Language of document : ECLI:EU:C:2023:490

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is‑Seba’ Awla)

15 ta’ Ġunju 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 3(1)(a) – Kunċett ta’ ‘benefiċċji tal-mard’ – Kamp ta’ applikazzjoni – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45 TFUE – Regolament (KE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(2) – Vantaġġi soċjali – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjonijiet – COVID‑19 – Iżolament ta’ impjegati ordnat mill-awtorità nazzjonali tas-saħħa – Kumpens tal-imsemmija impjegati mill-persuna li timpjega – Rimbors tal-persuna li timpjega mill-awtorità kompetenti – Esklużjoni tal-ħaddiema fruntalieri iżolati bis-saħħa ta’ miżura meħuda mill-awtorità tal-Istat ta’ residenza tagħhom”

Fil-Kawża C‑411/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Mejju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

Thermalhotel Fontana Hotelbetriebsgesellschaft mbH

fil-preżenza ta’:

Bezirkshauptmannschaft Südoststeiermark,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Thermalhotel Fontana Hotelbetriebsgesellschaft mbH, minn T. Katalan, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u F. Werni, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif ukoll tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Thermalhotel Fontana Hotelbetriebsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Thermalhotel Fontana”) u l-Bezirkshauptmannschaft Südoststeiermark (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Steiermark tal-Lvant, l-Awstrija, iktar ’il quddiem l-“awtorità amministrattiva”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lil Thermalhotel Fontana għal lucrum cessans imġarrab mill-impjegati tagħha matul il-perijodi ta’ iżolament fid-djar rispettivi tagħhom fis-Slovenja u fl-Ungerija, imposti b’rabta mal-pandemija tal-COVID‑19 mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati Membri.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament Nru 883/2004

3        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Oqsma koperti” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

(a)      benefiċċji marbutin mal-mard;

[…]”

4        Skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, u fid-dawl tad-disposizzjonijiet speċjali ta’ implimentazzjoni stabbiliti, għandu japplika dan li ġej:

[…]

(b)      meta, taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, jkunu attribwiti ċerti effetti legali meta jseħħu ċerti fatti jew każijiet, dak l-Istat Membru għandu jqis fatti u każijiet simili li jseħħu fi kwalunkwe Stat Membru bħallikieku seħħew fit-territorju tiegħu.”

 IrRegolament Nru 492/2011

5        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħall-ħaddiema nazzjonali.”

 Iddritt Awstrijak

6        L-Epidemiegesetz 1950 (il-Liġi dwar l-Epidemiji tal‑1950), tal‑14 ta’ Ottubru 1950 (BGBl. 186/1950), hija applikabbli għall-kawża prinċipali fil-verżjoni tagħha tal‑25 ta’ Settembru 2020 (BGBl. I, 104/2020), fir-rigward tal-Artikoli 7 u 32 tagħha, u fil-verżjoni tagħha tal‑24 ta’ Lulju 2006 (BGBl. I, 114/2006), fir-rigward tal-Artikolu 17 tagħha (iktar ’il quddiem l-“EpiG”).

7        Skont l-Artikolu 7 tal-EpiG, intitolat “Iżolament tal-morda”:

“(1)      Digriet jindika l-mard, li d-dikjarazzjoni tagħhom hija obbligatorja, li għalihom jistgħu jiġu ordnati miżuri ta’ iżolament fir-rigward ta’ persuni morda, issuspettati li huma morda jew issuspettati li huma kkontaminati.

(1a)      Sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ marda, li d-dikjarazzjoni tagħha hija obbligatorja, indikata f’digriet imsemmi fil-paragrafu 1, il-persuni morda, issuspettati li huma morda jew issuspettati li huma kkontaminati jistgħu jiġu iżolati jew ostakolati fil-kuntatti tagħhom mad-dinja esterna jekk, fid-dawl tan-natura tal-marda u tal-aġir tal-persuna kkonċernata, jeżisti riskju gravi u sinjifikattiv għas-saħħa ta’ persuni oħra, li ma jistax jiġi eliminat permezz ta’ miżuri inqas restrittivi. […]

[…]”

