Language of document : ECLI:EU:C:2016:836

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Novembru 2016 (*)

“Regolament Nru 407/2010/UE – Mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja – Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77/UE – Assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea lill-Irlanda – Rikapitalizzazzjoni tal-banek nazzjonali – Dritt tal-kumpanniji – It-Tieni Direttiva 77/91/KEE – Artikoli 8, 25 u 29 – Rikapitalizzazzjoni ta’ bank permezz ta’ ordnijiet ġudizzjarji – Żieda fil-kapital azzjonarju mingħajr deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali u mingħajr ma l-azzjonijiet ġodda ma ġew offruti fuq bażi ta’ prelazzjoni lill-azzjonisti eżistenti – Ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom”

Fil-Kawża C‑41/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (qorti għolja, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

Gerard Dowling,

Padraig McManus,

Piotr Skoczylas,

Scotchstone Capital Fund Limited

vs

Minister for Finance,

fil-preżenza ta’:

Permanent TSB Group Holdings plc, li kienet Irish Life and Permanent Group Holdings plc,

Permanent TSB plc, li kienet Irish Life and Permanent plc,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič u T. von Danwitz (Relatur), Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, C. G. Fernlund, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G. Dowling, minnu stess, kif ukoll minn G. Rudden, solicitor, u N. Travers, SC,

–        għal P. McManus, minnu stess, kif ukoll minn G. Rudden, solicitor, u N. Travers, SC,

–        għal P. Skoczylas, minnu stess,

–        għal Scotchstone Capital Fund Limited, minn S. O’Donnell u J. Flynn, solicitors,

–        għal Permanent TSB Group Holdings plc, li kienet Irish Life and Permanent Group Holdings plc, u Permanent TSB plc, li kienet Irish Life and Permanent plc, minn C. MacCarthy, A. Walsh, solicitors u P. Gallagher, SC, kif ukoll minn C. Geoghegan, barrister,

–        għall-Irlanda, minn A. Joyce, L. Williams u E. Creedon, bħala aġenti, assistiti minn A. O’Neill, BL, u de E. McCullough, SC,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Zachariadou u D. Kalli, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-P. Keppenne, H. Støvlbæk, L. Flynn u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens [tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 TFUE], dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8) (iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Gerard Dowling, Padraig McManus u Piotr Skoczylas kif ukoll Scotchstone Capital Fund Limited (iktar ’il quddiem “Scotchstone”) u, min-naħa l-oħra, il-Minister for Finance (ministru tal-finanzi, l-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), intiża għall-annullament tal-ordni mogħtija mill-High Court (qorti għolja, l-Irlanda), fis-26 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem l-“ordni”), li tordna lil kumpannija, li tagħha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma s-soċji u l-azzjonisti, iżżid il-kapital tagħha u toħroġ, favur il-Ministru, azzjonijiet ġodda bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Tieni Direttiva

3        It-tieni premessa tat-Tieni Direttiva hija fformulata kif ġej:

“Billi sabiex protezzjoni minima indaqs tiġi assigurata kemm għal azzjonisti u kemm għal kredituri ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, l-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirreferixxu għall-formazzjoni tagħhom u għaż-żamma, żjieda jew tnaqqis tal-kapital tagħhom hija partikolarment importanti”.

4        L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Ma jistgħux joħorġu ishma bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom, jew, meta ma hemmx valur nominali, mill-parità kontabbli tagħhom.”

5        Skont l-Artikolu 25 tal-imsemmija direttiva:

“1.      Kull żjieda fil-kapital għandha tiġi deċiża mil-laqgħa ġenerali. Kemm din id-deċiżjoni u kemm iż-żjieda fil-kapital sottoskritt għandhom jiġu pubblikati […].

2.      Madankollu, l-istatuti jew dokument ta’ inkorporazzjoni jew il-laqgħa ġenerali, li d-deċiżjoni tagħh[a] għandha tiġi pubblikata skond ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1, jistgħu jawtorizzaw żjieda fil-kapital sottoskritt sa ammont massimu li huma għandhom jistabbilixxu b’konsiderazzjoni xierqa għal kull ammont ieħor massimu previst mil-liġi. Meta xieraq, iż-żjieda fil-kapital sottoskritt għandha tiġi deċiża fil-limiti ta’ l-ammont stabbilit, mill-korp tal-kumpannija inkarigat[li j]agħmel hekk. Is-setgħa ta’ dak il-korp dwar dan l-aspett għandha tkun għal perjodu massimu ta’ ħames snin u jista’ jiġi mġedded darba jew iżjed drabi mil-laqgħa ġenerali, kull darba għal perjodu li ma jkunx iżjed minn ħames snin.

3.      Meta jkun hemm diversi klassijiet ta’ ishma, id-deċiżjoni mil-laqgħa ġenerali dwar iż-żjieda fil-kapital imsemmi fil-paragrafu 1 jew l-awtorizzazzjoni biex jiżdied il-kapital imsemmi fil-paragrafu 2, għandha tkun suġġetta għal vot separat għall-inqas għal kull klassi ta’ azzjonisti li d-drittijiet tagħhom huma milquta mit-transazzjoni.

4.      Dan l-Artikolu għandu japplika għall-ħruġ tat-titoli kollha li jistgħu jinbidlu f’ishma jew li magħhom hemm id-dritt ta’ sottoskrizzjoni għal ishma, iżda mhux għal-konverżjoni ta’ dawk it-titoli, lanqas għall-eżerċizzju tad-dritt għal sottoskrizzjoni.”

