Language of document : ECLI:EU:T:2013:321

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Ġunju 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq dinji tal-fluworidu tal-aluminju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Rikors għal annullament — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Tardività — Inammissibbiltà — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Prova tal-ksur — Drittijiet tad-difiża — Definizzjoni tas-suq inkwistjoni — Multi — Gravità tal-ksur — Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-multi”

Fil-Kawża T‑404/08,

Fluorsid SpA, stabbilita f’Assemini (l-Italja),

Minmet financing Co., stabbilita f’Lausanne (l-Isvizzera),

irrappreżentati minn L. Vasques u F. Perego, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Di Bucci, C. Cattabriga u K. Mojzesowicz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3043, tal-25 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedimenti skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/39.180 — Fluworidu tal-aluminju), li jikkonċernaw akkordju fuq is-suq dinji tal-fluworidu tal-aluminju dwar l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq fuq livell dinji, kif ukoll, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, I. Labucka u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Il-fatti

1        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3043, tal-25 ta’ Ġunju 2008, dwar proċedimenti skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/39.180 — Fluworidu tal-aluminju) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), tikkonċerna akkordju fis-suq dinji tal-fluworidu tal-aluminju dwar l-iffissar tal-prezzijiet u dwar it-tqassim tas-swieq fuq livell dinji, li fih ipparteċipaw b’mod attiv ir-rikorrenti, Fluorsid SpA u Minmet financing Co. (iktar ’il quddiem “Minmet”).

2        Fluorsid hija kumpannija rregolata mid-dritt Taljan li tipproduċi u tbigħ derivattivi tal-fluworidu, b’mod partikolari mill-fluworidu tal-aluminju. Minmet, kumpannija stabbilita fl-Isvizzera, hija l-azzjonista prinċipali ta’ Fluorsid, b’rata ta’ 54.844 % tal-azzjonijiet, u l-aġent kummerċjali esklużiv tagħha għall-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju fid-dinja kollha, bl-eċċezzjoni tal-Italja.

3        Boliden Odda A/S (iktar ’il quddiem “Boliden”) hija impriża Norveġiża li tipproduċi u tbigħ iż-żingu u l-fluworidu tal-aluminju (premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-23 ta’ Marzu 2005, Boliden għamlet talba għall-immunità lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”). F’April 2005, Boliden tat dettalji u informazzjoni addizzjonali rigward il-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju fis-suq tal-fluworidu tal-aluminju u għamlet dikjarazzjonijiet orali. Fit-28 ta’ April 2005, il-Kummissjoni tat lil Boliden immunità kundizzjonali minn multi skont il-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni (premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Fil-25 u fis-26 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni wettqet spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), fil-bini tal-manifatturi Ewropej tal-fluworidu tal-aluminju (premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata), b’mod partikolari ta’ Fluorsid, ta’ Alufluor AB, ta’ Derivados del Fluor SA u ta’ CE Giulini & C. Srl.

5        Fit-23 u fil-31 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni interrogat lil O., ex direttur kummerċjali tad-diviżjoni tal-fluworidu tal-aluminju “Noralf” ta’ Boliden, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 (premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Bejn Settembru 2006 u Frar 2007, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni lill-impriżi kkonċernati mill-proċedura amministrattiva f’dan l-istadju, b’mod partikolari lil Industries chimiques du fluor (ICF), kumpannija rregolata mid-dritt Tuneżin, Boliden, Alufluor, Derivados del Fluor, Fluorsid, CE Giulini & C., Minmet u lil Industrial Quimica de Mexico (IQM), kumpannija rregolata mid-dritt Messikan, skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, u dawn l-impriżi rrispondew għalihom (premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fid-29 ta’ Marzu 2007, waqt laqgħa mal-Kummissjoni, Fluorsid ipprovdiet ċerti dokumenti. Fit-22 ta’ April 2007, Fluorsid għamlet “talba għall-immunità jew għal tnaqqis tal-multa” skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, li l-Kummissjoni interpretat bħala talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa. Fis-27 ta’ Mejju 2007, Fluorsid ippreżentat addendum għal din it-talba. Fit-13 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni informat lil Fluorsid li ma kellhiex l-intenzjoni li tnaqqsilha l-ammont tal-multi skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni (premessi 60 u 248 sa 249 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fl-24 ta’ April 2007, il-Kummissjoni bdiet formalment il-proċedura kontra, inter alia, ICF, Boliden, Fluorsid, Minmet u IQM u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ntbagħtitilhom fil-25 ta’ April 2007 u li ġew innotifikati biha bejn is-26 u t-30 ta’ April 2007. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni tagħthom aċċess għall-fajl fil-forma ta’ CD-ROM (premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Bl-eċċezzjoni ta’ Boliden, id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-oġġezzjonijiet imqajma fir-rigward tagħhom (premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fit-13 ta Settembru 2007 saret seduta li fiha pparteċipaw id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fil-11 u fl-14 ta’ April 2008, il-Kummissjoni indirizzat xi talbiet għal informazzjoni lid-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet filwaqt li stednithom jindikaw id-dħul mill-bejgħ globali tagħhom għas-snin 1999, 2000, 2001 u 2007 u l-bejgħ tagħhom tal-fluworidu tal-aluminju u sabiex jagħtu xi dettalji dwar kwalunkwe bidla sinjifikattiva futura rigward l-attività tagħhom jew il-proprjetarji (premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata).

II –  Id-deċiżjoni kkontestata

A –  Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata

12      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata hija fformulata kif ġej:

‟Artikolu 1

L-impiżi li ġejjin kisru l-Artikolu 81 [KE] u l’Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi mit-12 ta Lulju 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2000 ipparteċipaw fi ftehim u/jew fi prattika miftehma fis-settur tal-fluworidu tal-aluminju:

a) Boliden […]

b) Fluorsid […] u Minmet […]

ċ) [ICF]

d) [IQM] u QB Industrias SAB

Artikolu 2

Il-multi huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

a)      Boliden […]: EUR 0;

b)       Fluorsid […] u Minmet […], in solidum: EUR 1 600 000:

ċ)       [ICF]: EUR 1 700 000;

d)       [IQM] u QB Industrias SAB, in solidum: EUR 1 670 000

[…]ˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –  Il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata

13      Fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment ikkunsidrat dan li ġej.

1.     Fuq is-settur tal-fluworidu tal-aluminju

14      Skont il-Kummissjoni, il-fluworidu tal-aluminju huwa kompost kimiku użat għall-produzzjoni tal-aluminju li jippermetti t-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku meħtieġ waqt il-fużjoni fil-kors tal-proċess tal-produzzjoni tal-aluminju primarju u li jikkontribwixxi għaldaqstant partikolarment għat-tnaqqis fil-kost tal-produzzjoni tal-aluminju. Il-produtturi tal-aluminju huma l-konsumaturi prinċipali tal-fluworidu tal-aluminju. Il-produzzjoni annwali tal-aluminju fid-dinja hija ta’ iktar minn 20 miljun tunnellata, li madwar 30 % minnhom issir fl-Ewropa (premessi 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Fl-2000, il-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju ta’ Fluorsid fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) laħaq l-ammont ta’ EUR 2 717 735 u fid-dinja kollha laħaq l-ammont ta’ EUR 31 997 725. Fl-2007, id-dħul mill-bejgħ dinji laħaq l-ammont ta’ EUR 83 136 704 (premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fl-2000, il-valur tas-suq totali stmat tal-fluworidu tal-aluminju mibjugħ fis-suq ħieles taż-ŻEE kien ta’ madwar EUR 71 600 000. Il-valur tas-suq tal-fluworidu tal-aluminju mibjugħ fis-suq ħieles dinji kkonċernat mill-akkordju kien, fl-2000, ta’ madwar EUR 340 000 000. Il-parti stmata tas-suq li akkumulaw l-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata kienet tammonta għal 33 % fis-suq taż‑ŻEE u għal 35 % fis-suq dinji (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-fluworidu tal-aluminju huwa kkummerċjalizzat fuq bażi dinjija. Il-kummerċ isir mill-Istati Uniti lejn iż-ŻEE u miż-ŻEE lejn l-Istati Uniti, l-Afrika, l-Amerika ta’ Isfel u l-Awstralja (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata). ICF tbigħ volumi kunsiderevoli ta’ dan il-prodott fiż-ŻEE (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-1997, l-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-fluworidu tal-aluminju, l-Inorganic Fluorine Producers Association (IFPA), tgħaqqad flimkien il-produtturi tad-dinja kollha (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Fuq il-laqgħa ta’ Milano u fuq l-implementazzjoni tal-akkordju

18      Skont il-Kummissjoni, ċerti prattiki kollużivi fl-industrija tal-fluworidu tal-aluminju jmorru lura diġà għall-perijodu bejn it-twaqqif tal-IFPA fl-1997 u l-laqgħa ta’ Milano (l-Italja) tat-12 ta’ Lulju 2000, iżda ma teżisti ebda prova konvinċenti f’dan ir-rigward (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ppreċiżat li, waqt il-laqgħa ta’ Milano, kien hemm preżenti xi rappreżentanti ta’ Fluorsid, ta’ ICF u ta’ IQM, filwaqt li rappreżentant tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden ipparteċipa f’din il-laqgħa permezz tat-telefon. Waqt din il-laqgħa, il-parteċipanti ftiehmu fuq l-objettiv li jżidu l-prezzijiet b’20 % għall-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju. Huma analizzaw diversi reġjuni tad-dinja, inkluża l-Ewropa, sabiex jistabbilixxu livell ta’ prezz ġenerali u, f’ċerti każi, tqassim tas-suq. Skont il-ftehim, l-għan ġenerali kien li jinkiseb livell ta’ prezz ogħla u li jiġi skoraġġut kwalunkwe tnaqqis kbir. Il-parteċipanti skambjaw ukoll informazzjoni kummerċjali sensittiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano ta’ R., rappreżentant ta’ Fluorsid, in-noti ta’ O., rappreżentant tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden, u d-dikjarazzjoni ta’ O. (premessi 77 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Wara l-laqgħa ta’ Milano, l-impriżi kkonċernati baqgħu f’kuntatt ma xulxin (premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fil-25 ta’ Ottubru 2000, T. tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden u A. ta’ IQM skambjaw xi informazzjoni fuq it-telefon dwar l-offerti rispettivi tagħhom lil klijent fl-Awstralja, inkluża informazzjoni dwar il-livell ta’ prezz, it-tul tal-kuntratt u l-volum offrut. Il-kontenut ta’ din il-konversazzjoni telefonika tniżżel f’nota miktuba bl-idejn f’dak iż-żmien ta’ T. Indirizzata lil O., li kien ukoll mid-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden (premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fit-8 ta’ Novembru 2000, C., amministratur maniġerjali ta’ Minmet, bagħat nota lil Fluorsid dwar il-konversazzjoni telefonika li kellu ma’ G. ta’ ICF dak l-istess jum, dwar il-prezzijiet tal-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fid-9 ta’ Novembru 2000, Minmet bagħtet lil Fluorsid minuti oħrajn tal-laqgħa ma’ ICF f’Lausanne (l-Isvizzera) dwar il-klijentela u l-prezzijiet f’ċerti swieq, b’mod partikolari l-Brażil u l-Venezwela (premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.     Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE

23      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-laqgħa ta’ Milano u l-aġir konsekuttiv li kien intiż għall-implementazzjoni tagħha, kienu jissodisfaw il-karatteristiċi kollha ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (premessi 115 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata) u li dan l-akkordju kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat (premessi 123 sa 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Dan il-ksur kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fil-Komunità Ewropea u fiż-ŻEE (premessi 130 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda l-firxa ġeografika tiegħu kienet dinjija, billi estendiet għar-reġjuni msemmija fil-minuti tal-laqgħa ta’ Milano, jiġifieri, b’mod partikolari, l-Ewropa, it-Turkija, l-Awstralja, l‑Amerika ta’ Isfel, l-Afrika ta’ Isfel, l-Amerika ta’ Fuq (premessa 136 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Skont il-Kummissjoni, l-akkordju setgħa kellu effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew il-partijiet kontraenti tal-Ftehim ŻEE (premessi 137 sa 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

