Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2022 – Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-610/19) 1

(“Rikors għal annullament u għad-danni – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq Slovakk tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet broadband – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE – Sentenza li tannulla parzjalment id-deċiżjoni u li tnaqqas l-ammont tal-multa imposta – Rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji – Artikolu 266 TFUE – Artikolu 90(4)(a) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 1268/2012 – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Ċaħda tat-tgawdija tal-ammont tal-multa mħallas indebitament – Lucrum cessans – Interessi moratorji – Rata – Dannu”)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Deutsche Telekom AG (Bonn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: P. Linsmeier, U. Soltész, C. von Köckritz u P. Lohs, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Rossi u L. Wildpanner, aġenti)

Suġġett

Minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ġunju 2019 li tirrifjuta li tħallas interessi moratorji lir-rikorrenti fuq l-ammont prinċipali tal-parti mill-multa rrimborsata wara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T-827/14, EU:T:2018:930), u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-kumpens għal lucrum cessans minħabba ċ-ċaħda tat-tgawdija ta’ dan l-ammont prinċipali jew, sussidjarjament, għad-dannu li jirriżulta mir-rifjut tal-Kummissjoni li tħallas interessi moratorji fuq dan l-ammont.

Dispożittiv

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas kumpens ta’ ammont ta’ EUR 1 750 522.83 lil Deutsche Telekom AG bħala kumpens għad-dannu mġarrab.

Il-kumpens previst fil-punt 1 għandu jiżdied b’interessi moratorji, sa mill-għoti ta’ din is-sentenza u sal-ħlas sħiħ, bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ finanzjament mill-ġdid, b’żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ġunju 2019 li tirrifjuta li tħallas interessi moratorji lil Deutsche Telekom, għall-perijodu bejn is-16 ta’ Jannar 2015 u d-19 ta’ Frar 2019, fuq l-ammont prinċipali tal-multa rrimborsat wara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T-827/14, EU:T:2018:930), hija annullata.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, nofs l-ispejjeż sostnuti minn Deutsche Telekom.

Deutsche Telekom hija kkundannata tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

____________

1     ĠU C 363, 28.10.2019.