6        L-Artikolu 29 tat-Tieni Direttiva jipprovdi:

“1.      Kull meta l-kapital jiżdied b’konsiderazzjoni ta’ flus, l-ishma għandhom jiġu offruti fuq bażi preventiva [ta’ prelazzjoni] lill-azzjonisti fil-proporzjon tal-kapital rappreżentat mill-ishma tagħhom.

[…]

4.      Il-jedd preventiv [ta’ prelazzjoni] ma jistax ikun ristrett jew irtirat mill-istatuti jew dokument ta’ inkorporazzjoni. Dan jista’, madankollu, jsir b’deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali. Il-korp amministrattiv jew ta’ ġestjoni għandu jkun meħtieġ li jippreżenta lil dik il-laqgħa rapport bil-miktub li juri r-raġunijiet għar-restrizzjoni jew irtirar tal-jedd preventiv, u li jiġġustifka l-prezz tal-ħruġ propost. Il-laqgħa ġenerali għandha taġixxi skond ir-regoli dwar quorum u maġġoranza speċifikati fl-Artikolu 40. Id-deċiżjoni tagħha għandha tiġi pubblikata […].

5.      Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu li l-istatuti, d-dokument ta’ inkorporazjoni jew il-laqgħa ġenerali, li [taġixxi] skond ir-regoli dwar quorum, maġġoranza u pubblikazzjoni preskritti fil-paragrafu 4, jistgħu jagħtu s-setgħa ta’ restrizzjoni jew irtirar tal-jedd preventiv lill-korp tal-kumpannija li għandu s-setgħa li jiddeċiedi dwar żjieda fil-kapital sottoskritt fil-limiti tal-kapital awtorizzat. Din is-setgħa ma tistax tingħata għal perjodu itwal mis-setgħa li għaliha hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 25(2).

6.      Il-paragrafi 1 sa 5 għandhom japplikaw għall-ħruġ tat-titoli kollha li jistgħu jinbidlu f’ishma jew li jkollhom il-jedd ta’ sottoskrizzjoni għal ishma, iżda mhux għall-konverżjoni ta’ dawk it-titoli, lanqas għall-eżerċizzju tal-jedd ta’ sottoskrizzjoni.”

 Id-Direttiva 2001/24/KE

7        Id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ April 2001, fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15), hija intiża, kif jirriżulta mill-premessa 6 tagħha, li tintroduċi r-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri tal-miżuri meħuda minn kull wieħed minnhom sabiex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà tal-istabbilimenti ta’ kreditu approvati minnu. Għal dan il-għan, l-Artikoli 3, 9 u 10 ta’ din id-direttiva jipprevedu li l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ meħuda mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini għandhom jipproduċu, bħala prinċipju, fl-Istati Membri l-oħra kollha, l-effetti li tattribbwixxilhom il-liġi ta’ dan l-Istat Membru.

 Ir-Regolament Nru 407/2010/UE

8        Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 407/2010/UE, tal-11 ta’ Mejju 2010, li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU 2010, L 118, p. 1), huwa bbażat fuq l-Artikolu 122(2) TFUE. Skont il-premessi 4 u 5 ta’ dan ir-regolament:

“(4)      L-iggravar tal-kriżi finanzjarja wassal għal deterjorament serju tal-kundizzjonijiet tas-self ta’ diversi Stati Membri fiż-żona tal-euro, lil hinn minn dak li jista’ jiġi spjegat bi prinċipji ekonomiċi fundamentali. F’dan il-punt, din is-sitwazzjoni, jekk ma tiġix indirizzata b’urġenza, tista’ twassal għal theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha.

(5)      Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-Istati Membri, jidher meħtieġ li jiġi stabbilit minnufih mekkaniżmu tal-Unjoni għall-istabbilizzazzjoni bil-għan li tiġi ppreżervata l-istabbilità finanzjarja fl-Ewropa. Tali mekkaniżmu għandu jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b’mod koordinat, rapidu u effikaċi għad-diffikultajiet akuti fi Stat Membru partikolari. L-attivazzjoni tiegħu sejra tkun fil-kuntest ta’ appoġġ konġunt UE/Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).”

9        L‑Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Bil-għan li tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li taħthom tista’ tingħata l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni lil Stat Membru li jkun għaddej minn, jew li jkun mhedded serjament minn, tfixkil ekonomiku jew finanzjarju serju, ikkaġunat minn okkorrenzi eċċezzjonali li ma jkollux kontroll fuqhom, b’kont meħud tal-applikazzjoni possibbli tal-faċilità eżistenti li tipprovdi għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta’ żmien għall-bilanċi ta’ pagamenti ta’ Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro, kif stabbilita fir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 332/2002[,tat-18 ta’ Frar 2002, li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 81)].”

10      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 407/2010 huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istat Membru li jkun qiegħed ifittex l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni għandu jiddiskuti mal-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), valutazzjoni tal-ħtiġijiet finanzjarji tiegħu u jippreżenta abbozz ta’ programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

2.      L-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni għandha tingħata permezz ta’ deċiżjoni adottata mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

3.      Id-deċiżjoni dwar l-għoti tas-self għandha tinkludi:

(a)      l-ammont, iż-żmien medju ta’ maturità, il-formula tal-iffissar tal-prezzijiet, l-għadd massimu ta’ pagamenti perjodiċi, il-perjodu tad-disponibbiltà tal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni u regoli oħra dettaljati meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-għajnuna;

(b)      il-kundizzjonijiet ġenerali tal-politika ekonomika li huma marbuta mal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni, bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid qagħda ekonomika jew finanzjarja soda fl-Istat Membru benefiċjarju u biex terġa’ tiġi rrestawrata l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq finanzjarji; dawn il-kundizzjonijiet jiġu definiti mill-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-BĊE, u

(c)      approvazzjoni tal-programm ta’ aġġustament preparat mill-Istat Membru benefiċjarju biex jilħaq il-kundizzjonijiet ekonomiċi marbuta mal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni.