4.     Fuq it-tul tal-ksur

26      Minkejja ċerti indikazzjonijiet li kienu juru li l-produtturi tal-fluworidu tal-aluminju kienu diġà impenjaw ruħhom fil-prattiki kollużivi matul it-tieni nofs tas-snin disgħin, b’mod partikolari wara laqgħa miżmuma fil-Greċja fl-1999, il-Kummissjoni qieset li kellha biss provi konvinċenti tal-eżistenza ta’ akkordju sa “mill-inqasˮ it-12 ta’ Lulju 2000, id-data tal-laqgħa ta’ Milano (premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Fis-settur tal-fluworidu tal-aluminju, il-kuntratti ta’ provvista huma nnegozjati minn qabel, waqt perijodu li jibda matul it-tieni nofs ta’ kull sena kalendarja u li jispiċċa fit-tmien din l-istess sena kalendarja jew matul l-ewwel ħames xhur tas-sena kalendarja ta’ wara. Dan jgħodd ukoll għal kuntratti multiannwali. Ċerti kuntratti multiannwali jipprevedu dejjem jew negozjati annwali fuq il-prezz wara t-tmiem ta’ kull sena kalendarja, jew reviżjoni tal-prezzijiet wara kull sitt xhur. Il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jikkonfermaw li l-prattika tas-settur kienet tikkonsisti fid-determinazzjoni tal-prezzijiet minn qabel għas-sena kummerċjali ta’ wara. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li r-riżultat tal-kuntatti kollużivi ta’ Lulju 2000 kien japplika għan-negozjati mwettqa matul it-tieni nofs tas-sena 2000 (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Għaldaqstant, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-akkordju kien għadu fis-seħħ u li kien għadu jipproduċi effetti antikompetittivi b’riżultat tal-aġir tal-membri tiegħu, sa “mill-inqas” il-31 ta’ Diċembru 2000 (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

5.     Fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

29      Il-Kummissjoni ffissat l-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti fuq il-bażi tad-data pprovduta minnhom dwar il-valur tal-bejgħ tagħhom tal-prodott inkwistjoni kkalkolat fiż-ŻEE (EUR 6 279 960) għal EUR 1 600 000 (premessa 243 tad-deċiżjoni kkontestata) filwaqt li indikat li, skont il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”), “l-ammont bażiku tal-multa għandu jkun marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat skont il-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru tas-snin tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 234 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      F’dan il-każ, il-ksur kien jikkonsisti, b’mod partikolari, fi ftehim orizzontali dwar iffissar tal-prezzijiet li, minħabba n-natura tiegħu stess, jinsab fost l-iktar restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni. Dan għandu jirrifletti fil-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni (premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata). Fis-sena 2000, il-parti akkumulata tas-suq tal-impriżi li pparteċipaw f’dan il-ksur ma kinitx taqbeż il-35 % fiż-ŻEE (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-firxa ġeografika tal-akkordju kienet dinjija (premessa 238 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni “ħadet ukoll inkunsiderazzjoni il-grad ta’ implementazzjoni tal-ksur [premessi 134 u 135, 154 sa 156, 172 u 185 tad-deċiżjoni kkontestata] sabiex tiddetermina l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li jrid jittieħed inkunsiderazzjoniˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li, fid-dawl tal-fatturi msemmija iktar ’il fuq dwar in-natura tal-ksur u l-portata ġeografika tiegħu, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ kull waħda mill-impriżi, li minnu kellu jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi imposti kien ta’ 17 % (premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Peress li t-tul tal-ksur jikkorrispondi “mill-inqasˮ għall-perijodu bejn it‑12 ta’ Lulju u l-31 ta’ Diċembru 2000, il-fattur tal-multiplikazzjoni li għandu jiġi applikat lill-ammont bażiku ffissat huwa ta’ 0.5 (premessa 241 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont addizzjonali sabiex l-impriżi jiġu skoraġġuti milli jipparteċipaw fi ftehim orizzontali dwar l-iffissar tal-prezzijiet bħal dak f’dan il-każ, huwa ta’ 17 % tal-valur tal-bejgħ (premessa 242 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammonti bażiċi tal-multa li kellha tiġi imposta fuq il-parteċipanti tal-akkordju kif ġej:

–        Boliden: EUR 1 miljun;

–        Fluorsid u Minmet: EUR 1.6 miljun;

–        ICF: EUR 1.7 miljun;

–        IQM, QB Industrias SAB: EUR 1.67 miljun.

34      Skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni finalment tat l-immunità lil Boliden li ġiet eżentata minn kull multa.

6.     Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

35      Il-Kummissjoni finalment ikkunsidrat li s-sempliċi fatt li Fluorsid u Minmet ikkooperaw fl-investigazzjoni ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ċirkustanza attenwanti u li, f’dan il-każ, ma hemm ebda ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħhom (premessi 248 sa 249 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni rrilevat li Fluorsid kienet ippreżentat it-talba għal immunità tagħha jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multa madwar sentejn wara l-bidu tal-investigazzjoni u b’hekk kienet it-tieni impriża li kkuntattjatha. Il-Kummissjoni kkonstatat li l-informazzjoni pprovduta minn Fluorsid qabel l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx provdiet valur miżjud sinjifikattiv u li l-parti tal-informazzjoni pprovduta minnha wara t-22 ta’ April 2007 ma ntużatx sabiex jiġi stabbilit il-ksur (premessi 260 sa 263 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, il-Kummissjoni ma naqqsitx l-ammont tal-multa tagħhom. Hija ffissat l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti in solidum għal EUR 1 600 000 (premessa 276 u l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

36      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Settembru 2008, iffirmat mill-istess rappreżentanti legali, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża flimkien.

37      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom in solidum;

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors ta’ Minmet bħala manifestament inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tiċħad ir-rikors ta’ Fluorsid bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

39      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

40      Peress li membru tal-Awla ma setax jisma’ l-kawża, il-President tal-Qorti Ġenerali assenja, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

41      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tirrispondi domanda bil-miktub. Il-Kummissjoni kkonformat ma’ din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu mogħti.

42      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2012. Fis-seduta, il-Kummissjoni pproduċiet dokument li jispjega l-mod li bih hija kkalkolat il-valur tal-bejgħ u l-partijiet tas-suq sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Wara li nstemgħu l-partijiet, dan id-dokument iddaħħal fil-proċess, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali ta’ din is-seduta.

 Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà

A –  Osservazzjoni preliminari

43      Peress li l-Kummissjoni eċċepixxiet l-inammissibbiltà tar-rikors inkwantu ġie ppreżentat minn Minmet, għandu jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi serje ta’ diversi deċiżjonijiet individwali li huma simili u li jimponu multi, adottati fil-kuntest ta’ proċedura komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363, punti 49 et seq). Għaldaqstant, f’dan il-każ għandha ssir distinzjoni, b’mod partikolari, bejn id-deċiżjoni indirizzata lil Fluorsid u dik indirizzata lil Minmet u għandha tiġi evalwata l-ammissibbiltà tar-rikorsi ta’ Minmet u ta’ Fluorsid separatament, peress li dawn ir-rikorsi huma intiżi għal deċiżjonijiet li huma legalment distinti adottati fir-rigward tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 sa 56).

B –  Fuq il-portata tar-rikors

44      Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni nnotifikat lil Minmet verżjoni bl-Ingliż tad-deċiżjoni kkontestata fid-9 ta’ Lulju 2008. Fluorsid, min-naħa l-oħra, ġiet innotifikata verżjoni bit-Taljan tad-deċiżjoni kkontestata fil-11 ta’ Lulju 2008.

45      Fost il-kapijiet tat-talbiet tar-rikors hemm it-talba li “tannulla d-deċiżjoni kollha kemm hiˮ, mingħajr ebda preċiżazzjoni addizzjonali dwar is-suġġett tal-kawża. Madankollu, fil-punt 1 tar-rikors, huwa rrilevat li r-rikorrenti għandhom l-intenzjoni “jiksbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3043 […] innotifikata lil Fluorsid u lil Minmet, fil-11 […] u fid-9 ta’ Lulju 2008 rispettivamentˮ. Bl-istess mod, il-punt 3 tar-rikors jippreċiża li, “permezz ta’ dan ir-rikors, […] Fluorsid u Minmet għandhom l-intenzjoni jattakkaw id-deċiżjoni […] li permezz tagħha l-Kummissjoni […] ikkonkludiet li kien jeżisti ksur tal-Artikolu 81 [KE …] u li permezz tagħha hija ssanzjonat, konsegwentement, lil Fluorsid u lil Minmet in solidumˮ. Fl-aħħar nett, fl-anness tar-rikors, ir-rikorrenti pproduċew biss id-deċiżjoni indirizzata lil Fluorsid bit-Taljan u mhux dik indirizzata lil Minmet bl-Ingliż. Fil-fatt, kien biss wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, li Minmet ipproduċiet din il-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

46      Minn dawn iċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li, minkejja li r-rikorrenti ma ppreċiżawx espressament li fir-realtà r-rikors tagħhom kien intiż għal żewġ deċiżjonijiet legalment distinti, indirizzati, rispettivament, lil żewġ persuni ġuridiċi differenti, xorta jibqa’ l-fatt li mir-rikors jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar u preċiż li r-rikorrenti kellhom l-intenzjoni jikkontestaw u jitolbu għall-annullament ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet sa fejn jippreġudikawhom. Fil-fatt, kif ir-rikorrenti affermaw mill-ġdid waqt is-seduta, u ta’ dan ittieħdet nota fil-proċess verbali tal-imsemmija seduta, huma jikkunsidraw id-“deċiżjoni kkontestataˮ bħala “deċiżjoni waħda u unikaˮ li ġiet innotifikata lilhom peress li hija tistabbilixxi r-responsabbiltà in solidum tagħhom għal aġir wieħed ta’ ksur u timponilhom, għal din ir-raġuni, multa in solidum.

C –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Minmet

47      Għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Minmet sa fejn huwa intiż għad-deċiżjoni li ġiet indirizzata lilha, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni sostniet li dan ir-rikors ġie ppreżentat tardivament fl-20 ta’ Settembru 2008 u għaldaqstant għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. F’dan ir-rigward, Minmet tallega li dan id-dewmien kien ikkawżat minħabba li l-komunikazzjonijiet elettroniċi ma kinux qed jaħdmu sew. Dawn huma fatti oġġettivi ta’ natura teknika li huma imprevedibbli u għaldaqstant skużabbli.

48      Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk Minmet hijiex intitolata taġixxi kontra d-deċiżjoni li ġiet indirizzata lilha, u dan huwa kkontestat mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li Minmet għandha interess ġuridiku fir-rigward tad-deċiżjoni indirizzata u tal-multa imposta fuq Fluorsid, li għaliha Minmet inżammet responsabbli in solidum kemm f’din id-deċiżjoni kif ukoll f’dik li ġiet innotifikata lilha individwalment. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li d-deċiżjoni indirizzata lil Fluorsid tikkostitwixxi l-bażi legali primarja għal din ir-responsabbiltà in solidum ta’ Minmet, li hija marbuta b’mod indissoċjabbli ma’ dik ta’ Fluorsid u għall-multa imposta fuq din tal-aħħar. Għaldaqstant, l-interess ta’ Minmet għall-annullament jew għat-tnaqqis ta’ din il-multa ma jistax jiġi ddubitat.

49      Fi kwalunkwe każ, kif ġie rikonoxxut mill-ġurisprudenza, fir-rigward tal-uniku u l-istess rikors, il-qorti tal-Unjoni tista’ tirrinunzja li teżamina l-locus standi tar-rikorrenti l-oħrajn (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 31, u tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, T‑374/00, Ġabra p. II‑2275, punt 57).

50      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li r-rikors ta’ Minmet huwa ammissibbli inkwantu intiż kontra d-deċiżjoni indirizzata lil Fluorsid li fil-konfront tagħha r-rikors ġie ppreżentat fit-terminu.