8        L-Artikolu 17 tal-EpiG, intitolat “Sorveljanza ta’ ċerti persuni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-persuni li għandhom jitqiesu bħala vetturi ta’ mikrobi ta’ marda, li d-dikjarazzjoni tagħhom hija obbligatorja, jistgħu jkunu suġġetti għal osservazzjoni jew għal sorveljanza speċjali mil-pulizija responsabbli mis-saħħa. Dawn il-persuni jistgħu jkunu suġġetti għal obbligu partikolari ta’ rrapportar, eżami mediku perjodiku u, fejn meħtieġ, diżinfettar u iżolament fid-dar tagħhom; jekk l-iżolament fid-dar tagħhom ma jkunx jista’ jitwettaq b’mod raġonevoli, l-iżolament u l-provvista ta’ ikel jistgħu jiġu ordnati f’bini previst għal dan l-għan.”

9        L-Artikolu 32 tal-EpiG, intitolat “Kumpens għal lucrum cessans”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Għandu jitħallas kumpens lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi kif ukoll lis-soċjetajiet irregolati mid-dritt kummerċjali minħabba danni patrimonjali kkawżati mill-ostakolu għall-attività professjonali tagħhom, jekk u sa fejn

1.      ikunu ġew iżolati konformement mal-Artikoli 7 jew 17,

[…]

u dan iwassal għal lucrum cessans.

[…]

(2)      Il-kumpens għandu jkun dovut għal kull jum kopert mid-deċiżjoni amministrattiva msemmija fil-paragrafu 1.

(3)      Il-kumpens lill-persuni li jinsabu f’relazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol huwa kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni ordinarja fis-sens tal-Entgeltfortzahlungsgesetz [(il-Liġi dwar iż-Żamma tar-Remunerazzjoni)], BGBl. Nru 399/1974. Il-persuni li jimpjegaw għandhom iħallsuhom l-ammont tal-kumpens mogħti fid-dati normali tal-ħlas tar-remunerazzjoni fl-impriża. Id-dritt għal kumpens mingħand l-Istat Federali jiġi ttrasferit lill-persuna li timpjega fil-mument tal-ħlas. […]

[…]”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

10      Thermalhotel Fontana hija stabbilita fl-Awstrija fejn topera lukanda.

11      Matul ir-raba’ trimestru tas-sena 2020, diversi impjegati ta’ din il-lukanda ġew suġġetti għal testijiet ta’ screening tal-COVID‑19, li r-riżultat tagħhom kien pożittiv, fatt li Thermalhotel Fontana informat bih lill-awtorità tas-saħħa Awstrijaka.

12      Fid-dawl tal-fatt li dawn l-impjegati kienu jirrisjedu fis-Slovenja u fl-Ungerija, din l-awtorità ma imponietx fuqhom il-miżuri ta’ iżolament imsemmija fid-dispożizzjonijiet tal-EpiG iżda informat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati Membri, li ordnaw lill-imsemmija impjegati perijodi ta’ iżolament fid-djar rispettivi tagħhom.

13      Matul dawn il-perijodi ta’ iżolament, Thermalhotel Fontana kompliet tħallas lill-impjegati kkonċernati r-remunerazzjonijiet tagħhom konformement, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Ċivili u tal-Angestelltengesetz (il-Liġi dwar l-Impjegati) (BGBl. Nru 292/1921), fil-verżjonijiet tagħhom li jirriżultaw mill-Bundesgesetz (il-Liġi Federali) (BGBl. I Nru 74/2019), applikabbli sa fejn il-kuntratt ta’ xogħol tagħhom kien irregolat mid-dritt Awstrijak.

14      Permezz ta’ ittri tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Thermalhotel Fontana talbet lill-awtorità amministrattiva, skont l-Artikolu 32 tal-EpiG, il-kumpens minħabba lucrum cessans imġarrab minn dawn l-impjegati matul il-perijodi ta’ iżolament tagħhom, billi qieset lilha nnifisha ssurrogata fid-dritt tagħhom għal kumpens minħabba l-ħlas tar-remunerazzjoni tagħhom matul dawn il-perijodi. Permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Diċembru 2020, dawn it-talbiet ġew miċħuda.