[…]

5.      Il-Kummissjoni u l-Istat Membru benefiċjarju għandhom jikkonkludu Memorandum ta’ Ftehim li jiddettalja il-kundizzjonijiet ġenerali tal-politika ekonomika stipulati mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-Memorandum ta’ Ftehim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”

 Id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77/UE

11      Id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE, tas-7 ta’ Diċembru 2010, dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda (ĠU 2011, L 30, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kunsill 2011/326/UE, tat-30 ta’ Mejju 2011 (ĠU 2011, L 147, p. 17) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77”), hija bbażata, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 407/2010. Il-premessi 1 sa 3 ta’ din id-deċiżjoni huma fformulati kif ġej:

“(1)      L-Irlanda, reċentement, kienet taħt pressjoni dejjem akbar fir-rigward tas-swieq finanzjarji, li tirrefletti t-tħassib li qed jiżdied dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Irlanda fid-dawl tal-miżuri komprensivi ta’ appoġġ pubbliku lis-settur finanzjarju mdgħajjef. Minħabba l-esponiment eċċessiv għall-proġetti ta’ proprjetà immobbli u ta’ kostruzzjoni, is-sistema bankarja domestika ġarrbet telf kbir wara l-kollass ta’ dawn is-setturi. Il-kriżi attwali fis-setturi ekonomiċi u bankarji kellha wkoll impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi tal-Irlanda, u b’hekk aggravat l-impatt tar-reċessjoni. […] Miżuri ta’ appoġġ għas-settur bankarju, inkluż injezzjonijiet kapitali sinifikanti, ikkontribbwew, b’mod qawwi, lejn id-deterjorazzjoni tal-pożizzjoni tal-finanzi pubbliċi. It-tħassib attwali dwar is-suq jirrefletti, primarjament, il-ħolqa inseparabbli bejn is-solvenza tas-sovran [tal-Istat] Irlandiz u s-sistema bankarja f’din il-kriżi; din wasslet għal żieda qawwija fir-rendiment mill-bonds sovrani, filwaqt li s-sistema bankarja domestika hija effettivament maqtugħa mill-finanzjament mis-suq internazzjonali.

(2)      Fid-dawl ta’ dan it-tfixkil ekonomiku u finanzjarju serju kkawżat minn okkorrenzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gvern, l-awtoritajiet Irlandiżi talbu uffiċjalment assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) fil-21 ta’ Novembru 2010 bl-għan li jiġi appoġġat ir-ritorn tal-ekonomija għal tkabbir sostenibbli, jiġi żgurat funzjonament tajjeb tas-sistema bankarja u tiġi mħarsa l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u fiż-żona euro. Fit-28 ta’ Novembru 2010, intlaħaq ftehim fuq livell tekniku rigward pakkett komprensiv ta’ politika għall-perjodu 2010-2013.

(3)      L-abbozz tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju […] li ġie mressaq lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għandu l-għan li jerġa jikseb il-kunfidenza tas-suq finanzjarju fis-settur bankarju Irlandiż u s-sovran, u b’hekk jippermetti lill-ekonomija terġa’ lura għal tkabbir sostenibbli. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri, il-programm jinkludi tliet elementi ewlenin. L-ewwel, strateġija għas-settur finanzjarju li tinkludi tnaqqis fundamentali fid-daqs, diżingranar [ħelsien mid-dejn] kif ukoll riorganizzazzjoni tas-settur bankarju, flimkien ma’ rikapitalizzazzjoni xierqa sal-livell meħtieġ. […]”

12      L-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

“1.      L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self lill-Irlanda li jammonta għal massimu ta’ EUR 22,5 biljun, b’maturità medja massima ta’ 7½ snin.

[…]

4.      L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar is-Self u [ta]l-Memorandum ta’ Ftehim [dwar il-kundizzjonalità ekonomika speċifika konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Irlanda]. Kwalunkwe rilaxx ta’ self sussegwenti għandu jkun fuq kundizzjoni ta’ evalwazzjoni ta’ fuq tlett xhur favorevoli mill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-[Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)], tal-konformità tal-Irlanda mal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika ġenerali kif definiti b’din id-Deċiżjoni u bil-Memorandum ta’ Ftehim.”

13      Konformement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77:

“1.      Il-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju […] ippreparat mill-awtoritajiet Irlandiżi huwa hawnhekk approvat.

2.      L-iżborż ta’ kull ħlas parzjali ulterjuri għandu jsir fuq il-bażi ta’ implimentazzjoni sodisfaċenti tal-Programm li ser jiġi inkluż fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-Irlanda, fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ politika ekonomika stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim. Dawn għandhom jinkludu, inter alia, il-miżuri pprovduti fil-paragrafi 4 sa 9 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

4.      L-Irlanda għandha tadotta l-miżuri speċifikati fil-paragrafi 7 sa 9 qabel tmiem is-sena indikata, bl-iskadenzi eżatti għas-snin 2011-2013 speċifikati fil-Memorandum ta’ Ftehim […]

5.      Bl-għan li tinkiseb lura l-kunfidenza fis-settur finanzjarju, l-Irlanda għandha tirrikapitalizza b’mod xieraq, twettaq diżingranar [ħelsien mid-dejn] malajr u tirristruttura bir-reqqa s-sistema bankarja kif stabbilit fil-Memorandum ta’ Ftehim. F’dak ir-rigward, l-Irlanda għandha tiżviluppa u taqbel mal-Kummissjoni Ewropea, l-BĊE u l-FMI stateġija għall-istruttura, il-funzjonament u l-vijabbiltà futura tal-istituzzjonjiet ta’ kreditu Irlandiżi li ser tidentifika kif ser jiġi assigurat li huma kapaċi joperaw mingħajr għajnuna tal-istat ulterjuri. […]