51      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda r-rikors ta’ Minmet ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ġiet indirizzata lilha, għandu qabelxejn jitfakkar li t-talbiet tal-Kummissjoni jinvolvu ċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors bħala inammissibbli peress li t-terminu għall-preżentata tar-rikors kien skada. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn li jiddekorru min-notifika tal-att ikkonċernat, fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, huwa kwistjoni ta’ ordni pubbliku u ġie stabbilit sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Għaldaqstant, il-qorti hija obbligata tivverifika, ex officio, jekk ġiex osservat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il‑Kummissjoni, T‑121/96 u T‑151/96, Ġabra p. II‑1355, punt 38). Fil-fatt, dan it-terminu huwa fiss, assolut u ma jistax jittawwal (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2011, Enviro Tech Europe u Enviro Tech International vs Il-Kummissjoni, T‑291/04, Ġabra p. II-8281, punt 95).

52      F’dan il-każ, Minmet ġiet innotifikata bid-deċiżjoni kkontestata fid-9 ta’ Lulju 2008. Skont l-Artikolu 101(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, “fejn terminu, li huwa espress f’jiem, f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin, għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih jiġri avveniment jew jitwettaq att, il-jum li fih jiġri l-avveniment jew li jitwettaq l-att ma għandux jiġi inkluż fit-terminu”. L-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li t-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza. Konsegwentement, f’dan il-każ, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni indirizzata lil Minmet kien skada fid-19 ta’ Settembru 2008, osservazzjoni li ġie rrikonoxxut minn Minmet fis-seduta u li tagħha ttieħdet nota fil-proċess verbali tal-imsemmija seduta. Madankollu, huwa biss permezz tal-preżentata ta’ rikors fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl-20 ta’ Settembru 2008, li Minmet bdiet din l-azzjoni kontra d-deċiżjoni li ġiet indirizzata lilha.

53      Minmet tallega li t-talba tal-Qorti Ġenerali għar-regolarizzazzjoni tar-rikors estendiet it-terminu għall-preżentata tar-rikors. Madankollu, peress li dan it-terminu huwa fiss, assolut u ma jistax jittawwal (sentenza Enviro Tech Europe u Enviro Tech International vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 95), la tali talba u lanqas l-aċċettazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali ta’ din ir-regolarizzazzjoni ma setgħet taffettwa l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Fil-fatt, ġie deċiż li l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument meta r-rikors ikun ġie ppreżentat. Jekk, f’dan il-mument, il-kundizzjonijiet għall-preżentata ta’ rikors ma humiex sodisfatti, dan huwa għalhekk inammissibbli. Fil-fatt, regolarizzazzjoni ma hijiex possibbli ħlief meta hija sseħħ matul it-terminu għall-preżentata ta’ rikors (ara d-digrieti tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Settembru 2010, Norilsk Nickel Harjavalta u Umicore vs Il-Kummissjoni, T‑532/08, Ġabra p. II‑3959, punt 70, u Etimine u Etiproducts vs Il-Kummissjoni, T‑539/08, Ġabra p. II‑4017, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-regolarizzazzjoni seħħet wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, b’tali mod li din ma setgħetx trendi r-rikors ta’ Minmet ammissibbli.

54      Konsegwentement, sa fejn ir-rikors ta’ Minmet huwa intiż għad-deċiżjoni li ġiet indirizzata lilha, huwa ġie ppreżentat tardivament u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

55      Din l-evalwazzjoni ma hijiex imminata mill-argumenti l-oħrajn imressqa mir-rikorrenti.

56      Fl-ewwel lok, is-sempliċi fatt li r-rikors preżenti ġie ppreżentat minn Fluorsid flimkien ma’ Minmet, bħala unità ekonomika, kontra d-“deċiżjoni kkontestataˮ, mingħajr ebda distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet individwali li ġew indirizzati lilhom rispettivament, ma jistax jirriżulta f’li Minmet tibbenefika mill-istess terminu għall-preżentata ta’ rikors bħal Fluorsid.

57      Huwa minnu li l-kunċett ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Meta entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, dan il-ksur għandu inekwivokament jiġi imputat lil persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, a fortiori, id-deċiżjoni finali għandha tkun indirizzata lil din il-persuna tal-aħħar filwaqt li tindika f’liema kwalità din il-persuna ġuridika tkun qiegħda tiġi akkużata bil-fatti allegati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punti 54 sa 57, u l-ġurisprudenza ċċitata; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott taħt din is-sentenza, Ġabra p. I‑8241, punt 37).

58      Barra minn hekk, jekk destinatarju ta’ tali deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni hija kompetenti biss fuq l-elementi tad-deċiżjoni li jikkonċernaw dan id-destinatarju. Min-naħa l-oħra, dawk l-elementi li jikkonċernaw destinatarji oħra, li ma ġewx ikkontestati jew li ġew ikkontestati wara li skada t-terminu, ma jaqgħux taħt is-suġġett tal-kawża li għandu jiġi deċiż mill-qorti tal-Unjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, punt 43 iktar ’il fuq, punt 53 u tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni, C‑201/09 P u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239, punt 142).

59      Għandu jiġi kkonstatat li Minmet hija persuna ġuridika distinta minn Fluorsid u li, konsegwentement, għal dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li ġiet indirizzata lilha, hija ma tistax tibbenefika mit-terminu għall-preżentata ta’ rikors li japplika għad-deċiżjoni indirizzata lil Fluorsid. Fil-fatt, dawn huma żewġ deċiżjonijiet differenti, indirizzati lil żewġ persuni ġuridiċi distinti, innotifikati f’dati differenti u li għalihom it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għandu jiġi kkalkolat separatament.

60      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-invokazzjoni minn Minmet ta’ każ ta’ forza maġġuri u ta’ żball skużabbli, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li rrikonoxxiet li l-kunċetti ta’ forza maġġuri u ta’ każ fortuwitu jinvolvu element oġġettiv, li jirrigwarda ċirkustanzi mhux normali u estranji għall-operatur, u element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, tal-persuna kkonċernata, li tħares lilha nnifisha mill-konsegwenzi tal-avveniment mhux normali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma jkollha tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, l-operatur għandu juri diliġenza sabiex josserva t-termini previsti. Konsegwentement, dawn għandhom ikunu diffikultajiet mhux normali, indipendenti mir-rieda tar-rikorrent u li jidhru inevitabbli minkejja d-diliġenza kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619, punti 31 u 32). Barra minn hekk, jista’ jkun hemm deroga mill-applikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji fir-rigward tat-termini tal-proċedura biss fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, ta’ każijiet fortuwiti jew ta’ forza maġġuri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2007, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑242/07 P, Ġabra p. I‑9757, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-kunċett ta’ żball skużabbli, ġie deċiż li huwa jirrigwarda biss ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, partikolarment l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat aġir tali li, waħdu jew sa punt determinanti, ikun ikkawża konfużjoni ammissibbli fil-ħsieb tal-individwu li jkollu bona fide u li jkun wera d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna b’livell normali ta’ prudenza (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Jannar 2010, SGAE vs Il-Kummissjoni, C‑112/09 P, Ġabra p. I‑351, punt 20), pereżempju, meta r-rikorrent ikun ikkonfrontat b’diffikultà ta’ interpretazzjoni partikolari għall-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti jew tat-tul tat-terminu (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2002, Il-Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑406/01, Ġabra p. I‑4561, punt 21, u SGAE vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 24; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ġunju 1996, Confindustria u Romoli vs Il‑Kunsill, T‑382/94, Ġabra p. II‑519, punt 21).

62      Madankollu, f’dan il-każ, minn naħa, id-dispożizzjonijiet applikabbli għat-termini għall-preżentata ta’ rikors ma jippreżentaw ebda diffikultà ta’ interpretazzjoni għal Minmet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma adottatx aġir tali li jipprovoka konfużjoni dwar l-evalwazzjoni tat-terminu. Bil-kontra, hija ssodisfat ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ ċertezza legali billi nnotifikat, f’dati differenti, żewġ deċiżjonijiet distinti — barra minn hekk f’żewġ verżjonijiet lingwistiċi differenti, jiġifieri bl-Ingliż lil Minmet u bit-Taljan lil Fluorsid — lil żewġ persuni ġuridiċi distinti. Minn dan isegwi li Minmet kienet perfettament f’pożizzjoni li tirrikonoxxi u li tgħaraf li kienu żewġ deċiżjonijiet legalment distinti fejn kull waħda minnhom kienet tipproduċi effetti legali distinti fir-rigward ta’ kull waħda mir-rikorrenti.

63      Min-naħa l-oħra, kien b’mod mhux wisq iddettaljat li Minmet sostniet, mingħajr prova insostenn, li l-preżentata tardiva tar-rikors kienet ikkawżata minħabba li l-komunikazzjonijiet elettroniċi ma kinux qed jaħdmu sew u d-dewmien imprevedibbli tas-sistema ta’ posta elettronika sabiex tiġi kkomunikata l-assenza tat-trażmissjoni, kif ukoll minħabba problemi fil-funzjonament tal-faks. Fil-fatt, mill-istess atti ta’ Minmet lanqas biss jirriżulta liema kienet id-data li fiha hija kienet ipprovat tibgħat ir-rikors. Issa, tali allegazzjonijiet vagi u mhux sostanzjati ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit każ ta’ forza maġġuri jew ta’ żball skużabbli. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

64      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li Minmet naqset milli tattakka d-deċiżjoni li ġiet indirizzata lilha fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, b’tali mod li din id-deċiżjoni saret definittiva fir-rigward tagħha u li minħabba dekadenza hija kienet prekluża milli timmina l-legalità tagħha.

II –  Fuq il-mertu

A –  Sunt tal-motivi għal annullament

65      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment jinvokaw tliet motivi.

66      L-ewwel motiv huwa bbażat, prinċipalment, fuq ksur tal-Artikolu 81 KE. L‑ewwel nett, l-akkordju allegat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa “impossibbliˮ. It-tieni nett, anki jekk tali akkordju eżista, huwa ma kellux effett fuq is-suq, peress li ftehim dwar il-prezzijiet adottat f’Lulju 2000 ma kienx f’pożizzjoni li jipproduċi effetti matul it-tieni parti tas-sena 2000, bħalma tallega l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Il-prezzijiet għat-tieni parti tas-sena 2000 ġew iffissati fl‑1999 jew “mill-inqasˮ matul l-ewwel xhur tas-sena 2000. It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkontestaw li ftehim bl-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni kien ġie konkluż matul il-laqgħa ta’ Milano. Dan kien biss skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE dwar il-provi tal-ksur kif ukoll l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.

67      It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Artikolu 81 KE, kif ukoll “tal-Artikolu 253 [KE] jew tal-Artikolu 173 KEˮ. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li kien jeżisti ksur differenti minn dak allegat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq fatti li ma kinux imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li fuqhom il-partijiet ma setgħux jiddefendu ruħhom. It-tieni nett, il-Kummissjoni daħħlet id-dokumenti relatati mat-talba għal klemenza ta’ Fluorsid fil-fajl tal-proċedura amministrattiva, wara li “injoratˮ din it-talba għal klemenza fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

68      It-tielet motiv, invokat b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 dwar il-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Ir-rikorrenti jikkontestaw id-definizzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-valur tas-suq rilevanti fid-deċiżjoni kkontestata. Il-gravità tal-ksur ikkonstatata mill-Kummissjoni hija sproporzjonata. Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li l-punt 18 tal-linji gwida tal-2006 kien applikat b’mod żbaljat.

B –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE

1.     Osservazzjonijiet preliminari

69      Ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw, minn naħa, li l-akkordju kkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kien impossibbli. L-impriżi kkonċernati ma kinux f’pożizzjoni li jimponu prezz tal-fluworidu tal-aluminju fis-suq lill-produtturi tal-aluminju, peress li dan il-prezz ma huwiex iddeterminat mill-provvista iżda mit-talba. Min-naħa l-oħra, il-laqgħa ta’ Milano ma kellhiex l-għan li tiddefinixxi “prezzijiet tal-akkordjuˮ iżda li “jiġi mifhum, fid-dawl ta’ ċerti funzjonijiet ta’ kost, liema kien ikun il-prezz li kien jippermetti lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata inkwistjoni li ‘jibqgħu fis-suq’, minkejja ż-żieda eċċezzjonali tal-kost tal-produzzjoniˮ. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-fluworidu tal-aluminju huma nnegozjati kull sena għall-kunsinni tas-sena ta’ wara. Għaldaqstant, huwa wkoll impossibbli li ftehim dwar il-prezzijiet adottat f’Lulju 2000 seta’ jipproduċi effetti matul it-tieni parti tas-sena 2000. Minn dan ir-rikorrenti tikkonkludi li, anki kieku l-ksur allegat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kien eżista, huwa ma setax jipproduċi effetti fis-suq ikkonċernat. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-“fatti ta’ Milanoˮ, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni akkwistat il-prova ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri, iżda mhux ta’ akkordju “li għandu għan restrittivˮ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE, l-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 253 KE dwar l-indikazzjoni tal-provi tal-ksur, kif ukoll l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.

