Language of document : ECLI:EU:C:2016:473

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-22 ta’ Ġunju 2016 (1)

Kawża C‑41/15

Gerard Dowling

Padraig McManus

Piotr Skoczylas

Scotchstone Capital Fund Limited

vs

Minister for Finance


Partijiet innotifikati: Permanent TSB Group Holdings plc u Permanent TSB plc

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (qorti għolja, l-Irlanda)]

(Dritt tal-kumpanniji — Direttiva 77/91/KEE — Protezzjoni tal-interessi ta’ azzjonisti fir-rigward tal-kapital ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata — Deċiżjoni 2011/77/UE — Assistenza finanzjarja mogħtija lill-Irlanda — Rikapitalizzazzjoni ta’ Irish Life and Permanent plc — Direttiva 2001/24/KE — Miżuri ta’ riorganizzazzjoni)





1.        Il-Gvern Irlandiż kiser dispożizzjonijiet bażiċi tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kumpanniji meta, fis-sajf tal-2011, ħa l-kontroll ta’ Irish Life and Permanent Group Holdings plc (sussegwentement Permanent TSB Group Holdings plc; iktar ’il quddiem “ILPGH” jew il-“kumpannija”) u, fl-istess waqt, tas-sussidjarja tagħha Irish Life and Permanent plc (sussegwentement Permanent TSB plc; iktar ’il quddiem l-“ILP” jew il-“bank”)? Dan huwa fil-qosor il-qofol tat-tilwima quddiem il-High Court (qorti għolja, l-Irlanda).

2.        F’konformità mal-pożizzjoni ddikjarata tiegħi fil-konklużjonijiet tiegħi tat‑18 ta’ Frar 2016 fil-kawża Kotnik et (2), inqis, għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il quddiem, li d-drittijiet mogħtija lil azzjonisti mid-Direttiva 77/91/KEE (iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”) (3) ma jipprekludux Stat Membru milli b’mod urġenti jirrikapitalizza istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà li tkun il-bażi tal-qafas tal-ekonomija tiegħu, li, mingħajrha dik l-ekonomija aktarx iġġarrab ħsara kbira u tista’, imbagħad, toħloq riskju għal dik ta’ Stati Membri oħra.

3.        Għalhekk jiena tal-fehma li l-miżura inkwistjoni fil-każ inkunsiderazzjoni ttieħdet f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, fl-aħħar analiżi, din hija kwistjoni li l-High Court (qorti għolja) għandha tivverifika.

I –  Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Tieni Direttiva

4.        Skont l-Artikolu 8 tat-Tieni Direttiva, ma jistgħux jinħarġu ishma bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom, jew, meta ma jkunx hemm valur nominali, mill-parità kontabbli tagħhom.

5.        Skont l-Artikolu 25 tat-Tieni Direttiva, kull żieda fil-kapital għandha tiġi deċiża mil-laqgħa ġenerali, ħlief meta tkun ġiet preċedentement awtorizzata mill-istatuti jew mid-dokument ta’ inkorporazzjoni jew mil-laqgħa ġenerali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu.

6.        L-Artikolu 29(1) tat-Tieni Direttiva jipprovdi li kull meta l-kapital jiżdied b’korrispettiv fi flus, l-ishma għandhom jiġu l-ewwel offruti fuq bażi ta’ prelazzjoni lil azzjonisti fil-proporzjon tal-kapital rappreżentat mill-ishma tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 29(4), id-dritt li jiġu offerti fuq bażi ta’ prelazzjoni ma jistax ikun ristrett jew irtirat mill-istatuti jew mid-dokument ta’ inkorporazzjoni, iżda biss b’deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali skont il-kundizzjonijiet speċifikati f’dan il-paragrafu.

2.      Direttiva 2001/24/KE (4)

7.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24 (“Tifsiriet”) jiddefinixxi “miżuri ta’ riorganizzazzjoni” bħala “miżuri li huma maħsuba biex jippreservaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li tista’ taffettwa d-drittijiet pre-eżistenti ta’ terzi, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri ta’ infurżar jew tnaqqis ta’ talbiet”.

8.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/24 (“Adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni — liġi applikabbli”) jipprovdi li l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikunu waħedhom mogħtija s-setgħa li jiddeċiedu fuq l-implementazzjoni ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni jew iktar f’istituzzjoni ta’ kreditu, inklużi fergħat stabbiliti fi Stati Membri oħra. Dawn il-miżuri għandhom ikunu applikati skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor. Malli jkunu daħlu fis-seħħ fl-Istat Membru fejn ikunu ttieħdu, tali miżuri għandhom ikunu effettivi skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru ġewwa l-Unjoni Ewropea kollha mingħajr ebda formalità oħra, inkluż kontra terzi fi Stati Membri oħra, ukoll fejn ir-regoli tal-Istat Membru ospitanti applikabbli għalihom ma jkunux jipprovdu għal dawk il-miżuri jew jagħmlu l-implementazzjoni tagħhom suġġetta għall-kundizzjonijiet li ma jintlaħqux.

9.        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/24 (“Bidu ta’ proċeduri tal-istralċ — Informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata lill-awtoritajiet l-oħra kompetenti”) jistabbilixxi regoli sustanzjalment simili għal dawk tal-Artikolu 3 fir-rigward ta’ deċiżjonijiet sabiex jinbdew proċeduri ta’ stralċ.

3.      Deċiżjoni 2011/77/UE (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni”) (5)

10.      Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni kienet adottata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 407/2010 (6) b’mod partikolari tal-Artikolu 3(3) tiegħu. It-test tal-premessi 1 sa 3 tad-Deċiżjoni huwa dan li ġej:

“(1)      L-Irlanda, reċentement, kienet taħt pressjoni dejjem akbar fir-rigward tas-swieq finanzjarji, li tirrefletti t-tħassib li qed jiżdied dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Irlanda fid-dawl tal-miżuri komprensivi ta’ appoġġ pubbliku lis-settur finanzjarju mdgħajjef. Minħabba l-esponiment eċċessiv għall-proġetti ta’ proprjetà immobbli u ta’ kostruzzjoni, is-sistema bankarja domestika ġarrbet telf kbir wara l-kollass ta’ dawn is-setturi. Il-kriżi attwali fis-setturi ekonomiċi u bankarji kellha wkoll impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi tal-Irlanda, u b’hekk aggravat l-impatt tar-reċessjoni. It-tnaqqis fid-dħul fiskali kif ukoll iż-żieda fin-nefqa ċiklika, partikolarment, minħabba ż-żieda fil-qagħad, kollha kkontribwew għad-defiċit għoli tal-amministrazzjoni pubblika u għal żieda qawwija fid-dejn meta mqabbla mal-pożizzjonijiet favorevoli tagħhom qabel il-kriżi u dan minkejja l-implimentazzjoni, min-nofs l-2008, ta’ ħames pakketti importanti ta' konsolidazzjoni fiskali. Miżuri ta’ appoġġ għas-settur bankarju, inkluż injezzjonijiet kapitali sinifikanti, ikkontribbwew, b’mod qawwi, lejn id-deterjorazzjoni tal-pożizzjoni tal-finanzi pubbliċi. It-tħassib attwali dwar is-suq jirrefletti, primarjament, il-ħolqa inseparabbli bejn is-solvenza tas-sovran Irlandiz u s-sistema bankarja f’din il-kriżi; din wasslet għal żieda qawwija fir-rendiment mill-bonds sovrani, filwaqt li s-sistema bankarja domestika hija effettivament maqtugħa mill-finanzjament mis-suq internazzjonali.

(2)   Fid-dawl ta’ dan it-tfixkil ekonomiku u finanzjarju gravi kkawżat minn okkorrenzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gvern, l-awtoritajiet Irlandiżi talbu uffiċjalment assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali [iktar ’il quddiem il-‘FMI’] fil-21 ta’ Novembru 2010 bl-għan li jiġi appoġġat ir-ritorn tal-ekonomija għal tkabbir sostenibbli, jiġi żgurat funzjonament tajjeb tas-sistema bankarja u tiġi mħarsa l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u fiż-żona euro. Fit-28 ta’ Novembru 2010, intlaħaq ftehim fuq livell tekniku rigward pakkett komprensiv ta’ politika għall-perjodu 2010-2013.

(3)   L-abbozz tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju [iktar ’il quddiem il-‘Programm’] li ġie mressaq lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għandu l-għan li jerġa jikseb il-kunfidenza tas-suq finanzjarju fis-settur bankarju Irlandiż u s-sovran, u b’hekk jippermetti lill-ekonomija terġa’ lura għal tkabbir sostenibbli. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri, il-programm jinkludi tliet elementi ewlenin. L-ewwel, strateġija għas-settur finanzjarju li tinkludi tnaqqis fundamentali fid-daqs, diżingranar [ħelsien mid-dejn] kif ukoll riorganizzazzjoni tas-settur bankarju, flimkien ma’ rikapitalizzazzjoni xierqa sal-livell meħtieġ […] L-awtoritajiet qed jitolbu assistenza finanzjarja mill-Unjoni, mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, u self bilaterali mir-Renju Unit, l-Isvezja u d-Danimarka kif ukoll mill-FMI bħala appoġġ għal dan il-pakkett ta' politika ambizzjuż.”

11.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni jipprovdi:

“1.   L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self lill-Irlanda li jammonta għal massimu ta’ EUR 22.5 biljun, b’maturità medja massima ta’ 7½ snin.

[…]

4.     L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar is-Self u l-Memorandum ta’ Ftehim. Kwalunkwe rilaxx ta’ self sussegwenti għandu jkun fuq kundizzjoni ta’ evalwazzjoni ta’ fuq tlett xhur favorevoli mill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-[Bank Ċentrali Ewropew, iktar ’il quddiem il-‘BĊE’], tal-konformità tal-Irlanda mal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika ġenerali kif definiti b’din id-Deċiżjoni u bil-Memorandum ta’ Ftehim.

[…]

8.     Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fuq id-daqs u r-rilaxx ta’ ħlasijiet parzjali ulterjuri. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs ta’ kull parti.”