[…]

7.      L-Irlanda għandha tadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2012, skont l-ispeċifikazzjonjijiet fil-Memorandum ta’ Ftehim:

[…]

(g)      ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek domestiċi sal-aħħar ta’ Lulju 2011 (suġġett għall-aġġustament adattat għall-bejgħ mistenni tal-assi fil-każ ta’ Irish Life & Permanent) f’konformità mas-sejbiet tal-PLAR u l-PCAR tal-2011, [reviżjoni prudenzjali tal-valutazzjoni tal-likwidità u reviżjoni prudenzjali tal-valutazzjoni tal-kapital 2011] kif imħabbar mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda fil-31 ta’ Marzu 2011;

[…]”

 Id-dritt Irlandiż

14      Il-Credit Institutions (Stabilisation) Act 2010 (Liġi tal-2010 dwar l-istabbilizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2010”), hija intiża, konformement mal-Artikolu 4 tagħha, b’mod partikolari, li:

“(a)      tirreaġixxi għat-tfixkil serju u persistenti tal-ekonomija u tas-sistemi finanzjarji kif ukoll għat-theddid serju u persistenti fir-rigward tal-istabbiltà ta’ ċerti stabbilimenti ta’ kreditu u tas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali,

(b)      timplementa r-riorganizzazzjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu fl-Irlanda u li tikkompleta l-istabbilizzazzjoni finanzjarja ta’ dawn l-istabbilimenti ta’ kreditu u r-ristrutturazzjoni tagħhom (konformement mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat) fil-kuntest tal-pjan ta’ aġġustament nazzjonali għall-perijodu 2011-2014 u tal-programm ta’ għajnuna finanzjarja lill-Irlanda mill-[Unjoni Ewropea]/FMI,

[…]”

15      L-Artikolu 7 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“(1)      Bla ħsara għall-punti (2) u (4), il-Ministru jista’ jipproponi ordni li permezz tagħha stabbiliment partikolari jista’ jiġi ordnat jieħu (f’terminu speċifikat) jew jista’ jiġi ordnat jastjeni milli jieħu (matul perijodu speċifikat) azzjoni jew sensiela ta’ azzjonijiet li flimkien ikunu intiżi li jintlaħaq għan partikolari, inklużi, fost oħrajn u bla ħsara għall-portata ġenerali ta’ dak li għadu kemm ġie stabbilit, waħda jew iktar mill-azzjonijiet segwenti:

(a)      bla ħsara għal drittijiet ta’ prelazzjoni legali jew kuntrattwali, […] joħroġ azzjonijiet lill-Ministru jew lil persuna oħra nnominata mill-Ministru, skont il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-Ministru fl-abbozz ta’ ordni u għall-prezz iffissat minnu;

[…]

(c)      iżid il-kapital azzjonarju awtorizzat (inkluż bil-ħolqien ta’ klassijiet ġodda ta’ azzjonijiet) tal-istabbiliment ikkonċernat sabiex ikun jista’ joħroġ azzjonijiet lill-Ministru jew lil kwalunkwe persuna oħra nnominata minnu;

(d)      jemenda l-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-istabbiliment ikkonċernat […];

[…]

(2)      Il-Ministru jista’ jipproponi ordni biss jekk, wara li jkun ikkonsulta l-Gvernatur [tal-Bank Ċentrali], ikun tal-fehma li l-adozzjoni tal-ordni kif proposta hija meħtieġa sabiex jintlaħaq għan ta’ din il-liġi, li għandu jiġi indikat fil-proposta ta’ ordni.

[…]”

16      Skont l-Artikolu 9(1) u (2) tal-imsemmija liġi:

“(1)      Malajr kemm jista’ jkun wara li jkunu tlestew, fir-rigward ta’ ordni proposta, il-proċeduri meħtieġa mill-Artikolu 7, il-Ministru għandu japplika ex parte għand il-High Court [(qorti għolja)] għal ordni fit-termini tal-ordni proposta rilevanti.

(2)      Il-High Court [(qorti għolja)], meta tittratta rikors ex parte skont il-paragrafu (1), għandha, jekk tkun ġiet issodisfatta li r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 ikunu ġew osservati u li l-opinjoni tal-Ministru skont dan l-artikolu kienet raġonevoli u ma kinitx ivvizzjata minn żball ta’ liġi, toħroġ ordni fit-termini tal-ordni proposta […]”

17      L-Artikolu 11 tal-Liġi tal-2010 jipprovdi li l-istabbiliment ikkonċernat inkwistjoni, jew wieħed mis-soċji tiegħu, jista’ jitlob lill-High Court (qorti għolja) sabiex tannulla l-ordni. Din il-qorti tista’ tannulla ordni biss jekk tqis li waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 ta’ din l-istess liġi ma kinitx osservata jew li l-opinjoni tal-Ministru prevista fl-Artikolu 7(2) ta’ din il-liġi kienet irraġonevoli jew kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

18      L-Artikolu 47 tal-Liġi tal-2010 jipprevedi l-inklużjoni, fl-ordni, ta’ dispożizzjoni li l-effett tagħha jkun li kull setgħa li tappartjeni, fl-ambitu tal-laqgħa ġenerali, lill-azzjonisti tal-istabbiliment ikkonċernat tista’ tiġi eżerċitata mill-Ministru.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Permanent TSB plc, li kienet Irish Life and Permanent plc (iktar ’il quddiem “ILP”), hija stabbiliment ta’ kreditu li teżerċita l-attività tagħha fit-territorju Irlandiż.