70      Il-Kummissjoni titlob sabiex dan il-motiv jiġi miċħud.

71      Preliminarjament għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, minn-naħa, huwa l-obbligu tal-parti jew tal-awtorità li tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li tipproduċi l-prova billi tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-fatti li jikkostitwixxu ksur, u min-naħa l-oħra, huwa l-obbligu tal-impriża li tinvoka l-benefiċċju ta’ difiża kontra konstatazzjoni ta’ ksur li tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-difiża huma sodisfatti, b’tali mod li l-imsemmija awtorità jkollha għalhekk tirrikorri għal provi oħrajn (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58; tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 78, u tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 50).

72      Għal dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni għandha tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni ferma li l-ksur allegat twettaq (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il‑Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 20). L-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti tal-Unjoni għandu jiswi ta’ ġid lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. Il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt jekk ikun għadu jippersisti dubju f’moħħha fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 215).

73      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li kull waħda mill-provi prodotti mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li sensiela ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Barra minn dan, huwa abitwali li l-attivitajiet, li l-ftehim u l-prattiki antikompetittivi jinvolvu, isiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom titnaqqas għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħal minuti tal-laqgħat, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57, u tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 51).

75      Il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE huma forom ta’ kollużjoni li għandhom l-istess natura u huma distinti biss mill-intensità tagħhom u mill-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punti 131 u 132, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 190). Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ ksur kumpless, il-Kummissjoni ma tistax tkun mistennija tikklassifika l-ksur b’mod preċiż bħala ftehim jew prattika miftiehma, peress li ż-żewġ forom ta’ ksur huma koperti mill-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 111 sa 114, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 696). Għaldaqstant, bħalma huwa l-każ hawnhekk, il-klassifikazzjoni doppja tal-ksur bħala ftehim “u/jew” bħala prattika miftiehma għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal unità waħda kumplessa li tinkludi fatti li wħud minnhom ikunu ġew ikklassifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li ma jipprevedix klassifikazzjonijiet speċifiċi għal dan it-tip ta’ ksur kumpless (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 264,u HFB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 187).

2.     Tfakkira tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

76      Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq id-dokumenti segwenti sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE: il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano (premessi 77 u 81 sa 88 tad-deċiżjoni kkontestata), in-noti meħuda minn O., tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden waqt din il-laqgħa (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata), id-dikjarazzjoni ta’ O. dwar l-imsemmija minuti (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata), in-noti ta’ O., tal-25 ta’ Ottubru 2000, dwar il-konversazzjoni telefonika bejn id-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden u IQM (premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll in-noti ta’ C., ta’ Minmet, tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 (premessi 95 u 96 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dawn id-dokumenti l-Kummissjoni ddeduċiet li kienet inżammet laqgħa bejn ir-rappreżentanti ta’ Fluorsid, R., ta’ ICF, G., u ta’ IQM, A., fit-12 ta’ Lulju 2000 f’Milano, li għaliha r-rappreżentant tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden, M. O., ipparteċipa permezz tat-telefon. Il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano tfasslu minn R., ta’ Fluorsid. Fil-fehma tal-Kummissjoni, din il-laqgħa kellha kontenut u għan antikompetittivi (premessi 115 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

77      It-termini tekniċi u abbrevjazzjonijiet użati fid-dokumenti ċċitati iktar ’il fuq jikkorrispondu għad-definizzjonijiet li ġejjin:

–        “US$/T jew US$/MT”, li jfissru li l-prezzijiet huma indikati f’dollari Amerikan (USD) għal kull tunnellata jew tunnellata metrika;

–        “incoterms”, li tfisser “international commercial terms” (termini tal-kummerċ internazzjonali);

–        “fca” (free carrier), li tfisser “trasport bla ħlas”;

–        “fob” (free on board), li tfisser “frank abbord”;

–        “cfr” (cost and freight), li tfisser “kost u nolˮ;

–        “C & F filo” (cost and freight u free in liner out), li tfisser “kost u nol u tgħabija franka u ħatt bil-kundizzjonijiet tal-bastiment”;

–        “LME” (London Metal Exchange), li huwa sit għall-iskambju ta’ metalli. Il-prezz tal-LME jiddetermina l-prezz tal-aluminju. Fid-dokumenti li jsir riferiment għalihom, din l-abbrevjazzjoni tindika l-prezz tal-aluminju;

–        “AlF3” hija l-abbrevjazzjoni għall-fluworidu tal-aluminju. Barra minn hekk, għandu jiġi indikat li l-prezz tal-fluworidu tal-aluminju jista’ jiġi kkalkolat bħala perċentwali tal-LME. Skont l-indikazzjonijiet tal-partijiet, il-prezz tal-AlF3 huwa normalment ta’ bejn 45 u 55 % tal-LME, jiġifieri ammont ta’ bejn USD 650 u 900.

78      Għandu jiġi nnutat ukoll li d-dokumenti li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata ġew prodotti jew minn Boliden, jew mill-membri l-oħrajn tal-akkordju, fosthom b’mod partikolari Fluorsid. Ir-rikorrenti la kkontestaw l-awtentiċità, la l-kredibbiltà u lanqas in-natura probatorja tal-imsemmija dokumenti, u ebda element fil-fajl ma jippermetti li jiġi preżunt li kien hemm bżonn li jiġi kkontestat il-valur probatorju tagħhom. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jikkonstatawx il-kontenut ta’ dawn il-provi fih innifsu, iżda sempliċement jikkontestaw il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ akkordju.

3.     Fuq il-prova tal-ksur

79      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipanti tal-laqgħa ta’ Milano kkonkludew ftehim dwar iż-żieda tal-prezzijiet ta’ 20 % għall-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju. Huma stabbilixxew ukoll livell ta’ prezz ġenerali f’diversi reġjuni tad-dinja, inkluża l-Ewropea, u f’ċerti każijiet, qassmu s-swieq u skambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Għaldaqstant, għandhom jiġu evalwati l-provi li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-konklużjonijiet tagħha.

80      L-ewwel nett, il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jirreferu għal żieda ta’ 20 % tal-kost kollu bejn Ġunju 1999 u Ġunju 2000, li trendi neċessarja żieda ta’ 20 % tal-prezzijiet tal-fluworidu tal-aluminju fl-2001. F’dan ir-rigward ġie sussegwentement ippreċiżat dan li ġej:

“[P]eress li l-pezz tal-bejgħ tal-[fluworidu tal-aluminju] fl-2000 ġie ffissat fit-tmiem l-ewwel parti tal-1999 u li l-kost tagħna f’nofs is-sena 2000 huwa 20 % ogħla milli fl-1999, hemm bżonn li l-prezzijiet tagħna tal-[fluworidu tal-aluminju] fl-2001 ikunu 20 % ogħla minn dawk tas-sena 2000. It-tliet partijiet [Fluorsid, ICFu IQM] ftiehmu li din iż-żieda kienet raġonevoli mill-perspettiva tal-produttur. Madankollu, għandu jiġi mistoqsi jekk il-provvista/it-talba tas-suq jippermettux tali żieda” (premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata).

81      Għaldaqstant, mill-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jirriżulta b’mod ċar li r-rappreżentanti li pparteċipaw f’din il-laqgħa, fosthom dak ta’ Fluorsid, ftiehmu dwar żieda fil-prezzijiet tagħhom għall-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju fl-2001 ta’ 20 %.

82      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda s-suq Ewropew, il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jirreferu għal ftehim bejn dawn ir-rappreżentanti għall-2001 dwar prezz ta’ USD 775 “fca”, jiġifieri USD 800 “fob”, għal kull tunnellata ta’ fluworidu tal-aluminju:

“Għas-sena 2001, [ICF] tixtieq tgħolli l-prezz għal USD 800/t fca Mordijk [u] USD 775/t fob Gabes. [Il-]prezz tal-produttur Ewropew [huwa għaldaqstant ta’] 775/800 USD/t fca/fob [għal kull] produttur Ewropew” (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

83      Minn dawn id-dokumenti kollha jirriżulta li dan il-prezz jikkostitwixxi prezz minimu ta’ bejgħ, li l-membri tal-akkordju ma kellhomx jagħmlu offerti fis-suq ikkonċernat inqas minnu.

84      Dawn il-konklużjonijiet huma kkonfermati min-noti ta’ O., tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden, meħuda waqt il-laqgħa ta’ Milano, li għaliha pparteċipa permezz tat-telefon, kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet orali tiegħu magħmula fit-23 u l-31 ta’ Awwissu 2006 quddiem il-Kummissjoni (premessi 77, 89 u 90 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, minn dawn in-noti u d-dikjarazzjonijiet jirriżulta li l-parteċipanti ta’ din il-laqgħa affermaw li kellhom bżonn ta’ żieda ta’ 20 % tal-prezzijiet u kkonkludew, wara li ħadu kont tal-kost, li l-prezzijiet għall-2001 kellhom jogħlew b’20 % u jiġu ffissati għal USD 800 għal kull tunnellata, jiġifieri 50 % tal-prezz “LME”.

85      Barra minn hekk, diversi dokumenti bid-data ta’ wara l-laqgħa ta’ Milano juru li l-parteċipanti ta’ din il-laqgħa rrispettaw it-termini ta’ dan il-ftehim, żammew xi kuntatti bilaterali f’dan ir-rigward u skambjaw data kummerċjali sensittiva, b’mod partikolari sabiex jikkontrollaw lil xulxin rigward il-politiki rispettivi tagħhom dwar il-prezzijiet. Għaldaqstant, in-nota ta’ T., tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden, indirizzata lil O., tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden ukoll, li tirrigwarda konversazzjoni telefonika tal-25 ta’ Ottubru 2000 bejn T. u A., ta’ IQM, tindika li dawn tal-aħħar skambjaw informazzjoni dwar l-offerti tagħhom tal-prezz lil klijent fl-Awstralja. Dawn l-offerti tal-prezz kienu jikkorrispondu għall-prezz minimu ta’ USD 800 għal kull tunnellata miftiehem waqt il-laqgħa ta’ Milano. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li IQM offriet lil dan il-klijent livell ta’ prezz ta’ “USD 850 – 875 – 900”, filwaqt li d-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden irrilevat li offriet prezz ta’ madwar USD 800 għal kull tunnellata, iżda għadha ma kkonkludietx ftehim mal-klijent Awstraljan (premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata).

86      Barra minn hekk, min-nota ta’ C., ta’ Minmet, dwar il-konversazzjoni telefonika tat-8 ta’ Novembru 2000 ma’ G., ta’ ICF, jirriżulta li din tal-aħħar kienet ilmentat dwar il-prezzijiet “baxxi” offerti minn Minmet fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti fl-Eġittu — fejn dawn kienu ta’ “725 USD fob/745 USD cfr” — u staqsiet kif Minmet kellha l-intenzjoni tgħolli l-prezz fil-Venezwela għal USD 875, fid-dawl tal-fatt li l-Venezweljani għandhom aċċess għas-sejħa għal offerti fl-Eġittu. Skont din l-istess nota, ICF ikkonfermat mill-ġdid li l-prezzijiet offerti lil klijent Brażiljan, kienu jeċċedu USD 800 għal kull tunnellata (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata”.