12.      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni jispeċifika li l-Kummissjoni għandha tiġġestixxi l-assistenza mogħtija lill-Irlanda b’mod konsistenti mal-impenji tal-Irlanda u ma’ rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill, u jistabbilixxi l-modalitajiet li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ din is-superviżjoni. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni japprova l-Programm ippreparat mill-awtoritajiet Irlandiżi, u jipprovdi li l-iżborż ta’ ħlasijiet parzjali ulterjuti għandu jsir fuq il-bażi ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti tal-Programm, li għandha tinkludi, inter alia, il-miżuri li ġejjin:

“5.   Bl-għan li tinkiseb lura l-kunfidenza fis-settur finanzjarju, l-Irlanda għandha tirrikapitalizza b’mod xieraq, twettaq diżingranar malajr u tirristruttura bir-reqqa s-sistema bankarja kif stabbilit fil-Memorandum ta’ Ftehim […] B’mod partikolari, l-Irlanda għandha:

(a)   tieħu azzjoni sabiex tiżgura li l-banek domestiċi huma kapitalizzati b’mod adegwat fil-forma ta’ ekwità, jekk meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li dawn jirrispettaw ir-rekwiżit regolatorju minimu ta’ proporzjon tal-kapital ewlieni Tier 1 ta’ 10.5 % matul il-programm ta’ assistenza finanzjarja tal-UE kollu, filwaqt li jsir proċess ta’ tnaqqis lejn il-mira tal-proporzjon tas-self relatat mad-depożiti ta’ 122.5 % sal-aħħar tal-2013;

[…]

7.      L-Irlanda għandha tadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2011, skont l-ispeċifikazzjoni fil-Memorandum ta’ Ftehim:

[…]

(g)    ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek domestiċi sal-aħħar ta’ Lulju 2011 (suġġett għall-aġġustament adattat għall-bejgħ mistenni tal-assi fil-każ ta’ Irish Life & Permanent) f’konformità mas-sejbiet tar-[reviżjoni prudenzjali tal-valutazzjoni tal-kapital (iktar ’il quddiem il-‘PCAR’) u tar-reviżjoni prudenzjali tal-valutazzjoni tal-likwidità (iktar ’il quddiem il-‘PLAR’)] tal-2011, kif imħabbar mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda fil-31 ta’ Marzu 2011;

[…]”

B –    Id-dritt Irlandiż

13.      Il-Credit Institutions (Stabilisation) Act 2010, kif emendat (Liġi tal-2010 dwar l-istabilizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2010”), japplika għal istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu ġew sostnuti finanzjarjament. Kien daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2010.

14.      L-għanijiet tal-Liġi tal-2010 huma stabbiliti fl-Artikolu 4. Jinkludu li jkunu indirizzati t-tfixkil fl-ekonomija u fis-sistema finanzjarja u t-theddida għall-istabbiltà ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Irlanda u tas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali; l-implementazzjoni tar-riorganizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Irlanda fil-kuntest, inter alia, tal-Programm; u l-preservazzjoni jew li tinġieb lura l-qagħda finanzjarja ta’ “istituzzjoni rilevanti”.

15.      L-Artikolu 2 jiddefinixxi ċerti kunċetti użati fil-Liġi tal-2010, bħal “istituzzjoni ta’ kreditu” (persuna awtorizzata fl-Istat sabiex taċċetta depożiti jew fondi pagabbli oħra mill-pubbliku u li tagħti kreditu f’isimha) u “istituzzjoni rilevanti”. Din tal-aħħar tindika fis-subparagrafu (a), korp bl-uffiċċju rreġistrat tiegħu fl-Irlanda u li jkun, jew kien fid-data li fiha l-Liġi tal-2010 tkun daħlet fis-seħħ, bank li għandu liċenzja u li jkun ingħata jew ikun ser jingħata sostenn finanzjarju mill-Minister for Finance (iktar ’il quddiem il-“Ministru”); u fis-subparagrafu (f), kumpannija holding ta’ tali korp.

16.      L-Artikolu 7 tal-Liġi tal-2010 jagħti s-setgħa lill-Ministru jipproponi l-hekk imsejħa ordnijiet lill-High Court (qorti għolja) li istituzzjoni rilevanti tiġi ordnata tieħu (f’perijodu speċifikat) jew li ma tiħux (matul perijodu speċifikat) kull azzjoni. B’riżultat ta’ dan, l-Artikolu 9 tal-Liġi tal-2010 jirregola l-proċedura għal ħruġ ta’ ordnijiet. Huwa jipprovdi:

“(1)       Malajr kemm jista’ jkun wara li jkunu tlestew, fir-rigward ta’ ordni proposta, il-proċeduri meħtieġa mill-Artikolu 7, il-Ministru għandu japplika ex parte għand il-[High] Court [(qorti għolja)] għal [ordni] fit-termini tal-ordni proposta rilevanti.

(2)   Il-[High] Court, meta tittratta rikors ex parte skont il-paragrafu (1), għandha, jekk tkun ġiet issodisfatta li r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 ikunu ġew osservati u li l-opinjoni tal-Ministru skont dan l-artikolu kienet raġonevoli u ma kinitx ivvizzjata minn żball ta’ liġi, toħroġ ordni fit-termini tal-ordni proposta (jew f’dawk it-termini kif varjati…).

(3)    Jekk f’ordni proposta l-Ministru jkun iddikjara l-intenzjoni li jippreserva jew li jġib lura l-qagħda finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, u l-[High] Court tkun issodisfatta li l-Ministru jkun għamel l-ordni proposta jew parti minnha b’din l-intenzjoni, il-[High] Court għandha tiddikjara fl-ordni rilevanti li l-ordni jew il-parti rilevanti tagħha tkun miżura ta’ riorganizzazzjoni għall-finijiet tad-[Direttiva 2001/24].

[…]”

17.      L-Artikolu 11(1) tal-Liġi tal-2010 jipprovdi li l-istituzzjoni rilevanti inkwistjoni jew kull membru tagħha jistgħu japplikaw għand il-High Court (qorti għolja) sabiex jitolbu li ordni titħassar. Skont il-paragrafu (3), il-High Court “għandha tħassar l-ordni biss jekk tkun tal-opinjoni li ma kienx hemm konformità ma’ ebda wieħed mir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 jew li l-opinjoni tal-Ministru ma kinitx, skont l-Artikolu 7(2), raġonevoli jew kienet ivvizzjata minn żball ta’ liġi.” Alternattivament, il-High Court tista’, skont il-paragrafu (4), tvarja ordni minflok ma tħassarha, fil-każ li jkun ġie stabbilit xi wieħed minn dawk in-nuqqasijiet legali.

18.      L-Artikolu 47 tal-Liġi tal-2010 jipprovdi sabiex tiddaħħal f’ordni dispożizzjoni fis-sens li kull setgħa li tkun tista’ tiġi eżerċitata mill-membri tal-istituzzjoni rilevanti kkonċernata fil-laqgħa ġenerali tkun tista’ tiġi eżerċitata mill-Ministru.

19.      Skont l-Artikolu 52 tal-Liġi tal-2010, “kull ordni magħmula skont dan il-liġi […] li tiġi ddikjarata li tkun saret bl-intenzjoni li tiġi ppreservata u tinġieb lura l-qagħda finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tkun intiża li jkollha effett skont [id-Direttiva 2001/24] u skont kull liġi li ttiha effett”.

20.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 53 tal-Liġi tal-2010 jgħid li d-dispożizzjonijiet tiegħu u kull ordni magħmula abbażi tiegħu jkollhom effett minkejja l-effetti ta’ għadd ta’ regoli oħra elenkati f’din id-dispożizzjoni, inklużi l-Atti dwar il-Kumpanniji Irlandiżi, għajr meta l-Liġi tal-2010 tipprovdi mod ieħor. Barra minn hekk, l-Artikolu 61 essenzjalment jipprovdi li l-formulazzjoni ta’ ordni ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tagħti lok għal att kuntrattwali ta’ inadempjenza.

II –  Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

21.      Id-digriet tar-rinviju jgħid li l-ILP huwa istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Irlanda. Fiż-żmien rilevanti l-ILP kien is-sid ta’ Irish Life Group (iktar ’il quddiem “Irish Life”), li kienet tinkludi Irish Life Assurance plc u Irish Life Investment Managers Ltd.

22.      ILPGH hija kumpannija rreġistrata b’responsabbiltà limitata fl-Irlanda, li bdiet topera abbażi ta’ skema ta’ arranġament approvat mill-High Court (qorti għolja) f’Jannar 2010 (7). Kienet iż-żmien kollu kumpannija holding li kienet fl-intier tagħha s-sid tal-ILP. ILPGH ma kellha ebda assi oħra u ma hijiex istituzzjoni ta’ kreditu, lanqas ma kienet fiż-żmien inkwistjoni.

23.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, kollettivament, ir-“rikorrenti”) huma membri ta’ u azzjonisti f’ILPGH. G. Dowling, P. McManus u P. Skoczylas huma azzjonisti individwali. P. Skoczylas kien ukoll, għal perijodu, ukoll direttur ta’ ILPGH, peress li kien ġie elett f’Laqgħa Ġenerali Straordinarja ta’ ILPGH li kienet saret fl-20 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem l-“LĠS”). Scotchstone Capital Fund Limited hija kumpannija proprjetà ta’ P. Skoczylas, u hija wkoll azzjonista fi ILPGH.

24.      Mill-2008 ’il quddiem, l-ILP, flimkien ma’ banek oħra Irlandiżi, saret iktar u iktar tistrieħ fuq sostenn finanzjarju mill-Istat u mill-Unjoni. Mal-medda taż-żmien u meta t-taqlib finanzjarju ta’ dawk is-snin ma kienx għadu waqaf għalkollox, l-isforzi tal-Gvern Irlandiż sabiex jgħin lill-banek ma kinux irnexxew sabiex jikkonvinċu lis-swieq kemm dwar il-vijabbiltà tal-banek, kif ukoll dwar il-ħila tal-Istat li jissokta jgħinhom. Sa tard fl-2010, kien jidher li kien hemm theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja tal-Istat, b’mod parzjalment sinjifikattiv minħabba impenji tal-Istat għall-banek. L-Istat kien iggarantixxa depożiti fir-rigward ta’ Irish Life għal ammont ta’ madwar EUR 26 biljun.

25.      F’Novembru 2010, l-Istat Irlandiż daħal għal impenji legali vinkolanti mal-Kummissjoni, mal-BĊE u mal-FMI, inkluż impenn li jirrikapitalizza banek vijabbli Irlandiżi, fil-kuntest tal-Programm. Bħala parti mill-Programm il-Bank Ċentrali tal-Irlanda ntrabat li jwettaq il-PCAR u l-PLAR u li jiddetermina l-ħtiġijiet kapitali tal-banek abbażi tar-riżultati. Dawn ir-riżultati kienu ppubblikati fil-31 ta’ Marzu 2011. L-Irlanda ntrabtet li legalment tiżgura r-rikapitalizzazzjoni f’konformità mar-reviżjonijiet sal-31 Lulju 2011.