20      Permanent TSB Group Holdings plc, li kienet Irish Life and Permanent Group Holdings plc (iktar ’il quddiem “ILPGH”), hija kumpannija b’responsabbiltà limitata inkorporata fl-Irlanda. ILPGH ma hijiex stabbiliment ta’ kreditu. Matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din il-kumpannija kienet iżżomm il-kapital azzjonarju kollu ta’ ILP.

21      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma soċji u azzjonisti ta’ ILPGH.

22      Il-kriżi finanzjarja u ekonomika li għaddiet minnha l-Irlanda matul l-2008 kellha konsegwenzi serji kemm fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-banek Irlandiżi u kemm fuq dik ta’ dan l-Istat Membru, minħabba r-rabta partikolarment mill-qrib li kienet teżisti bejniethom fid-dawl tad-daqs relattiv tas-settur bankarju meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija nazzjonali kif ukoll fid-dawl tal-garanziji kunsiderevoli fir-rigward tad-dejn bankarju li l-Irlanda kienet tat lil dawn il-banek nazzjonali matul dik is-sena.

23      Minkejja l-miżuri ta’ sostenn adottati mill-Irlanda favur is-settur bankarju, il-banek Irlandiżi komplew jitilfu l-kunfidenza tas-swieq u s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dan l-Istat Membru kompliet tmur lura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet Irlandiżi fasslu programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju li fir-rigward tiegħu talbu, fil-21 ta’ Novembru 2010, b’mod partikolari, assistenza finanzjarja mill-Unjoni. F’dan il-programm, l-Irlanda ntrabtet li twettaq ristrutturazzjoni u rikapitalizzazzjoni tas-settur bankarju.

24      Permezz tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77, il-Kunsill approva l-imsemmi programm u qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan l-Istat Membru assistenza finanzjarja mill-Unjoni taħt il-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja, stabbilit permezz tar-Regolament Nru 407/2010. Fis-16 ta’ Diċembru 2010, l-Irlanda u l-Kummissjoni kkonkludew Memorandum ta’ Ftehim fuq il-bażi tal-Artikolu 1(4) ta’ din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem il-“Memorandum ta’ Ftehim”). Konformement mal-impenji meħuda fil-kuntest ta’ dan il-memorandum ta’ ftehim kif ukoll mal-Artikolu 3(4), (5) u (7)(g) tal-imsemmija deċiżjoni, dan l-Istat Membru kellu jwettaq rikapitalizzazzjoni tal-banek nazzjonali sal-aħħar ta’ Lulju 2011, fuq il-bażi tar-riżultati ta’ reviżjoni prudenzjali tal-valutazzjoni tal-kapital u ta’ reviżjoni prudenzjali tal-valutazzjoni tal-likwidità mis-Central Bank of Ireland (il-Bank Ċentrali Irlandiż).

25      Il-Bank Ċentrali Irlandiż ippubblika r-riżultati tar-reviżjoni tiegħu fil-31 ta’ Marzu 2011. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-riżultati, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Irlandiż ordna lil ILP, permezz ta’ deċiżjoni adottata fl-istess jum, sabiex tiġġenera kapital supplimentari fl-ammont ta’ EUR 4 biljuni.

26      F’Lulju 2011, il-Ministru ressaq quddiem l-azzjonisti ta’ ILPGH proposta intiża li tiffaċilita din ir-rikapitalizzazzjoni ta’ ILP permezz, b’mod partikolari, ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ EUR 2.7 biljuni. Din il-proposta ġiet miċħuda mil-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ ILPGH, miżmuma fl-20 ta’ Lulju 2011, li tat lill-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija l-istruzzjoni li jeżamina possibbiltajiet oħra ta’ rikapitalizzazzjoni u li jitlob, għal dan il-għan, estensjoni tat-terminu għar-rikapitalizzazzjoni previst fid-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77.

27      Skont l-Artikoli 7 u 9 tal-Liġi tal-2010, għall-finijiet tar-rikapitalizzazzjoni ta’ ILP, il-Ministru pprepara proposta ta’ ordni li huwa ppreżenta quddiem il-High Court (qorti għolja). L-ordni ġiet adottata minn dik il-qorti fit-termini mitluba, li kienu jobbligaw lil ILPGH toħroġ, bħala korrispettiv għal kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ EUR 2.7 biljuni, azzjonijiet ġodda favur il-Ministru bi prezz għal kull azzjoni ddeterminat minn dan tal-aħħar, jiġifieri bi prezz imnaqqas b’10 % meta mqabbel mal-prezzijiet medji fit-23 ta’ Ġunju 2011. Għaldaqstant, il-Ministru, mingħajr deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ ILPGH, kiseb 99.2 % tal-azzjonijiet ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, ġie ordnat li dawn l-azzjonijiet jiġu rtirati mill-Boroż tal-Irlanda u ta’ Londra.

28      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu, quddiem l-imsemmija qorti u fuq il-bażi tal-Artikolu 11 tal-Liġi tal-2010, talba intiża għall-annullament tal-ordni. Quddiem il-High Court (qorti għolja), huma sostnew li ż-żieda fil-kapital li tirriżulta minn din l-ordni hija inkompatibbli mal-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva, peress li twettqet mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali ta’ ILPGH.

