Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2021 minn Aquind Ltd, Aquind Energy Sàrl, Aquind SAS mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-5 ta’ Marzu 2021 fil-Kawża T-885/19, Aquind et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-310/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Aquind Ltd, Aquind Energy Sàrl, Aquind SAS (rappreżentanti: S. Goldberg, E. White, C. Davis, Solicitors)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Ir-Renju ta’ Spanja, Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tiddeċiedi li r-rikors fl-ewwel istanza huwa fondat u tannulla r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (EU) 2020/3891 sa fejn japplika għall-appellanti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-appell u fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jsostnu li r-Regolament Delegat 2020/389 kellu jitqies li huwa att definittiv il-ġurnata li fih dan ġie adottat u mhux fil-ġurnata tad-dħul fis-seħħ tiegħu, li kien suġġett għall-assenza ta’ oġġezzjoni mill-Parlament jew mill-Kunsill. Għaldaqstant, dan ir-regolament seta’ jiġi kkontestat saħansitra qabel id-data tal-pubblikazzjoni tiegħu. L-appellanti jqisu għalhekk, konsegwentement, li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod mhux korrett il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-atti li ma jistgħux jiġu kkontestati.

____________

1 Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/389 tal-31 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni (ĠU 2020, L 74, p. 1).