26.      Sussegwentement il-Bank Ċentrali tal-Irlanda, fil-kwalità tiegħu ta’ regolatur indipendenti, ordna lill-ILP jiġbor kapital regolatorju fis-somma ta’ EUR 4 biljuni. Din l-ordni kienet vinkolanti għall-ILP u ma kinitx suġġetta għal kontestazzjoni legali.

27.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li hija qieset li fuq bilanċ ta’ probabbiltajiet, (a) il-kapital meħtieġ ma setax jinġabar mingħand investituri privati; (b) il-kapital meħtieġ ma setax jinġabar mingħand azzjonisti eżistenti; u (c) in-nuqqas ta’ rikapitalizzazzjoni sad-data tal-iskadenza kien iwassal għall-falliment tal-ILP, jew minħabba assalt fuq l-ILP minn depożitarji, l-irtirar tal-liċenzja tiegħu, sejħa għal ħlas lura tad-diversi strumenti ta’ dejn, waqfien ta’ fondi skont l-iskema ta’ emerġenza ta’ assistenza għal likwidità jew minħabba taħlita ta’ xi wħud minn dawn il-possibbiltajiet jew kollha. Tali falliment kien, barra minn hekk, (d) bħala kwistjoni ta’ probabbiltà, jirriżulta f’telf komplet tal-valur għall-azzjonisti.

28.      Ukoll, fil-fehma tal-High Court (qorti għolja), (e) il-falliment tal-ILP kien, bħala kwistjoni ta’ probabbiltà, ikollu konsegwenzi gravi, ħżiena għall-Istat Irlandiż, jew minħabba assalt fuq il-bank u domanda sussegwenti fuq il-garanzija mill-Istat ta’ sa madwar EUR 26 biljun, minħabba l-effetti kontaġjużi fir-rigward tal-banek l-oħra, irtirar sħiħ jew parzjali ta’ finanzjament lill-Istat skont il-Programm għal nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet tiegħu, minħabba sanzjonijiet imposti skont it-Trattat FUE jew minħabba taħlita ta’ xi wħud minn dawn il-possibbiltajiet jew kollha. Il-konsegwenzi ħżiena għall-Istat kienu, bħala kwistjoni ta’ probabbiltà, (f) jagħmlu iktar ħażina t-theddida għall-istabbiltà finanzjarja ta’ Stati Membri oħra u għall-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjonijiet mill-Istat li jinvesti fir-rikapitalizzazzjoni kienu saru sabiex jitwettqu l-obbligi legali tiegħu u fl-interess tas-sistema finanzjarja tal-Istat, taċ-ċittadini tal-Istat u taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

29.      L-Istat iddeċieda li jirrikapitalizza l-ILP permezz ta’ sottoskrizzjoni mill-Ministru għal ishma ordinarji fis-somma ta’ EUR 2.3 biljuni, b’kapital kontinġenti ta’ EUR 0.4 biljun, u b’investiment “ta’ riżerva” ta’ EUR 1.1 biljun. Il-prezz li kellu jitħallas għal kull sehem kien ta’ EUR 0.06345, skont ta’ 10 % fuq il-prezz medju fis-suq fit-23 ta’ Ġunju 2011. Il-kalkolu tal-għadd ta’ ishma meħtieġa li kellhom jinħarġu sabiex jagħmlu tajjeb għal EUR 2.3 biljuni rriżulta fl-akkwist mill-Ministru ta’ 99.2 % tal-kumpannija. Fil-fehma tal-High Court (qorti għolja), (g) il-prezz tal-ishma f’dik id-data ma kienx ir-riżultat ta’ suq falz, kif issottomettew ir-rikorrenti. Il-prezz tal-ishma kien qiegħed jaqa’ tul l-għadd ta’ snin preċedenti, u waqa’ drammatikament meta kienu ppubblikati r-riżultati tal-PCAR u tal-PLAR. Bħala kwistjoni ta’ probabbiltà, dan seħħ minħabba li kien hemm dubju fis-suq dwar il-ħila tal-ILP li jikseb ir-rikapitalizzazzjoni meħtieġa b’mod li jkun attraenti għal investituri.

30.      Il‑Kummissjoni tat l-approvazzjoni tagħha, skont ir-regoli dwar għajnuna mill-Istat, għas-salvataġġ u għar-rikapitalizzazzjoni tal-ILP permezz tal-investiment mill-Istat (8). L-operazzjoni kienet ukoll approvata mill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-finijiet tad-Direttiva 2004/25/KE (9).

31.      Il-proposta tal-Ministru kellha l-appoġġ tal-bord tal-ILP, li qies li l-ILP ma kellu ebda għażla oħra fir-rigward tal-kisba tar-rikapitalizzazzjoni meħtieġa. L-LĠS issejħet sabiex tgħaddi r-riżoluzzjonijiet meħtieġa. Madankollu, il-proposta ma kinitx aċċettata mill-azzjonisti li vvotaw fil-LĠS, li xtaqu jiskopru modi oħra sabiex jinġabar il-kapital meħtieġ u taw struzzjonijiet lill-bord sabiex jitlob estensjoni taż-żmien għar-rikapitalizzazzjoni.

32.      La l-Ministru u lanqas il-Bank Ċentrali tal-Irlanda ma kellhom f’moħħhom jitolbu tali estensjoni li, meqjus l-oriġini tat-terminu ta’ skadenza, fil-fehma tagħhom kien ikun jeħtiġilha l-kunsens tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-BĊE u tal-FMI. Għalhekk, fil-25 ta’ Lulju 2011 il-Ministru abbozza ordni proposta skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-2010. Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Irlanda kkomunika l-fehmiet tiegħu, li kienu ta’ appoġġ għall-ordni proposta bħala li aktarx kienet tissodisfa l-finijiet statutorji tal-Liġi tal-2010. Il-president tal-bord tal-kumpannija għamel riferiment lill-Ministru għall-ittra li huwa kien kiteb wara l-LĠS, li fiha kien ġabar fil-qosor il-fehmiet tal-azzjonisti li ma kinux jaqblu li ma tintalabx estensjoni.

33.      Ir-rikors ex parte għal ordni kien sar u ntlaqa’ mill-High Court (qorti għolja) fis-26 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem l-“ordni”), li bih il-Ministru kiseb 99.2 % tal-ishma maħruġa ta’ ILPGH. Kien meħtieġ, għalhekk, li jitneħħew l-ishma tal-kumpannija mill-kwotazzjonijiet uffiċjali fl-Irlanda u fir-Renju Unit. Permezz ta’ rikors bid-data tat-3 ta’ Awwissu 2011, ir-rikorrenti talbu lill-High Court tħassar l-ordni, skont l-Artikolu 11 tal-Liġi tal-2010. Minħabba li kellha dubji dwar jekk il-miżuri proposti mill-Ministru kinux meħtieġa, kinux irraġonevoli jew ivvizzjati minn żball ta’ liġi, il-High Court iddeċidiet, fit-2 ta’ Diċembru 2014, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel d-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1) It-Tieni Direttiva dwar il-kumpanniji tipprekludi, f’kull ċirkustanza, inkluż fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, l-għoti ta’ ordni skont l-Artikolu 9 tal-[Liġi tal-2010], abbażi tal-opinjoni tal-[Ministru] li tgħid li huwa neċessarju [li din l-ordni hija neċessarja], meta tali ordni għandha l-effett li jiżdied il-kapital ta’ kumpannija mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali, li jingħataw ishma ġodda mingħajr ma dawn jiġu offerti fuq bażi preferenzjali [ta’ prelazzjoni] lill-azzjonisti eżistenti u mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali, li jitnaqqas il-valur nominali tal-ishma tal-kumpannija mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali u, għal dan il-għan, li jiġu emendati l-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali?

(2)    L-ordni mogħtija mill-High Court skont l-Artikolu 9 tal-[Liġi tal-2010] fir-rigward tal-[kumpannija] u tal-[bank] kisret id-dritt tal-Unjoni?”

34.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati mir-rikorrenti, mill-ILP, minn ILPGH, mill-Irlanda, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Ċiprijott u mill-Kummissjoni. Fis-seduta li saret fid-19 ta’ April 2016, saru sottomissjonijiet orali mir-rikorrenti, mill-ILP, minn ILPGH, mill-Irlanda u mill-Kummissjoni.

III –  Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

35.      Il-kriżi finanzjarja mhux biss tat lok għal għadd ta’ deċiżjonijiet importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (10). Hija rawmet ukoll litigazzjoni miġjuba b’rabta mal-adozzjoni ta’ miżuri għas-salvataġġ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu f’diffikultà (11). Tipikament, dawn il-miżuri kienu jeħtieġu “qsim tal-piż” sabiex, fl-ewwel lok, jitnaqqas l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja pubblika u, fit-tieni lok, sabiex jinżamm milli jkun hemm spekulazzjoni f’impriżi ta’ negozju ta’ riskju (l-hekk imsejħa mġiba moralment riskjuża). Is-sottomissjoni hija li l-kawża prinċipali tinvolvi tali miżuri.

36.      Fil-każ inkunsiderazzjoni, ma huwiex ikkontestat, l-ewwel nett, li t-Tieni Direttiva bħala prinċipju tapplika għal kumpanniji bħall-ILP u għal ILPGH, u t-tieni nett, li l-ILP kien f’diffikultajiet ekonomiċi u kien marbut isegwi l-ordni mogħtija lilu mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda. Ir-rikorrenti pjuttost jiddubitaw mil-legalità tal-miżuri meħuda mill-Ministru. Essenzjalment jifhmu li seta’ kien hemm miżuri oħra inqas ta’ piż li ma kinux jinvolvu li ma tinkisibx l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ ILPGH, fil-fehma tagħhom bi ksur tal-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva.

37.      Tabilħaqq l-argument prinċipali tar-rikorrenti huwa li huwa l-ILP, u mhux ILPGH, li huwa istituzzjoni ta’ kreditu. Jissottomettu li, għall-finijiet taż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja tal-ekonomija Irlandiża, il-Ministru seta’ u kellu jillimita sa fejn kellu jwassal l-intervent tiegħu għall-ILP, milli jitlob lill-High Court (qorti għolja) sabiex tagħmel ILPGH il-mira tal-ikbar sehem tal-miżuri kkontestati. Fil-fehma tagħhom ILPGH hija sempliċement kumpannija holding b’kapital azzjonarju separat minn dak tal-ILP li ma kinitx marbuta bl-ordni mogħtija mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda jew, jekk niġu f’dan, responsabbli għal dak li kienet tagħmel u ma tagħmilx l-ILP.