87      Barra minn hekk, skont minuti oħrajn tad-9 ta’ Novembru 2000, imfassla minn Minmet u mibgħuta lil Fluorsid, dwar laqgħa li saret bejn C. u K. ta’ Minmet u G. u T. ta’ ICF, din tal-aħħar informat lil Minmet bil-fatt li hija kienet ikkonkludiet kuntratt għall-prezz ta’ USD 845 ma’ klijent Brażiljan u kkonfermat li hija ma toffrix iktar minn 6 000 tunnellata metrika fis-suq Venezweljan. Minmet insistiet sabiex il-prezzijiet fil-Venezwela jeċċedu USD 800 “cfr” (premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata).

88      Għaldaqstant, mid-dokumenti relattivi għall-kuntratti tal-25 ta’ Ottubru, tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 jirriżulta li l-impriżi kkonċernati kkontrollaw lil xulxin fir-rigward il-livell tal-prezzijiet. Barra minn hekk, kif indikat b’mod korrett il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-prezzijiet kienu jikkorrispondu għar-riżultati tan-negozjati li saru matul il-laqgħa ta’ Milano. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat ukoll li d-dokumenti tal-25 ta’ Ottubru, tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 jirreferu għal kuntatti sussegwenti għal-laqgħa ta’ Milano bejn il-parteċipanti ta’ din il-laqgħa, b’mod partikolari, bejn ir-rikorrenti u ICF, li kienu manifestament marbuta mal-ftehim dwar il-prezzijiet miftiehma waqt din il-laqgħa, press li jirreferu għal elementi ewlenin ta’ dan il-ftehim.

89      Dan il-ftehim dwar il-prezzijiet kien jikkonċerna, minn naħa, is-swieq Ewropej. F’dan ir-rigward, il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jindikaw, b’mod partikolari, previżjonijiet ta’ kwantitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ ta’ fluworidu tal-aluminju għas-sena 2000 għall-Italja, ir-Rumanija, Spanja, l-Iskandinavja, il-Ġermanja, il-Benelux u r-Renju Unit (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest, ICF indikat ix-xewqa li żżid il-prezz għal USD 800 għal kull tunnellata fl-2001 2001 “fca Mordijkˮ u għal USD 775 għal kull tunnellata “fob Gabesˮ bir-riżultat li l-prezz tal-produttur Ewropew kien ikun ta’ USD 775/800 għal kull tunnellata “fca/fobˮ (ara l-punt 82 iktar ’il fuq).

90      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni stabbilixxiet li dan il-ftehim kien japplika wkoll għal diversi reġjuni tad-dinja. Għaldaqstant, skont il-minuti tal-laqgħa ta’ Milano, dwar l-Awstralja, l-“idea ta’ prezz” għall‑2001 kienet ta’ USD 800 għal kull tunnellata “fob Europe” jiġifieri “50 % LME fob” filwaqt li l-prezz Ewropew seta’ jkun ogħla mill-prezz għaċ-Ċina u kellu jkun ta’ USD 875 għal kull tunnellata (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal dak li jikkonċerna l-Amerika ta’ Isfel, fil-minuti jidhru prezzijiet għas-sena 2000 u prezzijiet minimi għas-sena 2001. Għall-Venezwela, kien jidher għas-sena 2001 il-prezz ta’ USD 850 għal kull tunnellata metrika “C & F filo” u bħala prezz minimu assolut USD 890 għal kull tunnellata metrika. Għall-Brażil, il-produtturi kollha jaqblu fuq il-fatt li l-prezz għandu jkun iffissat għal madwar “50 % LME fob” u USD 875 għal kull tunnellata “cfr” (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

91      Fid-dikjarazzjonijiet orali tiegħu magħmula quddiem il-Kummissjoni, O., tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden, iddikjara barra minn hekk li l-parteċipanti tal-laqgħa ta’ Milano kienu ftiehmu fuq il-klijenti ta’ kull wieħed minnhom kif ukoll fuq il-livell ta’ prezz li kellu jinżamm fl-Ewropa u barra mill-Ewropa. L-għan tal-laqgħa ta’ Milano kien għalhekk li joħorġu bi spjegazzjoni komuni dwar il-mod li bih il-livelli l-ġodda ta’ prezzijiet kellhom jiġu introdotti. Il-parteċipanti tal-laqgħa ta’ Milano qassmu l-kwantitajiet li kellhom joffru lid-diversi klijenti. Kien hemm ftehim impliċitu sabiex jiġu rrispettati l-klijenti rispettivi ta’ kull wieħed minnhom u l-kunsinni magħmula lil kull wieħed minnhom (ara l-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

92      Bl-istess mod, min-nota relatata mat-telefonata tal-25 ta’ Ottubru 2000 jirriżulta li A., ta’ IQM, ried “jibqa’ f’kuntatt” ma’ T., tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden dwar, b’mod partikolari, il-livell ta’ prezz tal-fluworidu tal-aluminju fl-Awstralja, filwaqt li fakkar il-prezz ta’ USD 800 li kien ġie miftiehem fil-laqgħa ta’ Milano (premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata).

93      Fl-aħħar net, mill-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jirriżulta wkoll li, sussegwentement, il-parteċipanti tal-laqgħa ta’ Milano, jiġifieri Fluorsid, ICF u IQM, skambjaw informazzjoni dwar il-produzzjoni u l-volumi ta’ bejgħ fl-2000, kif ukoll dwar il-previżjonijiet għall-2001 rigward id-diversi pajjiżi tad-dinja b’indikazzjonijiet ta’ kwantitajiet preċiżi, kif ukoll informazzjoni skont il-produtturi u l-klijenti. Għal dak li jirrigwarda s-“swieq individwali”, il-minuti jsemmu dan li ġej (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata):

“Eżaminajna kull wieħed mis-swieq sabiex nistabbilixxu livell ġenerali tal-prezz u, f’ċerti każijiet, anki tqassim tas-suq. Madankollu, aħna kollha [ftehmna] li, irrispettivament minn min jikseb il-bejgħ, għandu jinkiseb livell ta’ prezz ogħla. Konsegwentement, għandna niskoraġġixxu kwalunkwe roħs kbir fil-prezz.”

94      Minn dan isegwi li l-parteċipanti tal-laqgħa ta’ Milano skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva, fosthom informazzjoni dwar il-volumi ta’ produzzjoni, dwar il-kwantitajiet li biegħu jew li kienu qed jipprevedu li jbigħu, dwar il-klijenti tagħhom kemm fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja, dwar id-determinazzjoni tal-prezz tagħhom kif ukoll dwar it-tqassim bejniethom tas-swieq, sabiex jiftiehmu dwar dawn il-parametri tal-kompetizzjoni.

95      Għaldaqstant, minn dawn il-provi kollha, li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-kontenut tagħhom fih innifsu, jirriżulta li l-Kummissjoni pprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ ftehim dwar l-iffissar tal-prezzijiet fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, konkluż matul il-laqgħa ta’ Milano, li għaliha pparteċipaw ir-rikorrenti.

96      Konsegwentement, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-għan antikompetittiv tal-laqgħa ta’ Milano u l-eżistenza ta’ ftehim li jikser l-Artikolu 81(1) KE, mingħajr ma hemm bżonn li jintwera li dan il-ftehim ipproduċa effetti (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 123, u s-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punt 181). F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi, iżda alternattivi sabiex ikun evalwat jekk tali ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE. Issa, bħalma ġie kkonstatat minn ġurisprudenza stabbilita, in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat fl-ewwel lok l-għan stess tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li għandu jiġi applikat fih. Madankollu ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ ftehim meta l-għan antikompetittiv ta’ dan tal-aħħar jiġi stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 55, u tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I-9083, punt 135). Minn dan jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li l-implementazzjoni ta’ tali ftehim kien “impossibbli” għandu jiġi miċħud.

97      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx għalfejn jiġi eżaminat jekk il-kriterji ġurisprudenzjali li jirregolaw il-kunċett ta’ prattika miftiehma (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq) humiex ukoll sodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, peress li l-kriterju li jikkostitwixxi “ftehim”, meħtieġ sabiex tapplika l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81 KE huwa sodisfatt f’dan il-każ, din hija sempliċement klassifikazzjoni alternattiva tal-istess akkordju li ma għandhiex effett fuq il-bqija tal-analiżi.

98      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE għandu jiġi miċħud bħala infondat.

99      Għal dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq l-allegat “ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-prova tal-ksur”, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti invokaw in-nuqqas ta’ motivazzjoni biss fit-titolu tal-motiv preżenti, mingħajr madankollu ma żviluppaw argumenti insostenn tiegħu. Issa, peress li dan l-ilment ma huwa bl-ebda mod iddettaljat jew sostnut, huwa għandu jitqies li huwa magħqud mal-motiv preżenti fil-mertu u li huwa jirrigwarda l-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punti 65 sa 68). Konsegwentement, dan l-ilment jingħaqad ma’ dak ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE u għaldaqstant ma għandux bżonn ta’ eżami separat.

100    Anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti jqajmu effettivament nuqqas ta’ motivazzjoni jew li dan il-motiv għandu jitqajjem ex officio, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni imposta mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jiddefendu d-drittijiet tagħhom u li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, C‑338/00 P, Ġabra p. I‑9189, punt 124 u tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punti 166 u 178). Għalkemm, skont l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni hija obbligata ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija msejsa l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet legali li wassluha tadotta din id-deċiżjoni, din id-dispożizzjoni ma titlobx li l-Kummissjoni tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew trattati matul il-proċedura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il‑Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 22; tal-11 ta’ Lulju 1989, Belasco et vs Il‑Kummissjoni, 246/86, Ġabra p. 2117, punt 55; u Volkswagen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 127; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra p. II-6681, punt 233). Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, Ġabra p. I‑11245, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    F’dan il-każ, il-Kummissjoni esponiet b’mod dettaljat fid-deċiżjoni kkontestata l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet kollha li wassluha tadotta din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrenti jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tagħha sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, ma hemmx nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u dan l-ilment għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud.

102    Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

C –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

1.     Osservazzjonijiet preliminari

103    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża għal dak li jikkonċernahom u l-Artikoli 2 u 27 tar-Regolament Nru 1/2003. Id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li kien jeżisti ksur differenti minn dak indikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni tagħha u ġabret dokumenti addizzjonali wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Ir-rikorrenti ma setgħux jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom f’dan ir-rigward. Minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi ksur u fatti mhux imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari d-dokument dwar il-kuntatti bilaterali tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet issemmi “ksur kontinwat” u d-deċiżjoni kkontestata “ksur li dam sitt xhur”. Fluorsid tikkontesta wkoll l-assenza ta’ riferiment fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għat-talba tagħha għal tnaqqis tal-ammont tal-multa lill-Kummissjoni u tallega l-assenza ta’ motivazzjoni taċ-ċaħda ta’ din it-talba fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

104    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Id-dokumenti relattivi għal kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano jinsabu fil-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni. Ma saret ebda estensjoni tal-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni kontra l-membri tal-akkordju. Il-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni li bihom huma akkużati l-membri tal-akkordju kienu magħrufa minn dawn tal-aħħar. Id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, jiġifieri d-deċiżjoni kkontestata, ma għandhiex tkun identika għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni ssostni li ma qisitx li kien neċessarju li tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali rigward provi mhux imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dawn id-dokumenti ma jimminawx il-provi meqjusa diġà u ma tawx lok għal formulazzjoni differenti tal-konklużjonijiet.

105    Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Fluorsid, b’relazzjoni mat-talba tagħha għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni qieset li t-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ Fluorsid ma kinitx iġġustifikata peress li l-provi prodotti minn Fluorsid ma provdewx valur miżjud sinjifikattiv u hija informat b’dan lil Fluorsid fit-13 ta’ Lulju 2007. Il-Kummissjoni kienet obbligata li tieħu pożizzjoni fuq din it-talba biss fid-deċiżjoni kkontestata, u hija għamlet dan. Għaldaqstant, Fluorsid setgħet teżerċita d-drittijiet tad-difiża waqt il-proċedura amministrattiva, billi kienet konxja mill-fatt li t-talba tagħha għal tnaqqis tal-ammont tal-multa kienet ġiet irrifjutata.

