenza, kemm mill-perspettiva formali, kif ukoll mill-perspettiva materjali. Hija argumentat, minn naħa, li minn perspettiva formali, il-klawżola kienet tissodisfa, skontha, dak li hija ssejjaħ il-“kriterju ta’ dħul”, minħabba li kienet grammatikalment ċara, komprensibbli u kienet tippermetti lill-persuna li tissellef sabiex tifhem u taċċetta li l-interess varjabbli tal-kuntratt ta’ self ipotekarju tagħha jiġi kkalkolat b’riferiment għal rata ffissata u kkontrollata mill-Banco de España. Min-naħa l-oħra, minn perspettiva materjali, il-klawżola kienet, skontha, trasparenti u kienet tippermetti li wieħed ikun jaf il-piż ekonomiku tas-self tiegħu. Hija qieset li l-konsumatur seta’ jifhem li għandu jħallas ir-riżultat tal-addizzjoni tal-indiċi u tal-marġni. Għal dan il-għan, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) qieset li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, fir-rigward ta’ indiċi uffiċjali, kien faċli għal konsumatur medju, normalment informat, li jkun jaf is-sistemi differenti ta’ kalkolu u li jqabbel l-għażliet użati, u li l-istabbiliment la seta’ jiġi mitlub sabiex jipproponi indiċijiet differenti u lanqas sabiex jispjega kif l-indiċi kien stabbilit.

55.      F’dan ir-rigward, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma kkunsidratx bħala rilevanti l-fatt li l-Euribor kienet iktar favorevoli għall-konsumatur kien jikkostitwixxi element rilevanti, sa fejn “inklinazzjoni retrospettiva” ma tistax isservi bħala gwida għall-finijiet tal-istħarriġ ta’ trasparenza (26). Barra minn hekk, hija qieset li dan ir-raġunament ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rata ta’ interess ma tikkorrispondix għall-indiċi, iżda għall-indiċi biż-żieda tal-marġni, u li ma kienx ġie pprovat li l-marġnijiet applikati għal self indiċjat fuq l-Euribor kienu iktar vantaġġużi minn dawk applikati għal dawk indiċjati permezz tal-IRPH. Hija affermat ukoll li, statistikament, il-marġnijiet tal-IRPH kienu saħansitra iktar baxxi u li dan ir-raġunament lanqas ma kien jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-marġnijiet ikunu ogħla jew iktar baxxi skont informazzjoni kuntrattwali oħra (id-domiċilju tal-paga, il-post ta’ tassazzjoni, eċċ.). It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ippreċiżat li l-fattur importanti ma kienx id-differenza bejn l-IRPH u l-Euribor, iżda l-iżvilupp futur tal-IRPH, u li l-bank la seta’ jiġi mitlub ikun jaf dwar dan l-iżvilupp, u lanqas li jinforma lill-persuna li tissellef dwar dan. Barra minn hekk, il-funzjonament preċedenti tal-valur tal-Euribor u ta’ dak tal-IRPH kien relattivament simili.

56.      Fl-aħħar nett, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ikkonkludiet li kien kontradittorju li jiġi affermat li l-bank kien jaf li l-IRPH ikun iktar vantaġġuż mill-Euribor, meta l-IRPH kien intuża biss f’inqas minn 15 % tas-self. Għall-istess raġunijiet, ir-riferiment għall-Euribor seta’ jiġi annullat jekk l-iżvilupp tiegħu kien inqas favorevoli.

57.      Wara li ppreżentajt l-elementi esposti mill-qorti tar-rinviju u mill-partijiet, issa ser nittratta l-analiżi tal-problemi ġuridiċi mqajma mid-domandi preliminari.

B.      Fuq id-domandi preliminari

1.      Fuq l-ewwel domanda preliminari: il-portata tal-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13

58.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-IRPH Cajas jistax ikun is-suġġett ta’ stħarriġ ta’ trasparenza skont id-Direttiva 93/13. Madankollu, kif argumentaw Bankia, il-Gvern Spanjol, kif ukoll il-Kummissjoni, ladarba l-IRPH Cajas huwa rregolat minn regolament, ma jistax huwa stess ikun is-suġġett ta’ stħarriġ bħal dan.

59.      Fil-fehma tiegħi, din il-kwistjoni hija differenti minn jekk klawżola kuntrattwali li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju, konkluż bejn konsumatur u professjonist, li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ dan l-indiċi, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ rata ta’ interess varjabbli ta’ dan is-self, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 jew le.

60.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lil qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha, kif ukoll li minn din il-perspettiva, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domanda li ġiet magħmula lilha (27).

61.      F’dan il-każ, fil-fehma tiegħi hemm lok li l-ewwel domanda preliminari tinftiehem bħala li hija intiża sabiex jiġi stabbilit, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u professjonist, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa rata ta’ interess fuq il-bażi ta’ wieħed mis-sitt indiċijiet ta’ referenza uffiċjali legali li jistgħu jiġu applikati mill-istabbilimenti ta’ kreditu għas-self ipotekarju b’rata ta’ interess varjabbli.

62.      B’mod preliminari, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Gvern Spanjol li skontu, sa fejn l-IRPH Cajas huwa indiċi uffiċjali legali, irregolat b’regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ppubblikati kull xahar fil-Boletín Oficial del Estado, il-kwistjoni tal-istħarriġ tat-trasparenza ta’ dan l-indiċi ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, konformement mal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, l-imsemmi indiċi ma jistax jiġi ddikjarat inġust, ladarba l-inklużjoni tiegħu fil-klawżola kontenzjuża ma jkollhiex effett fuq din l-interpretazzjoni.

63.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol u Bankia argumentaw li, wara l-eliminazzjoni tal-IRPH Cajas, l-indiċi attwalment applikat fil-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-IRPH Conjunto de Entidades, ġie impost skont dispożizzjoni legali u mandatorja, jiġifieri l-paragrafu 2 tal-ħmistax‑il dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 14/2013. Konsegwentement, l-IRPH Conjunto de Entidades kien japplika mid-dħul fis-seħħ tiegħu b’mod obbligatorju, b’tali mod li l-bilanċ stabbilit mil-leġiżlatur jiġi osservat. Barra minn hekk, Bankia ppreċiżat li l-Liġi 14/2013 tipprovdi li l-ebda rimedju ġudizzjarju ma huwa miftuħ għall-partijiet sabiex jitolbu l-emenda, il-bdil unilaterali jew it-tmiem tal-kuntratt tas-self jew tal-kreditu inkambju għall-applikazzjoni tal-paragrafu 4 tal-ħmistax‑il dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 14/2013. Għaldaqstant, dawn isostnu li l-IRPH Cajas ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 skont l-Artikolu 1(2) tagħha.

64.      Madankollu, nifhem, mill-qari tal-kuntest ġuridiku u fattwali ppreżentat mill-qorti tar-rinviju, li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tas-self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-mument li fih il-qorti nazzjonali għandha tkun f’pożizzjoni sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (28), l-IRPH li kien jinsab fil-klawżola kontenzjuża għall-finijiet tal-kalkolu tar-rata ta’ interess varjabbli ma kienx l-IRPH Conjunto de Entidades – li ssostitwixxa l-IRPH Cajas skont il-paragrafu 2 tal-ħmistax‑il dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 14/2013, fatt li rriżulta fin-novazzjoni awtomatika tal-kuntratt – iżda l-IRPH Cajas, introdott miċ-Ċirkulari 8/1990. Il-fatt li l-IRPH Conjunto de Entidades huwa, attwalment, l-indiċi ta’ referenza uffiċjali li jinsab fil-klawżola 3a tal-kuntratt ta’ self ipotekarju u li ġie impost legalment skont dispożizzjoni mandatorja, jiġifieri l-paragrafu 2 tal-ħmistax‑il dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 14/2013, ma għandux effett fuq l-analiżi tal-klawżola kontenzjuża li tipprevedi l-applikazzjoni tal-IRPH Cajas, kif ifformulata fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

65.      Għaldaqstant, huwa evidenti li d-domanda ssir dwar il-klawżola kontenzjuża li tipprevedi l-applikazzjoni tal-IRPH Cajas (29). L-ewwel nett, sabiex din tingħata risposta, ser nippreżenta fil-qosor il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 u, it-tieni nett, ser neżamina, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jekk il-klawżola kontenzjuża taqax taħt id-Direttiva 93/13 jew le.

a)      Deskrizzjoni qasira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

66.      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li stħarriġ ex officio mill-qorti nazzjonali jista’ jintalab biss jekk din tkun klawżola kuntrattwali li tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tagħha (30). Konformement mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet mandatorji leġiżlattivi jew regolatorji huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

67.      Fis-sentenza RWE Vertrieb (31), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, għall-ewwel darba, il-kunċett ta’ “disposizzjonijiet mandatarji [mandatorji] statutorji jew regolatorji” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li tirrigwarda l-klawżoli li jirriflettu d-dispożizzjonijiet mandatorji leġiżlattivi jew regolatorji (32). Din l-esklużjoni tippreżupponi li għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, il-klawżola kuntrattwali għandha tirrifletti liġi jew regolament u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni għandha tkun mandatorja (33).

68.      Sabiex jiġi stabbilit jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk din il-klawżola tirriflettix id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li japplikaw bejn il-partijiet kontraenti indipendentement mill-għażla tagħhom (b’mod mandatorju) jew li huma ta’ natura supplimentari u, għalhekk, japplikaw b’mod awtomatiku, jiġifieri fl-assenza ta’ arranġament differenti bejn il-partijiet f’dan ir-rigward (34).

69.      Għalhekk, il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriflettix dispożizzjonijiet mandatorji tad-dritt nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 (35), b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi, l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (36).

70.      Wara li ppreżentajt fil-qosor il-kuntest ġurisprudenzjali ġenerali li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, issa ser ngħaddi għall-applikazzjoni ta’ dan għall-kawża quddiemna.

b)      Il-klawżola kontenzjuża taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13?