38.      Ma hemmx ħtieġa ta’ risposta għal din is-sottomissjoni sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-High Court (qorti għolja). Madankollu, minħabba li jidher li jkun ta’ għajnuna sabiex il-High Court tkun tista’ tieħu pożizzjoni fil-kawża prinċipali, ser inqis ulterjorment din is-sottomissjoni meta nirrispondi t-tieni domanda, li fil-fehma tiegħi tissupplementa r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda. Għalhekk ser nagħlaq dawn il-konklużjonijiet tiegħi billi nagħti risposta konġunta għaż-żewġ domandi.

B –    L-ewwel domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet preliminari

39.      L-ewwel domanda hija fformulata f’termini ġenerali, iktar milli f’riferiment speċifiku għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Nislet minn dan li l-High Court (qorti għolja), l-ewwel u qabel kollox, qiegħda titlob risposta ta’ prinċipju mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kif nifhimha jiena, bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, b’interpretazzjoni tajba tal-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru skont liema, sabiex jiġi indirizzat it-tfixkil fl-ekonomija u fis-sistema finanzjarja u t-theddida għall-istabbiltà ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu f’dak l-Istat Membru u għas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali kif ukoll sabiex jitnaqqas ir-riskju li dan jinfirex fi Stati Membri oħra, qorti tista effettivament tordna li kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li għaliha tkun tapplika din id-direttiva, li tkun ta’ importanza sistemika għall-ekonomija ta’ dak l-Istat Membru u li ma tkunx tista’, minn jeddha, tissodisfa r-rekwiżiti regolatorji imposti minn dak l-Istat Membru relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, jittiħdilha l-kontroll tagħha mill-gvern mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali.

40.      Konsegwentement, il-leitmotiv tal-każ inkunsiderazzjoni huwa, mill-ġdid, il-kwistjoni tal-limiti tas-setgħat tal-gvern li jieħu l-kontroll, fi żminijiet ta’ kriżi, ta’ istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà li tkun tikkostitwixxi wieħed mill-pilastri tal-ekonomija. Din id-darba l-limitu inkwistjoni joħroġ mid-drittijiet li azzjonisti, miġbura f’laqgħa ġenerali, jieħdu mid-dritt tal-Unjoni — f’dan il-każ mill-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva — li ma jħallux isir tali akkwiżizzjoni.

2.      L-approċċ ġenerali li jimmotiva d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

41.      Kif għidt fil-parti introduttorja ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ssegwi l-approċċ li pproponejt fil-kawża Kotnik et (12). Din il-kawża kienet ukoll, fost affarijiet oħra, dwar il-limiti għal intervent mill-Istat fis-settur finanzjarju f’diffikultà stabbiliti mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-kumpanniji, għalkemm permezz ta’ għajnuna mill-Istat. Ser niddeskrivi iktar ’il quddiem, fil-punti 44 sa 51, x’kienet tirrigwarda dik il-kawża u għaliex hija simili għal din il-kawża.

42.      Madankollu, qabel ma nagħmel dan, nibda sabiex infakkar dwar prinċipju bażiku: il-personalità ġuridika indipendenti ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, li tikkostitwixxi waħda mill-bażijiet tas-suq intern u, b’mod partikolari, il-libertà tal-istabbiliment kif speċifikat fit-tieni paragrafi tal-Artikoli 49 u 54 TFUE (13). Il-fatt li kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata tkun għaddejja minn diffikultajiet finanzjarji ma jiġġustifikax, minnu nnifsu, li l-azzjonisti jiġu miċħuda drittijiet tat-Tieni Direttiva (14). Jekk dan isir l-Artikolu 17 tat-Tieni Direttiva (15) jinsteraqlu kull skop.

43.      Għal din ir-raġuni, is-sottomissjoni, magħmula mill-ILP, minn ILPGH u mill-Irlanda, li skontha l-Artikolu 65(1)(b) TFUE għandu jiġġustifika deroga mit-Tieni Direttiva għal raġunijiet ta’ superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u, minbarra dan, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-fama tas-settur finanzjarju tas-suq nazzjonali tista’, bħala prinċipju, tiġġustifika restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment (16), ma għandhiex tiġi aċċettata minnufih. Tabilħaqq, f’qasam li kien armonizzat esklużivament fil-livell tal-Unjoni, miżura nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux ta’ dawk tad-dritt primarju (17). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li diġà qieset u ma laqgħetx sottomissjoni simili (18).

44.      Madankollu, kif diġà fissirt fil-punti 93 sa 121 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kotnik et (19) u li nagħmel riferiment in extenso għalihom, ma naqbilx mal-fehma tar-rikorrenti li t-Tieni Direttiva tipprekludi Stat Membru milli jieħu miżuri ta’ emerġenza sabiex jippreserva l-istabbiltà finanzjarja fit-territorju tiegħu, kif ukoll li jnaqqas ir-riskju ta’ kontaġju. B’mod partikolari, naqsam id-dubji espressi mill-High Court (qorti għolja) (20) li s-sensiela ta’ kawżi li qed insejjaħ il-ġurisprudenza Pafitis (21) tipprovdi awtorità għall-interpretazzjoni tat-Tieni Direttiva bil-mod mitlub mir-rikorrenti, għar-raġunijiet indikati fil-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

45.      L-ewwel nett, bħalma kien il-każ fil-kawża Kotnik et, tkun sottovalutazzjoni li jingħad li mill-aspett fattwali ċ-ċirkustanzi li jsawru l-ġurisprudenza Pafitis huma differenti ħafna minn dawk li bħalissa jinsabu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, kif kien diskuss fis-seduta, filwaqt li jiġi rrikonoxxut, fil-punt 57 tas-sentenza Pafitis et (22), li t-Tieni Direttiva tissokta tapplika għal “miżuri ordinarji ta’ riorganizzazzjoni” — bħaċ-ċirkustanzi ta’ dak il-każ — il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni dwar miżuri ta’ riorganizzazzjoni li għandhom ikunu kklassifikati bħala straordinarji.

46.      It-tieni nett, l-għan essenzjali tat-Tieni Direttiva u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 25 tagħha huwa, bħala stat ta’ fatt, li jinżamm bilanċ ta’ setgħat bejn l-organi differenti ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata (kif ukoll bejn azzjonisti individwali), speċjalment fil-każ ta’ konflitti bejniethom (23), u li Stat Membru ma jkunx prekluż milli jintervjeni fir-rigward ta’ tali kumpannija sabiex jindirizza taqlib serju fl-ekonomija tiegħu ta’ natura potenzjalment kontaġġjuża. Tabilħaqq, id-direttiva nfisha tikkonċedi li jista’ jkun meħtieġ li Stat Membru jippromulga leġiżlazzjoni li ma tkunx taqbel mas-setgħat tal-laqgħa ġenerali meta jkun meħtieġ li ma titħalliex issir ħsara serja u imminenti (24).

47.      Fl-aħħar nett, sa fejn għandu x’jaqsam dan tal-aħħar, il-qagħda tal-kooperazzjoni u l-integrazzjoni Ewropea f’materji finanzjarji u monetarji, kif sewwa kien innotat mill-Irlanda, evolviet b’mod drammatiku miż-żmien li fih kienu ngħataw dawn is-sentenzi lil hawn — kemm fil-livell tad-dritt primarju (25), kif ukoll f’dak sekondarju (26). Dawn huma r-raġunijiet ewlenin għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex toqgħod b’mod riġidu mal-ġurisprudenza Pafitis.

48.      Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, il-materja inkunsiderazzjoni ma tqajjimx kwistjonijiet sustanzjalment differenti minn dawk ta’ Kotnik et.

49.      Evidentement, il-fatti ta’ Kotnik et ma humiex identiċi għal dawk tal-kawża prinċipali. Filwaqt li Kotnik et kienet dwar l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ “rikapitalizzazzjoni interna” fir-rigward ta’ kapital azzjonarju, strumenti finanzjarji ibridi u dejn subordinat fil-kawża inkunsiderazzjoni, l-ordni kienet iġġib magħha, inter alia, żieda fil-kapital azzjonarju. Madankollu, l-effett konġunt taż-żieda massiva f’kapital azzjonarju ta’ ILGPH, u minħabba li l-azzjonisti ma setgħux jeżerċitaw id-dritt ta’ offerta fuq bażi ta’ prelazzjoni fil-kawża prinċipali, dawn iwasslu sabiex l-azzjonisti oriġinali, li bħalissa għandhom fil-pussess tagħhom inqas minn 1 % tal-ishma, jiġu miċħuda mill-influwenza li l-ishma tagħhom kienu mod ieħor jagħtuhom — fi kliem ieħor, li d-drittijiet tagħhom jitraqqew. Għalhekk, l-ordni de facto tinvolvi wkoll miżura ta’ qsim ta’ piż (27).

50.      Barra minn hekk, huwa wkoll minnu li Kotnik et primarjament tirrigwarda liġi dwar għajnuna mill-Istat milli d-dritt tal-Unjoni dwar il-kumpanniji. Madankollu, permezz tal-ħames domanda preliminari mressqa f’dik il-kawża, l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali, is-Slovenja) talbet sabiex taċċerta jekk ċerti punti ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat lis-settur bankarju (28) kinux jiksru l-verżjoni rriformulata tat-Tieni Direttiva, jiġifieri d-Direttiva 2012/30/UE (29) (li fil-fehma tiegħi dan ma jagħmluhx). Sabiex nagħti risposta utli, qist li interpretazzjoni usa’ ta’ dik id-domanda tinvolvi wkoll analiżi dwar jekk dispożizzjonijiet nazzjonali li jħallu l-adozzjoni tal-miżuri tal-qsim tal-piż lill-bank ċentrali nazzjonali, kif previst f’dik il-komunikazzjoni, ikunux kompatibbli ma’ din id-direttiva. Fil-konklużjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, wasalt għall-opinjoni li r-risposta għal dik id-domanda kif ifformulata b’mod usa’ għandha tkun li, fiċ-ċirkustanzi li taw lok għal dik il-kawża, tali dispożizzjonijiet ma humiex inkompatibbli mad-Direttiva 2012/30.

51.      Għalhekk, kif nifhimha jiena, il-kwistjonijiet imqajjma fil-ħames domanda fil-kawża Kotnik et u dawk imqajjma fil-kwistjoni inkunsiderazzjoni huma kważi l-istess. Għaldaqstant iż-żewġ kawżi għandhom isegwu l-istess approċċ.