29      Il-Ministru kif ukoll ILPGH u ILP ċaħdu dan l-argument filwaqt li bbażaw ruħhom fuq id-Direttiva 2001/24, fuq ir-Regolament Nru 407/2010, fuq id-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77, fuq l-Artikoli 49, 65, 107, 119, 120 u 126 TFUE kif ukoll fuq id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Titolu VIII tat-Tielet Parti ta’ dan it-trattat. Fil-fehma tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jawtorizzaw lill-Irlanda tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddefendi l-integralità tas-sistema finanzjarja tagħha minkejja d-dispożizzjonijiet tat-Tieni Direttiva. Bis-saħħa tal-obbligi tiegħu li joħorġu mit-Titolu VIII tat-Tielet Parti tal-imsemmi trattat u, b’mod partikolari, mill-Artikoli 119 u 120 tiegħu, dan l-Istat Membru kien saħansitra obbligat jieħu dawn il-miżuri sabiex jiggarantixxi s-sigurtà ta’ stabbiliment ta’ importanza sistematika għall-Irlanda u għall-Unjoni.

30      Il-qorti tar-rinviju kkonkludiet, fuq il-bażi ta’ bbilanċjar ta’ probabbiltajiet, li ILP ma kienx ser jirnexxielha tiġġenera l-ammont ta’ kapital meħtieġ ta’ EUR 4 biljuni, la mingħand investituri privati u lanqas mingħand l-azzjonisti eżistenti, wara li l-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ ILPGH kienet ċaħdet, fl-20 ta’ Lulju 2011, il-proposta ta’ rikapitalizzazzjoni mressqa mill-Ministru. Skont l-evalwazzjoni magħmula minn dik il-qorti, l-assenza ta’ rikapitalizzazzjoni fit-terminu previst fid-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77 kienet ser twassal għal inadempjenza min-naħa ta’ ILP, minħabba diversi żviluppi possibbli bħal irtirar massiv tal-fondi ddepożitati ma’ ILP, talba għal rimbors tad-diversi bonds jew waqfien tal-finanzjament fl-ambitu tal-għajnuna ta’ emerġenza fil-każ ta’ kriżi ta’ likwidità, jew minħabba kombinazzjoni ta’ wħud minn dawn il-possibbiltajiet, jekk mhux ukoll ta’ dawn il-possibbiltajiet kollha.

31      Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tqis li inadempjenza min-naħa ta’ ILP ma kinitx timplika biss it-telf totali tal-valur tal-azzjonijiet għall-azzjonisti, iżda kien ikollha wkoll konsegwenzi serji għall-Irlanda. F’dan ir-rigward, hija tirreferi, b’mod partikolari, għall-possibbiltà ta’ rtirar massiv tal-fondi ddepożitati mal-banek nazzjonali, għal applikazzjoni sussegwenti tal-garanzija mogħtija lil ILP mill-Istat Irlandiż kif ukoll għall-possibbiltà ta’ rtirar totali jew parzjali tal-finanzjament ta’ dan l-Istat fil-kuntest tal-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ dan il-programm. Skont il-qorti tar-rinviju, dawn il-konsegwenzi għall-Irlanda kienu probabbilment ser jaggravaw it-theddida għall-istabbiltà finanzjarja ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni.

32      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-High Court (qorti għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“Fid-dawl:

(i)      tat-[Tieni Direttiva];

(ii)      tad-Direttiva [2001/24];

(iii) tal-obbligi tal-Istat Irlandiż taħt it-Trattat [FUE] u b’mod partikolari taħt l-Artikoli 49, 65, 107, 120 u t-Titolu VIII tat-Tielet Parti tal-istess trattat;

(iv)      tal-obbligi tal-Istat Irlandiż taħt il-programm ta’ għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea u mill-FMI;

(v)      tat-termini tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77, adottata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 407/2010,

(1)      It-[Tieni Direttiva] tipprekludi, f’kull ċirkustanza, inkluż fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, l-għoti ta’ ordni skont l-Artikolu 9 tal-[Liġi tal-2010], abbażi tal-opinjoni tal-[Ministru] li tgħid li huwa neċessarju [li din l-ordni hija neċessarja], meta tali ordni għandha l-effett li jiżdied il-kapital ta’ kumpannija mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali, li jingħataw ishma ġodda mingħajr ma dawn jiġu offerti fuq bażi preferenzjali [ta’ prelazzjoni] lill-azzjonisti eżistenti u mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali, li jitnaqqas il-valur nominali tal-ishma tal-kumpannija mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali u, għal dan il-għan, li jiġu emendati l-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali?

2)      L-ordni mogħtija mill-High Court [(qorti għolja)] skont l-Artikolu 9 tal-[Liġi tal-2010] fir-rigward ta’ ILPGH u ta’ ILP kisret id-dritt tal-Unjoni?”

 Fuq it-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali u għal miżuri istruttorji

33      Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, P. Skoczylas ressaq, fil-25 ta’ Awwissu 2016, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali taħt l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, Scotchstone ressqet talba simili kif ukoll talba għal miżuri istruttorji fuq il-bażi tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

34      Insostenn tat-talbiet tagħhom, dawn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, essenzjalment, li s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570), kif ukoll l-elementi li jiddistingwu l-kawża li tat lok għal dik is-sentenza mill-kawża prinċipali, ma kinux ġew diskussi bejn il-partijiet interessati.