71.      Qabel kollox, hemm lok li jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk klawżola kuntrattwali hija r-rifless ta’ liġi jew regolament mandatorju jew supplimentari, ma titqajjimx il-kwistjoni dwar jekk din il-klawżola taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, klawżola bħal din ma tiġix sempliċement suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

72.      Għall-kuntrarju, jekk il-qorti nazzjonali tqis li d-dispożizzjoni kkonċernata ma tobbligax lill-istabbiliment bankarju jagħżel indiċi ta’ referenza uffiċjali minn fost dawk previsti minn din id-dispożizzjoni iżda tippermetti l-użu ta’ indiċijiet ta’ referenza oħrajn, il-kwistjoni dwar jekk din il-klawżola kuntrattwali li tirriproduċiha taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 tkun għalhekk mingħajr dubju rilevanti. Fil-fatt, huwa ċar li klawżola bħal din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fehma tiegħi, l-istess kien jgħodd kieku din il-leġiżlazzjoni kienet timponi lill-istabbiliment bankarju jagħżel indiċi ta’ referenza uffiċjali minn fost dawk li hija tipprevedi (37).

73.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tqis li l-klawżola kontenzjuża, ifformulata minn qabel mill-istabbiliment bankarju, tirrifletti xi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali. Madankollu, hija tafferma li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex issodisfatti sabiex tiġi applikata l-esklużjoni stabbilita mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, minn naħa, id-dispożizzjoni nazzjonali li tinsab fil-klawżola kontenzjuża ma tkunx mandatorja sa fejn din tirrigwarda regolament jew dispożizzjoni amministrattiva li tirregola interess varjabbli u remuneratorju li jiġi inkluż b’mod fakultattiv fil-kuntratt mill-professjonist, f’dan is-sens li l-IRPH Cajas ma japplikax b’mod obbligatorju indipendentement mill-għażla tal-partijiet. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tkunx supplimentari fl-assenza ta’ arranġament miftiehem (38).

74.      F’dan il-każ, fir-rigward tal-IRPH Cajas li tinsab fil-klawżola kontenzjuża, mill-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża jirriżulta li t-tieni dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994, iċċitata mill-qorti tar-rinviju, kienet tippermetti lill-Banco de España jiddefinixxi, permezz ta’ ċirkulari (iċ-ċirkulari 8/1990, kif emendata miċ-Ċirkulari 5/1994, attwalment imħassra iżda fis-seħħ fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt), “ġabra ta’ indiċijiet jew ta’ rati ta’ referenza uffiċjali li jistgħu jiġu applikati mill-istabbilimenti ta’ kreditu għas-self ipotekarju b’rata ta’ interess varjabbli” (39).

75.      Mill-osservazzjonijiet ta’ Bankia jirriżulta li d-Digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994 kien jipprevedi, fl-Artikolu 6(2) tiegħu, li, għas-self b’rata ta’ interess varjabbli suġġett għal dan id-digriet, l-istabbilimenti ta’ kreditu kienu jistgħu jużaw esklużivament bħala indiċijiet jew rati ta’ referenza “dawk li jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin: a) li ma jkunux esklużivament dipendenti fuq l-istabbiliment ta’ kreditu nnifsu u ma jkunux jistgħu jiġu influwenzati minnu skont ftehimiet jew prattiki konxjament paralleli għal dawk ta’ stabbilimenti oħrajn; b) li l-informazzjoni li l-indiċi huwa bbażat fuqha tinġabar skont metodu matematiku oġġettiv”.

76.      Mill-osservazzjonijiet ta’ Bankia jirriżulta wkoll li l-punti (1) u (2) tal-Artikolu 6(3) tad-Digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994 kien jipprevedi li “għas-self b’rata ta’ interess varjabbli suġġett [għal dan id-digriet], ma huwiex obbligatorju li jiġu kkomunikati individwalment lill-persuna li tissellef il-varjazzjonijiet tar-rata ta’ interess applikabbli meta ż-żewġ ċirkustanzi li ġejjin jiġu ssodisfatti: 1. ikun ġie miftiehem li jintużaw indiċi jew rata ta’ referenza uffiċjali minn fost dawk imsemmija fit-tieni dispożizzjoni addizzjonali [ta’ dan id-digriet]; 2. ir-rata ta’ interess applikabbli għas-self hija ddefinita bil-mod previst fil-klawżola 3a(1)(a) jew (b) tal-Anness II [tagħha]” (40).

77.      F’dan ir-rigward, kif sostna l-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-Digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994, fl-Anness II tiegħu, intitolat “Klawżoli finanzjarji tal-kuntratti ta’ self ipotekarju li jaqgħu taħt dan id-digriet”, kien jindika l-informazzjoni li kellha tiġi inkluża f’dawn il-klawżoli. Minn dawn l-osservazzjonijiet jirriżulta li l-punt 3a ta’ dan l-Anness II, intitolat “Rata ta’ interess varjabbli”, kien jipprevedi, b’mod partikolari, li skont id-definizzjoni tar-rata ta’ interess varjabbli, din kellha tiġi espressa f’waħda mill-forom previsti f’din id-dispożizzjoni. Il-punt 3a(a)(b)(c) tal-imsemmi Anness II kien jagħmel riferiment għal xi definizzjonijiet tar-rata ta’ interess varjabbli li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ indiċi ta’ referenza, jew, skont il-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni, “[b]i kwalunkwe mod ieħor, dment li jkun ċar, konkret u komprensibbli mill-persuna li tissellef u jkun konformi mad-dritt” (41).

78.      Għalhekk jidher li, bla ħsara għall-verifiki ulterjuri eventwali tal-qorti tar-rinviju, id-Digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994 ma kienx jimponi, għas-self b’rata ta’ interess varjabbli, l-użu ta’ wieħed mis-sitt indiċijiet ta’ referenza uffiċjali, inkluż l-IRPH Cajas, iżda kien jistabbilixxi, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet nazzjonali ċċitati minn Bankia fl-osservazzjonijiet tagħha, imsemmija fil-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mill-“indiċijiet jew ir-rati ta’ referenza” sabiex ikunu jistgħu jintużaw mill-istabbilimenti bankarji. Għaldaqstant, l-għażla tal-partijiet kontraenti ma kellhiex issir b’mod mandatorju minn fost is-sitt indiċijiet ta’ referenza uffiċjali previsti miċ-Ċirkulari 8/1990 (42). F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li s-sitt indiċijiet ta’ referenza uffiċjali ddefiniti fiċ-Ċirkulari 8/1990 kienu jissodisfaw, bħala prinċipju, iż-żewġ kundizzjonijiet iċċitati, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, bla ħsara għal verifiki eventwali sussegwenti mill-qorti tar-rinviju, Bankia kellha, kif jirriżulta mill-punt 3a(d) tal-Anness II tad-Digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994 (43), is-setgħa li tiddefinixxi r-rata ta’ interess varjabbli “[b]i kwalunkwe mod ieħor, dment li jkun ċar, konkret u komprensibbli mill-persuna li tissellef u jkun konformi mad-dritt”. Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għall-possibbiltà li tuża, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jiġifieri fid‑19 ta’ Lulju 2001, l-Euribor, stabbilita fi Spanja fl‑1999 (44). Għandu jitfakkar li mill-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża jirriżulta li fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, l-Euribor ma kinitx parti mis-sitt indiċijiet uffiċjali previsti miċ-Ċirkulari 8/1990. Madankollu, kif sostniet il-qorti tar-rinviju, l-Euribor setgħet tiġi magħżula mill-bank bħala indiċi ta’ referenza fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

79.      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Bankia, fejn din tafferma b’mod ċar li “l-IRPH ma [kienx jiġi impost] b’mod obbligatorju fuq il-partijiet kontraenti” (45).

80.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), sa fejn din teżamina t-trasparenza tal-klawżola inkwistjoni mingħajr ma tqajjem dubji dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 93/13, irrikonoxxiet hija stess b’mod impliċitu fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Diċembru 2017 li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 ma kinitx tapplika għall-klawżola kuntrattwali li tipprevedi l-applikazzjoni tal-IRPH Cajas.

81.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni wkoll li s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017 tinkludi opinjoni kuntrarja fformulata minn żewġ imħallfin ta’ din il-qorti għolja, Francisco Javier Orduña Moreno u Francisco Javier Arroyo Fiestas, li skontha “s-suġġett ta’ dan l-istħarriġ [ġudizzjarju] ma huwiex l-indiċi fih innifsu, jiġifieri bħala rifless ta’ dispożizzjoni legali jew amministrattiva li tagħmlu uffiċjali, iżda t-tħaddim jew l-użu tiegħu f’kundizzjonijiet ġenerali […] (46). F’din l-opinjoni jiġi ppreċiżat ukoll li, fir-rigward tal-kriterju tan-natura mandatorja tad-dispożizzjoni nazzjonali, “ma huwiex il-każ inkwistjoni, ladarba l-professjonist juża wieħed mis-seba’ indiċijiet ta’ referenza li sussegwentement ġew awtorizzati (inkluż l-indiċi MIBOR, l-indiċi CECA u l-Euribor); konsegwentement, l-IRPH Entidades ma kienx l-uniku indiċi li seta’ jservi bħala valur ta’ referenza u l-applikazzjoni tiegħu ma kinitx mandatorja għall-professjonist” (47).

82.      Fid-dawl tal-fatt li l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 hija ta’ interpretazzjoni stretta u bla ħsara għall-verifiki ulterjuri eventwali li jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-klawżola kontenzjuża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u li n-natura potenzjalment inġusta ta’ din il-klawżola kuntrattwali tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

83.      Fi kwalunkwe każ, kif diġà sostnejt fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, anki jekk il-qorti tar-rinviju kienet tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet applikabbli fil-kawża prinċipali kienu obbligatorji għall-istabbilimenti bankarji, inqis li l-klawżola kontenzjuża taqa’ taħt id-Direttiva 93/13. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li dispożizzjoni nazzjonali tippermetti lil stabbiliment bankarju jinkludi, b’mod fakultattiv, fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, indiċi wara li jkun għażlu minn fost diversi indiċijiet ta’ referenza uffiċjali stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, fil-fehma tiegħi, huwa biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li dispożizzjoni bħal din ma hijiex mandatorja fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 u, għaldaqstant, li din id-direttiva hija maħsuba sabiex tiġi applikata. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma tistax tapplika għal klawżola kuntrattwali li tirrifletti liġi jew regolament li jirrestrinġi jew jillimita l-awtonomija tar-rieda tal-partijiet mingħajr, madankollu, ma teliminaha.

