Language of document : ECLI:EU:T:2010:505

Kawża T-303/08

Tresplain Investments Ltd

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva Golden Elephant Brand — Trade mark nazzjonali figurattiva mhux irreġistrata GOLDEN ELEPHANT — Raġuni relattiva għal rifjut — Riferiment għad-dritt nazzjonali li jirregola t-trade mark preċedenti — Azzjoni taħt il-common law kontra l-abbuż mid-denominazzjoni (action for passing off) — Artikolu 74(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009] — Artikolu 8(4) u Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009] — Motivi ġodda — Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Sunt tal-motivi invokati — Motivi ta’ dritt li ma ġewx esposti fir-rikors — Riferiment ġenerali għal dokumenti oħra — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1) u 48(2))

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 73)

3.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Eżami ex officio tal-fatti — Proċedura ta’ annullament — Eżami limitat għall-motivi invokati — Evalwazzjoni mill-Uffiċċju tal-materjalità tal-fatti invokati u tas-saħħa probatorja tal-elementi ppreżentati

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 74(1))

4.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Deċiżjoni fuq ir-rikors — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Portata tal-prinċipju

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 73)

5.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Eżistenza ta’ dritt preċedenti stabbilit fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8(4) u 52(1)(ċ))

6.      Proċedura — Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-kawża — Kundizzjonijiet — Motiv ibbażat fuq elementi rivelati fil-mori tal-kawża

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))

1.      Mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikoli 44(1) u 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li kull motiv li ma huwiex artikulat b’mod suffiċjenti fir-rikors promotur għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli.

Sabiex rikors ikun ammissibbli huwa neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat, jirriżultaw, għall-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. F’dan ir-rigward, jekk is‑suġġett tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’riferimenti għal siltiet minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-punti essenzjali tal-argumenti fid-dritt, li, skont id‑dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu jinsabu fir-rikors stess. Ma huwiex kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il‑motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali.

(ara l-punti 37, 38)

2.      Il-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat jieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet. Huwa biżżejjed li jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni. Minn dan jirriżulta li l‑fatt li l-Bord tal-Appell ma rriproduċiex l-argumenti kollha ta’ waħda mill-partijiet jew ma weġibx għal kull wieħed minn dawn l-argumenti ma jippermettix, waħdu, li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell rrifjuta li jikkunsidrahom.

(ara l-punt 46)

3.      Skont l-Artikolu 74(1), in fine , tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, fi proċeduri li jikkonċernaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-eżami huwa limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet mressqa mill-partijiet. L-Artikolu 74(1), in fine, ta’ dan ir-regolament japplika wkoll għall-proċeduri għal annullament li jikkonċernaw raġuni relattiva ta’ invalidità skont l‑Artikolu 52 tal-istess regolament. Għaldaqstant, fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità dwar raġuni relattiva ta’ invalidità, hija l-parti li ressqet it-talba għal invalidità billi tibbaża ruħha fuq trade mark nazzjonali preċedenti li għandha turi l-eżistenza tagħha u, jekk ikun il-każ, il-portata tal-protezzjoni.

Min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jeżamina jekk, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ invalidità invokata humiex sodisfatti. F’dan il-kuntest, huwa għandu jevalwa l-materjalità tal-fatti invokati u s-saħħa probatorja tal-provi prodotti mill-partijiet.

L-Uffiċċju jista’ jintalab jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih hija protetta t-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. F’dan il-każ, huwa għandu jinforma ruħu ex officio, permezz tal-mezzi li huwa jqis l-iktar adatti għal dan l‑għan, dwar id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jekk tali informazzjoni hija neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ invalidità inkwistjoni u, partikolarment, dwar il‑materjalità tal-fatti ppreżentati jew is-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-bażi fattwali tal-eżami mwettaq mill-Uffiċċju ma teskludix li huwa jieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-fatti ppreżentati speċifikament mill-partijiet fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li jistgħu jkunu magħrufa mill-persuni kollha jew li jistgħu jkunu magħrufa permezz ta’ sorsi li huma ġeneralment aċċcessibbli.

(ara l-punti 65-67)

4.      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet li fuqhom il-partijiet kellhom il-possibbiltà jieħdu pożizzjoni.

F’dan ir-rigward l-evalwazzjoni tal-fatti tikkonċerna l-att deċiżjonali. Issa, id-dritt għal smigħ jestendi għall-punti kollha ta’ fatt jew ta’ liġi li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni tadotta..

(ara l-punti 80, 81)

5.      Skont l-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, it-trade mark Komunitarja tiġi ddikjarata invalida, wara li titressaq talba lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), meta jeżisti dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament u jekk il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu jkunu sodisfatti.

Minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata li l-portata tagħha ma hijiex biss lokali jista’ jikseb l‑annullament ta’ trade mark Komunitarja iktar reċenti, meta u sa fejn, skont id‑dritt tal-Istat Membru applikabbli, minn naħa, drittijiet fuq dan is-sinjal inkisbu qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u, min-naħa l-oħra, dan is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, il‑Bord tal-Appell għandu jikkunsidra kemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli bis-saħħa tar-riferiment li tagħmel din id-dispożizzjoni kif ukoll id‑deċiżjonijiet tal-qrati mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat. Fuq din il-bażi, l‑applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu juri li s-sinjal inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru invokat u li dan jippermetti li jiġi prekluż l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

(ara l-punti 89-91)

6.      Il-fatt li parti kellha għarfien ta’ kwistjoni fattwali matul il-proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali ma jfissirx li din il-kwistjoni tikkostitwixxi punt ta’ fatt li ħareġ matul il-proċedura. Huwa wkoll neċessarju li l-parti ma kinitx f’pożizzjoni li jkollha għarfien ta’ din il-kwistjoni preċedentement. Iktar u iktar, il-fatt li parti kellha għarfien tas-sitwazzjoni legali biss matul il-proċedura ma jistax jikkostitwixxi punt ta’ fatt jew ta’ liġi ġdid fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

(ara l-punt 167)