Language of document : ECLI:EU:T:2012:351

Kawża T-304/08

Smurfit Kappa Group plc

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Prodotti ta’ imballaġġ ikkorrugati — Għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ fabbrika fejn tinħadem il-karta — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni — Ammissibbiltà — Legalità tal-mandat mogħti minn persuna ġuridika lill-avukati tagħha — Adozzjoni ta’ deċiżjoni fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari — Locus standi — Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati — Diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha — Artikolu 87(3)(a) KE — Artikolu 88(2) u (3) KE — Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 — Artikolu 44(5) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura”

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Lulju 2012...........?II ‑ 0000

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Rikors promotur — Persuna ġuridika — Prova li l-mandat tal-avukat minn rappreżentant ikkwalifikat sar regolarment — Regolarizzazzjoni wara l-preżentata tar-rikors — Ammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(5)(b) u (6))

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Rikors mill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Parteċipazzjoni fil-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna — Karatteristika insuffiċjenti sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza tad-deċiżjoni

(Artikolu 88(2) u (3) KE, u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 4)

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Rikors mill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE — Identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors — Rikors intiż li jipproteġi d-drittijiet proċedurali tal-persuni interessati — Motivi li jistgħu jiġu invokati — Motivi li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni — Ammissibbiltà

(Artikolu 88(2) KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ); Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6(1))

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Diffikultajiet ta’ evalwazzjoni — Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja — Kunċett — Diffikultajiet serji — Natura oġġettiva — Ċirkustanzi li jippermettu l-konferma tal-eżistenza ta’ tali diffikultajiet

(Artikolu 88(2) u (3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 4(4))

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Għajnuna intiża għall-iżvilupp reġjonali — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Ibbilanċjar tal-vantaġġi u tal-inkonvenjenzi tal-miżura inkwistjoni — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali — Portata

(Artikoli 87(3) KE u 88(2) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 54/08, paragrafu 68)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Adozzjoni minnha tal-linji gwida dwar l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni — Konsegwenzi — Awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha

(Artikolu 87(3) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 54/08)

1.      Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(5)(b) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali huwa obbligat li jistieden lil persuna ġuridika rregolata taħt id-dritt privat li tipproċedi għar-regolarizzazzjoni tar-rikors tagħha f’każ ta’ inadempjenza għall-obbligu tagħha li tipproduċi prova tar-regolarità tal-mandat mogħti lill-avukati tagħha u li huwa biss jekk ir-rikorrenti ma tikkonformax ruħha mal-istedina tar-Reġistratur fit-terminu mogħti lilha li l-Qorti Ġenerali għandha l-fakultà li tiddikjara r-rikors inammissibbli.

Għandha titqies li hija konformi ma’ din l-istedina kumpannija rikorrenti, li l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha jipprevedi li d-deċiżjoni li tinbeda azzjoni ġudizzjarja u li jingħata mandat lill-avukati f’isem il-kumpannija taqa’ taħt ir-responsabbiltà kollettiva tal-Bord tad-Diretturi u tista’ tiġi ddelegata lil direttur wieħed jew iktar, li tadotta riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tagħha, wara l-imsemmija stedina, li biha din il-kumpannija tirregolarizza d-deċiżjoni tagħha li tinnomina lill-membru tal-imsemmi Bord tad-Diretturi sabiex jagħti mandat lill-avukati sabiex jippreżentaw ir-rikors.

(ara l-punti 30, 36, 37)

2.      Għandu jiġi ddikjarat ammissibbli rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 88(3) KE u li tiddikjara għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni, meta dan jiġi ppreżentat minn persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE u huwa jfittex li jħares id-drittijiet proċedurali li huwa għandu taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar. Għandhom jitqiesu bħala partijiet interessati fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri partikolarment l-impriżi kompetituri tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna.

Min-naħa l-oħra, għalkemm tali rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, is-sempliċi fatt li huwa jista’ jitqies bħala interessat ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikors jiġi kkunsidrat ammissibbli. Huwa għandu għalhekk juri li huwa jinsab f’sitwazzjoni ta’ fatt li tindividwalizzah b’mod analogu għal kif inhu individwalizzat id-destinatarju tad-deċiżjoni.

B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni fis-suq tar-rikorrent tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni. Iċ-ċirkustanza li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata tinsab f’relazzjoni kompetittiva mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma hijiex, waħedha, biżżejjed.

Il-parteċipazzjoni ta’ tali impriża fil-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, lanqas ma tista’ tistabbilixxi li din hija, biss fil-kwalità tagħha ta’ awtriċi ta’ lment li jiddenunzja l-għajnuna, individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni adottata fl-aħħar ta’ din il-proċedura.

(ara l-punti 46-49, 56)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 50-52, 68)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 62, 76-81)

5.      Meta l-Kummissjoni tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni fid-dawl tad-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(a) KE, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess Komunitarju u ma tistax toqgħod lura milli tevalwa l-effett ta’ dawn il-miżuri fuq is-suq jew is-swieq rilevanti fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha mhux biss tivverifika li dawn il-miżuri huma tali li jikkontribwixxu effettivament għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni kkonċernati, iżda wkoll tevalwa l-impatt ta’ din l-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, tevalwa r-riperkussjonijiet settorjali li din tista’ toħloq fuq livell Komunitarju.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija kostretta teżerċita s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija f’reġjun f’diffikultà, mogħtija lilha mill-Artikolu 87(3) KE, sabiex tevalwa jekk il-vantaġġi mistennija f’termini ta’ żvilupp reġjonali jegħlbux id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti tal-proġett issussidjat fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dan jimplika li l-Kummissjoni għandha dejjem tivverifika mhux biss jekk l-inkonvenjenzi kkawżati mill-proġett issussidjat, f’termini ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, kinux ser jinżammu, iżda wkoll jekk il-benefiċċji f’termini ta’ żvilupp reġjonali kellhomx jegħlbu l-iżvantaġġi tiegħu, anki jekk huma żgħar.

Lanqas ma għandu jeżentaha minn dan il-fatt li l-paragrafu 68 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mogħtija mill-Istat għall-perijodu 2007‑2013, adottati mill-Kummissjoni, jistabbilixxi obbligu li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE meta l-limiti indikati hemmhekk jinqabżu, għaliex, peress li l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa obbligatorju fil-każ li jinqabżu ċerti limiti, wieħed ma jistax jiddeduċi li din hija eskluża meta dawn il-limiti ma jinqabżux. Għaldaqstant, l-assenza ta’ qbiż waħedha ma tistax tiġġustifika d-deċiżjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

(ara l-punti 82, 88, 91, 94)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 83, 84)