84.      Barra minn hekk, ma narax kif Stat Membru jista’ jafferma li klawżola kuntrattwali ma tkunx inġusta sa fejn din il-klawżola tirrifletti dispożizzjoni mandatorja li l-kontenut tagħha jmur kontra l-effett utli tad-Direttiva 93/13.

85.      Konsegwentement, fid-dawl tal-elementi preċedenti, jiena tal-fehma li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li klawżola kuntrattwali konkluża bejn konsumatur u professjonist, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa rata ta’ interess fuq il-bażi ta’ wieħed mis-sitt indiċijiet ta’ referenza uffiċjali legali, li jistgħu jiġu applikati mill-istabbilimenti ta’ kreditu għas-self ipotekarju b’rata ta’ interess varjabbli, ma tiġix eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

2.      Fuq it-tieni domanda preliminari: il-portata u l-kontenut tal-istħarriġ tat-trasparenza tal-klawżola kontenzjuża, konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13

86.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 8 tagħha, tipprekludix li qorti nazzjonali tkun tista’ tapplika l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva sabiex ma tevalwax in-natura inġusta eventwali ta’ klawżola kuntrattwali, ifformulata b’mod ċar u komprensibbli, li tirrigwarda l-għan prinċipali tal-kuntratt meta din l-aħħar dispożizzjoni ma tkunx ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku tagħha mil-leġiżlatur nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, jekk ikun il-każ, liema hija l-informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata, konformement mal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, mill-professjonist sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ trasparenza ta’ klawżola kuntrattwali li tiffissa rata ta’ interess fuq il-bażi ta’ indiċi ta’ referenza legali bħall-IRPH Cajas, li l-formola matematika ta’ kalkolu tiegħu hija kumplessa u ftit li xejn trasparenti għal konsumatur medju. Fl-aħħar nett, hija tistaqsi jekk in-nuqqas ta’ informazzjoni għandux jiġi kkunsidrat bħala żleali.

a)      Fuq il-punt (a) tat-tieni domanda

87.      Qabel ma tittieħed pożizzjoni dwar l-ewwel parti tat-tieni domanda, li tirrigwarda l-interpretazzjoni mhux biss tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, iżda anki tal-Artikoli 5 u 8 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi ppreċiżat il-kuntest li fih issir din id-domanda. Għalhekk, ser nibda billi nfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

1)      Is-sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid

88.      Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprekludix li qorti nazzjonali tkun tista’ tapplika l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva sabiex tevalwa n-natura inġusta eventwali ta’ klawżola kuntrattwali, ifformulata b’mod ċar u komprensibbli, li tirrigwarda l-għan prinċipali tal-kuntratt, meta din l-aħħar dispożizzjoni ma tkunx ġiet transposta fl-ordinament ġuridiku tagħha mil-leġiżlatur nazzjonali, irrid qabel kollox nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet din id-domanda fis-sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (48).

89.      F’din is-sentenza, qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni, kif jiġi indikat mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, li “jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja [li] l-liġi 7/1998 (49) ma ttrasponietx fid-dritt intern l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [93/13]” (50). Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li minn dan kien isegwi li, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, qorti nazzjonali tista’ f’kull ċirkustanza tevalwa, fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda kuntratt konkluż bejn professjonist u konsumatur, in-natura inġusta ta’ klawżola li ma ġietx innegozjata individwalment, li hija b’mod partikolari dwar is-suġġett prinċipali ta’ dan il-kuntratt, anki fl-ipoteżi fejn din il-klawżola ġiet ifformulata minn qabel mill-professjonist b’mod ċar u komprensibbli (51). Fl-aħħar nett, f’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi tawtorizza l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet tan-natura inġusta tal-klawżoli, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, previsti minn kuntratt konkluż bejn professjonist u konsumatur, “il-leġiżlazzjoni Spanjola […] tippermetti li jiġi żgurat lill-konsumatur, skont l-Artikolu 8 [ta’ din id-direttiva], livell ta’ protezzjoni effettiva iktar għoli minn dak stabbilit minnha” (52).

2)      Il-pożizzjoni tal-Gvern Spanjol

90.      F’din il-kawża, għall-kuntrarju tal-qorti tar-rinviju, il-Gvern Spanjol iqis (53) li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ċertament ma ġiex traspost formalment fid-dritt Spanjol u li din l-assenza ta’ traspożizzjoni formali ma tistax tiġi interpretata, hekk tif tagħmel il-qorti tar-rinviju, bħala rieda espressa tal-leġiżlatur Spanjol sabiex jippermetti l-istħarriġ tan-natura inġusta tal-elementi li jirrigwardaw l-għan prinċipali tal-kuntratt meta jkunu fformulati b’mod ċar u komprensibbli (54). F’dan ir-rigward, dan il-gvern jargumenta li wara s-sentenza Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (55), it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), fis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Ġunju 2012 (56), qieset li r-rieda tal-leġiżlatur kienet li jittrasponi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dritt Spanjol u li r-riforma mwettqa mil-Liġi 7/1998 kienet tirrifletti t-traspożizzjoni espressa ta’ dan l-artikolu (57).

91.      Jiena ma naqbilx mal-opinjoni tal-Gvern Spanjol f’dan ir-rigward. Fil-fatt, ir-raġunament tiegħu, fil-fehma tiegħi, jikkontradixxi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-traspożizzjoni tad-direttivi u, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ trasparenza u ta’ kooperazzjoni leali.

3)      Konsegwenza tal-assenza ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13

92.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi magħżula għall-ksib ta’ dan ir-riżultat f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Minn dan jirriżulta li r-Renju ta’ Spanja, bħal kwalunkwe Stat Membru ieħor, jista’ jagħżel il-forma u l-metodu ta’ implimentazzjoni tad-direttivi.

93.      Huwa magħruf ukoll li t-traspożizzjoni tad-direttivi tfisser il-proċess ta’ trasformazzjoni tad-direttivi f’dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali mill-korp jew mill-korpi leġiżlattivi nazzjonali kompetenti (58). F’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jitlob li Stat Membru jadotta liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni kompleta fid-dritt nazzjonali tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva (59). Għalkemm ma huwiex meħtieġ li d-dispożizzjonijiet kollha ta’ direttiva jiġu trasposti b’mod dirett jew espliċitu, l-obbligu ta’ trasparenza jista’ jitlob, fil-fatti, ċertu aġir, b’mod partikolari l-komunikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni (60). Fil-fatt, “fuq il-bażi tal-obbligu bbażat fuq id-direttiva nnifisha u fuq l-effett obbligatorju tagħha”, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, jiżdied ukoll l-“obbligu sussidjarju” bbażat fuq l-Artikolu 4(3) TUE “li jimplika kooperazzjoni leali bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Unjoni fl-implimentazzjoni tar-regoli tat-trattati” (61).

94.      B’mod iktar preċiż, wieħed ma għandux jinsa li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, li kien is-suġġett ta’ ġurisprudenza abbondanti, għalkemm huwa veru li t-traspożizzjoni ta’ direttiva ma teħtieġx neċessarjament azzjoni leġiżlattiva minn kull Stat Membru, xorta waħda huwa indispensabbli li d-dritt nazzjonali inkwistjoni effettivament jiggarantixxi l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva, li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta minn dan id-dritt tkun preċiża u ċara biżżejjed u li d-destinatarji jkunu jistgħu jagħrfu l-portata sħiħa tad-drittijiet tagħhom u, jekk ikun il-każ, jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali (62).

95.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ġurisprudenza nazzjonali, anki jekk jitqies li tkun stabbilita, li tinterpreta dispożizzjonijiet ta’ dritt intern f’sens meqjus konformi mar-rekwiżiti ta’ direttiva, ma jistax ikollha ċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali, u dan huwa partikolarment il-każ fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi (63). Dan huwa rilevanti b’mod partikolari meta ġurisprudenza nazzjonali, stabbilita sew, tinterpreta u tapplika dispożizzjoni ta’ direttiva li l-leġiżlatur nazzjonali ma ttrasponiex. Għaldaqstant, tali ġurisprudenza nazzjonali ma tistax tippreżenta ċ-ċarezza u l-preċiżjoni neċessarja sabiex tikkostitwixxi bażi ġuridika xierqa sabiex tirregola l-protezzjoni tal-konsumaturi jew bħalma huwa l-każ fil-każ inkwistjoni, sabiex tittrasponi l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13.

96.      Għaldaqstant, anki jekk, bil-qari tal-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, nifhem li, permezz tas-sentenzi tagħha tat‑18 ta’ Ġunju 2012 (64) u tad‑9 ta’ Mejju 2013 (65), it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ipprovat tirrimedja għal ġurisprudenza preċedenti kontradittorja u tiżgura, b’mod partikolari, il-koerenza fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, huwa l-leġiżlatur Spanjol li għandu, jekk ikun il-każ, jintervjeni u jieħu l-miżuri xierqa jekk irid jittrasponi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, fatt li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 94 u 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet, la jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-qari tal-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja.

97.      Barra minn hekk, l-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 ma huwiex dispożizzjoni mandatorja u vinkolanti, li trid obbligatorjament tiġi trasposta bħala tali mill-Istati Membri. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi limitu għad-drittijiet li l-parti f’kawża tislet mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sabiex tiggarantixxi konkretament l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittxa minn din id-direttiva, it-traspożizzjoni kollha ta’ din id-dispożizzjoni għandha tkun kompleta, b’tali mod li l-projbizzjoni li ssir evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli tkun tirrigwarda biss dawk li huma fformulati b’mod ċar u komprensibbli (66).