35      F’ittra, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Settembru 2016, Scotchstone ikkompletat il-motivazzjoni tat-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali filwaqt li invokat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Awwissu 2016 li tikkonstata li l-vantaġġi fiskali fl-ammont ta’ EUR 13-il biljun mogħtija mill-Irlanda lil Apple matul is-snin 2003 sa 2014 ma kinux konformi mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Scotchstone tqis li, fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Irlanda kellha riżorsi finanzjarji oħra minbarra dawk li jirriżultaw mill-assistenza finanzjarja mill-Unjoni sabiex tirrimedja t-tfixkil serju tal-ekonomija tagħha. Skontha, dawn ir-riżorsi finanzjarji oħra kienu jagħtu lil dan l-Istat Membru l-possibbiltà li jirrikapitalizza lil ILP bi qbil mal-laqgħa ġenerali ta’ ILPGH u konformement mat-Tieni Direttiva.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

37      Skont l-Artikolu 64(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, permezz ta’ digriet li jindika l-fatti li għandhom jiġu pprovati, tistabbilixxi l-miżuri istruttorji li hija tqis xierqa.

38      Fil-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li għandha l-elementi meħtieġa kollha sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari li tressqet quddiemha u li din ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ argument li ma kienx diskuss quddiemha.

39      Għaldaqstant, it-talbiet ta’ P. Skoczylas u ta’ Scotchstone għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

40      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, filwaqt li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) kif ukoll tal-Artikoli 25 u 29 tat-Tieni Direttiva, l-indikazzjonijiet mogħtija f’din it-talba ma jippermettux li jiġu identifikati dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jipprekludu, skont il-qorti tar-rinviju, miżura bħalma hija l-ordni.

41      L-Artikolu 8 tat-Tieni Direttiva jipprojbixxi l-ħruġ ta’ azzjonijiet bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom jew, fl-assenza ta’ valur nominali, mill-parità kontabbli tagħhom. L-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva jipprevedi li, bħala prinċipju, kull żieda fil-kapital ta’ kumpannija għandha tiġi deċiża mil-laqgħa ġenerali tagħha. L-Artikolu 29 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, essenzjalment, li, fil-każ ta’ tali żieda fil-kapital, l-azzjonijiet għandhom jiġu offerti, fuq bażi ta’ prelazzjoni, lill-azzjonisti eżistenti.

42      Fir-rigward tal-ordni, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-ordni wasslet għal ħruġ ta’ azzjonijiet ta’ ILPGH bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom kif ukoll għal żieda fil-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija, li kienet marbuta ma’ eliminazzjoni tad-dritt ta’ prelazzjoni, mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija. Għaldaqstant, huwa paċifiku li r-rekwiżiti msemmija fil-punt preċedenti ma ġewx applikati fil-każ ineżami.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żewġ domandi magħmula, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandhom jinftiehmu fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk l-Artikolu 8(1) kif ukoll l-Artikoli 25 u 29 tat-Tieni Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura, bħall-ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata f’sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru li thedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li twassal għal żieda fil-kapital ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali tagħha, bil-ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom u mingħajr dritt ta’ prelazzjoni għall-azzjonisti eżistenti.

44      F’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-ordni ġiet adottata fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja u ekonomika li wasslet lill-Irlanda sabiex tagħti, matul is-sena 2008, garanziji kunsiderevoli lill-banek nazzjonali milquta minn din il-kriżi u, lejn l-aħħar tas-sena 2010, meta s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn il-banek kompliet tmur lura u kienet qiegħda thedded ukoll l-istabbiltà finanzjarja ta’ dan l-Istat Membru, sabiex titlob assistenza finanzjarja mill-Unjoni, filwaqt li ntrabtet li twettaq ristrutturazzjoni u rikapitalizzazzjoni tas-settur bankarju nazzjonali.

45      Skont il-qorti tar-rinviju, din is-sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija nazzjonali kienet teħtieġ, minħabba li kien impossibbli għal ILP li twettaq hija stess ir-rikapitalizzazzjoni, kif prevista b’mod partikolari mill-Memorandum ta’ Ftehim sal-aħħar ta’ Lulju 2011, intervent mill-Istat Irlandiż sabiex tiġi evitata inadempjenza min-naħa ta’ din il-kumpannija li kienet thedded kemm l-istabbiltà finanzjarja ta’ dan l-Istat Membru kif ukoll dik ta’ Stati Membri oħra u dik tal-Unjoni.

46      Ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek nazzjonali, li fosthom kien inkluż ILP, sal-31 ta’ Lulju 2011 kienet prevista wkoll fl-Artikolu 1(4) u fl-Artikolu 3(2), (4), (5) u (7)(g) tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77, bħala kundizzjoni meħtieġa għall-pagament tal-assistenza finanzjarja mill-Unjoni lill-Irlanda. Din l-assistenza finanzjarja tikkostitwixxi, konformement mal-premessi 4 u 5 kif ukoll mal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 407/2010 – li min-naħa tiegħu kien adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 122(2) TFUE li huwa intiż b’mod partikolari li jipprovdi mezz sabiex jiġu affaċċjati “ċirkostanzi eċċezzjonali” – miżura ta’ emerġenza maħsuba sabiex titħares l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

47      Huwa minnu li, sabiex titwettaq ir-rikapitalizzazzjoni ta’ ILP, l-ordni imponiet iż-żieda tal-kapital ta’ ILPGH. Madankollu, l-Artikolu 3(7)(g) tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77 jipprevedi r-rikapitalizzazzjoni tal-banek nazzjonali, li fosthom kienet tinsab ILP, mingħajr ma jispeċifika l-mezzi li kellhom jintużaw għal dan il-għan. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Irlandiżi ma kinux obbligati jwettqu kontribuzzjoni diretta fil-kapital azzjonarju ta’ ILP iżda setgħu jwettqu din ir-rikapitalizzazzjoni permezz ta’ żieda fil-kapital ta’ ILPGH.