106    Għandu jitfakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali ta’ dritt tal-Unjoni li tiegħu l-qrati tal-Unjoni jiżguraw l-osservanza (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Kif ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża teżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tgħarraf il-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10; tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, C‑310/93 P, Ġabra p. I‑865, punt 21; u tad‑9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑511/06 P, Ġabra p. I‑5843, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti dan il-prinċipju inkwantu jipprovdi li l-partijiet għandhom jirċievu dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha tiddikjara b’mod ċar l-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 67), sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni kif ukoll il-provi li hija għandha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 315 u 316, u s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punti 66 u 67) u sabiex ikunu jistgħu jsostnu utilment id-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Archer Daniels Midland/Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punti 85 u 86). Dan ir-rekwiżit huwa osservat meta l-imsemmija deċiżjoni ma tallegax li dawk ikkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jagħtu spjegazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 109, u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Madankollu, l-indikazzjoni tal-elementi essenzjali li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni finali ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 14), peress li din id-dikjarazzjoni hija dokument preparatorju u l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fiha huma ta’ natura purament provviżorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 70). Għalhekk, huma wkoll ammissibbli xi żidiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet magħmula fid-dawl tar-risposti tal-partijiet, fejn l-argumenti mressqa juru li dawn setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid xi argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilmenti li hija fformulat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, T‑86/95, Ġabra p. II‑1011, punt 448, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑310/01, Ġabra p. II‑4071, punt 438). Konsegwentement, sakemm tiġi adottata deċiżjoni finali, il-Kummissjoni tista’ fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tal-partijiet, jew tirrinunzja ċerti oġġezzjonijiet jew anki l-oġġezzjonijiet kollha li tkun oriġinarjament ifformulat fir-rigward tagħhom u tbiddel, għaldaqstant, il-pożizzjoni tagħha favurihom, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, tiddeċiedi li żżid oġġezzjonijiet ġodda, sakemm tagħti lill-impriżi kkonċernati l-possibbiltà li jsostnu l-perspettiva tagħhom rigward dan is-suġġett (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 115, u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Barra minn hekk, kif ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti l-possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mmexxija minnha tkun setgħet wasslet għal riżultat differenti. Impriża rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur kien seħħ, meta hija turi b’mod suffiċjenti mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni seta’ kellha kontenut differenti, iżda li hija setgħet tiżgura b’mod aħjar id-difiża tagħha fl-assenza ta’ irregolarità proċedurali, pereżempju minħabba l-fatt li, għad-difiża tagħha, hija setgħet użat dokumenti li l-aċċess tagħha għalihom ġie rrifjutat matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punt 28; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, Ġabra p. I‑9147, punt 94).

111    Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari, id-dritt għal aċċess għall-fajl, ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, li tikkonċerna l-każ fejn ikun ġie rrifjutat l-aċċess għal dokument, li huwa suffiċjenti li l-impriża turi li setgħet tuża dan id-dokument għad-difiża tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, Ġabra p. I-10329, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott taħt din is-sentenza, Ġabra p. I-10329, punt 171, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punti 74 u 75; Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, punt 110 iktar ’il fuq, punt 23; u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punti 318 u 324). Din l-impriża ma hijiex obbligata tistabbilixxi li din l-irregolarità influwenzat, għad-detriment tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, iżda li hija setgħet tinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott taħt is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punti 179 u 181, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punt 81; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 128; tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 318; u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 74). Għaldaqstant, fil-każ li d-dokumenti ma jiġux żvelati, l-impriża kkonċernata ma għandhiex tipproduċi l-prova li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti fil-każ li d-dokumenti ġew żvelati, iżda huwa suffiċjenti li turi possibbiltà, anki żgħira, li d-dokumenti li ma ġewx żvelati waqt il-proċedura amministrattiva setgħu kienu utli għad-difiża tagħha (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott taħt is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 181, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 131).

2.     Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża marbut mad-dokumenti li jikkonċernaw il-kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano

112    F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq dokumenti li ma kinux imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari d-dokumenti dwar il-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000, u dan jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża.

113    F’dan ir-rigward, mill-punti 20 sa 22, 76, 86 sa 88 iktar ’il fuq, (ara wkoll il-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata) jirriżulta li, fil-fatt, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dawn id-dokumenti, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tipprova l-eżistenza tal-akkordju kif ukoll l-implementazzjoni tiegħu, sabiex minn dan tislet il-konsegwenzi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti.

114    Fl-ewwel lok, għandu għaldaqstant isir paragun bejn il-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma’ dak tad-deċiżjoni kkontestata.

115    Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li kienu saru kuntatti bejn il-membri tal-akkordju sa mill-1997 (paragrafi 76 et seq) u semmiet laqgħa fil-Greċja fid-29 ta’ Lulju 1999 (paragrafi 85 et seq) kif ukoll “kuntatti sussegwenti” (paragrafi 92 et seq) u l-laqgħa ta’ Milano (paragrafi 103 et seq). Fid-deskrizzjoni tal-fatti dwar l-implementazzjoni tal-akkordju, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet issemmi kuntatti bejn il-membri tal-akkordju, fosthom kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano. Il-Kummissjoni kkunsidrat li “[wara] l-laqgħa ta’ Milano, il-kumpanniji involuti fil-ftehim li kien intlaħaq, komplew jiskambjaw informazzjoni dwar is-suq tal-fluworidu tal-aluminju permezz ta’ kuntatti bilaterali” (punt 117). F’dan ir-rigward hija ssemmi espliċitament il-kuntatti tal-25 ta’ Ottubru 2000, kuntatti matul is-sena 2001, konferenza fil-perijodu bejn is-17 sal-21 ta’ Frar 2002, konferenza oħra f’San Diego, California (l-Istati Uniti) fis-6 ta’ Marzu 2003 kif ukoll kuntatti f’Jannar 2004 u fil-21 ta’ Jannar 2005 (paragrafi 118 sa 123). Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-akkordju kien ġie implementat, fatt li hija tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur (punt 227).

116    Għal dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-Kummissjoni qieset li l-ksur kien beda fit-30 ta’ Ġunju 1997, id-data tal-laqgħa f’Sousse (it-Tuneżija), kien ġie intensifikat mil-laqgħa tal-Greċja fid-29 ta’ Lulju 1999, “meta l-ftehim definittiv dwar iż-żieda fil-prezzijiet għall-bejgħ fl-2000 ġie konkluż u daħal fis-seħħ”, u li ftehim simili kien ġie konkluż fit-12 ta’ Lulju 2000 f’Milano għall-prezzijiet ta’ bejgħ għas-sena 2001. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li fil-każ ta’ Fluorsid, ta’ ICF u ta’ IQM, il-ksur kien kompla “mill-inqas sal-31 ta’ Diċembru 2001”, filwaqt li t-tmiem il-perijodu tal-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim kien jikkorrispondi għat-tmiem il-perijodu li fih il-bejgħ ikkonċernat mill-ftehim kien sar (punt 216).

117    Fil-premessi 155 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal “kuntatti bilaterali matul il-ħarifa 2000”, b’mod partikolari dawk tal-25 ta’ Ottubru u tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000. Dawn il-kuntatti juru azzjoni meħuda wara l-ftehim milħuq matul il-laqgħa ta’ Milano bl-għan tal-implementazzjoni tiegħu. Fil-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi mill-ġdid għad-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat- 8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 dwar l-implementazzjoni tal-akkordju fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa. Hemmhekk, hija tindika wkoll li ħadet inkunsiderazzjoni l-grad ta’ implementazzjoni tal-akkordju sabiex tiddetermina l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni u tirreferi, b’mod partikolari, għall-premessi 154 sa 156 tad-deċiżjoni kkontestata.

118    Għal dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li l-akkordju tkompla mill-inqas matul il-perijodu ta’ bejn it-12 ta’ Lulju sal‑31 ta’ Diċembru 2000 (premessi 241 u 147 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, “il-kuntratti ta’ provvista huma nnegozjati minn qabel waqt perijodu li jibda matul it-tieni nofs ta’ kull sena kalendarja u li jispiċċa fit-tmien din l-istess sena kalendarja jew matul l-ewwel ħames xhur tas-sena kalendarja ta’ wara” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li, skont il-prattika tas-settur tal-fluworidu tal-aluminju, il-prezzijiet kienu jiġu ddeterminati minn qabel għas-sena kummerċjali ta’ wara.

119    Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li d-dokumenti relattivi għall-kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano, fosthom dawk tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000, ma jissemmewx fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda t-tul tal-ksur.

120    Għaldaqstant, minkejja li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħu jintużaw dokumenti li jirrigwardaw kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano, kif imsemmija fil-punt 115 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li hija ma ssemmix espliċitament id-dokumenti relatati mal-kuntatti bilaterali tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000, li fuqhom il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, ibbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata.

121    Madankollu, dawn id-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 kienu inklużi fil-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, li kkomunikathom lill-partijiet tal-proċedura amministrattiva proċedura amministrattiva, u għaldaqstant lir-rikorrenti, waqt it-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża u jkollhom aċċess għall-fajl. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li, minn naħa, r-rikorrenti bbenefikaw minn aċċess komplut għall-fajl, inkluż għad-dokumenti relattivi għall-kuntatt tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000, u li, min-naħa l-oħra, il-kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano kienu espliċitament imsemmija, għalkemm ċertament b’mod ġenerali, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

122    Kemm il-kuntatti bilaterali tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2001, li ma humiex imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kif ukoll dawk li huma espliċitament imsemmija fiha, jattestaw li r-rikorrenti kienu involuti fl-akkordju u fl-implementazzjoni tiegħu wara l-laqgħa ta’ Milano. Madankollu, f’dan ir-rigward, kien suffiċjenti li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha dwar ksur uniku u kontinwat u dwar l-implementazzjoni tiegħu fuq diversi elementi, fosthom il-laqgħa ta’ Milano u kuntatti bilaterali u multilaterali li saru wara din il-laqgħa, b’mod partikolari kuntatt li sar fil-25 ta’ Ottubru 2000, u għaldaqstant, fil-ħarifa 2000. Fil-fatt, l-uniċi provi esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienu diġà biżżejjed sabiex iwissu lir-rikorrenti bil-fatt li l-Kummissjoni setgħet tużahom fir-rigward tagħhom bħala mezzi ta’ prova inkriminanti. Fid-dawl tad-dokumenti relattivi għall-kuntatti li saru war l-laqgħa ta’ Milano, imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 ma kinux għaldaqstant provi indispensabbli sabiex jiġi pprovat il-ksur kontinwat u l-implementazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 128, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-kuntatt li sar fil‑25 ta’ Ottubru 2000, li kien diġà ssemma fil-premessa 118 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, fihom infishom, id-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 ma kinux deċiżivi għar-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, peress li ksur kontinwat kif ukoll l-implementazzjoni tiegħu li jmorru lil hinn mid-data tal-31 ta’ Diċembru 2000 kienu diġà ġew kkonstatati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fuq il-bażi ta’ provi oħrajn.

123    Barra minn hekk, għandha titfakkar il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 110 iktar ’il fuq li tipprovdi li d-drittijiet tad-difiża jiġu miksura biss meta teżisti possibbiltà li, fin-nuqqas tal-irregolarità proċedurali mwettqa, jiġifieri, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ riferimenti espliċiti, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għad-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti.

124    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan ma kienx il-każ hawnhekk.

125    Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 121 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kellhom aċċess għad-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 flimkien mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mingħajr ma ddeduċew l-iċken prova li tiskaġunahom, sew fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u sew fil-mori tal-kawża. Barra minn hekk, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti anki rrinunzjaw li jieħdu pożizzjoni fuq il-kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano li kienu espliċitament imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (paragrafi 117 sa 123 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Bl-istess mod, fil-mori tal-kawża, ir-rikorrenti la spjegaw u lanqas ma ssostanzjaw kif il-fatt li l-imsemmija dokumenti ma ssemmewx espliċitament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, seta’ jippreġudika l-effettività tad-difiża tagħhom matul il-proċedura amministrattiva u kif huma setgħu jiddefendu ruħhom b’mod iktar effettiv kieku kienu informati espliċitament, f’din l-okkażjoni, bil-fatt li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tuża d-dokumenti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 bħala provi inkriminanti fid-deċiżjoni kkontestata rigward il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur u fl-implementazzjoni tiegħu. Bil-kontra, fid-dawl tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti kif ukoll tal-fatt li r-rikorrenti kienu kompletament konxji minnhom, peress li huma kienu l-awturi stess ta’ dawn id-dokumenti li kienu joriġinaw mill-postijiet tagħhom stess, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovawx li minnhom huma setgħu joħorġu elementi li jiskaġunawhom rigward l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv u l-implementazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni — fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa — effetti tal-ksur fuq is-suq. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jistabbilixxu li l-fatt li ma kinux informati, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża d-dokumenti inkwistjoni bħala provi inkriminanti kien tali li affettwa l-effettività tad-difiża tagħhom u, konsegwentement, ir-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata mis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 111 iktar ’il fuq, punt 80).