98.      It-tieni nett, kif ġie mfakkar fil-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-assenza ta’ traspożizzjoni fid-dritt intern timplika li, billi tawtorizza l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet tan-natura inġusta tal-klawżoli f’kuntratt konkluż bejn professjonist u konsumatur, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-leġiżlazzjoni Spanjola tippermetti li jiġi ggarantit lill-konsumatur, konformement mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak stabbilit mill-imsemmija direttiva, u dan anki jekk din il-klawżola tirrigwarda l-għan prinċipali tal-kuntratt jew ir-rabta bejn il-kwalità u l-prezz tas-servizz.

99.      It-tielet u l-aħħar nett, fir-rigward tar-rekwiżit li skontu klawżola kuntrattwali għandha tkun ifformulata b’mod ċar u komprensibbli, konformement mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, hija ġurisprudenza stabbilita li dan ir-rekwiżit jiġi mfakkar ukoll fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva (67) u, konsegwentement, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-istħarriġ tat-trasparenza tal-klawżola huwa parti mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, il-qrati Spanjoli huma meħtieġa, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, konformement mal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, jeżaminaw it-trasparenza ta’ dawn il-klawżoli, bis-saħħa tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva.

100. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprekludi li qorti nazzjonali tkun tista’ tapplika l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva sabiex ma tevalwax in-natura inġusta eventwali ta’ klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ifformulata b’mod ċar u komprensibbli, li tirrigwarda l-għan prinċipali tal-kuntratt meta din id-dispożizzjoni ma tkunx ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku tagħha mil-leġiżlatur nazzjonali.

b)      Fuq il-punti (b) u (c) tat-tieni domanda

101. It-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni domanda jirrigwardaw il-punt dwar liema hija l-informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata mill-professjonist sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ trasparenza, konformement mal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ta’ klawżola kuntrattwali li tiffissa r-rata ta’ interess fuq il-bażi ta’ indiċi legali bħall-IRPH Cajas, li l-formola matematika ta’ kalkolu tiegħu hija kumplessa u ftit li xejn trasparenti għal konsumatur medju. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk in-nuqqas ta’ informazzjoni għandux jitqies bħala żleali.

102. F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol u Bankia jargumentaw li, sa fejn l-IRPH Cajas kien indiċi uffiċjali ppubblikat kull xahar fil-Boletín Oficial del Estado u suġġett għaċ-Ċirkulari 8/1990, il-klawżola kontenzjuża tinkludi d-definizzjoni tal-IRPH Cajas li ġiet stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (68). Il-Gvern Spanjol jenfasizza wkoll  li din iċ-ċirkulari kienet tistabbilixxi l-formola ta’ kalkolu tal-IRPH Cajas, kif ukoll l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-istabbiliment bankarju lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self ipotekarju (69).

103. Għalkemm il-Gvern Spanjol jaqbel mal-fatt li l-informazzjoni pprovduta lill-konsumatur mill-istabbiliment bankarju għandha effettivament tinkludi spjegazzjoni suffiċjenti mhux biss fir-rigward tal-elementi li jikkostitwixxu l-indiċi ta’ referenza magħżul, iżda anki tal-iżvilupp storiku ta’ dan l-indiċi, huwa jqis li r-rekwiżit li l-konsumatur jiġi informat dwar il-funzjonament konkret tal-indiċi ta’ referenza, jiġifieri l-metodu preċiż ta’ kalkolu tiegħu, ma jkunx utli minħabba li l-formola matematika applikabbli tagħmel l-informazzjoni inqas komprensibbli u għalhekk inqas trasparenti għall-konsumatur. Dan il-gvern isostni wkoll li avviż dwar l-iżvilupp futur possibbli ma jistax jiġi mitlub minħabba li, minn naħa, l-istabbiliment bankarju ma għandux din l-informazzjoni u li, min-naħa l-oħra, huwa fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt li n-natura inġusta ta’ klawżola għandha tiġi evalwata. Madankollu, f’dak il-mument, l-iżvilupp futur ma jkunx rilevanti. Fl-aħħar nett, dan il-gvern jenfasizza li ma jistax jiġi impost li fir-reklamar immirat lejn il-konsumaturi jiġu inklużi l-grafiki li jispjegaw l-iżvilupp storiku tal-IRPH Cajas meta mqabbel mal-Euribor.

104. Kif sostnejt fil-punti 95 sa 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess tal-kawża ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlatur Spanjol ma ttrasponiex l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 fid-dritt intern. Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li l-qrati Spanjoli huma meħtieġa, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali konformement mal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, jeżaminaw it-trasparenza ta’ dawn il-klawżoli, skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva (70).

105. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal din l-istess konklużjoni, għandu jiġi ppreċiżat liema informazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-konsumaturi mill-istabbiliment bankarju fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ trasparenza. Qabel ma niddetermina din, ser nippreżenta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-livell ta’ informazzjoni mitlub fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13.

1)      Tfakkir tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-livell ta’ informazzjoni mitluba fil-kuntest tar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13

106. Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi drabi, fir-rigward tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, li l-informazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi tal-imsemmija konklużjoni hija ta’ importanza fundamentali għal konsumatur. Huwa b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni li l-konsumatur jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat kuntrattwalment ma’ professjonist billi jaċċetta l-kundizzjonijiet ifformulati minn qabel minnu (71). Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenza Kásler u Káslerné Rábai (72), ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ma jistax jiġi ridott biss għan-natura komprensibbli fuq il-livelli formali u grammatikali tagħhom. Għall-kuntrarju, billi s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mill-imsemmija direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-professjonist f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u komprensibbli tal-klawżoli kuntrattwali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza, stabbilit mill-istess direttiva, għandu jinftiehem b’mod estensiv (73).

107. Konsegwentement, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit li skontu klawżola kuntrattwali għandha tkun ifformulata b’mod ċar u komprensibbli għandu jinftiehem bħala li jimponi  wkoll li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħrajn, b’tali mod li dan il-konsumatur ikun jista’ jevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt (74).

108. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha, li fosthom jinsabu r-reklamar u l-informazzjoni pprovduti mill-persuna li ssellef fil-kuntest tan-negozjar ta’ kuntratt ta’ self (75). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hija l-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha marbuta mal-konklużjoni tal-kuntratt, li għandha tivverifika li, fil-kawża kkonċernata, ikunu ġew ikkomunikati lill-konsumatur l-elementi kollha li jistgħu jinċidu fuq il-portata tal-obbligi tiegħu li jkunu jippermettulu li jevalwa, b’mod partikolari, l-ispiża totali tas-self tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet l-elementi li f’din l-evalwazzjoni għandhom rwol deċiżiv, b’mod partikolari, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli humiex ifformulati b’mod ċar u komprensibbli b’tali mod li jippermettu lil konsumatur medju, jiġifieri konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li jevalwa tali spiża u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza marbuta mal-assenza ta’ riferiment, fil-kuntratt ta’ kreditu, għal informazzjoni  kkunsidrata, fid-dawl tan-natura tal-beni jew tas-servizzi li huma s-suġġetti ta’ dan il-kuntratt, bħala essenzjali (76).

109. Ir-risposti għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jingħataw fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza.

2)      Applikazzjoni għal dan il-każ

110. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti preċedenti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tiddetermina, fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha marbuta mal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluż ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduta mill-istabbiliment bankarju fil-kuntest tan-negozjar tal-kuntratt ta’ self, jekk l-informazzjoni kkomunikata kinitx suffiċjenti sabiex konsumatur medju jkun jista’ jifhem il-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ interessi varjabbli applikabbli għal dan is-self u, konsegwentement, li jevalwa l-ispiża totali tas-self tiegħu (77) jew jekk, għall-kuntrarju, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li dan kien self ipotekarju, kellhomx jiġu kkomunikati elementi oħrajn ikkunsidrati bħala essenzjali.

111. B’mod iktar preċiż, l-informazzjoni li fir-rigward tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-trażmissjoni lill-konsumaturi mill-istabbiliment bankarju hijiex neċessarja sabiex jinftiehmu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-klawżola kontenzjuża tirrigwarda: i) il-formola matematika konkreta ta’ kalkolu tal-IRPH Cajas (b’mod partikolari l-fatt li dan l-indiċi ta’ referenza jinkludi l-kummissjonijiet u spejjeż oħrajn minbarra l-interess nominali, u li dan huwa medja sempliċi mhux ipponderata) (78); ii) l-obbligu għall-istabbilimenti bankarji li japplikaw marġni negattiv skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali (79); iii) il-fatt li l-informazzjoni pprovduta ma hijiex pubblika, kuntrarjament għall-Euribor; iv) l-iżvilupp tal-IRPH Cajas fil-passat, u v) il-previżjoni tal-iżvilupp futur tal-indiċi ta’ referenza b’rabta ma’ indiċijiet oħrajn ta’ referenza uffiċjali, b’mod partikolari mal-Euribor (80).

112. Huwa veru, kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, li l-klawżola kontenzjuża hija ċara u komprensibbli fuq livell grammatikali, fis-sens li tippermetti lill-konsumatur medju jifhem u jaċċetta li r-rata ta’ interess varjabbli applikabbli għas-self ipotekarju tiegħu hija kkalkolata b’riferiment għal indiċi ta’ referenza uffiċjali (l-IRPH Cajas). Din il-klawżola tippermetti wkoll lill-konsumatur jifhem, minn naħa, li dan l-indiċi ta’ referenza huwa ddefinit bħala “[r-]rata medja tas-self ipotekarju mogħti mill-banek tat-tfaddil għal perijodu ta’ iktar minn tliet snin għall-akkwist ta’ akkomodazzjoni li l-prezz tagħha huwa ffissat b’mod liberu” u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi indiċi huwa “aġġustat għal kwart ta’ punt perċentwali iktar u miżjud b’0.25 punt perċentwali” (IRPH Cajas + marġni jew differenzjal).

