Language of document : ECLI:EU:T:2022:15

Kawża T610/19

Deutsche Telekom AG

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (IsSeba’ Awla Estiża) tad19 ta’ Jannar 2022

“Rikors għal annullament u għad-danni – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Slovakk tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet broadband – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Sentenza li tannulla parzjalment id-deċiżjoni u li tnaqqas l-ammont tal-multa imposta – Rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji – Artikolu 266 TFUE – Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 1268/2012 – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Ċaħda tat-tgawdija tal-ammont tal-multa mħallas indebitament – Lucrum cessans – Interessi moratorji – Rata – Dannu”

1.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 30 sa 32)

2.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert – Oneru tal-prova – Rimbors mill-Kummissjoni ta’ multa annullata u mnaqqsa mill-qorti tal-Unjoni – Lucrum cessans tal-impriża kkonċernata fir-rigward tal-ammont irrimborsat – Assenza ta’ provi li juru l-possibbiltà li jitwettqu investimenti ta’ natura li jipproduċu rendiment ekwivalenti għar-rendiment tal-kapital investit jew għall-ispiża medja ponderata tal-kapital – Assenza ta’ dannu reali u ċert

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 39 sa 48, 51, 52)

3.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Nuqqas ta’ twettiq mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tħallas l-interessi moratorji relatati mal-ammont irrimborsat ta’ multa annullata u mnaqqsa mill-qorti tal-Unjoni – Ksur tal-Artikolu 266 TFUE – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi

(Artikoli 261 u 263 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

(ara l-punti 71 sa 76, 95, 111 sa 113)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Rimbors mill-Kummissjoni ta’ multa annullata u mnaqqsa mill-qorti tal-Unjoni – Rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji relatati mal-ammont irrimborsat – Effetti ex tunc tal-annullament u tat-tnaqqis imwettaq mill-qorti tal-Unjoni – Interessi moratorji ddeterminati jew determinabbli abbażi ta’ elementi oġġettivi stabbiliti fid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012, Artikoli 83 u 90; Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013)2488 final, Artikolu 24(2))

(ara l-punti 78 sa 87, 95)

5.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Ħlas ta’ kreditu li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Interessi dovuti – Rimbors mill-Kummissjoni ta’ multa annullata u mnaqqsa mill-qorti tal-Unjoni – Obbligu li jitħallsu interessi moratorji relatati mal-ammont irrimborsat sa mid-data tal-ħlas tal-multa – Ksur tal-funzjoni dissważiva tal-multi – Assenza

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE)

(ara l-punti 91 sa 94)

6.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Ħlas ta’ kreditu li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Interessi dovuti – Rimbors parzjali mill-Kummissjoni ta’ multa mnaqqsa mill-qorti tal-Unjoni – Kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-rimbors f’deċiżjoni individwali – Assenza

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012, Artikolu 90(4))

(ara l-punti 96 sa 105)

7.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Ħlas ta’ kreditu li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Interessi dovuti – Interessi kumpensatorji – Interessi moratorji – Distinzjoni – Miżura ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qorti tal-Unjoni li tannulla parzjalment multa u li tnaqqas l-ammont tagħha

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE)

(ara l-punti 107 sa 110)

8.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Rimbors mill-Kummissjoni ta’ multa annullata u mnaqqsa mill-qorti tal-Unjoni – Rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji relatati mal-ammont irrimborsat – Dannu li jirriżulta mill-imsemmi rifjut – Eżistenza ta’ rabta kawżali

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

(ara l-punti 116 sa 118)

9.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Ħlas ta’ kreditu li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Interessi dovuti – Rimbors mill-Kummissjoni ta’ multa annullata u mnaqqsa mill-qorti tal-Unjoni – Determinazzjoni tar-rata tal-interessi dovuti – Ħlas immedjat tal-multa – Sospensjoni ta’ ħlas flimkien mal-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja – Distinzjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012, Artikoli 83 u 111)

(ara l-punti 120 sa 123, 127 sa 137)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali tagħti lil Deutsche Telekom kumpens ta’ madwar EUR 1.8 miljun bħala kumpens għad-dannu li hija ġarrbet minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tħallasha interessi moratorji fuq l-ammont tal-multa li hija ħallset indebitament fil-kuntest ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2014 (1), il-Kummissjoni Ewropea imponiet fuq il-kumpannija Deutsche Telekom AG (iktar ’il quddiem “Deutsche Telekom”) multa ta’ EUR 31 070 000 għal abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq Slovakk tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet broadband, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE.