126    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li din l-ommissjoni setgħet tipprekludihom milli jiddefendu ruħhom b’mod effettiv kontra l-allegazzjoni li l-ksur dam fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2001. Fil-fatt, kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx it-tul tal-ksur fuq il-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet stabbilixxiet li l-ksur dam fis-seħħ anki iktar mil-laqgħa ta’ Milano, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2001, għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti kienu perfettament f’pożizzjoni li jirrikonoxxu r-rilevanza tal-provi li jirrigwardaw il-kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano, kif inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata, għad-determinazzjoni tat-tul tal-ksur, li l-Kummissjoni essenzjalment iddeduċiet mill-prattika tas-settur tal-fluworidu tal-aluminju li l-prezzijiet jiġu ddeterminati minn qabel għas-sena kummerċjali ta’ wara. Fid-dawl ta’ din il-prattika, il-Kummissjoni kienet intitolata, diġà abbażi tal-provi msemmija espliċitament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tikkunsidra t-tieni nofs tas-sena kollu sal-31 ta’ Diċembru 2001 bħala inkluż fit-tul tal-ksur. F’dan ir-rigward, ir-riferiment addizzjonali, fid-deċiżjoni kkontestata, għad-dokumenti relattivi għall-kuntatti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 huwa irrilevanti.

127    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li t-tul ikkunsidrat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa t-tul minimu ta’ ksur, peress li perijodi ta’ inqas minn sitt xhur jingħaddew bħala nofs sena u l-fattur tal-multiplikazzjoni li għandu jiġi applikat lill-ammont bażiku tal-multa huwa biss ta’ 0.5 fiż-żewġ każijiet. Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li t-tul tal-ksur ġie limitat għas-sempliċi laqgħa ta’ Milano, mingħajr ma jitqiesu l-effetti tal-ftehim milħuq fiha u tal-kuntatti li saru wara din il-laqgħa, il-fattur tat-tul għad-determinazzjoni tal-multa kien ikun l-istess.

128    Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti marbuta mad-dokumenti tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2000 u li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

a)     Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-“perijodu ta’ żmienˮ tal-ksur

129    Għal dak li jirrigwarda l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża marbut mat-tul tal-ksur, għandu jiġi nnutat li t-tul meqjus fid-deċiżjoni kkontestata, għall-perijodu mit-12 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2000, huwa iqsar minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għal-perijodu mit-30 ta’ Ġunju 1997 sal-31 ta’ Diċembru 2001. Huwa minnu li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni invokat ċerti elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ ċerti prattiki kollużivi fl-industrija tal-fluworidu tal-aluminju qabel il-laqgħa ta’ Milano tat-12 ta’ Lulju 2000, iżda hija qieset li ma kienx hemm provi deċiżivi għal dan il-perijodu preċedenti (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, fid-dawl tal-valur probatorju tal-provi disponibbli, il-Kummissjoni finalment naqqset it-tul tal-ksur billi indikat li ma kellhiex provi konvinċenti ta’ akkordju ħlief mit-12 ta’ Lulju 2000 (premessi 73 sa 76 u 144 tad-deċiżjoni kkontestata).

130    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-Kummissjoni xorta qieset b’mod provviżorju li l-akkordju kien inbeda fit-30 ta’ Ġunju 1997, id-data tal-laqgħa ta’ Sousse, u mbagħad ġie intensifikat sa mil-laqgħa tal-Greċja fid-29 ta’ Lulju 1999 (punt 216 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ) huwa irrilevanti u la seta’ affettwa l-interessi u lanqas id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti li, għal dak li jirrigwarda t-tul tal-ksur li huma akkużati bih, huma kienu finalment suġġetti, fid-deċiżjoni kkontestata, għal ilment inqas iebes (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punt 435). Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, din id-differenza fil-“perijodu ta’ żmienˮ tal-ksur ikkonstatata mill-Kummissjoni ma setgħetx tibdel in-natura tal-ksur kontinwat, kif meqjus kemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà jippreżentaw b’mod effettiv l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, inkluż fuq l-indikazzjonijiet dwar it-tul tal-ksur itwal minn dak li finalment ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni abbandunat parzjalment, b’mod ammissibbli, ilment favur ir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 115).

131    Għaldaqstant l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża marbut mat-tul tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

b)     Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża marbut mat-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ Fluorsid, kif ukoll fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

132    Għal dak li jirrigwarda l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Fluorsid marbut mat-talba tagħha għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, għandu jiġi nnutat qabelxejn li Fluorsid ma tikkontestax id-deċiżjoni kkontestata fiha nnifisha għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni li jikkonċernaha, iżda tilmenta dwar l-assenza ta’ indikazzjoni tat-talba tagħha għal tnaqqis tal-multa fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tikkostitwixxi miżura preparatorja li ma tistax tiġi kkontestata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tfakkar, f’dan ir-rigward, li kif ġie kkonstatat minn ġurisprudenza stabbilita, l-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 230 KE huma dawk il-miżuri li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Ferriere Nord, C‑516/06 P, Ġabra p. I‑10685, punt 27). Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna atti jew deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’diversi fażijiet, fil-prinċipju, jikkostitwixxu biss atti li jistgħu jiġu kkontestati, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem il-proċedura, bl-esklużjoni ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punti 9 u 10, u Il‑Kummissjoni vs Ferriere Nord, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 sa 33).

133    Sa fejn l-ilment preżenti għandu jiġi interpretat bħala intiż sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata fiha nnifisha, għandu jiġi nnutat li għalkemm miżuri ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux fihom infishom ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, l-illegalitajiet eventwali li jivvizzjawhom jistgħu jiġu invokati insostenn tar-rikors ippreżentat kontra l-att definittiv li tiegħu huma jikkostitwixxu stadju ta’ elaborazzjoni (sentenza IBM vs Il‑Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, punt 12), jiġifieri d-deċiżjoni kkontestata f’dan il-każ. Għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tevalwa jekk twettqux illegalitajiet matul il-proċedura amministrattiva u jekk dawn kinux ta’ natura li jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fi tmien il-proċedura amministrattiva (sentenza IBM vs Il‑Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, punt 24).

134    Mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jirriżulta li, fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza previst minn dan l-avviż, il-proċedura ta’ għoti lil impriża tal-immunità jew ta’ tnaqqis tal-multa jinkludi diversi fażijiet distinti. Huwa biss fl-aħħar fażi, fi tmiem il-proċedura amministrattiva, meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni finali li din tagħti jew le, f’din id-deċiżjoni, l-immunità mill-multi jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Għaldaqstant, mis-sistema jirriżulta, kif prevista mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li, qabel id-deċiżjoni finali, l-impriża li titlob l-immunità mill-multa jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa ma tiksibx immunità mill-multi jew tnaqqis tal-multa proprja iżda tibbenefika biss minn status proċedurali li jista’ jittrasforma ruħu f’immunità mill-multi jew tnaqqis tal-ammont tal-multa għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu sodisfatti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2011, Deltafina vs Il-Kummissjoni, T‑12/06, Ġabra p. II-5639, punt 118).

135    Il-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi li jekk il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni preliminarja li l-provi prodotti mill-impriża jikkostitwixxu valur miżjud, hija għandha tinforma lill-impriża bil-miktub, mhux iktar tard mid-data li fiha tkun ġiet innotifikata dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, bl-intenzjoni tagħha li tnaqqis l-ammont tal-multa. Dan ifisser ukoll li meta l-Kummissjoni ma jkollhiex l-intenzjoni li tilqa’ t-talba għal klemenza, hija ma għandha l-ebda obbligu tinforma b’dan lill-impriża kkonċernata fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-punt 27 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi, min-naħa tiegħu, li l-Kummissjoni tevalwa l-pożizzjoni finali ta’ kull impriża li tkun talbet tnaqqis tal-multa fi tmiem il-proċedura amministrattiva f’kull deċiżjoni adottata. Għaldaqstant, huwa biss fid-deċiżjoni finali tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni li din għandha tagħti deċiżjoni dwar it-talbiet ta’ klemenza li jkunu sarulha, bħalma hija għamlet f’dan il-każ.

136    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu pożizzjoni dwar it-talba għal klemenza ta’ Fluorsid fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni la kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Fluorsid u lanqas ma naqset minn dmirha li tagħti motivazzjoni f’dan ir-rigward, peress li f’dan l-istadju, hija ma kinitx obbligata tieħu pożizzjoni dwar it-talba għal klemenza ta’ Fluorsid. L-istess japplika, a fortiori, għall-assenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dwar it-talba ta’ Fluorsid għal tnaqqis tal-multa.

137    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Fluorsid marbut mat-talba tagħha għal klemenza jew mat-talba tagħha għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, għandu jiġi miċħud.

D –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa u tal-punt 18 tal-linji gwida tal-2006

1.     Osservazzjonijiet preliminari

138    Qabelxejn, għandu jiġi indikat li dan il-każ jinvolvi l-applikazzjoni tal-linji gwida tal-2006.

139    Essenzjalment, filwaqt li jindikaw li “l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq ma tistax tiġi kkontestata […] fuq il-mertuˮ, ir-rikorrenti jinvokaw nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ kontradizzjonijiet li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata, għal dak li jikkonċerna l-kwantifikazzjoni u l-portata ġeografika tal-imsemmi suq, b’mod partikolari inkwantu l-Kummissjoni eskludiet mill-evalwazzjoni tagħha liċ-Ċina u lir-Russja, minkejja li dawn il-pajjiżi kienu kkonċernati mill-ksur. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċifri pprovduti minn Fluorsid f’April 2008, minflok dawk ipprovduti minnha f’Mejju 2008, għall-finijiet tal-istima tal-valur tal-bejgħ fis-suq tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE. Għaldaqstant, il-bażi tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, iddeterminat skont il-punt 18 tal-linji gwida tal-2006 hija żbaljata.

140    Il-Kummissjoni titlob sabiex dan il-motiv jiġi miċħud.

141    Dan il-motiv essenzjalment jinqasam fi tliet partijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, evalwazzjoni żbaljata tal-firxa ġeografika tas-suq u tal-ksur, it-tieni nett, determinazzjoni żbaljata tal-valuri tas-suq u tal-bejgħ u t-tielet nett, determinazzjoni żbaljata tal-livell tal-multa.

142    F’dan ir-rigward, għandhom jitfakkru l-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi.

143    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandu jiġi impost għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur.

144    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-gravità tal-ksur tad-dritt dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241; Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punt 54; u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 91).

145    Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u l-elementi kollha ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu, bħall-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol ta’ kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-profitt li huma għamlu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I-13085, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Ġie deċiż ukoll li xi elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġir antikompetittiv, in-numru ta’ drabi u l-intensità tagħhom, il-portata tas-suq affettwat u d-deterjorazzjoni subita mill-ordni pubbliku ekonomiku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva u l-parti tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidiva (ara s-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Dan in-numru kbir ta’ elementi jeħtieġ li l-Kummissjoni twettaq eżami fid-dettall taċ-ċirkustanzi tal-ksur (sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 58).

148    Sabiex tiżgura t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha li jiffissaw il-multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni adottat linji gwida għall-kalkolu tal-multi (punt 3 tal-linji gwida tal-2006). F’dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni tindika fuq liema bażi hija ser tieħu inkunsiderazzjoni tali jew tali ċirkustanza tal-ksur u l-konsegwenzi fuq l-ammont tal-multa li jistgħu jirriżultaw minn dan (sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 59).

