Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta' Novembru 2011 minn A kontra s-sentenza mogħtija fl-14 ta' Settembru 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-12/09, A vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-595/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: A (Port-Vendres, Franza) (rappreżentant: B. Cambier, A. Paternostre u L. Levi, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta' Settembru 2011 fil-Kawża F-12/09;

konsegwentement, tilqa' t-talbiet tal-appellant fl-ewwel istanza u għaldaqstant,

tannulla d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea tirrifjuta li tħallas lill-appellant il-kumpens dovut taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Perusnal u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea sabiex minnufih tħallas dan il-kumpens lill-appellant, kif ukoll kumpens addizzjonali taħt id-dritt komuni għad-differenza bejn l-ammont tad-dannu reali subit u l-parti ta' dan id-dannu li ġiet ikkumpensata taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal,

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lill-appellant interessi moratorji kkalkulati mix-xahar ta' Diċembru 2004, data li fiha oriġina l-mard minn fuq il-post tax-xogħol, fejn l-ammont tad-dannu subit u n-natura stabilizzata tas-sitwazzjoni ta' saħħa tiegħu kellhom jiġu rikonoxxuti,

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tħallas lill-appellant kull somma li tidher adegwata għall-Qorti Ġenerali sabiex tikkumpensa d-danni morali subiti mill-appellant minħabba diversi nuqqasijiet u irregolaritajiet imwettqa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea fl-investigazzjoni tal-proċeduri mediċi li jikkonċernawh,

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-osservanza tat-terminu raġonevoli, tal-prinċipju ta' premura u tal-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi, kif ukoll ta' żnaturament tal-fajl.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-kumpens sħiħ għad-danni subiti.

It-tielet aggravju, ibbażat, minn naħa, fuq ksur tal-Artikoli 73 u 90 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba, ta' ekonomija tal-ġudizzju, ta' nuqqas ta' retroattività, ta' ġerarkija tar-regoli u tal-kunċett ta' konsolidazzjoni u, min-naħa l-oħra, ta' żnaturament tal-fatti u tal-argumenti tal-appellant.

____________