Deutsche Telekom ippreżentat rikors għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni, filwaqt li ħallset il-multa fis‑16 ta’ Jannar 2015. Permezz tas-sentenza tagħha tat‑13 ta’ Diċembru 2018 (2), il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Deutsche Telekom u, billi eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, naqqset l-ammont tal-multa b’EUR 12 039 019. Fid‑19 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni rrimborsat dan l-ammont lil Deutsche Telekom.

Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni, għall-kuntrarju, irrifjutat li tħallas lil Deutsche Telekom interessi moratorji għall-perijodu bejn id-data tal-ħlas tal-multa u d-data tar-rimbors tal-parti mill-multa meqjusa bħala indebita (iktar ’il quddiem il-“perijodu inkwistjoni”).

Għalhekk, Deutsche Telekom adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas ta’ kumpens għal-lucrum cessans minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija, matul il-perijodu inkwistjoni, tal-ammont prinċipali tal-parti mill-multa mħallsa indebitament jew, sussidjarjament, għall-kumpens għad-dannu li hija ġarrbet minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji fuq dan l-ammont.

Permezz tas-sentenza tagħha, is-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tilqa’ parzjalment ir-rikors għal annullament u għad-danni ta’ Deutsche Telekom. F’dan il-kuntest, hija tipprovdi kjarifiki dwar l-obbligu tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji fuq il-parti mill-ammont ta’ multa li, wara sentenza tal-qorti tal-Unjoni, ikollha tiġi rrimborsata lill-impriża kkonċernata.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba ta’ Deutsche Telekom intiża għall-kumpens, abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, għall-allegat lucrum cessans tagħha sofrut minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija, matul il-perijodu inkwistjoni, tal-parti mill-multa mħallsa indebitament u li jikkorrispondi għar-rendiment annwali tal-kapital investit tagħha jew għall-ispiża medja ponderata tal-kapital tagħha.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija suġġetta għall-issodisfar ta’ numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur u d-dannu mġarrab, fatt li għandu jiġi pprovat mir-rikorrent.

Issa, f’dan il-każ, Deutsche Telekom ma pproduċietx provi konklużivi tan-natura reali u ċerta tad-dannu invokat. B’mod iktar partikolari, Deutsche Telekom la wriet li hija kienet neċessarjament tinvesti l-ammont tal-multa mħallas indebitament fl-attivitajiet tagħha, u lanqas li ċ-ċaħda tat-tgawdija tal-imsemmi ammont wassalha tirrinunzja għal proġetti speċifiċi u konkreti. F’dan il-kuntest, Deutsche Telekom lanqas ma wriet li hija ma kellhiex il-fondi neċessarji sabiex tilqa’ opportunità ta’ investiment.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali teżamina t-talba għad-danni mressqa sussidjarjament minn Deutsche Telekom għal ksur tal-Artikolu 266 TFUE, li l-ewwel paragrafu tiegħu jipprevedi l-obbligu għall-istituzzjonijiet li att tagħhom jiġi annullat permezz ta’ sentenza tal-qorti tal-Unjoni li jieħdu l-miżuri kollha li l-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza tkun tinvolvi.

Il-Qorti Ġenerali tosserva, minn naħa, li, billi jimponi fuq l-istituzzjonijiet l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha li l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-qorti tal-Unjoni tkun tinvolvi, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jagħti drittijiet lill-individwi li jkunu rebħu l-kawża quddiem dik il-qorti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-interessi moratorji jirrappreżentaw komponent indispensabbli tal-obbligu tal-istituzzjonijiet ta’ restawrazzjoni tas-sitwazzjoni skont din id-dispożizzjoni. Fil-każ ta’ annullament u ta’ tnaqqis ta’ multa imposta fuq impriża għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta, konsegwentement, obbligu tal-Kummissjoni li tħallas lura l-ammont tal-multa imħallas indebitament, flimkien ma’ interessi moratorji.