15      Il-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark, l-Awstrija) ċaħdet bħala infondati r-rikorsi ppreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet. Filwaqt li kkonstatat li d-dokumenti annessi mat-talbiet għal kumpens kienu deċiżjonijiet jew dikjarazzjonijiet minn awtoritajiet barranin li kienu jimponu miżura ta’ iżolament fuq l-impjegati kkonċernati, din il-qorti indikat li hija biss deċiżjoni bbażata fuq miżura amministrattiva meħuda skont l-EpiG u li twassal għal lucrum cessans għall-impjegati li tagħti lok għad-dritt għal kumpens bis-saħħa ta’ din il-liġi.

16      Thermalhotel Fontana ppreżentat kontra dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda, rikorsi għal reviżjoni straordinarja quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, fejn ikkontestat il-konformità tal-Artikolu 32(1) u (3) tal-EpiG, kif interpretat mil-Landesverwaltungsgericht Steiermark (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Steiermark), mal-Artikolu 45 TFUE u mar-Regolament Nru 883/2004.

17      Skont il-qorti tar-rinviju, jekk il-kumpens imsemmi fl-Artikolu 32 tal-EpiG kellu jiġi kklassifikat bħala “benefiċċju tal-mard” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, l-awtoritajiet u l-qrati Awstrijaċi jkollhom, konformement mal-Artikolu 5(b) tiegħu, jieħdu inkunsiderazzjoni deċiżjoni ta’ iżolament meħuda minn Stat Membru ieħor daqslikieku kienet ittieħdet minn awtorità Awstrijaka. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li dan ma huwiex il-każ u li, għaldaqstant, l-imsemmi kumpens ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, hija tirrileva, l-ewwel, li l-benefiċjarju, prekluż milli jeżerċita l-attività professjonali tiegħu, huwa kkumpensat għal lucrum cessans mingħajr ma jkun neċessarjament marid, peress li miżura ta’ iżolament setgħet tiġi imposta fuqu minħabba sempliċi suspett ta’ mard jew ta’ kontaminazzjoni. It-tieni, l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ iżolament ma tirrigwardax il-fejqan tal-persuna iżolata iżda l-protezzjoni tal-popolazzjoni kontra l-kontaġju minn din il-persuna, u l-kumpens previst fl-Artikolu 32 tal-EpiG ma għandux l-għan li jikkumpensa l-ispejjeż tal-mard jew tat-trattament.

18      Fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011, il-qorti tar-rinviju tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni timponi indirettament, bħala kundizzjoni għall-kumpens tal-persuna li timpjega, il-fatt li l-impjegati tagħha jirrisjedu fit-territorju nazzjonali u li din il-kundizzjoni għalhekk tikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiema bbażata indirettament fuq in-nazzjonalità ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li ħaddiema fruntalieri, bħal dawk impjegati minn Thermalhotel Fontana, li r-riżultati tagħhom f’testijiet ta’ screening tal-COVID‑19 kienu pożittivi, ma kinux, b’differenza mill-ħaddiema residenti fl-Awstrija li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, iżolati mill-awtorità Awstrijaka. Madankollu, huma kienu jkunu suġġetti għal miżuri ta’ iżolament paragunabbli ma’ dawk imposti minn din l-awtorità skont il-miżuri fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, li għalihom l-EpiG ma tipprevedix dritt għal kumpens għal lucrum cessans. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-fatt li hija l-persuna li timpjega li, wara li tkun ħallset ir-remunerazzjoni dovuta lill-ħaddiema hekk iżolati, tinvoka dritt għal kumpens sekondarju li jirriżulta mill-ħaddiema kkonċernati ma għandu ebda effett fuq din l-analiżi.