3.      Karatteristiċi speċifiċi għall-kawża prinċipali

52.      Għidt iktar ’il fuq fil-punt 44 dwar l-approċċ ġenerali li għandu jimmotiva lill-Qorti tal-Ġustizzja meta tiddeċiedi dwar il-każ inkunsiderazzjoni. F’dan l-istadju, nixtieq nisħaq dwar ċerti karatteristiċi speċifiċi għalih.

a)      Il-kuntest finanzjarju u ekonomiku tar-rikapitalizzazzjoni

53.      Dwar dak li għandhom x’jaqsmu l-kuntesti finanzjarji u ekonomiċi li fihom saret ir-rikapitalizzazzjoni, bilkemm jista’ jkun hemm dubju li dawn kienu eċċezzjonali — u mhux sempliċement mill-aspett domestiku. Fil-fatt tant kienu eċċezzjonali li l-Kunsill qabel, fid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni (ara b’mod partikolari l-premessa 2 tagħha), li kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-Programm. Il-Kummissjoni qablet, billi approvat, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat involuti fis-salvataġġ u fir-ristrutturar tal-ILP bħala rimedju għat-taqlib serju fl-ekonomija Irlandiża (ara l-punt 30 iktar ’il fuq). Ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma kienet ikkontestata, u l-evalwazzjonijiet ta’ politika li kien hemm fihom huma, għalhekk, finali.

54.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja bla ebda dubju — u korrettement — iddeċidiet, fil-ġurisprudenza Pafitis, li l-fatt li regoli nazzjonali jkunu kkategorizzati internament bħala “speċjali” jew “eċċezzjonali” fih innifsu ma jiġġustifikax li jiġu skartati r-regoli tat-Tieni Direttiva (30). Madankollu, din id-dikjarazzjoni ma għandhiex tkun interpretata ħażin bħala li testendi għal sitwazzjoni ta’ dimensjoni internazzjonali bħal dik li tat lok għall-kawża prinċipali.

55.      Madankollu, ikolli nammetti li iktar qiegħed neżita dwar is-sottomissjoni li tgħid li d-dritt tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa obbligu għall-Irlanda li tirrikapitalizza bil-mod li għamlet. Din is-sottomissjoni saret mill-ILP, minn ILPGH u mill-Irlanda sabiex ikun hemm iktar distinzjoni bejn il-każ inkunsiderazzjoni u l-ġurisprudenza Pafitis. Ċertament, skont l-Artikolu 3(5)(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni, kien hemm qbil komuni li l-Irlanda kellha tieħu azzjoni sabiex tiżgura li l-banek domestiċi tagħha jiġu kkapitallizzati b’mod adegwat fil-forma ta’ ekwità, jekk kien meħtieġ, sabiex ikun żgurat li huma josservaw ir-rekwiżiti regolatorji minimi tul il-perijodu kollu tal-programm ta’ assistenza finanzjarja mill-Unjoni, filwaqt li jnaqqsu fl-ingranaġġ lejn il-mira ta’ proporzjon self-depożitu. Barra minn dan, skont l-Artikolu 3(7)(g), l-Irlanda kellha tirrikapitalizza l-banek domestiċi sa tmiem Lulju 2011, bla ħsara għal aġġustament xieraq għal bejgħ mistenni ta’ assi tal-ILP, f’konformità mal-PCAR u mal-PLAR. Madankollu, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni ma kinitx teżiġi li l-Irlanda tirrikapitalizza bil-mod preskritt fl-ordni. Din kienet kwistjoni li l-Irlanda biss kellha tiddeċiedi. Fi kliem ieħor id-dritt tal-Unjoni ma kienx jeżiġi li l-High Court (qorti għolja) toħroġ l-ordni.

56.      Barra minn hekk, l-“obligu” ta’ rikapitalizzazzjoni kien parti mill-kunsiderazzjoni mogħtija għall-assistenza finanzjarja skont il-programm ta’ assistenza li l-Irlanda kienet irċeviet fuq talba tagħha stess. Tabilħaqq, skont l-Artikoli 1(4) u 3(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni, ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek domestiċi, inkluża l-ILP, kienet sempliċement kundizzjoni għall-għoti tal-għajnuna. Dwar dan, kif il‑Kummissjoni sewwa nnotat fis-seduta, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni hija fl-aħħar mill-aħħar ibbażata fuq l-Artikolu 122(2) TFUE, dispożizzjoni li tagħmel riferiment għall-għoti ta’ “assistenza finanzjarja” b’“kundizzjonijiet”, milli tagħti lill-Unjoni Ewropea s-setgħa li tistabbilixxi għanijiet vinkolanti ta’ politika ekonomika (31).

57.      Għalhekk, ma huwiex ovvju li l-Unjoni Ewropea kienet unilateralment imponiet obbligu. Għall-istess raġuni, ma huwiex meħtieġ jitqies jekk, kif jissottometti l-Gvern Taljan, ir-Regolament Nru 407/2010 u, bl-istess mod, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni jikkostitwu lex specialis fir-rigward tat-Tieni Direttiva.

b)      In-natura tal-miżura kkontestata

58.      Fattur ieħor li nixtieq ninnota huwa n-natura tal-ordni. Din l-ordni nħarġet, skont il-proċedura stabbilita fil-Liġi tal-2010, mill-High Court (qorti għolja), jiġifieri korp imparzjali u indipendenti. Hija deċiżjoni ġudizzjarja. Dan jiddistingwi wkoll il-kawża inkunsiderazzjoni mill-ġurisprudenza Pafitis. F’din is-sensiela ta’ kawżi, il-ministru kompetenti waħdu ddeċieda, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, jekk ipoġġix impriżi f’diffikultajiet finanzjarji serji fl-iskema ippromulgata b’dik il-leġiżlazzjoni. Il-Ministru kellu wkoll is-setgħa jittrasferixxi l-impriżi kkonċernati lil kumpannija responsabbli għall-istrutturar tagħhom li l-kapital tagħha kien ikun kollu sottoskritt mill-Istat, u li japprova deċiżjonijiet ta’ dik il-kumpannija sabiex jiżdied il-kapital tal-impriżi kkonċernati. Dawn il-kawżi kienu, għalhekk, sintomatiċi ta’ interferenza mingħajr kontroll mill-gvern fl-awtonomija ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata.

59.      Il-fatt li din l-ordni nħarġet minn korp ġudizzjarju jiġġustifika iktar osservazzjonijiet. Fil-fatt, it-Tieni Direttiva tirrikonoxxi l-importanza u l-awtorità ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, billi tagħmel riferiment għalihom diversi drabi (32). B’mod partikolari, skont l-Artikolu 30 tat-Tieni Direttiva, tnaqqis ta’ kapital ma hemmx għalfejn jinġieb quddiem il-laqgħa ġenerali meta jkun ordnat minn qorti. F’dan ir-rigward jista’ jiġi sottomess li l-indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja tiddistingwi dawn id-deċiżjonijiet anki iktar mill-indipendenza ta’ ċerti regolaturi oħra li, għalkemm ma jweġbux lil gvernijiet nazzjonali, manifestament ma humiex immuni minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika (33).

60.      Issa r-rikorrenti, billi jistrieħu fuq għadd ta’ deċiżjonijiet tal-qrati Irlandiżi (34), iqisu li l-ordni ma hijiex ordni ta’ qorti, iżda effettivament deċiżjoni amministrattiva ta’ natura ta’ dispożizzjoni.

61.      Ma naqbilx.

62.      L-ewwel nett, id-deċiżjonijiet iċċitati mir-rikorrenti kienu ngħataw, inter alia, fil-kuntest meta kien stabbilit, skont id-dritt Irlandiż, l-istandard ta’ reviżjoni b’rabta ma’ rikors sabiex tiġi miċħuda ordni skont l-Artikolu 11 tal-Liġi tal-2010. Minħabba li l-ordni kienet inħarġet minn korp ġudizzjarju u mhux minn wieħed amministrattiv, l-applikazzjoni tal-istandard normalment użat meta jsir stħarriġ ġudizzjarju ta’ azzjonijiet amministrattivi dehret li kienet eskluża. Madankollu, din il-kwistjoni tad-dritt domestiku ma tibdilx il-punt li, għall-fini tat-Tieni Direttiva, teżisti deċiżjoni ġudizzjarja.

63.      It-tieni nett, il-fatt li l-ordni nħarġet ex parte, jew li tista’ tiġi miċħuda fi proċedura mressqa skont l-Artikolu 11 tal-Liġi tal-2010, hija kwistjoni tad-dritt proċedurali Irlandiż ta’ ebda rilevanza għall-interpretazzjoni tat-Tieni Direttiva. Għandi nżid li l-qorti tar-rinviju ddikjarat li l-Ministru ma kienx naqas milli jissottometti bil-mod kif kien iħossha l-fehma tal-maġġoranza tal-azzjonisti fil-LĠS lill-High Court (qorti għolja).

64.      Fl-aħħar u mhux l-inqas, il-fehma tar-rikorrenti timplika li l-qrati Irlandiżi approvaw mekkanikament u b’għajnejhom magħluqa l-ordni proposta tal-Ministru mingħajr ma lanqas qiesu l-mertu tagħha. Dak il-ħsieb ma għandux jidħol.

65.      Għalhekk, għall-fini tat-Tieni Direttiva, l-ordni hija deċiżjoni ġudizzjarja, u mhux sempliċement miżura amministrattiva.

c)      Ir-rilevanza tad-Direttiva 2001/24

66.      Barra dan, l-Irlanda, bl-appoġġ tal-ILP u ta’ ILPGH, tissottometti li l-ordni hija “miżura ta’ riorganizzazzjoni” kif użata fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24. Jekk id-Direttiva 2001/24 tinftiehem li hija lex posterior et specialis fir-rigward tat-Tieni Direttiva, dan il-gvern jissottometti li l-effett ta’ tali miżura għandu jipprevali fuq id-drittijiet tal-azzjonisti skont it-Tieni Direttiva.

67.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Kotnik et (35), għidt li “miżura ta’ riorganizzazzjoni” tikkonsisti fi tliet rekwiżiti kumulattivi: hija għandha (i) tiġi adottata mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti tal-Istat Membru; (ii) ikollha l-għan li tippreserva jew li ġġib lura l-qagħda finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu; u (iii) potenzjalment taffettwa drittijiet ta’ terzi. Dawn ir-rekwiżiti jidhru li huma ssodisfatti fir-rigward tal-ordni (36).