Il-Qorti Ġenerali tippreċiża li, peress li, minn naħa, il-leġiżlazzjoni finanzjarja applikabbli (3) tipprevedi kreditu ta’ ħlas lura favur il-kumpannija li ħallset b’mod provviżorju multa sussegwentement annullata u mnaqqsa u, min-naħa l-oħra, l-annullament u t-tnaqqis tal-ammont tal-multa mwettaq mill-qorti tal-Unjoni għandu effett retroattiv, il-kreditu ta’ Deutsche Telekom kien jeżisti u kien ċert fir-rigward tal-ammont massimu tiegħu fid-data tal-ħlas provviżorju tal-multa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet meħtieġa, b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, tħallas interessi moratorji fuq il-parti mill-ammont tal-multa meqjusa bħala indebita mill-Qorti Ġenerali, għall-perijodu kollu inkwistjoni. Dan l-obbligu huwa intiż li jikkumpensa fil-forma ta’ somma f’daqqa ċ-ċaħda tat-tgawdija ta’ kreditu marbuta ma’ dewmien oġġettiv u li jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timplika l-ħlas ta’ multa.

Il-Qorti Ġenerali żżid li, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji ma jmurx kontra l-funzjoni dissważiva tal-multi fil-kawżi ta’ kompetizzjoni, sa fejn din il-funzjoni dissważiva hija neċessarjament meħuda inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni meta hija teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas, b’effett retroattiv, l-ammont ta’ multa. Barra minn hekk, il-funzjoni dissważiva tal-multi għandha tiġi kkonċiljata mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li l-osservanza tiegħu hija żgurata permezz tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa.

Il-Qorti Ġenerali tiċħad ukoll l-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni.

Minn naħa, anki jekk l-ammont tal-multa mħallsa mir-rikorrenti ma ġġenerax interessi waqt li kien fil-pussess tal-Kummissjoni, din tal-aħħar kienet meħtieġa, wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Diċembru 2018, tirrimborsa lir-rikorrenti l-parti mill-ammont tal-multa meqjusa bħala indebita, flimkien ma’ interessi moratorji, mingħajr ma l-Artikolu 90 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, li jirregola l-irkupru tal-multi, jostakola dan. Barra minn hekk, l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji jirriżulta direttament mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE u l-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza sabiex tistabbilixxi, permezz ta’ deċiżjoni individwali, il-kundizzjonijiet li fihom hija tħallas interessi moratorji fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni li tkun imponiet multa u fil-każ ta’ tnaqqis tal-ammont tagħha.

Min-naħa l-oħra, l-interessi dovuti f’dan il-każ huma interessi moratorji u mhux interessi kumpensatorji. Fil-fatt, il-kreditu prinċipali ta’ Deutsche Telekom kien kreditu ta’ ħlas lura li kien marbut mal-ħlas ta’ multa li kien sar b’mod provviżorju. Dan il-kreditu kien jeżisti u kien ċert fir-rigward tal-ammont massimu tiegħu jew tal-inqas determinabbli abbażi ta’ elementi oġġettivi stabbiliti fid-data tal-imsemmi ħlas.

Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni kienet meħtieġa tirrimborsa lil Deutsche Telekom il-parti tal-multa mħallsa indebitament, flimkien ma’ interessi moratorji, u li hija ma kellha ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li r-rifjut li jitħallsu l-imsemmija interessi lil Deutsche Telekom jikkostitwixxi ksur serju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jnissel ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-ksur ikkonstatat u d-dannu li jikkonsisti fit-telf, matul il-perijodu inkwistjoni, tal-interessi moratorji fuq il-parti tal-multa mħallsa indebitament, il-Qorti Ġenerali tagħti lil Deutsche Telekom kumpens ta’ EUR 1 750 522.38, ikkalkolat permezz tal-applikazzjoni, b’analoġija, tar-rata prevista fl-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012, jiġifieri r-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid f’Jannar 2015, jiġifieri 0.05 %, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs.


1      Deċiżjoni C(2014) 7465 finali li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (Il-Każ AT.39523 — Slovak Telekom), irrettifikata bid-Deċiżjoni tagħha C(2014) 10119 final, tas‑16 ta’ Diċembru 2014, kif ukoll bid-Deċiżjoni tagħha C(2015) 2484 final, tas‑17 ta’ April 2015.


2      Sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑827/14, EU:T:2018:930).


3      Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362, p. 1) u Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).