19      Bħala ġustifikazzjoni eventwali għal tali inugwaljanza fit-trattament, din il-qorti tqis li dik ibbażata fuq is-saħħa pubblika tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, sa fejn l-osservanza tad-deċiżjonijiet ta’ iżolament tista’ tiġi kkontrollata mill-awtoritajiet Awstrijaċi biss fit-territorju nazzjonali, fejn is-sitwazzjoni tal-pandemija tista’ tkun differenti minn dik prevalenti fi Stat Membru ieħor. Ġustifikazzjoni oħra tista’ tinsab fil-fatt li l-Istat Awstrijak huwa unikament responsabbli għall-ostakolu għall-attività salarjali tal-ħaddiem suġġett għal miżura ta’ iżolament ordnata mill-awtoritajiet Awstrijaċi. Għaldaqstant, il-ħaddiema fruntalieri li huma s-suġġett ta’ miżuri ta’ iżolament ordnati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jistgħu jiġu orjentati mill-ġdid lejn dan l-Istat sabiex jitolbu l-benefiċċju tal-iskemi ta’ kumpens eventwalment eżistenti fih. Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-proporzjonalità tal-inugwaljanza fit-trattament ikkonċernata.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-ammont ta’ kumpens dovut lill-ħaddiema matul l-iżolament tagħhom bħala persuni ikkontaminati bil-COVID‑19 jew issuspettati li huma kkontaminati bil-COVID‑19, għad-dannu pekunjarju kkawżat mill-fatt li ma setgħux iwettqu l-attività professjonali tagħhom, u li jitħallas inizjalment mill-persuna li timpjega lill-ħaddiema, fejn id-dritt għall-kumpens mingħand l-Istat Federali jiġi sussegwentement ittrasferit lill-persuna li timpjega meta jsir il-ħlas, tikkostitwixxi benefiċċju marbut mal-mard fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament [Nru 883/2004]?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda[, l]-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament [Nru 492/2011], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-għoti ta’ kumpens għal telf ta’ dħul imġarrab mill-ħaddiema minħabba l-iżolament tagħhom ordnat mill-awtoritajiet tas-saħħa fil-każ ta’ test pożittiv tal-COVID‑19 (fejn il-kumpens jitħallas inizjalment mill-persuna li timpjega lill-ħaddiema u d-dritt għall-kumpens mingħand l-Istat Federali jiġi sussegwentement ittrasferit lill-persuna li timpjega) huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-iżolament jiġi ordnat minn awtorità interna abbażi ta’ dispożizzjonijiet epidemjoloġiċi tad-dritt nazzjonali, bil-konsegwenza li l-ħaddiema fruntaliera li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor u li l-iżolament tagħhom (‘kwarantina’) jiġi ordnat mill-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, ma jingħatawx tali kumpens?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens, iffinanzjat mill-Istat, li jingħata lill-ħaddiema impjegati għad-danni patrimonjali kkawżati mill-ostakolu għall-attività professjonali tagħhom matul l-iżolament tagħhom bħala persuni morda jew issuspettati li huma morda bil-COVID‑19 jew li huma kkontaminati minnha, jikkostitwixxix “benefiċċju tal-mard”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, u jaqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, id-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi minnu hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan, u mhux fuq il-fatt jekk benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, A (Kura tas-saħħa pubblika), C‑535/19, EU:C:2021:595, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Għalhekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li benefiċċju jista’ jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali sa fejn, minn naħa, il-benefiċċju jingħata lill-benefiċjarji, irrispettivament minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u sa fejn, min-naħa l-oħra, ikun relatat ma’ wieħed mir-riskji indikati espressament fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, A (Kura tas-saħħa pubblika), C‑535/19, EU:C:2021:595, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, għandu jitfakkar li din tkun issodisfatta meta l-għoti ta’ benefiċċju jitwettaq fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi li, ladarba jkunu ssodisfatti, jagħtu d-dritt għall-benefiċċju b’mod li l-awtorità kompetenti ma tkunx tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, A (Kura tas-saħħa pubblika), C‑535/19, EU:C:2021:595, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li din l-ewwel kundizzjoni hija ssodisfatta, sa fejn il-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jingħata abbażi ta’ kriterji oġġettivi ddefiniti legalment, mingħajr ma l-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra tal-ħaddiema impjegati minbarra t-tqegħid tagħhom f’iżolament u l-ammont tar-remunerazzjoni ordinarja tagħhom.

26      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni stabbilita fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament isemmi espliċitament il-“benefiċċji tal-mard”.