113. Madankollu, għad irid jiġi ddeterminat jekk il-klawżola kontenzjuża tissodisfax ir-rekwiżit ta’ trasparenza impost mid-Direttiva 93/13, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja esposta fil-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li skontha l-kuntratt għandu jesponi “b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata”. F’dan il-kuntest, tista’ ssir id-domanda sussegwenti: sabiex jinftiehem il-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ interess applikabbli għas-self ipotekarju, li minnu jirriżulta li l-konsumatur għandu jħallas is-somma li tirriżulta mill-addizzjoni tal-indiċi ta’ referenza u tal-marġni (IRPH Cajas + marġni jew differenzjal), ma jkunx hemm bżonn li l-konsumatur medju jkun jista’ jifhem ukoll il-funzjonament preċiż tal-indiċi ta’ referenza li jinsab f’dan il-metodu ta’ kalkolu?

114. Madankollu, ir-risposta għal din id-domanda, li loġikament hija affermattiva, hija irrilevanti fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ jekk ir-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u komprensibbli tal-klawżoli kuntrattwali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza, impost mid-Direttiva 93/13, ġiex issodisfatt mill-istabbiliment bankarju. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn ir-rekwiżit ta’ trasparenza ta’ klawżoli kuntrattwali impost minn din id-direttiva, li l-għan tiegħu huwa li jippermetti lill-konsumatur medju jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi tas-self tiegħu, u l-obbligu ta’ konsulenza, li ma huwiex previst mill-imsemmija direttiva.

115. Barra minn hekk, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, anki jekk fil-fehma tiegħi l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet għandha importanza partikolari għal din il-kawża, ċerti differenzi fattwali jiddistingwu din il-kawża minn dawk li taw lok, b’mod partikolari, għas-sentenzi Kásler u Káslerné Rábai (81) u Andriciuc et (82). Dawn id-differenzi jwassluni sabiex nagħmel distinzjoni bejn il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din il-ġurisprudenza, għall-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

116. L-ewwel nett, il-kawżi li taw lok għas-sentenzi Kásler u Káslerné Rábai (83) u Andriciuc et (84), kienu jirrigwardaw kuntratti ta’ self iddenominat f’munita barranija, il-frank Svizzeru (CHF), li l-klawżoli inkwistjoni tiegħu kienu joħolqu r-riskju ta’ kambju totali fuq il-persuna li tissellef (85). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ trasparenza “għandu jinftiehem bħala li jimponi […] li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu […] li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata”, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament irreferiet għall-“mekkaniżmu ta’ konverżjoni tal-munita barranija” kif ukoll għar-“relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra dwar l-għoti tas-self” (86), b’tali mod li l-konsumatur ikun jista’ jevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt (87).

117. It-tieni nett, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali jimplika li konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jista’ mhux biss ikun jaf “bil-possibbiltà li togħla jew tinżel il-munita barranija” li fiha jkun ingħata s-self, iżda wkoll “jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu” (88). Fil-fatt, minn naħa, il-persuna li tissellef għandha tiġi informata b’mod ċar bil-fatt li, billi tiffirma kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija, hija tesponi ruħha għal riskju ta’ kambju li possibbilment ikun ekonomikament diffiċli li tassumi f’każ ta’ żvalutazzjoni tal-munita li fiha tirċievi d-dħul tagħha. Min-naħa l-oħra, l-istabbiliment bankarju għandu jesponi l-varjazzjonijiet possibbli tar-rata tal-kambju u r-riskji inerenti fit-teħid ta’ self f’munita barranija, b’mod partikolari fil-każ li l-konsumatur li jissellef ma jkunx jirċievi d-dħul tiegħu f’din il-munita (89).

118. Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li t-termini “l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi” jikkostitwixxu wieħed mill-elementi prinċipali ta’ din il-ġurisprudenza. Fil-fatt, dawn il-konsegwenzi jikkostitwixxu l-bażi tal-obbligu tal-istabbilimenti bankarji sabiex jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni suffiċjenti li tippermettilhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom bi prudenza u b’għarfien sħiħ tal-fatti (90). Dan ifisser li r-rekwiżit ta’ trasparenza impost mid-Direttiva 93/13 huwa intiż mhux biss li jevita l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi għall-konsumatur, iżda anki li dawn il-konsegwenzi la jkunu każwali u lanqas imprevedibbli. Fil-fatt, il-konsumatur medju għandu jkun jista’ jipprevedi l-ispiża tas-self tiegħu mingħajr ma jkun espost għal riskju imprevedibbli ta’ varjazzjoni fil-piż ekonomiku li jirriżulta minn dan.

119. Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju tal-kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż f’munita barranija li, fid-dawl tar-riskju ta’ kambju li taffaċċja l-persuna li tissellef, jista’ jkollu konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, li jkun diffiċli għaliha li tassumihom (91), f’din il-kawża, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw mis-self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li r-rata ta’ interess varjabbli tiegħu hija kkalkolata fuq il-bażi ta’ indiċi ta’ referenza uffiċjali, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “potenzjalment sinjifikattivi” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-piż ekonomiku li kien jirriżulta mis-self seta’ jiġi previst u kkalkolat mill-konsumatur, li seta’ jevalwah qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Konsegwentement, barra mill-fatt li s-self tiegħu huwa suġġett għal rata ta’ interess varjabbli, ir-rikorrent inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ġiex espost għal riskju imprevedibbli ta’ varjazzjoni tal-piż ekonomiku li jirriżulta mis-self tiegħu.

120. Fil-fatt, anki jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma setax jifhem il-mod konkret ta’ funzjonament ta’ wieħed mill-komponenti tal-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ interess varjabbli applikabbli għas-self tiegħu, jiġifieri tal-IRPH Cajas, li l-metodu ta’ funzjonament tiegħu ma jinsabx fil-formulazzjoni tal-klawżola kontenzjuża, huwa seta’ jifhem, fuq il-bażi tal-kuntratt ta’ self, li, għal kull ħlas lura, għandu jħallas prezz determinat, ftit jew wisq stabbli, jiġifieri s-somma tar-riżultat tal-addizzjoni tal-IRPH Cajas flimkien mal-marġni.

121. Kif indikajt fil-punti 113 u 114 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-fehma li l-konsumatur medju, sabiex iqis li tassew fehem il-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ interess varjabbli applikabbli għas-self tiegħu, li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kontenzjuża, għandu jkun jista’ jaċċessa informazzjoni importanti, fir-rigward tan-natura tal-beni jew tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ dan il-kuntratt, jiġifieri l-fatt li l-IRPH Cajas huwa rata perċentwali effettiva tal-kuntratti konklużi mill-banek tat-tfaddil għax-xahar ta’ referenza. Issa, il-formula matematika konkreta ta’ kalkolu ta’ dan l-indiċi, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, ma kinitx fil-klawżola kontenzjuża iżda fil-paragrafu 2 tal-Anness VIII għaċ-Ċirkulari 8/1990.

122. Madankollu, ma jistax jitqies li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma “[tqegħidx] f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li ser jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt” (92), peress li, bla ħsara għall-verifiki ulterjuri eventwali mill-qorti tar-rinviju, minn naħa, dan kien jaf bil-fatt li l-ammont tal-ħlasijiet lura li kellu jagħmel kien is-somma tar-riżultat tal-addizzjoni tal-IRPH Cajas u tal-marġni u li, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni dwar il-funzjonament konkret tal-IRPH Cajas kienet aċċessibbli minħabba l-pubblikazzjoni tagħha fil-Boletín Oficial del Estado. Fil-fatt, sa fejn din il-formola matematika ta’ kalkolu tal-IRPH Cajas kienet aċċessibbli għall-pubbliku, il-konsumatur seta’ jifhem, minn naħa, li l-IRPH Cajas użat għall-kalkolu tar-rata ta’ interess varjabbli tal-kuntratt tiegħu kienet is-somma ta’ (i) il-medja tal-indiċijiet użati mill-banek tat-tfaddil għax-xahar ta’ referenza, (ii) il-medja tal-marġnijiet miżjuda ma’ dawn l-indiċijiet mill-istess stabbilimenti, u (iii) il-medja tal-kummissjonijiet u spejjeż inerenti għal dawn l-istess tranżazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li ma’ din is-somma li kienet tikkostitwixxi l-IRPH Cajas, l-istabbiliment bankarju kien iżid il-kummissjonijiet u l-spejjeż marbuta mas-self.

123. Barra minn hekk, il-fatt li l-IRPH Cajas huwa indiċi ta’ referenza uffiċjali ppubblikat fil-Boletín Oficial del Estado jippermetti l-preżunzjoni li huwa relattivament faċli li konsumatur medju jaċċessa s-sistemi ta’ kalkolu tal-indiċijiet uffiċjali differenti u jqabbel l-għażliet differenti proposti mill-istabbilimenti bankarji. Għalhekk, il-bank ma jistax jiġi mitlub jipproponi indiċijiet ta’ referenza differenti lill-konsumaturi. Fil-fatt, l-obbligu ta’ informazzjoni li tagħmel riferiment għalih il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex obbligu ta’ konsulenza u, għaldaqstant, bl-ebda mod ma jimplika l-obbligu għall-istabbiliment bankarju li juża jew jipproponi indiċijiet uffiċjali differenti lill-konsumatur.

124. Il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jwassluni għall-konklużjoni li l-istabbiliment bankarju ssodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza impost mid-Direttiva 93/13. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward, billi, b’mod partikolari, tivverifika jekk Bankia kkomunikatx lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self, informazzjoni suffiċjenti li tippermettilu jieħu d-deċiżjoni tiegħu bi prudenza u b’għarfien sħiħ tal-fatti. Għaldaqstant, hija din il-qorti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti rilevanti kollha marbuta mal-konklużjoni tal-kuntratt, inkluż ir-reklamar u l-informazzjoni pprovduti minn Bankia fil-kuntest tan-negozjar ta’ dan il-kuntratt, li għandha tivverifika jekk l-istabbiliment bankarju ssodisfax l-obbligi ta’ informazzjoni previsti fiċ-Ċirkulari 8/1990.

125. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex il-qorti tar-rinviju tiġi ggwidata f’dawn il-verifiki, għandu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata mill-professjonist sabiex jissodisfa, konformement mal-Artikolu 4(2) u mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ir-rekwiżit ta’ trasparenza ta’ klawżola kuntrattwali li tiffissa rata ta’ interess fuq il-bażi ta’ indiċi ta’ referenza legali bħall-IRPH Cajas, li l-formola matematika ta’ kalkolu tiegħu hija kumplessa u ftit li xejn trasparenti għal konsumatur medju, għandha tkun, minn naħa, suffiċjenti li tippermetti lill-konsumatur jieħu d-deċiżjoni tiegħu bi prudenza u b’għarfien sħiħ tal-fatti fir-rigward ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ interess applikabbli għall-kuntratt ta’ self ipotekarju u l-elementi li jikkostitwixxuh, billi tiġi ppreċiżata mhux biss id-definizzjoni kompleta tal-indiċi ta’ referenza użat minn dan il-metodu ta’ kalkolu, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li jirregolaw dan l-indiċi u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp storiku ta’ dan l-indiċi ta’ referenza magħżul (93).

126. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li, matul l-istħarriġ tat-trasparenza tal-klawżola kontenzjuża, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha marbuta mal-konklużjoni tal-kuntratt, għandha tivverifika, minn naħa, jekk il-kuntratt jesponix b’mod trasparenti dan il-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ interess, b’tali mod li l-konsumatur seta’ jevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt u, min-naħa l-oħra, jekk dan il-kuntratt jissodisfax l-obbligi ta’ informazzjoni kollha previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

127. Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi kkunsidrat li għalkemm il-qorti tar-rinviju għandha tikkonkludi li r-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u komprensibbli tal-klawżoli kuntrattwali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza ġie ssodisfatt fir-rigward tal-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi bħala risposta għad-domandi magħmula, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-klawżola kontenzjuża għandha, fi kwalunkwe każ, tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni fuq il-mertu tan-natura inġusta eventwali tagħha, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza eventwali ta’ żbilanċ sinjifikattiv għad-detriment tal-konsumatur bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt (94). F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi proprji ta’ din il-kawża (95), klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax ukoll ir-rekwiżiti ta’ bona fide u ta’ bilanċ imposti minn din id-direttiva (96). Madankollu, din il-kwistjoni tmur lil hinn mill-għan tat-talba għal deċiżjoni preliminari u għalhekk ma iniex ser nibqa’ nittrattaha.

128. Fid-dawl tal-proposta għal risposta għall-punt (b) tat-tieni domanda, inqis li ma hemmx lok li tingħata risposta għall-punt (c) tat-tieni domanda, li tirrigwarda l-kwistjoni jekk in-nuqqas ta’ informazzjoni għandux jitqies bħala żleali (97), u lanqas għat-tielet domanda, dwar il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

VI.    Konklużjoni

129. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Juzgado de Primera Instancia n° 38 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 38 ta’ Barcelona, Spanja) kif ġej:

1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens li klawżola kuntrattwali konkluża bejn konsumatur u professjonist, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiffissa rata ta’ interess fuq il-bażi ta’ wieħed mis-sitt indiċijiet ta’ referenza uffiċjali u legali li jistgħu jiġu applikati mill-istabbilimenti ta’ kreditu għas-self ipotekarju b’rata ta’ interess varjabbli ma hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

2)      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13 jipprekludi li qorti nazzjonali tkun tista’ tapplika l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva sabiex ma tiġix evalwata n-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ifformulata b’mod ċar u komprensibbli u li tirrigwarda l-għan prinċipali tal-kuntratt, meta din id-dispożizzjoni ma tkunx ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku tagħha mil-leġiżlatur nazzjonali.

L-informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata lill-konsumatur mill-professjonist sabiex, konformement mal-Artikolu 4(2) u mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ trasparenza ta’ klawżola kuntrattwali li tiffissa rata ta’ interess varjabbli fuq il-bażi ta’ indiċi ta’ referenza legali bħall-indiċi ta’ referenza għal self ipotekarju tal-banek tat-tfaddil (IRPH Cajas), li l-formula matematika ta’ kalkolu tiegħu hija kumplessa u ftit li xejn trasparenti għal konsumatur, għandha:

–        minn naħa, tkun suffiċjenti sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni tiegħu bi prudenza u b’għarfien sħiħ tal-fatti fir-rigward ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ interessi applikabbli għall-kuntratt ta’ self ipotekarju u l-elementi li jikkostitwixxuh, billi tiġi ppreċiżata mhux biss id-definizzjoni kompleta tal-indiċi ta’ referenza użat mill-imsemmi metodu ta’ kalkolu, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li jirregolaw dan l-indiċi u,

–        min-naħa l-oħra, tirrigwarda l-iżvilupp storiku ta’ dan l-indiċi ta’ referenza magħżul.

Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li, matul l-istħarriġ tat-trasparenza tal-klawżola kontenzjuża, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha marbuta mal-konklużjoni tal-kuntratt, għandha tivverifika, minn naħa, jekk il-kuntratt jesponix b’mod trasparenti dan il-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ interess, b’tali mod li l-konsumatur seta’ jevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt u, min-naħa l-oħra, jekk jissodisfax l-obbligi ta’ informazzjoni kollha previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      L-evidenza għall-eżistenza tal-kuntratt ta’ self tinsab fl-ewwel kitbiet kunejformi ta’ dik li kienet il-Mesopotamja. Fi kwalunkwe każ, jeżistu provi li juru l-eżistenza ta’ self b’interessi li jmorru lura għall-perijodu Sumerjan (3000 Q.K. sa 1900 Q.K.), u regolamenti politiċi differenti kienu jimponu limiti massimi fir-rigward ta’ dawn l-interessi (bl-iktar komuni, f’perijodi differenti, kienu 33.3 % f’ċereali u 20 % fi flus). Il-Kodiċi ta’ Hammurabi, madwar 1800 Q.K., kien jirreferi espressament xi limiti fuq ir-rati ta’ interess, kif ukoll regolament iddettaljat dwarhom u xi konsegwenzi f’każ li ma jitħallsux. Ara Santamaría Aquilué, R., El tipo de interés en las operaciones de préstamo: a vueltas con la Usura, UPNA, Pamplona, 2014, p. 6‑7.


3      Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


4      BOE Nru 287, tat‑30 ta’ Novembru 2007, p. 49181.


5      BOE Nru 112, tal‑11 ta’ Mejju 1994, p. 14444.


6      BOE Nru 261, tal‑1 ta’ Novembru 1995, p. 31794.


7      BOE Nru 261, tad‑29 ta’ Ottubru 2011, p. 113242.


8      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      BOE Nru 226, tal‑20 ta’ Settembru 1990, p. 27498.


10      BOE Nru 184, tat‑3 ta’ Awwissu 1994, p. 25106. Din iċ-ċirkulari kienet tipprevedi total ta’ sitt indiċijiet: l-IRPH Bancos, l-IRPH Cajas, l-IRPH Entidades, l-indiċi CECA (indiċi tal-konfederazzjoni tal-banek tat-tfaddil Spanjoli), ir-rata ta’ profittabbiltà interna fis-suq sekondarju tad-dejn pubbliku b’maturità residwa ta’ sentejn sa sitt snin, u r-rata fis-seħħ fis-suq interbankarju ta’ Madrid (bl-Ingliż: “Madrid InterBank Offered Rate”, iktar ’il quddiem il-“MIBOR”). Il-MIBOR intemmet wara l-istabbiliment fi Spanja, fl‑1999, tar-rata interbankarja proposta f’euro (iktar ’il quddiem l-“Euribor”), bl-Ingliż il-“Euro Interbank offered Rate” (“Euribor”).


11      BOE Nru 161, tas‑6 ta’ Lulju 2012, p. 48855.


12      BOE Nru 233, tat‑28 ta’ Settembru 2013, p. 78787.


13      Fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, l-Euribor ma kinitx waħda mill-indiċijiet ta’ referenza uffiċjali previsti miċ-Ċirkulari 8/1990. Madankollu, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol jirriżulta li indiċi ta’ referenza uffiċjali relatat mal-funzjonament tal-Euribor ġie stabbilit miċ-Circular 7/1999 del Banco de España, a Entidades de crédito, sobre modificación de la Circular 8/1990 (iċ-Ċirkulari 7/1999 tal-Banco de España għall-Istabbilimenti ta’ Kreditu li temenda ċ-Ċirkulari 8/1990), tad‑29 ta’ Ġunju 1999 (BOE Nru 163, tad‑9 ta’ Lulju 1999, p. 26016).


14      Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017 (C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 28 u 29 u 31).


15      Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014 (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punti 77 sa 79).


16      Sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017 (ES:TS:2017:4308) (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017”).


17      Mill-osservazzjonijiet ta’ Bankia jirriżulta li l-kuntratt ta’ self ipotekarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jipprevedi rata ta’ interess varjabbli ta 5.25 % għall-ewwel sitt xhur u, għall-bqija tal-ħajja tas-self, rata ta’ interess varjabbli indiċjata fuq l-IRPH Cajas, flimkien ma’ marġni ta’ 0.25 punt perċentwali. Hija tinnota wkoll li ġie ffissat terminu għar-rimbors ta’ 300 xahar (25 sena) u li, mid-data li fiha sar is-self ipotekarju, il-persuna li tissellef għandha tħallas l-ammonti miftiehma.


18      Skont il-qorti tar-rinviju, l-IRPH Cajas huwa indiċi ta’ referenza tas-self ipotekarju rregolat, normattiv u, konsegwentement, legali. Ara l-punti 17 sa 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19      Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol jirriżulta li d-dispożizzjoni tranżitorja unika tad-Digriet 2899/2011 kienet tipprevedi li l-IRPH Cajas, l-IRPH Bancos u l-indiċi CECA kienu ser jibqgħu jiġu ppubblikati u kkunsidrati bħala adegwati għall-finijiet kollha, dment li ma tiġix stabbilita sistema tranżitorja għas-self ikkonċernat. Madankollu, skont dan il-gvern, dawn l-indiċijiet ta’ referenza ma setgħux jiġu applikati mill-istabbilimenti ta’ kreditu fil-kuntratti l-ġodda ta’ self ipotekarju.