48      Barra minn hekk, kif ġie osservat fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju, wara li bbilanċjat l-interessi inkwistjoni, waslet għall-konklużjoni li, wara d-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ ILPGH, tal-20 ta’ Lulju 2011, li tiġi miċħuda l-proposta ta’ rikapitalizzazzjoni tal-Ministru, l-ordni kienet l-uniku mezz sabiex tiġi żgurata, fit-terminu previst fid-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77, ir-rikapitalizzazzjoni ta’ ILP meħtieġa sabiex tiġi evitata l-inadempjenza ta’ din l-istituzzjoni finanzjarja u sabiex b’hekk tiġi evitata theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

49      Skont it-tieni premessa tagħha, it-Tieni Direttiva hija intiża li tintroduċi ekwivalenza minima fil-protezzjoni kemm tal-azzjonisti u kemm tal-kredituri tal-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata. B’hekk, kif ILGH u ILP kif ukoll l-Irlanda indikaw fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri previsti minn din id-direttiva dwar l-inkorporazzjoni kif ukoll dwar iż-żamma, iż-żieda u t-tnaqqis tal-kapital ta’ dawn il-kumpanniji jiggarantixxu l-imsemmija protezzjoni kontra atti meħuda minn korpi tal-imsemmija kumpanniji u jikkonċernaw, għalhekk, il-funzjonament ordinarju tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 86 u 87).

50      Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 44 sa 48 ta’ din is-sentenza, l-ordni ma tikkostitwixxix att meħud minn korp ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata fl-ambitu tal-funzjonament ordinarju tagħha, iżda hija miżura eċċezzjonali meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali u intiża li tevita, permezz ta’ żieda fil-kapital, l-inadempjenza ta’ tali kumpannija li, skont il-qorti tar-rinviju, kienet qiegħda thedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. Issa, il-protezzjoni li t-Tieni Direttiva tagħti lill-azzjonisti u lill-kredituri ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fir-rigward tal-kapital azzjonarju tagħha, ma tkoprix tali miżura nazzjonali adottata f’sitwazzjoni ta’ tfixkil gravi tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru u li tkun intiża li tilqa’ għal theddida sistematika għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li tirriżulta min-natura insuffiċjenti tal-kapital tal-kumpannija kkonċernata.

51      Id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Direttiva, għaldaqstant, ma jipprekludux miżura eċċezzjonali li tikkonċerna l-kapital azzjonarju ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, bħalma hija l-ordni, li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu adottaw, f’sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru, mingħajr l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija u bil-għan li jiġi evitat riskju sistematiku u li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 88 sa 90).

52      Din il-konklużjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-fatt li l-ordni setgħet tiġi kklassifikata, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala “deċiżjoni amministrattiva provviżorja” u mhux bħala “miżura ġudizzjarja”. Fil-fatt, miż-żewġ punti preċedenti jirriżulta li t-Tieni Direttiva ma tipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-adozzjoni ta’ miżura bħalma hija l-ordni, b’tali mod li n-natura tal-awtorità nazzjonali li tkun adottat din l-ordni hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

53      L-interpretazzjoni preċedenti bl-ebda mod ma hija inkompatibbli ma’ dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1996, Pafitis et (C‑441/93, EU:C:1996:92), għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-elementi deskritti fil-punti 44 sa 48 ta’ din is-sentenza jiddistingwu s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1996, Pafitis et (C‑441/93, EU:C:1996:92), li kienet ikkaratterizzata mill-insolvenza ta’ bank wieħed. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-Tieni Direttiva tibqa’ applikabbli fil-każ ta’ “sempliċi skema ta’ riorganizzazzjoni” (sentenza tat-12 ta’ Marzu 1996, Pafitis et, C‑441/93, EU:C:1996:92, punt 57), hija madankollu ma ddeċidietx, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, dwar il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni straordinarji, bħalma hija l-ordni li hija intiża li tevita, f’sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija nazzjonali u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru, l-inadempjenza ta’ bank sabiex titħares l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

54      Barra minn hekk, kif ILPGH u ILP kif ukoll l-Irlanda indikaw fl-osservazzjonijiet li huma ppreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri nazzjonali kkontestati fil-kawża Pafitis et (C‑441/93, EU:C:1996:92) kienu ġew adottati matul il-perijodu bejn is-sena 1986 u s-sena 1990 u l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fit-12 ta’ Marzu 1996, jiġifieri ferm qabel bdiet it-tielet fażi tal-implementazzjoni tal-Unjoni ekonomika u monetarja bl-introduzzjoni tal-euro, bl-istabbiliment tas-sistema tal-euro u bl-emendi fit-Trattati tal-Unjoni relatati. Għalkemm hemm interess ġenerali ċar li, fl-Unjoni kollha, tiġi żgurata protezzjoni b’saħħitha u koerenti tal-azzjonisti u tal-kredituri, dan l-interess ma jistax jitqies li jirbaħ dejjem fuq l-interess ġenerali li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja stabbilita permezz ta’ dawn l-emendi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 91).

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 8(1) kif ukoll l-Artikoli 25 u 29 tat-Tieni Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura, bħall-ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata f’sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru li thedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li twassal għal żieda fil-kapital ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali tagħha, bil-ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom u mingħajr dritt ta’ prelazzjoni għall-azzjonisti eżistenti.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 8(1) kif ukoll l-Artikoli 25 u 29 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens [tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 TFUE], dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura, bħall-ordni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata f’sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru li thedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li twassal għal żieda fil-kapital ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali tagħha, bil-ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom u mingħajr dritt ta’ prelazzjoni għall-azzjonisti eżistenti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.