68.      Madankollu, ma nistax nara l-ħtieġa li nieħu pożizzjoni awtoritattiva dwar jekk id-Direttiva 2001/24 tissopprimix id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Direttiva. Minħabba li din tal-ewwel kienet adottata ħafna snin wara din tal-aħħar, ikun ġust wieħed jistaqsi għaliex imbagħad id-Direttiva 2001/24 ma għandhiex dispożizzjoni li ttiha s-supremazija fuq it-Tieni Direttiva (37).

69.      Barra minn hekk, iż-żewġ direttivi għandhom żewġ bażijiet legali (38) u kampijiet ta’ applikazzjoni differenti ratione personae (it-Tieni Direttiva tapplika għal kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata u d-Direttiva 2001/24 għal istituzzjonijiet ta’ kreditu). L-għanijiet tagħhom huma differenti wkoll: filwaqt li l-għan tat-Tieni Direttiva huwa li “protezzjoni minima indaqs tiġi assigurata kemm għal azzjonisti u kemm għal kredituri ta' kumpanniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata” (39), id-Direttiva 2001/24 sempliċement tistabbilixxi, kif issottomettiet il‑Kummissjoni, sistema ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri nazzjonali ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ, mingħajr ma qagħdet tarmonizza leġiżlazzjoni nazzjonali dwar dan is-suġġett, kif jidher mill-premessa 6 tagħha (40). Għalhekk ma huwiex ċar għalija li ż-żewġ atti leġiżlattivi huma kuntrarji għal xulxin.

70.      Għall-kuntrarju, jidhirli li ż-żewġ direttivi pjuttost jikkomplementaw lil xulxin. Minn naħa, is-sentenza Pafitis et (41) għamlitha ċara li t-Tieni Direttiva bħala prinċipju tapplika għal kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, irrispettivament mill-istatus tagħha bħala istituzzjoni ta’ kreditu. Min-naħa l-oħra d-Direttiva 2001/24 ma tirrigwardax drittijiet ta’ azzjonisti. Tabilħaqq, skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2001/24, “ċerti miżuri, partikolarment dawk li jaffettwaw […] azzjonisti, m'għandhom għalfejn ikunu koperti b’din id-Direttiva biex tkun effettiva fl-Istati Membri safejn, bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat, il-liġi applikabbli hija dik ta’ l-Istat ta’ oriġini”. Għaldaqstant, il-premessa 10 tispeċifika li “azzjonisti […] m’għandhomx jitqiesu bħala terzi persuni għall-għanijiet [tad-Direttiva 2001/24]”.

71.      Dan iwassalni sabiex naqbel mal-Gvern Ċiprijott meta huwa essenzjalment jissottometti li ż-żewġ direttivi għandhom jiġu interpretati b’armonija sabiex tiġi ppreservata l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

72.      Fuq din in-nota jidhirli li l-interpretazzjoni l-iktar koerenti hija dik li skontha, l-ewwel nett, miżuri ta’ riorganizzazzjoni li jaffettwaw id-drittijiet ta’ azzjonisti ma jkunux irregolati mid-Direttiva 2001/24 iżda mid-dritt tal-Istat ta’ oriġini — in casu d-dritt Irlandiż, b’mod speċifiku l-Liġi tal-2010 — u t-tieni nett, kif għidt iktar ’il fuq fil-punti 58 u 59, it-Tieni Direttiva b’mod inerenti tirrikonoxxi l-awtorità ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji.

4.      Osservazzjonijiet finali

73.      Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-kwistjoni inkunsiderazzjoni essenzjalment tqajjem l-istess kwistjonijiet bħal f’Kotnik et u għalhekk għandha tiġi ttrattata ġeneralment bl-istess mod. Iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jikkonfermaw dan.

74.      Ir-rikorrenti jisħqu, li jekk dan iseħħ, ikun ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tabbanduna retroattivament il-ġurisprudenza tagħha, kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

75.      Tali kritika ma għandha l-ebda mertu.

76.      L-ewwel nett, tali fehma tonqos milli tqis id-differenza bejn li tiġi ċċarata u tingħata sfumatura lill-ġurisprudenza minn naħa, u li, min-naħa l-oħra, tinqaleb (il-Qorti tal-Ġustizzja tindika b’mod speċifiku meta jkun fiħsiebha tmur lil hinn mill-ġurisprudenza tagħha) (42). Il-kwistjoni inkunsiderazzjoni ma tagħtix lok sabiex il-ġurisprudenza Pafitis titwarrab — għall-kuntrarju, pjuttost tikkonfermaha bħala prinċipju. Hija sempliċi okkażjoni fejn wieħed jiddistingwi bejn sitwazzjonijiet u l-ġurisprudenza rilevanti.

77.      It-tieni nett, dwar il-kwistjoni ta’ applikazzjoni retroattiva, biżżejjed jingħad li r-rikorrenti huma korretti f’dan ir-rigward. Madankollu, din hija karatteristika intrinsika tal-mekkaniżmu tad-deċiżjoni preliminari stabbilit skont it-Trattati, li ma jagħtix lok għal ksur taċ-ċertezza legali (43). F’kull każ ma kienet waslet ebda talba sabiex ikun hemm limitu għall-effetti ta’ deċiżjoni, lanqas ma huwa probabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ser tilqagħha (44).

78.      Dwar il-kwistjoni ta’ prinċipju, għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li, abbażi ta’ interpretazzjoni tajba tal-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, sabiex ikunu indirizzati t-tfixkil fl-ekonomija u fis-sistema finanzjarja u t-theddida għall-istabbiltà ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu f’dak l-Istat Membru u għas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali, kif ukoll sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ tifrix lejn Stati Membri oħra, qorti tista’ tordna li kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li għaliha tkun tapplika din id-direttiva, li tkun ta’ importanza sistemika għall-ekonomija ta’ dak l-Istat Membru u li ma tkunx tista’, minn jeddha, tissodisfa r-rekwiżi regolatorji imposti minn dak l-Istat Membru relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, jittiħdilha l-kontroll tagħha mill-gvern mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali.

79.      Madankollu, għad jonqosni nindirizza d-dettalji ta’ dan il-każ. Dan huwa s-suġġett tar-risposta tiegħi għat-tieni domanda preliminari.

C –    It-tieni domanda preliminari

80.      Permezz tat-tieni domanda l-High Court (qorti għolja) tixtieq tkun taf jekk l-ordni kinitx “kisret id-dritt tal-Unjoni”.

81.      Din id-domanda qasira hija diretta u rilevanti. Madankollu tqajjem għadd ta’ kwistjonijiet ta’ forma.

1.      Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tad-domanda

82.      Il-Gvern Ċiprijott iqis it-tieni domanda bħala inammissibbli, minħabba li l-kliem tagħha ma jidentifikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jiġu kkunsidrati.

83.      Huwa minnu li l-kliem tat-tieni domanda sempliċement jagħmel riferiment għad-“dritt tal-Unjoni”.

84.      Irrid ninnota li ma huwiex ix-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tqis, sua sponte, liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jkunu rilevanti fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, dan huwa obbligu tal-qorti nazzjonali skont l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura (45).

85.      Inqis ukoll it-tieni domanda bħala li hija problematika doppjament mill-aspett tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

86.      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tapplika d-dritt tal-Unjoni għall-fatti tal-kawża prinċipali. Din ma hijiex setgħa li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja (46).

87.      It-tieni nett, ma huwiex ix-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja, fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari, li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżuri tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (47).

88.      Madankollu, għalkemm id-digriet tar-rinviju ma jgħidx espliċitament kif it-tieni domanda hija differenti mill-ewwel waħda, il-loġika tagħha tidher ċara biżżejjed għalija. Filwaqt li l-ewwel domanda hija espressa f’termini generali, billi ssaqsi jekk it-Tieni Direttiva per se li tipprekludi li jingħata effett lil kull miżura adottata mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali li tikser id-drittijiet li azzjonisti jieħdu minn din id-direttiva — domanda li nipproponi li nagħti risposta għaliha fin-negattiv — it-tieni domanda b’speċifiku ssaqsi dwar iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tidher li tixtieq tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix ir-rikapitalizzazzjoni bil-mod li saret fil-kawża prinċipali. Il-frażi “dritt tal-Unjoni” tant hija ġenerika li ma għandhiex tkun ta’ ostakolu sabiex jitqies li din tirreferi, għall-inqas, għat-Tieni Direttiva.

89.      Dwar dan, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti rriteniet li s-setgħat tagħha skont l-Artikolu 267 TFUE jestendu b’mod li hija tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-gwida meħtieġa dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun utli għad-deċiżjoni tagħha (48).

90.      Għalhekk, kif issuġġerit mill-Kummissjoni u kif imħabbar iktar ’il fuq fil-punt 38, ser nagħti risposta konġunta għaż-żewġ domandi.

2.      Mertu

91.      F’dan l-istadju, irrid infakkar li, bl-ordni, l-Irlanda kienet qiegħda tagħti effett lill-kundizzjoni għal assistenza finanzjarja sabiex tirrikapitalizza l-banek tagħha, kif stabbilit fl-Artikolu 3(5)(a) u (7)(g) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni. F’dan ir-rigward, kif tgħid il-premessa 11 tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni, “[l]-operazzjonijiet li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tgħin fil-finanzjament tagħhom għandhom ikunu kompattibbli mal-politika tal-Unjoni u jkunu konformi mal-liġi tal-Unjoni”. Dan jinkludi mhux biss drittijiet pożittivi li individwi jieħdu direttament mid-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (49). Dawn il-prinċipji ġenerali jinkludu mhux biss id-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta (50), iżda wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità (51). B’mod speċifiku, dan l-aħħar prinċipju jeżiġi li l-Istati Membri jużaw mezzi li, filwaqt li bihom ikunu kapaċi jiksbu effettivament l-għan segwit mil-liġijiet domestiċi tagħhom, ikunu l-inqas ta’ ħsara għall-għanijiet u għall-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni (52).

92.      Huwa għall-High Court (qorti għolja), meta tistħarreġ l-ordni skont l-Artikolu 11 tal-Liġi tal-2010, li tqis jekk il-prinċipji msemmija fil-punt preċedenti jkunux osservati u, b’mod partikolari, jekk l-ordni tkunx tikkostitwixxi l-miżura tal-inqas ħsara għall-għanijiet u għall-prinċipji stabbiliti mit-Tieni Direttiva.