20      F’dan il-każ, l-indiċi ta’ referenza ta’ sostituzzjoni fil-kuntratt ta’ self kien l-indiċi CECA, li wkoll ma baqax wieħed mill-indiċijiet uffiċjali ta’ referenza fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet 2899/2011 u taċ-Ċirkulari 5/2012. Ara l-punti 21 u 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21      Ara l-punti 22 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Ara r-raba’ paragrafu tal-espożizzjoni tal-motivi taċ-Ċirkulari 5/1994. Ara wkoll il-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Din il-qorti tagħmel riferiment għall-indirizzi tal-Internet li ġejjin: http://www.sindic.cat/site/unitFiles/3937/Informe%20IRPH_castella_ok.pdf u https://www.bde.es/f/webbde/Secciones/Publicaciones/Folletos/Fic/Guia_hipotecaria_2013.pdf.


24      Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li “din is-sentenza, għalkemm tikkostitwixxi interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 minn qorti tal-aħħar istanza, ingħatat mingħajr ma d-domanda preliminari inkwistjoni f’dan il-każ saret lill-Qorti tal-Ġustizzja”.


25      Enfasi miżjuda minni.


26      Għal dan il-għan, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) bbażat ruħha fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 53 u 54 tas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703).


27      Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Krüger (C‑334/95, EU:C:1997:378, punti 22 u 23); tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑157/10, EU:C:2011:813, punt 18), kif ukoll tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Ucar u Kilic (C‑508/15 u C‑509/15, EU:C:2016:986, punt 51).


28      Infakkar li “skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [93/13], in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-beni jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha l-oħra li fihom ikun ġie konkluż” (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 39); tad‑9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 42); tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 71), kif ukoll tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 61)). F’dan ir-rigward, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2018:724, punt 70).


29      Il-Gvern Spanjol innifsu jindika, fil-punti 8 u 17 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-klawżola kontenzjuża fil-kawża prinċipali hija dik li tipprevedi l-IRPH Cajas u li d-Digriet tal‑5 ta’ Mejju 1994 kien applikabbli fil-mument tal-konklużjoni tas-self ipotekarju li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med (C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 28).


31      Sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013 (C‑92/11, EU:C:2013:180).


32      Sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 25).


33      Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 78), u tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 28). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-esklużjoni mill-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva 93/13 hija ġġustifikata mill-fatt li, bħala prinċipju, huwa leġittimu li jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-partijiet għal ċerti kuntratti. Ara wkoll is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 28), u tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 53).


34      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 26). Ara wkoll is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 76), u tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 27). Ara wkoll it-tlettax‑il premessa tad-Direttiva 93/13.


35      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 30), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl (C‑186/16, EU:C:2017:313, punt 59). Ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, punti 69 u 70).


36      Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 31), u tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová (C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 77).


37      Ara l-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38      Il-kummentarji Spanjoli dwar is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017 tqis li huwa każ ta’ dispożizzjoni li la hija mandatorja u lanqas supplimentari. Ara Cámara Lapuente, S., “IRPH y STS 14.12.2017: dos colosos con pies de barro. El art. 1.2 de la Directiva 93/13 no blinda en realidad cualquier cláusula que reproduzca ‘normas’. Transparencia lejos del suelo”, Comentarios a las Sentencias de Unificación de Doctrina (Civil y Mercantil), Mariano Yzquierdo Tolsada (koord.), Nru 9, Dykinson, 2017, p. 211 sa 236, b’mod partikolari, p. 219 u 222.


39      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Enfasi miżjuda minni.


40      Enfasi miżjuda minni.


41      Ara l-punt 18 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol.


42      Mill-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża jirriżulta li, fost is-sitt indiċijiet ta’ referenza uffiċjali previsti fiċ-Ċirkulari 8/1990, minbarra l-indiċijiet ta’ referenza diġà msemmija (l-IRPH Bancos, l-IRPH Cajas u l-IRPH Entidades), kien hemm it-tliet indiċijiet ta’ referenza li ġejjin: l-indiċi CECA, ir-rata ta’ profittabbiltà interna fis-suq sekondarju tad-dejn pubbliku b’maturità residwa ta’ sentejn sa sitt snin u l-MIBOR. Din tal-aħħar intemmet bl-istabbiliment tal-Euribor fi Spanja fl‑1999. Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol, indiċi ta’ referenza uffiċjali addizzjonali marbut mal-funzjonament tal-Euribor ġie introdott miċ-Ċirkulari 7/1999 tal-Banco de España. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43       Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


44      Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 13 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Enfasi miżjuda minni. Skont Bankia, in-natura mandatorja tal-IRPH tirriżulta mill-fatt li, ladarba magħżul, dan l-indiċi jiġi inkluż fil-kuntratt ta’ self ipotekarju fit-totalità tiegħu, mingħajr emenda kuntrattwali, kuntratt li l-partijiet ma jistgħux jevitaw. Jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument. Fl-opinjoni tiegħi, anki jekk l-istabbiliment bankarju la jista’ jimponi f’klawżola fformulata minn qabel la d-definizzjoni ta’ indiċi ta’ referenza uffiċjali, u lanqas mill-mod ta’ kalkolu tiegħu, xorta waħda jista’ jimponi l-marġni li japplika għall-indiċi, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, fejn, minkejja r-rakkomandazzjonijiet tal-Banco de España dwar l-applikazzjoni ta’ marġni negattiv sabiex tiġi allinjata r-RPAI ta’ din it-tranżazzjoni fuq dik tas-suq, Bankia għażlet li tapplika marġni pożittiv ta’ 0.25 punt perċentwali.


46      Enfasi miżjuda minni.


47      Enfasi miżjuda minni.


48      Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010 (C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 44). Id-domandi preliminari f’din il-kawża saru mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema).


49      Il-Ley 7/1998 sobre condiciones generales de la contratación (il-Liġi 7/1998 dwar il-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Kuntratti), tat‑13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89, tal‑14 ta’ April 1998).


50      Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 41).


51      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 42).


52      Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 43).


53      Din il-pożizzjoni hija kondiviża minn Bankia li ssostni li “skont xejra fil-kummentarji u fil-ġurisprudenza, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 tabilħaqq ġie traspost fl-ordinament ġuridiku Spanjol”.


54      Insostenn ta’ dan l-argument, il-Gvern Spanjol, annetta kummentarju mal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, fejn enfasizza li n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 mil-Liġi 7/1998 jirriżulta, fil-fatt, “minn żball imwettaq b’mod negliġenti matul votazzjoni Parlamentari, li rriżulta fl-eliminazzjoni tal-formulazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni mit-test legali”. Skont dan l-awtur, dan l-iżball ma ġiex ikkorreġut fir-riformi leġiżlattivi sussegwenti u jippreċiża wkoll li, minn dak iż-żmien, mhux biss il-kummentarji iżda anki l-ġurisprudenza nazzjonali kienu diviżi dwar il-konsegwenzi ta’ dan l-iżball, mill-inqas sas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) Nru 241/2013 tad‑9 ta’ Mejju 2013 (ES:TS:2013:1916). F’dan ir-rigward, dan l-awtur ikkonkluda, b’mod partikolari, li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fittxet li ttemm din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza fi Spanja, iżda li l-leġiżlatur Spanjol, minkejja li kellu diversi opportunitajiet sabiex jiċċara l-kwistjoni tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jew le, “ma deherx lest li jagħmel dan”. Għalhekk, l-imsemmi awtur afferma li “la r-riformi ġuridiċi approvati mill-Parlament Spanjol f’Mejju 2013 sabiex tiġi adattata s-sistema Spanjola għas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164), u lanqas l-abbozz ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva [2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64)” ma indirizzaw il-kwistjoni tal-klawżoli inġusti dwar xi elementi essenzjali tal-kuntratt. Ara Cámara Lapuente, S., “¿De verdad puede controlarse el precio de los contratos mediante la normativa de cláusulas abusivas? De la STJUE de 3 de junio de 2010 (Caja de Madrid, C‑484/08) y su impacto aparente y real en la jurisprudencia española a la STS (pleno) de 9 de mayo de 2013 sobre las cláusulas suelo”, Cuadernos de Derecho Transnacional, Vol. 5(2), 2013, p. 209 sa 233 u, b’mod partikolari, p. 226, 227 u 233.


55      Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010 (C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 44).


56      ES:TS:2012:5966.


57      Il-Gvern Spanjol, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jinkludi estratt tat-tieni raġuni tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tat‑18 ta’ Ġunju 2012: “Għalhekk, bl-emenda ta’ dik li kienet il-Liġi Ġenerali dwar id-Difiża tal-Konsumaturi tal‑1984, permezz taż-żieda ta’ Artikolu 10(1)(c) ġdid, l-espressjoni wiesgħa ta’ ‘bilanċ ġust tal-kontropartijiet’ ġiet issostitwita minn ‘żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi’, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva sabiex jillimitaw l-istħarriġ ta’ kontenut li jista’ jitwettaq fir-rigward tan-natura inġusta eventwali tal-klawżola; għalhekk jista’ jiġi affermat li la hemm stħarriġ tal-prezz u lanqas tal-bilanċ tas-servizzi nnifishom.” Skont dan il-gvern, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) żiedet f’din is-sentenza, fl-aħħar nett, li “għalkemm il-kummentarji ma humiex unanimi f’dan ir-rigward, għandu jiġi konkluż, b’applikazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, li, għalkemm jiġu esklużi mill-istħarriġ tal-kontenut, l-elementi essenzjali tal-kuntratt jistgħu xorta waħda jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ tad-dħul u tat-trasparenza [l-Artikolu 5(5) u l-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 7/1998 dwar il-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Kuntratt u l-Artikolu 10(1)(a) tal-Liġi Ġenerali dwar id-Difiża tal-Konsumaturi]”. Il-Gvern Spanjol ippreċiża wkoll li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ikkonfermat din is-sentenza fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Mejju 2013 (ES:TS:2013:1916).