27      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“benefiċċji tal-mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom bħala għan essenzjali l-fejqan tal-pazjent, billi jipprovdu l-kura meħtieġa mill-istat tagħha, u jkopru, għalhekk, ir-riskju marbut ma’ stat patoloġiku (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, A (Kura tas-saħħa pubblika), C‑535/19, EU:C:2021:595, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Issa, dan ma huwiex il-każ ta’ kumpens bħal dak previst fl-Artikolu 32 tal-EpiG.

29      Fil-fatt, minn naħa, sabiex jinkiseb tali kumpens, huwa irrilevanti jekk il-persuna li tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ iżolament abbażi tal-EpiG tkunx realment marida jew le, jew li, f’dan il-każ, ir-riskju marbut mal-marda tal-COVID‑19 jimmaterjalizzax ruħu jew le, peress li huwa biżżejjed, sabiex tkun hekk iżolata, li din il-persuna tkun issuspettata li hija marida bil-COVID‑19 jew li tkun ikkontaminata minnha. Min-naħa l-oħra, l-iżolament li dan il-kumpens huwa intiż li jinkoraġġixxi l-osservanza tiegħu huwa impost mhux għall-finijiet tal-fejqan tal-persuna iżolata iżda sabiex tiġi protetta l-popolazzjoni kontra l-kontaġju minn din tal-aħħar.

30      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens, iffinanzjat mill-Istat, li jingħata lill-ħaddiema impjegati għad-danni patrimonjali kkawżati mill-ostakolu għall-attività professjonali tagħhom matul l-iżolament tagħhom bħala persuni morda jew issuspettati li huma morda bil-COVID‑19 jew li huma kkontaminati minnha, ma jikkostitwixxix “benefiċċju tal-mard”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, u għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

 Fuq ittieni domanda

31      Fid-dawl tar-risposta negattiva mogħtija għall-ewwel domanda, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-għoti ta’ kumpens għal lucrum cessans imġarrab mill-ħaddiema minħabba iżolament ordnat wara riżultat pożittiv għat-test ta’ screening tal-COVID‑19 huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-impożizzjoni tal-miżura ta’ iżolament tiġi ordnata minn awtorità ta’ dan l-Istat Membru skont din il-leġiżlazzjoni.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45(2) TFUE jipprevedi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, għal dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

33      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit f’din id-dispożizzjoni huwa kkonkretizzat ukoll fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011, li jispeċifika li l-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Gerencia Regional de Salud de Castilla y León, C‑86/21, EU:C:2022:310, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament jibbenefika mingħajr distinzjoni kemm il-ħaddiema migranti residenti fi Stat Membru ospitanti kif ukoll il-ħaddiema fruntalieri li, filwaqt li jeżerċitaw l-attività salarjali tagħhom f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, jirrisjedu fi Stat Membru ieħor (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Il-kunċett ta’ “vantaġġ soċjali” estiż permezz tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra jinkludi l-vantaġġi kollha, irrispettivament minn jekk humiex jew le marbuta ma kuntratt tax-xogħol, li huma ġeneralment irrikonoxxuti lill-ħaddiema nazzjonali, minħabba prinċipalment il-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali, u li l-estensjoni tagħhom għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra tidher għalhekk li hija xierqa sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tagħhom fi ħdan l-Unjoni u, għaldaqstant, l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti u r-riferiment li jsir f’din id-dispożizzjoni għall-vantaġġi soċjali ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Indiċjar tal-benefiċċji tal-familja), C‑328/20, EU:C:2022:468, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għandu jiġi kkunsidrat li kumpens, bħal dak imsemmi fl-Artikolu 32 tal-EpiG, jikkostitwixxi tali “vantaġġ soċjali”. Fil-fatt, skont il-kliem stess tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, huwa jitħallas, b’mod partikolari, lill-persuni iżolati skont din il-liġi minħabba danni patrimonjali kkawżati mill-ostakolu għall-attività professjonali tagħhom.