93.      Dwar dan, il-kritika ewlenija li r-rikorrenti indirizzaw kontra l-ordni (ara l-punt 37 iktar ’il fuq) jixirqilha attenzjoni. L-ilment tagħhom, kif nifhmu jiena, ma huwiex li r-rikapitalizzazzjoni tal-ILP ma kinitx meħtieġa jew li l-Gvern Irlandiż ħa l-kontroll tal-ILP. Huwa li l-Ministru ħa l-kontroll ta’ ILPGH u, b’hekk, ikkonfiska l-kapital li hija allegatament kellha fil-jum li fih l-ordni daħlet fis-seħħ.

94.      La d-digriet tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-ILP u ta’ ILPGH jew tal-Irlanda ma jindirizzaw espliċitament ir-raġuni għaliex il-mira tal-ordni ma kinitx biss lejn il-bank, imma wkoll lejn il-kumpannija. Ir-rikorrenti jsostnu li ILPGH, bħala kumpannija holding, kellha l-kapital tagħha stess, li kien tal-azzjonisti tagħha, li allegatament kien fis-somma ta’ EUR 453 miljun qabel l-adozzjoni tal-ordni. L-uniku passaġġ fid-digriet tar-rinviju li jqajjem din il-kwistjoni hija dikjarazzjoni li “il-kapital azzjonarju sottoskritt tal-kumpannija ma ntgħaddx bħala parti mir-rikapitalizzazzjoni u ma nħariġx mill-kumpannija mill-Ministru”.

95.      Madankollu, is-seduta għenet sabiex tneħħi ftit mid-dubji dwar din il-kwistjoni. L-Irlanda, bl-appoġġ tal-ILP u ta’ ILPGH, qalet li l-intervent fil-livell ta’ ILPGH “ma kienx għamel differenza fir-rigward tal-azzjonisti ta’ ILPGH. Kieku l-Ministru intervjena fil-livell tal-ILP, l-azzjonisti kienu jkunu 100 % sidien ta’ ILPGH li kienet 0.8 % sid tal-ILP, li huwa l-oppost li jkunu 0.8 % azzjonisti ta’ ILPGH” (53). Dawn il-partijiet komplew jgħidu li l-ordni kienet ġiet indirizzata lil ILPGH, milli lill-bank, sabiex jiġi ggarantit lill-Irlanda qligħ mill-investiment tagħha, minħabba li tqies li ILPGH — li, skont dan il-gvern, fil-frattemp reġgħet bdiet tiġi kkwotata — kienet iktar attraenti għal xerrejja prospettivi.

96.      Dawn id-dikjarazzjonijiet huma tal-ikbar importanza. Huma sostnuti mill-isfond għall-iskema ta’ arranġament imsemmija iktar ’il fuq fil-punt 22 u ppreżentata flimkien mal-fajl, li minnu joħroġ li l-kapital inizjali ta’ ILPGH kien żdied b’kontribuzzjoni in natura magħmula mill-kapital azzjonarju kollu fl-ILP (jew xi ħaġa smili għalih). Barra minn hekk, kif irriteniet il-High Court (qorti għolja), ILPGH ma kellha ebda assi ħlief l-ILP. Id-dikjarazzjonijiet jispjegaw, għalhekk, il-konstatazzjoni tal-High Court li “in-nuqqas tal-ILP probabbli kien jirriżulta f’telf komplet tal-valur għall-azzjonisti [ta’ ILPGH]”.

97.      Jekk wieħed jassumi li dawn id-dikjarazzjonijiet huma korretti, dak li jsostnu r-rikorrenti li l-ordni ma hijiex iġġustifikata għandu jiġi miċħud. Tabilħaqq, f’dan il-kuntest, il-bank kien u huwa l-uniku assi tal-kumpannija, li jfisser li n-nuqqas tal-bank kien iwassal sabiex l-ishma tal-kumpannija jisfaw għalkollox bla valur, kif indikat fid-digriet tar-rinviju. Jiena ma nistax nifhem, għalhekk, kif, kieku seħħ dan, kien ikun hemm xi interferenza għad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti. Aktarx jidher li bl-azzjoni tagħhom, ir-rikorrenti qiegħdin jippruvaw jakkwistaw “ir-rigal sustanzjali ħafna”, kif l-ILP u ILPGH laqqmuh fis-sottomissjonijet bil-miktub tagħhom, li huma ma kinux offruti mill-Ministru fil-LĠS jew minnufih warajha.

98.      Barra minn hekk, dan iwassalni sabiex inqis li ma jeħtiġlix neżamina l-konsegwenzi legali li jirriżultaw possibbilment minn ksur tal-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva. F’kull każ, kif tinnota l-Irlanda, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex tintalab, f’dan il-waqt, tiddeċiedi dwar l-azzjoni rimedjali disponibbli jekk tingħata risposta affermattiva liż-żewġ domandi preliminari, u jiena mhux ser inkompli nsegwi iktar din il-linja ta’ ħsieb.

99.      Xorta waħda, huwa għall-High Court (qorti għolja) tivverifika li d-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fil-punt 95 huma korretti.

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta konġunta għaż-żewġ domandi għandha tkun kif intqal iktar ’il fuq fil-punt 78, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru kkonċernat jirrikorri għal mezzi li, filwaqt li jgħinuh sabiex effettivament jikseb l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni ta’ emerġenza tiegħu, ikunu l-inqas ta’ ħsara għall-għanijiet u għall-prinċipji stabbiliti mit-Tieni Direttiva. Il-qrati nazzjonali għandhom jivverifikaw li dan ikun il-każ.

IV –  Konklużjoni

101. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-High Court (qorti għolja, l-Irlanda) fis-sens li, b’interpretazzjoni tajba tal-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat [KEE], dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti, kif emendata, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha, sabiex jiġi indirizzat it-tfixkil fl-ekonomija u fis-sistema finanzjarja u t-theddida għall-istabbiltà ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu f’dak l-Istat Membru u għas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali, kif ukoll sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ tifrix lejn Stati Membri oħra, qorti tista’ tordna li kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li għaliha tkun tapplika din id-direttiva, li tkun ta’ importanza sistemika għall-ekonomija ta’ dak l-Istat Membru u li ma tkunx tista’, minn jeddha, tissodisfa r-rekwiżi regolatorji imposti minn dak l-Istat Membru relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, jittiħdilha l-kontroll tagħha mill-gvern mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali. Madankollu, dak l-Istat għandu juża mezzi li, filwaqt li jgħinuh sabiex effettivament jikseb l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni msemmija iktar ’il fuq, ikunu l-inqas ta’ ħsara għall-għanijiet u għall-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva 77/91. Din hija materja li l-qrati nazzjonali għandhom jivverifikaw.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Konklużjonijiet fil-kawża Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:102.


3 – It-Tieni Direttiva tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8), kif emendata.


4 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15).


5 – Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill, tas-7 ta’ Diċembru 2010, dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda (ĠU L 30, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/326/UE, tat-30 ta’ Mejju 2011, li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja lill-Irlanda (ĠU L 147, p. 17).


6 – Regolament tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2010, li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, p. 1), huwa stess adottat abbażi tal-Artikolu 122(2) TFUE.


7 – Jirriżulta minn ċirkolari dwar l-iskema relatata ma’ din l-iskema ta’ arranġament, inkluża fil-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li sa dakinhar, l-ILP kien aġixxa kemm bħala l-kumpannija holding tal-grupp, kif ukoll bħala istituzzjoni ta’ kreditu b’liċenzja, li kien jopera n-negozju bankarju tal-grupp. Billi ried li jkollu struttura ta’ grupp iktar mixtieqa, il-bord tal-ILP ippropona, fl-20 ta’ Novembru 2009, lill-azzjonisti sabiex jippermettu kumpannija holding ġdida, ikkwotata fil-boroż rilevanti, tiffunzjona bħala kumpannija holding unika għall-grupp. Kien għalhekk propost li l-kumpannija li kellha ssir ILPGH kellha tkun is-sid tal-kapital azzjonarju fl-intier tiegħu fl-ILP, u li l-azzjonisti eżistenti tal-ILP kellhom isiru azzjonisti ta’ ILPGH fil-ġejjieni abbażi tal-proporzjon 1:1.


8 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 5258 finali, tal-20 ta’ Lulju 2011, dwar għajnuna mill-Istat SA.33311 (2011/N) — L-Irlanda — Rikapitalizzazzjoni ta’ salvataġġ favur ILPGH (pubblikazzjoni sommarja fil-ĠU C 268, p. 4 u 5), u Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2353 finali, tad-9 ta’ April 2015, dwar għajnuna mill-Istat SA.33442 (2011/N) — L-Irlanda — Ristrutturar ta’ ILPGH (pubblikazzjoni sommarja fil-ĠU C 219, p. 1 u 2).


9 – Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, fuq offerti ta’ xiri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 20). L-approvazzjoni kienet b’kundizzjoni, inter alia, li ma jirnexxi ebda rikors sabiex titħassar ordni maħruġa mill-High Court (qorti għolja).


10 – Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012 fil-kawża Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, u tas-16 ta’ Ġunju 2015 fil-kawża Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400.


11 – Ara, inter alia, id-digriet tal-24 ta’ Marzu 2011 fil-kawża Abt et, C‑194/10, EU:C:2011:182; is-sentenzi tat-3 ta’ April 2014 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, EU:C:2014:213; EFTA Surveillance Authority vs L‑Iżlanda, E‑16/11, Ġabra EFTA 2013, p. 4; tal-5 ta’ Marzu 2015 fil-kawża Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151; id-digriet tal-15 ta’ Ottubru 2015 fil-kawża Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português vs Il‑Kummissjoni, C‑93/15 P, EU:C:2015:703; is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2015 fil-kawża HSH Investment Holdings Coinvest-C u HSH Investment Holdings FSO vs Il‑Kummissjoni, T‑499/12, EU:T:2015:840; u tat-28 ta’ Jannar 2016 fil-kawża L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑427/12, li ma hijiex ippubblikata, EU:T:2016:41. Ara wkoll Fih Holding u Fih Erhvervsbank vs Il‑Kummissjoni, T‑386/14; Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u Il‑BĊE, C‑8/15 P, C‑9/15 P u C‑10/15 P; u Mallis u Malli vs Il‑Kummissjoni u Il‑BĊE, C‑105/15 P sa C‑109/15 P, ilkoll pendenti.


12 – C‑526/14, EU:C:2016:102.