58      Ara Prechal, S., Directives in EC Law, it-tieni edizzjoni, Oxford EC Law Library, Oxford, 2009, p. 6.


59      Fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali u t-traspożizzjoni tad-direttivi, ara Tridimas, T., The General Principles of EU Law, it-tieni edizzjoni, Oxford EC Law Library, Oxford, 2006, p. 246 u 247.


60      Ara, f’dan is-sens, Prechal, S., op. cit., p. 6.


61      Simon, D., Le Système juridique communautaire, it-tielet edizzjoni, Presse universitaires de France, Pariġi, 2006, p. 328 sa 332. Enfasi miżjuda minni.


62      Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 1985, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (29/84, EU:C:1985:229, punt 23); tat‑23 ta’ Marzu 1995, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑365/93, EU:C:1995:76, punt 9); tal‑10 ta’ Mejju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑144/99, EU:C:2001:257, punt 17); tad‑9 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑70/03, EU:C:2004:505, punt 36), u tat‑23 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑292/07, mhux ippubblikata, EU:C:2009:246, punt 120). Skont l-Avukat Ġenerali Tizzano “l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu kuntest legali speċifiku fil-qasam ikkonċernat, li jrendi l-ordinament ġuridiku nazzjonali konformi mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Dan il-kuntest legali għandu jiġi ddefinit b’tali mod li jelimina kwalunkwe dubju jew ambigwità, mhux biss fir-rigward tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u l-konformità tagħha mad-direttiva, iżda anki fir-rigward tal-valur formali ta’ din il-leġiżlazzjoni u l-adegwatezza tagħha sabiex isservi bħala bażi ġuridika xierqa sabiex jiġi rregolat dan is-settur”. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑144/99, EU:C:2001:50, punt 15). Enfasi miżjuda minni.


63      Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑144/99, EU:C:2001:257, punt 21), u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑421/12, EU:C:2014:2064, punt 46). Ara wkoll is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑129/00, EU:C:2003:656, punt 33): “Meta liġi nazzjonali tkun is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet ġudizzjarji potenzjalment divergenti li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, fejn xi wħud iwasslu għal applikazzjoni kompatibbli mad-dritt [tal-Unjoni], u oħrajn iwasslu għal applikazzjoni inkompatibbli miegħu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, almenu, tali liġi mhijiex biżżejjed ċara sabiex tiżgura applikazzjoni kompatibbli mad-dritt [tal-Unjoni]”.


64      ES:TS:2012:5966.


65      ES:TS:2013:1916.


66      Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (C‑144/99, EU:C:2001:257, punt 22), u tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 39).


67      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 69); tad‑9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 49); kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 44). Ara wkoll l-għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13.


68      Ara l-punti 19 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għandha ssir distinzjoni bejn id-definizzjoni tal-IRPH Cajas u l-metodu ta’ kalkolu tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll mill-osservazzjonijiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ Bankia u tal-Gvern Spanjol, il-klawżola kontenzjuża fiha d-definizzjoni tal-IRPH Cajas u l-metodu ta’ kalkolu tar-rata ta’ interess varjabbli tas-self (IRPH Cajas + marġni), filwaqt li l-formola matematika konkreta tal-kalkolu tal-IRPH Cajas kienet stabbilita fil-paragrafu 2 tal-Anness VIII taċ-Ċirkulari 8/1990 iżda ma tinsabx fil-klawżola. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


69      Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-obbligu ta’ trasparenza japplika partikolarment fil-każ tal-limiti tad-drittijiet li l-parti f’kawża tislet mid-dritt tal-Unjoni.


71      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 44); tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 70); tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 50), kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 48).


72      Sentenza tat‑30 ta’ April 2014 (C‑26/13, EU:C:2014:282).


73      Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 71 u 72); tat‑23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 40); tad‑9 ta’ Lulju 2015, Bucura (C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 52), kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 44). Ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 73), kif ukoll id-digriet tat‑22 ta’ Frar 2018, ERSTE Bank Hungary (C‑126/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:107, punt 29).


74      Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 75), kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 45).


75      Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 74); tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 75), kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 46).


76      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


77      Għandu jitfakkar li, sa fejn klawżola kuntrattwali, ifformulata minn qabel, li tinsab fil-kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn konsumatur u professjonist, tipprevedi l-applikazzjoni ta’ indiċi ta’ referenza għall-finijiet tal-kalkolu tar-rata ta’ interess varjabbli ta’ dan is-self, l-użu mill-professjonist ta’ dan l-indiċi, bħala komponent tal-imsemmija klawżola, jaqa’ kompletament taħt l-istħarriġ tat-trasparenza, konformement mal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13.


78      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 45 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Mill-osservazzjonijiet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn: a) indiċi ta’ referenza bħalma huwa b’mod partikolari l-każ tal-Euribor, b) rata ta’ interess li hija r-riżultat tal-addizzjoni ta’ indiċi ta’ referenza flimkien ma’ marġni (Euribor + marġni) u, c) RPAI, li hija r-riżultat tal-addizzjoni tal-indiċi ta’ referenza flimkien mal-marġni, il-kummissjonijiet u l-ispejjeż (Euribor + marġni + kummissjonijiet + spejjeż). Nerġa’ nfakkar li mir-raba’ paragrafu tal-espożizzjoni tal-motivi taċ-Ċirkulari 5/1994 jirriżulta li l-indiċijiet ta’ referenza, li din tal-aħħar kienet tipprevedi u li l-IRPH Cajas kien jagħmel parti minnhom, kienu RPAI.


79      Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


80      Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81      Sentenza tat‑30 ta’ April 2014 (C‑26/13, EU:C:2014:282).


82      Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017 (C‑186/16, EU:C:2017:703).


83      Sentenza tat‑30 ta’ April 2014 (C‑26/13, EU:C:2014:282).


84      Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017 (C‑186/16, EU:C:2017:703).


85      B’mod iktar preċiż, dawn il-klawżoli kienu jipprevedu li l-prezz tal-bejgħ tal-munita barranija kien japplika għall-finijiet tal-kalkolu tal-ħlasijiet lura tas-self (sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 24), u li l-kreditu kellu jitħallas lura fl-istess munita li fiha ġie konkluż il-kuntratt (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 9).


86      Fil-fatt, kienet teżisti differenza bejn il-prezz tax-xiri, li japplika fil-mument tal-għoti tas-self, u l-prezz tal-bejgħ, li japplika fil-mument tal-ħlas tiegħu. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 53 u 74).


87      Sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 73 u 74). Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-klawżoli kuntrattwali li jippermettu lill-persuna li ssellef tbiddel unilateralment ir-rata ta’ interess, ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Matei (C‑143/13, EU:C:2015:127, punt 74).


88      Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 51). Enfasi miżjuda minni.


89      Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 50).


90      Għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 49), il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għar-Rakkomandazzjoni CERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal‑21 ta’ Settembru 2011 dwar self f’munita barranija (ĠU 2011, C 342, p. 1).


91      Bħala eżempju tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest tar-rabta ma’ tip ta’ kuntratt ieħor, jiġifieri kuntratt ta’ assigurazzjoni meta jiġu konklużi żewġ kuntratti ta’ self, ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262, punt 47). Din il-kawża kienet tirrigwarda l-istħarriġ tat-trasparenza ta’ klawżola stipulata fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni u intiża li tiggarantixxi t-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlasijiet rateali dovuti lill-persuna li ssellef f’każ ta’ inkapaċità totali ta’ xogħol min-naħa tal-persuna li tissellef (li, wara inċident fuq il-post tax-xogħol, spiċċat b’inkapaċità permanenti parzjali għax-xogħol). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-fatt li fl-assenza ta’ spjegazzjoni trasparenti tal-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni dwar it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ħlasijiet rateali tas-self fil-kuntest tat-totalità kuntrattwali, il-konsumatur seta’ ma kienx f’pożizzjoni li jevalwa, fuq il-bażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, li jirriżultaw fuqu minn dan il-kuntratt.


92      Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


93      F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol jirriżulta li l-Anness VII taċ-Ċirkulari 8/1990 kien jindika, skont l-elementi minimi li għandhom ikunu fil-fuljetti ta’ informazzjoni dwar is-self ipotekarju, fir-rigward tar-rata ta’ interess varjabbli, l-indiċi ta’ referenza, b’mod partikolari l-iżvilupp tiegħu “matul l-aħħar sentejn kalendarji, kif ukoll l-aħħar valur disponibbli”. Min-naħa l-oħra, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-previżjonijiet ekonomiċi għadhom inċerti u li ċerti elementi varjabbli, bħall-indiċijiet ta’ referenza, huma diffiċli sabiex jiġu previsti, ma jidhirlix li huwa xieraq li l-istabbiliment bankarju jiġi impost jipprovdi lill-konsumatur previżjonijiet futuri rigward l-indiċi ta’ referenza propost.


94      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 69), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’din il-kawża (C‑415/11, EU:C:2012:700, punt 74).


95      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-istabbilimenti bankarji setgħux tassew jinfluwenzaw l-IRPH Cajas jew le. B’mod partikolari, nagħmel riferiment għall-ispjegazzjonijiet dwar il-funzjonament tal-IRPH Cajas ipprovduti mill-qorti tar-rinviju. Ara l-punti 45 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


96      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dwar il-fatt li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-professjonist, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 27), kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 49). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2018:724, punti 65 sa 82).


97      Hemm lok li jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li fid-dawl tagħhom għandu jiġi eżaminat in-nuqqas ta’ lealtà min-naħa tal-professjonist. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li s-sittax‑il premessa tad-Direttiva 93/13 tistabbilixxi li “l-ħtieġa ta’ buona fede tista’ tkun sodisfatta mill-bejjiegħ jew mill-fornitur meta dan jittratta b’mod ġust u ekwu mal-parti l-oħra li huwa għandu jikkunsidra l-interessi leġittimi tagħha”.