37      Hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE u fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 492/2011 tipprojbixxi mhux biss diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji distintivi oħra, twassal fil-fatt għall-istess riżultat. Għalhekk, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, minkejja li tkun applikabbli mingħajr distinzjoni skont in-nazzjonalità, għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja meta, min-natura tagħha stess, tista’ taffettwa iktar lill-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli lill-ħaddiema nazzjonali u, konsegwentement, taf tqiegħed fi żvantaġġ b’mod iktar partikolari lil dawk tal-ewwel, sakemm din ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan imfittex (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Caisse nationale d’assurance pension, C‑731/21, EU:C:2022:969, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-kumpens imsemmi fl-Artikolu 32 tal-EpiG jingħata biss lill-persuni iżolati skont din il-liġi, b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 17 tagħha. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-persuni hekk iżolati jirrisjedu bħala regola ġenerali fit-territorju Awstrijak. Għall-kuntrarju, il-ħaddiema fruntalieri inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, ma ġewx iżolati skont l-imsemmija liġi iżda b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni sanitarja tal-Istat ta’ residenza tagħhom. Konsegwentement, id-danni patrimonjali kkawżati mill-iżolament tagħhom ma humiex ikkumpensati skont l-imsemmi Artikolu 32.

39      Minn dan jirriżulta, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, li l-eliġibbiltà għal dan il-kumpens hija indirettament marbuta ma’ kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju Awstrijak. Issa, konformement mal-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, tali kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju nazzjonali tikkostitwixxi, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni, diskriminazzjoni indiretta sa fejn din tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema migranti milli lill-ħaddiema nazzjonali u, konsegwentement, taf tisfavorixxi b’mod iktar partikolari lil tal-ewwel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, PF et, C‑830/18, EU:C:2020:275, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li, bis-saħħa tal-Artikolu 32(3) tal-EpiG, huma l-persuni li jimpjegaw il-ħaddiema milquta minn miżura ta’ iżolament skont din il-liġi li huma obbligati li jħallsuhom l-ammont tal-kumpens u li jżommu, minħabba dan il-fatt, kreditu kontra l-Istat, filwaqt li, għall-ħaddiema fruntalieri, iżolati skont il-leġiżlazzjoni sanitarja ta’ Stat Membru ieħor, dawn il-persuni li jimpjegaw ma għandhomx id-dritt, abbażi tal-EpiG, li jiġu kkumpensati mill-Istat Awstrijak għar-remunerazzjoni li huma jkomplu jħallsu lil dawn tal-aħħar matul l-iżolament tagħhom.

41      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-regoli fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema jkunu jistgħu jiġu faċilment ostakolati kieku kien suffiċjenti għall-Istati Membri, sabiex jaħarbu mill-projbizzjonijiet stabbiliti minnhom, li jimponu fuq il-persuni li jimpjegaw, għall-finijiet tal-impjieg ta’ ħaddiem, kundizzjonijiet li dan għandu josserva u li, jekk dawn jiġu direttament imposti fuqu, ikunu jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu li dan jista’ jinvoka bis-saħħa tal-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Schiebel Aircraft, C‑474/12, EU:C:2014:2139, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Gvern Awstrijak isemmu l-għan tas-saħħa pubblika, sa fejn il-kumpens għal lucrum cessans matul il-perijodu ta’ iżolament huwa intiż sabiex jiffavorixxi l-osservanza tiegħu bħala miżura meħuda mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex titnaqqas ir-rata ta’ infezzjonijiet. F’dan il-kuntest, il-kumpens għall-miżuri ta’ iżolament ordnati taħt l-EpiG biss huwa ġġustifikat mill-fatt li l-osservanza ta’ tali miżuri tista’ tiġi kkontrollata biss fit-territorju nazzjonali.

43      F’dan ir-rigward, għandu, ċertament, jitqies li huwa fl-interess tas-saħħa pubblika, li tippermetti, b’mod partikolari, konfinament mal-Artikolu 45(3) TFUE, li jiġi limitat il-moviment liberu tal-ħaddiema, li jiġu imposti miżuri ta’ iżolament, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li l-ħlas ta’ kumpens ikun previst sabiex tiġi inkoraġġuta l-osservanza tagħhom.

