Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2008 - Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' Spanja

(Kawża C-560/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: S. Pardo Quintillán, D. Recchia u J.-B. Laignelot, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta' Spanja

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li r-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu,

taħt l-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1) jew (2) skont il-każ, u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE1 tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, fir-rigward tal-proġetti separati ta' rdoppjar u/jew ippjanar tal-awtostrada M-501 li jikkorrispondu għas-sezzjonijiet 1, 2 u 4; taħt l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 85/337/KEE fir-rigward tal-proġetti separati ta' rdoppjar u/jew ippjanar tal-awtostrada M-501 li jikkorrispondu għas-sezzjonijiet 2 u 4 u taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 85/337/KEE fir-rigward tal-proġetti separati ta' rdoppjar u/jew ippjanar tal-awtostrada M-501 li jikkorrispondu għas-sezzjonijiet 1, 2 u 4;

taħt l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE2 tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta' din id-direttiva, fir-rigward tal-proġetti separati ta' rdoppjar u/jew ippjanar tal-awtostrada M-501 li jikkorrispondu għas-sezzjonijiet 1, 2 u 4 rigward iż-żona ta' protezzjoni speċjali għall-għasafar ES 0000056 "Encinares del río Alberche y río Cofio".

taħt id-Direttiva 92/43/KEE, interpretata mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Jannar 2005 fil-Kawża C-117/03 u tal-14 ta' Settembru 2006 fil-Kawża C-244/05, kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 12(1)(b) u (d) ta' din id-direttiva, fir-rigward tal-proġetti separati ta' rdoppjar u/jew ippjanar tal-awtostrada M-501 li jikkorrispondu għas-sezzjoni 1 fir-rigward tal-post propost bħala sit ta' importanza għall-Komunità ES3110007 "Cuenca del río Guadarrama" u s-sezzjonijiet 2 u 4 fir-rigward tal-post propost bħala sit ta' importanza għall-Komunità ES3110007 "Cuencas de los ríos Alberche u Cofio";

tikkundanna lir-Renju ta' Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

It-talba mressqa mill-Kummissjoni tirreferi għall-proġetti approvati, jew, skont il-każ, implementati mill-awtoritajiet Spanjoli fir-rigward tal-irdoppjar jew tal-ippjanar tal-awtostrada lokali M-501 (Comunidad de Madrid). Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Renju ta' Spanja, fir-rigward tal-imsemmija proġetti, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 85/337/KEE, fil-verżjoni oriġinali u emendata tagħha, u tad-Direttiva 92/43, interpretata mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Jannar 2005 fil-Kawża C-117/03 u tal-14 ta' Settembru 2006 fil-Kawża C-244/05.

____________

1 - ĠU L 175, p. 40.

2 - ĠU L 206, p. 7.