13 – Ara wkoll l-ewwel premessa tat-Tieni Direttiva, li skontha “l-attivitajiet [ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata] jippredominaw fl-ekonomija ta’ l-Istati Membri u jestendu ħafna drabi ’l hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom”.


14 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998 fil-kawża Kefalas et, C‑367/96, EU:C:1998:222, punt 25.


15 – L-Artikolu 17(1) tat-Tieni Direttiva jipprovdi li “fi-każ ta’ telf serju tal-kapital sottoskrtitt, laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti għandha tissejjaħ fil-perjodu speċifikat mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri, biex jiġi kunsidrat jekk il-kumpannija għandhiex tiġi stralċjata jew għandhomx jittieħdu xi miżuri oħra”; ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998 fil-kawża Kefalas et, C‑367/96, EU:C:1998:222, punt 25.


16 –      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995 fil-kawża Alpine Investments, C‑384/93, EU:C:1995:126, punti 42 sa 44.


17 – Ara, inter alia, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006 fil-kawża Matratzen Concord, C‑421/04, EU:C:2006:164, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015 fil-kawża Rina Services u Rina, C‑593/13, EU:C:2015:399, punti 37 sa 40.


18 – Sentenza tat-12 ta’ Marzu 1996 fil-kawża Pafitis et, C‑441/93, EU:C:1996:92, punti 49 u 50.


19 – C‑526/14, EU:C:2016:102.


20 – Ara Dowling & Ors vs The Minister for Finance, Ġabra tal-High Court 2014, IEHC 595, punt 74 (dwar rikors għal rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni).


21 – Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1992 fil-kawża Syndesmos Melon Tis Eleftheras Evangelikis Ekklisias et, C‑381/89, EU:C:1992:142; tat-30 ta’ Mejju 1991 fil-kawża Karella u Karellas, C‑19/90 u C‑20/90, EU:C:1991:229; tat-12 ta’ Novembru 1992 fil-kawża Kerafina-Keramische und Finanz-Holding u Vioktimatiki, C‑134/91 u C‑135/91, EU:C:1992:434; tat-12 ta’ Marzu 1996 fil-kawża Pafitis et, C‑441/93, EU:C:1996:92; tat-12 ta’ Mejju 1998 fil-kawża Kefalas et, C‑367/96, EU:C:1998:222; u tat-23 ta’ Marzu 2000 fil-kawża Diamantis, C‑373/97, EU:C:2000:150.


22 – Sentenza tat-12 ta’ Marzu 1996, C‑441/93, EU:C:1996:92, punt 57.


23 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998 fil-kawża Kefalas et, C‑367/96, EU:C:1998:222, punt 28.


24 – Ara, bħala eżempju, l-Artikolu 19(2) tat-Tieni Direttiva, li jipprovdi li “il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu għal derogi mi[r-rekwiżit li awtorizzazzjoni sabiex kumpannija takkwista ishma tagħha stess tingħata mil-laqgħa ġenerali] meta l-akkwist ta’ l-ishma tal-kumpannija stess huwa meħtieġ biex tiġi evitata ħsara serja u imminenti lill-kumpannija”.


25 – Ara t-Titolu VIII tat-Tielet Parti tat-TFUE dwar politika ekonomika u monetarja, kif ukoll l-Artikolu 3.3 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.


26 – Fid-dawl tas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1996 fil-kawża Pafitis et, C‑441/93, EU:C:1996:92, punti 43 u 51, nagħmel riferiment, l-ewwel u qabel kollox, għad-Direttiva 2001/24 u għad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 1994, dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252), kif emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2009, li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimbors (ĠU L 68, p. 3). Għalkemm ma kinux applikabbli fiż-żmien rilevanti, direttivi oħra jikkonfermaw din l-evoluzzjoni, bħad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014, dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (riformulazzjoni) (ĠU L 173, p. 149); u d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).


27 – Forsi mhux bħal eżempji iktar tipiċi ta’ rikapitalizzazzjoni li jinvolvu jew esproprjazzjoni (evizzjoni) tal-azzjonisti jew trasferiment ta’ assi minn bank preċedenti jew “ħażin” għal bank “ġdid” (sikwit segwit bil-ftuħ ta’ proċeduri ta’ falliment b’rabta mal-bank “ħażin”), ir-rikapitalizzazzjoni inkunsiderazzjoni kienet tinvolvi għamla ta’ “koabitazzjoni” bejn il-Ministru u l-azzjonisti l-oħra ta’ ILGPH. Jidher mill-proċess tal-kawża li kienet ippreferuta żieda fil-kapital għal motivi tad-dritt kostituzzjonali Irlandiż.


28 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ĠU C 216, p. 1).


29 – Direttiva 2012/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (Riformulazzjoni) (ĠU L 315, p. 74).


30 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000 fil-kawża Diamantis, C‑373/97, EU:C:2000:150, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata.


31 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 65.


32 – Ara l-Artikoli 5(2), 20(1)(d) u (g), u 32(2) tat-Tieni Direttiva.


33 – Ara, fir-rigward tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-banek ċentrali nazzjonali, l-Artikolu 7 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.


34 – Sentenzi tal-High Court (qorti għolja) tat-2 ta’ Marzu 2012 fil-kawża Irish Life and Permanent Group Holdings plc vs Credit Institutions Stabilisation Act 2010, Ġabra tal-High Court tal-2012, IEHC 89, punt 31; tas-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda) tad-19 ta’ Diċembru 2013 fil-kawża Dowling & Ors vs The Minister for Finance, Ġabra tas-Supreme Court tal-2013, IESC 58, punt 41; u tal-High Court tal-15 ta’ Awwissu 2014 fil-kawża Dowling & Ors vs The Minister for Finance, Ġabra tal-High Court tal-2014, IEHC 418, punti 38.34 u 38.36.


35 – C‑526/14, EU:C:2016:102, punti 131 sa 144.


36 – Fir-rigward tal-ewwel rekwiżit, l-ordni hija miżura adottata mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti Irlandiża; ara l-Artikolu 2(1) tal-Liġi tal-2010, li jispeċifika li t-terminu “qorti”, kif użat fil-Liġi tal-2010, jindika l-High Court. It-tieni rekwiżit huwa ssodisfatt ukoll. Tabilħaqq, il-High Court, għamlet, fil-punt E tal-ordni, dikjarazzjoni f’dan is-sens skont l-Artikolu 9(3) tal-Liġi tal-2010: ara wkoll l-Artikolu 52 tal-Liġi tal-2010. Fl-aħħar nett, isegwi mill-punt E tal-ordni li hija għandha jkollha effett fil-ġurisdizzjonijiet applikabbli kollha skont id-Direttiva 2001/24 u l-Liġi tal-2010. Hija tista’, għalhekk, taffettwa terzi skont l-Artikoli 53 u 61 tal-Liġi tal-2010.


37 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Bavarian Lager, C‑28/08 P, EU:C:2010:378, punt 56.


38 – Id-Direttiva 2001/24 kienet adottata skont l-Artikolu 47(2) tat-Trattat KE [attwalment l-Artikolu 53(1) TFUE], filwaqt li t-Tieni Direttiva kienet adottata skont l-Artikolu 53(3)(g) tat-Trattat KEE [attwalment l-Artikolu 50(2)(g) TFUE].


39 – Ara t-tieni premessa tat-Tieni Direttiva. Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1996 fil-kawża Pafitis et, C‑441/93, EU:C:1996:92, punt 38.


40 – Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013 fil-kawża LBI, C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 39.


41 – Sentenza tat-12 ta’ Marzu 1996 fil-kawża Pafitis et, C-441/93, EU:C:1996:92.


42 – Ara, għal eżempji klassiċi, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1990 fil-kawża HAG GF, C‑10/89, EU:C:1990:359, punt 10; tal-24 ta’ Novembru 1993 fil-kawża Keck u Mithouard, C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905, punt 16; u tal-25 ta’ Lulju 2008 fil-kawża Metock et, C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 58.


43 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2016 fil-kawża DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 39 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.


44 – Ara, bħala eżempju tal-limitu kunsiderevoli li għandu jiġi ssodisfatt, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2014 fil-kawża Schulz u Egbringhoff, C‑359/11 u C‑400/11, EU:C:2014:2317 (punti 54 sa 64), fid-dawl tal-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt f’din il-kawża (EU:C:2014:319, punti 69 sa 77).


45 – Kif ikkjarifikat fil-punt 23 tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2012 C 338, p. 1), “id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għall-kawża ineżami għandhom jiġu identifikati bil-preċiżjoni kollha possibbli fit-talba għal deċiżjoni preliminari[…].”


46 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011 fil-kawża Patriciello, C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata.


47 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012 fil-kawża Ascafor u Asidac, C‑484/10, EU:C:2012:113, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.


48 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ 6 ta’ Settembru 2010 fil-kawża Patriciello, C‑163/10, EU:C:2011:543, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata.


49 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989 fil-kawża Wachauf, 5/88, EU:C:1989:321, punt 19, u l-Artikolu 51(1) tal-Karta.


50 – Ma ħarbitlix minn moħħi li, wara konsultazzjoni, il-BĊE qies li s-“setgħat ta’ emerġenza [skont l-Liġi tal-2010] joħolqu interferenza sinjifikattiva mad-drittijiet għal proprjetà ta’ azzjonisti ta’ istituzzjonijiet”, ara l-konklużjonijiet tas-17 ta’ Diċembru 2010 dwar stabbilizzazzjoni ta’ emerġenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (CON/2010/92), punt 2.4. Fir-rigward tad-drittijiet ta’ azzjonisti għat-tgawdija paċifika tal-beni tagħhom skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b’rabta ma’ akkwiżizzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu mill-Istat, nagħmel riferiment, inter alia, għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta’ Lulju 2015, Cıngıllı Holding A.Ş. u Cıngıllıoğlu vs It‑Turkija, ECLI:CE:ECHR:2015:0721JUD003183306, punti 49 sa 51 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:102, noti ta’ qiegħ il-paġna 55 u 57.


51 – Ara, inter alia, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000 fil-kawża Kreil, C‑285/98, EU:C:2000:2, punt 23.


52 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997 fil-kawża Molenheide et, C‑286/94, C‑340/95, C‑401/95 u C‑47/96, EU:C:1997:623, punt 46.


53 – Inżid ngħid li fis-seduta, il-konsulent legali tal-ILP u ta’ ILPGH iddikjara li EUR 453 miljun kienu f’kont ta’ primjum azzjonarju u kienu jeċċedu l-valur nominali tal-ishma maħruġa qabel. Madankollu dan il-kapital kien intilef u/jew kien ġie użat.