44      Madankollu, il-kumpens unikament għall-persuni iżolati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ l-EpiG, bl-esklużjoni, b’mod partikolari, tal-ħaddiema migranti iżolati bis-saħħa tal-miżuri sanitarji fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, ma jidhirx li huwa xieraq sabiex jintlaħaq dan l-għan. Fil-fatt, kumpens għal tali ħaddiema migranti jista’ wkoll jinkoraġġixxi lil dawn tal-aħħar josservaw l-iżolament impost fuqhom, u dan għall-benefiċċju tas-saħħa pubblika. Barra minn hekk, fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi kkontrollata l-osservanza tal-iżolament, jidher, bla ħsara għall-verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, li l-kumpens imsemmi fl-Artikolu 32 tal-EpiG jingħata lill-persuni eliġibbli minħabba l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ iżolament fir-rigward tagħhom u mhux minħabba l-osservanza tagħhom.

45      Il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Awstrijak isostnu wkoll, bħala ġustifikazzjoni eventwali, li l-kumpens biss għall-persuni iżolati skont l-EpiG jirriżulta mill-fatt li huwa biss fir-rigward ta’ dawn il-persuni li l-Istat Awstrijak huwa responsabbli għall-ostakolu għall-attività professjonali kkawżat mill-miżura ta’ iżolament u li l-ħaddiema migranti iżolati skont il-leġiżlazzjoni sanitarja tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jistgħu jorjentaw ruħhom lejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat sabiex jinvokaw id-dritt eventwali tagħhom għal kumpens bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni.

46      Issa, tali argument ma jirrigwardax, bħala tali, għan partikolari li jista’ jiġġustifika ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema. Sa fejn, kif josserva, b’mod partikolari, il-Gvern Ċek, dan huwa bbażat fuq ix-xewqa li tiġi limitata l-ispiża finanzjarja tal-kumpens imsemmi fl-Artikolu 32 tal-EpiG, għandu jitfakkar li, għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji jistgħu jkunu l-bażi għall-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri ta’ protezzjoni soċjali li huwa jkun jixtieq jadotta, huma madankollu ma humiex fihom innifishom l-għan imfittex minn din il-politika u, għalhekk ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni kontra ħaddiema migranti (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et, C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-kuntest, anki jekk, kif isostni l-Gvern Awstrijak, ir-rifjut li jingħata kumpens għal lucrum cessans ikkawżat mill-miżuri ta’ iżolament mhux ordnati skont l-Artikolu 32 tal-EpiG huwa intiż sabiex jiġi evitat l-arrikkiment indebitu ta’ ħaddiema migranti wkoll ikkumpensati mill-Istat Membru ta’ residenza tagħhom għall-iżolament impost mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat, għandu jiġi kkonstatat li tali rifjut imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi evitat tali kumpens żejjed. Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni, sabiex tiġi eskluża din il-possibbiltà, huwa biżżejjed li, fl-għoti tal-kumpens, l-awtoritajiet Awstrijaċi jieħdu inkunsiderazzjoni l-kumpens diġà mħallas jew dovut skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun il-każ billi jnaqqsu l-ammont.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-għoti ta’ kumpens għal lucrum cessans imġarrab mill-ħaddiema minħabba iżolament ordnat wara riżultat pożittiv għat-test ta’ screening tal-COVID‑19 huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-impożizzjoni tal-miżura ta’ iżolament tiġi ordnata minn awtorità ta’ dan l-Istat Membru skont din il-leġiżlazzjoni.

 Fuq lispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is‑Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kumpens, iffinanzjat mill-Istat, li jingħata lill-ħaddiema impjegati għad-danni patrimonjali kkawżati mill-ostakolu għall-attività professjonali tagħhom matul l-iżolament tagħhom bħala persuni morda jew issuspettati li huma morda bil-COVID19 jew li huma kkontaminati minnha, ma jikkostitwixxix “benefiċċju tal-mard”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, u għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

2)      L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha l-għoti ta’ kumpens għal lucrum cessans imġarrab mill-ħaddiema minħabba iżolament ordnat wara riżultat pożittiv għat-test ta’ screening tal-COVID19 huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-impożizzjoni tal-miżura ta’ iżolament tiġi ordnata minn awtorità ta’ dan l-Istat Membru skont din il-leġiżlazzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.