Language of document : ECLI:EU:T:2015:249

Kawża T‑593/11

Fares Al-Chihabi

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-30 ta’ April 2015

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi assoċjati mir-reġim Sirjan – Obbligu ta’ komunikazzjoni tar-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet meħuda – Portata – Komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali – Ammissibbiltà

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2), 47 u 52(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 878/2011)

2.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi assoċjati mir-reġim Sirjan – Drittijiet tad-difiża – Komunikazzjoni tal-provi kontra – Deċiżjoni sussegwenti li żammet l-isem ta’ persuna fil-lista tal-persuni suġġetti għal dawn il-miżuri – Assenza ta’ motivi ġodda – Ksur tad-dritt ta’ smigħ – Assenza

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/782/PESK, 2012/739/PESK u 2013/255/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, Nru 1117/2012 u Nru 363/2013)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha – Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja

(Artikolu 296 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/273/PESK, 2011/522/PESK, 2011/782/PESK, 2012/739/ PESK u 2013/255/ PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 878/2011, Nru 36/2012, Nru 1117/2012 u Nru 363/2013)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Limiti għall-imsemmi obbligu – Kunsiderazzjonijiet imperattivi li jirrigwardaw is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha – Preġudizzju għall-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata

(Artikolu 296 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/522/PESK, 2011/782/PESK, 2012/739/PESK u 2013/255/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 878/2011, Nru 36/2012, Nru 1117/2012 u Nru 363/2013)

5.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni ċara u preċiża tal-motivi invokati – Assenza ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

6.      Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Projbizzjoni ta’ dħul u ta’ tranżitu kif ukoll iffriżar ta’ fondi ta’ ċerti persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili – Restrizzjoni għad-dritt għall-proprjetà u għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/522/PESK, 2011/782/PESK, 2012/739/PESK u 2013/255/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 878/2011, Nru 36/2012, Nru 1117/2012 u Nru 363/2013)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 36‑43, 54, 55)

2.      F’dak li jirrigwarda deċiżjoni li tikkonsisti fiż-żamma ta’ isem persuna f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, bil-kontra ta’ dak li jiġri fil-każ ta’ inklużjoni inizjali, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni, bħala prinċipju, hija obbligata li, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi li din l-awtorità għandha sabiex issostni d-deċiżjoni tagħha, u dan sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha.

Madankollu, meta l-Kunsill jikkompleta l-motivazzjoni tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent f’lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, għandha ssir distinzjoni skont l-atti inkwistjoni.

Għalkemm kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi għandha bħala prinċipju tkun ippreċeduta minn komunikazzjoni tal-elementi inkolpatorji l-ġodda u minn smigħ, dan ma huwiex il-każ meta r-raġunijiet għal deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi jkunu essenzjalment l-istess bħal dawk diġà invokati fl-okkażjoni ta’ deċiżjoni preċedenti. Għalhekk, sempliċi dikjarazzjoni f’dan is-sens tkun biżżejjed.

Għaldaqstant, l-assenza ta’ notifika individwali ta’ tali deċiżjoni, li fiha l-Kunsill illimita ruħu li jirriproduċi r-raġunijiet għall-inklużjoni inizjali, mingħajr ma żied jew biddel xejn, ma tippreġudikax id-drittijiet tad-difiża.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ deċiżjoni li fiha l-Kunsill biddel il-motivazzjoni tal-inklużjoni inizjali ta’ isem il-persuna kkonċernata fil-lista inkwistjoni, fil-kuntest ta’ tali atti, il-komunikazzjoni tal-elementi inkolpatorji l-ġodda u d-dritt għal smigħ għandhom ikunu żgurati qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-atti.

(ara l-punti 44‑48)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 61‑67, 71, 76)

4.      Fir-rigward tal-inklużjoni ta’ isem persuna fil-listi tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi kontra s-Sirja, sabiex jeżonera ruħu b’mod korrett mill-obbligu tiegħu li jimmotiva att li jimponi miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu jiddikjara l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l-ġustifikazzjoni legali ta’ dawn il-miżuri u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh biex jeħodhom. Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, il-motivazzjoni ta’ tali att għandha tkun ibbażata mhux biss fuq ir-rekwiżiti legali ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, iżda wkoll fuq ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal dawn il-miżuri.

Madankollu, pubblikazzjoni ddettaljata tal-ilmenti mressqa kontra l-partijiet ikkonċernati tista’ mhux biss tmur kontra l-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, iżda wkoll tippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni u tal-entitajiet inkwistjoni, sa fejn din tista’ tikkawża dannu gravi għar-reputazzjoni tagħhom, b’tali mod li għandu jiġi ammess eċċezzjonalment li huma biss id-dispożittiv, kif ukoll motivazzjoni ġenerali, li għandhom jidhru fil-verżjoni tad-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, peress li huwa mifhum li l-motivazzjoni speċifika u konkreta ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi fformalizzata u mgħarrfa lill-partijiet ikkonċernati b’kull mezz ieħor li huwa xieraq.

(ara l-punti 72, 73)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 94‑96)

6.      Id-dritt għall-proprjetà jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u huwa sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, id-drittijiet sanċiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma għandhomx, fid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni assoluta, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni u ma jammontawx, fir-rigward tal-għan imfittex, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti.

F’dan ir-rigward, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra persuna li tappoġġa ekonomikament lir-reġim Sirjan hija ta’ natura xierqa, sa fejn din tifforma parti mill-għan ta’ protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili li huwa ta’ interess ġenerali tant fundamentali għall-komunità internazzjonali. Fil-fatt, l-iffriżar ta’ fondi, ta’ assi finanzjarji u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra kif ukoll il-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni fir-rigward tal-persuni identifikati bħala involuti fis-sostenn tar-reġim Sirjan ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu mhux xierqa.

Iktar minn hekk, tali miżuri restrittivi huma wkoll ta’ natura neċessarja peress li l-miżuri alternattivi u inqas restrittivi, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu tal-fondi mħallsa, ma jippermettux li jintlaħaq b’mod daqstant effettiv l-għan imfittex, jiġifieri l-ġlieda kontra l-finanzjament tar-reġim Sirjan, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti.

Barra minn hekk, l-atti li jinkludu isem il-persuna kkonċernata fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja jew li jżommu ismu f’dawn il-listi jipprevedu l-possibbiltà li jiġi awtorizzat l-użu tal-fondi ffriżati sabiex jiġu sodisfatti ċerti bżonnijiet essenzjali jew ċerti impenji, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi oħra ma jibqgħux iffriżati u li l-inklużjoni fil-lista tiġi riveduta perjodikament sabiex jiġi żgurat li jitneħħew l-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet li ma għadhomx jissodisfaw il-kriterji meħtieġa għall-inklużjoni fil-lista kkontestata.

Fl-aħħar nett, l-imsemmija atti jipprevedu wkoll li l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza d-dħul fit-territorju tagħha, b’mod partikolari għal raġunijiet urġenti ta’ natura umanitarja.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-importanza primordjali tal-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja u tad-derogi previsti mid-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-restrizzjonijiet għad-dritt tal-proprjetà u għar-rispett tal-ħajja privata tal-persuna kkonċernata kkawżati bl-atti ċċitati iktar ’il fuq ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex.

(ara l-punti 97‑100, 102‑104)