149    Il-linji gwida jsemmu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li sempliċement jiddeskrivu l-metodu ta’ eżami tal-ksur użat mill-Kummissjoni u l-kriterji li hija tobbliga ruħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa (ara s-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150    Fil-fatt, il-linji gwida huma strument intiż li jippreċiża, fir-rispett tad-dritt ta’ livell superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-multi mogħtija lilha mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-linji gwida ma jikkostitwixxux għalhekk il-bażi legali ta’ deċiżjoni li timponi multi, peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, iżda huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punti 209 sa 213, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 219 u 223).

151    Għaldaqstant, għalkemm il-linji gwida ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola tad-dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita mill-amministrazzjoni, li minnha hija ma tistax titbiegħed, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet, b’riskju li tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punti 209 u 210, u tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91).

152    Skont il-punt 5 tal-linji gwida tal-2006, kif applikabbli għal dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tirreferi, bħala bażi għad-determinazzjoni tal-multi, għall-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi b’relazzjoni mal-ksur. It-tul tal-ksur għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni bħala element importanti. It-teħid flimkien tal-valur tal-bejgħ b’relazzjoni mal-ksur u tat-tul tiegħu jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull waħda mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur. Skont il-punt 6 tal-linji gwida tal-2006, ir-riferiment għal dawn l-elementi jagħti indikazzjoni tajba tal-ordni tal-kobor tal-multa, iżda ma għandux jinftiehem bħala l-bażi ta’ “metodu ta’ kalkolu awtomatiku u aritmetikuˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali].

153    Skont il-punti 10 u 11 tal-linji gwida tal-2006, għall-iffissar tal-multa l-Kummissjoni għandha tiddetermina ammont bażiku għal kull impriża, li hija tista’ taġġusta.

154    Skont il-punti 12 u 13 tal-linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa huwa ffissat b’riferiment għall-valur tal-bejgħ tal-oġġetti jew servizzi, imwettaq mill-impriża, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE, normalment matul l-aħħar sena kompluta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Skont il-punt 15 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni għandha tuża l-“aħjar data disponibbliˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali].

155    Il-punt 18 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi dan li ġej:

“Meta l-firxa ġeografika ta’ ksur taqbeż it-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (pereżempju fil-każ ta’ akkordji dinjija), il-bejgħ ikkonċernat tal-impriża ġewwa ż-ŻEE jista’ ma jirriflettix b’mod xieraq il-piż ta’ kull impriża fil-ksur. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ ta’ ftehim dinjija ta’ tqassim tas-suq.

F’tali ċirkostanzi, bil-għan li jiġu riflessi fl-istess ħin id-daqs globali tal-bejgħ ikkonċernat fiż-ŻEE u l-piż relattiv ta’ kull impriża fil-ksur, il-Kummissjoni tista’ tistima l-valur totali tal-bejgħ tal-oġġetti jew servizzi b’relazzjoni mal-ksur fis-settur ġeografiku (iktar vast miż-ŻEE) ikkonċernat, tiddetermina s-sehem mill-bejgħ ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur f’dan is-suq u tapplika dan is-sehem għall-bejgħ globali ta’ dawn l-istess impriżi ġewwa ż-ŻEE. Ir-riżultat jintuża bħala valur tal-bejgħ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

156    Skont il-punt 19 tal-linji gwida tal-2006, l-ammont bażiku tal-multa huwa marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ, iddeterminat fuq il-bażi tal-grad tal-gravità tal-ksur, immultiplikat bin-numru tas-snin li dam il-ksur. Skont il-punt 20 tal-linji gwida tal-2006, l-evalwazzjoni tal-gravità issir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl ta’ kull ċirkustanza rilevanti tal-każ. Skont il-punt 21 tal-linji gwida tal-2006, bħala regola ġenerali, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni huwa ffissat fil-livell li jista’ jammonta għal 30 %.

157    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu evalwati d-diversi lmenti mqajma mir-rikorrenti.

2.     Fuq il-firxa ġeografika tal-ksur u l-allegat żball fid-definizzjoni tas-suq

158    Skont il-punt 18 tal-linji gwida tal-2006 u l-prinċipji msemmija fil-punti 142 sa 151 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddetermina s-suq tal-prodotti inkwistjoni fih innifsu, iżda sempliċement il-firxa ġeografika tal-ksur. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li, matul il-laqgħa ta’ Milano, il-membri tal-akkordju kienu miftiehma dwar il-prezzijiet, il-volumi ta’ bejgħ u t-tqassim tas-suq fl-Ewropa, fl-Amerika ta’ Fuq, fl-Amerika ta’ Isfel, fl-Awstralja u fuq swieq oħrajn, bħal dak tat-Turkija. Għaldaqstant, skont ir-regola ta’ kondotta li hija imponiet fuqha stess, il-Kummissjoni kkonstatat li l-firxa tal-ksur kienet taqbeż it-territorju taż-ŻEE u li hija kienet dinjija.

159    Ir-rikorrenti jqisu, essenzjalment, li skont il-punt 18 tal-linji gwida tal-2006, meta evalwat il-valur totali tal-bejgħ ta’ oġġetti u ta’ servizzi b’relazzjoni mal-ksur fis-settur ġeografiku kkonċernat, kien b’mod żbaljat u billi bbażat ruħha fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċifri li jikkonċernaw lir-Russja u liċ-Ċina.

160    Fil-fatt, mill-premessi 33, 51 u 136 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li minkejja li l-Kummissjoni qieset li l-akkordju kellu portata dinjija, hija eskludiet mill-firxa ġeografika tiegħu, minn naħa, liċ-Ċina minħabba li ma kinitx ikkonċernata mill-arranġamenti kollużivi u, min-naħa l-oħra, lir-Russja minħabba li “r-riferiment għar-Russja ma [kienx] jikkorrabora l-eżistenza ta’ arranġamenti li jikkonċernaw lil dan il-pajjiż.ˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

161    Għal dak li jirrigwarda lir-Russja, il-Kummissjoni indikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69 tal-premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li mill-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jirriżulta li r-Russja kienet issemmiet biss darba bil-kliem “Russja — Ebda interess għal ICF jew IQMˮ. Issa, dan l-uniku riferiment ma huwiex suffiċjenti sabiex juri li l-firxa ġeografika tal-ksur imwettaq mill-partijiet identifikati fid-deċiżjoni kkontestata kienet testendi ruħha sar-Russja. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta eskludiet lir-Russja mill-portata ġeografika tal-ksur. Din il-konklużjoni ma hijiex imminata mill-fatt li, għall-finijiet tal-istima tal-valur tas-suq dinji tal-fluworidu tal-aluminju fl-2000, kif ikkonċernat mill-akkordju, Boliden stmat dan l-ammont għal EUR 329 000 000, inkluż il-valur tas-suq Russu. Fil-fatt, l-istima tal-imsemmi valur tas-suq mill-Kummissjoni ta’ EUR 340 000 000 tieħu wkoll inkunsiderazzjoni ċ-ċifri ta’ ICF, li stmat dan il-valur għal EUR 400 852 695 (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 37 li tidher fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, is-silta mill-minuti tal-laqgħa IFPA ta’ Montréal (Kanada) tat-13 ta’ Settembru 1999 sempliċement tindika li l-inċertezzi rigward iċ-ċifri relatati mar-Russja huma ta’ tali importanza li jinvalidaw kwalunkwe raġunament ibbażat fuq iċ-ċifri globali.

162    Għal dak li jirrigwarda ċ-Ċina, huwa minnu li r-rikorrenti ġustament isostnu li fil-minuti tal-laqgħa ta’ Milano jsir riferiment għal “prezz Ċiniżˮ. Fil-fatt, il-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata tiċċita dawn il-minuti, fil-kuntest tal-preżentazzjoni tat-tqassim tal-provvista u tal-prezzijiet previsti mill-fornituri tal-fluworidu tal-aluminju fis-suq Awstraljan, bħala li jesponu li l-“[p]rezz Ċiniż fl-2001 għandu jkun [ta’] madwar USD 750-760 USD [għal kull tunnellata] fob flimkien ma’ [prezz ta’] trasport ta’ USD 10 [għal kull tunnellata]ˮ, iżda li l-livell Ewropew seta’ jkun ogħla bi “prezz ta’ kunsinna mill-Ewropa/IQM [li] għandu jkun [ta’] USD 875 [għal kull tunnellata]ˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, il-Kummissjoni spjegat fl-atti tagħha, b’mod plawżibbli u mingħajr ma ġiet kontradetta b’mod konvinċenti mir-rikorrenti fir-risposta tagħhom, li dan ir-riferiment għall-prezz Ċiniż kellu jinftiehem bħala jirrigwarda l-prezzijiet offruti mill-esportaturi Ċiniżi lill-klijenti Awstraljani u mhux il-bejgħ fih innifsu mwettaq fis-suq Ċiniż.

163    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet ġusta meta qieset li ċ-Ċina u r-Russja ma kinux jagħmlu parti miż-żoni ġeografiċi koperti mill-akkordju. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat il-firxa ġeografika tas-suq fid-deċiżjoni kkontestata skont il-punt 18 tal-linji gwida tal-2006.

164    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

3.     Fuq il-valur tas-suq u tal-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE

165    Il-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-valur tas-suq tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE huwa bbażat fuq l-istimi pprovduti mill-membri tal-akkordju b’risposta għat-talbiet ta’ informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-11 u tal-14 ta’ April 2008.

166    B’risposta għal dawn it-talbiet, Fluorsid indikat, l-ewwel nett, f’April 2008, li dan il-valur tas-suq kien ta’ EUR 73 195 200 u, sussegwentement, fis-16 ta’ Mejju 2008, li dan kien ta’ EUR 46 920 000.

167    Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li ċ-ċifri pprovduti f’Mejju 2008 kienu iktar rilevanti u li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tissostitwixxihom għal dawk ipprovduti minn Fluorsid f’April 2008, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jippreżentaw spjegazzjoni suffiċjentement iddettaljata u plawżibbli insostenn tal-argument tagħhom. Dan l-argument huwa saħansitra inqas konvinċenti peress li d-data pprovduta inizjalment minn Fluorsid, jiġifieri EUR 73 195 200, kienet ħafna eqreb għal dik ipprovduta minn IQM — jiġifieri EUR 75 000 000 — u minn ICF — EUR 82 057 530 — u li kienet biss Boliden li kienet indikat ammont ħafna iżgħar, dak ta’ EUR 53 000 000, bħala l-valur tas-suq tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE. Ir-rikorrenti la rnexxielhom jipprovdu spjegazzjoni plawżibbli għal dan l-allinjament in tempore suspecto tad-data pprovduta minn Fluorsid mad-data pprovduta minn Boliden u lanqas ma ssostanzjaw b’mod suffiċjenti l-allegazzjoni li ċ-ċifri ta’ Mejju 2008 kienu iktar affidabbli minn dawk ta’ April 2008. F’dan ir-rigward, huma sempliċement indikaw li d-differenza bejn dawn iċ-ċifri kienet spjegata minn evalwazzjoni differenti tal-konsum ta’ fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE, li ma huwiex ta’ 25 kilo għal kull tunnellata, bħalma kienu stmaw meta ddeterminaw iċ-ċifri f’April 2008, iżda ta’ 16-il kilo għal kull tunnellata, u dan inaqqas il-valur tas-suq tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE. Madankollu, din l-allegazzjoni vaga tar-rikorrenti ma hija bl-ebda mod ikkorraborata mill-provi. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma pprovawx b’mod suffiċjenti fid-dritt li ċ-ċifri ta’ Mejju 2008 kienu iktar rilevanti minn dawk ta’ April 2008. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet intitolata tibbaża l-istima tagħha fuq il-medja aritmetika taċ-ċifri pprovduti mill-membri tal-akkordju f’April 2008, li hija imbagħad qarrbet lejn numru sħiħ.

168    Għaldaqstant, fl-assenza ta’ raġuni valida li twassal sabiex tingħata fiduċja liċ-ċifri pprovduti minn Fluorsid f’Mejju 2008, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha, b’mod raġonevoli, fuq iċ-ċifri pprovduti minn Fluorsid f’April 2008 bħala l-aħjar ċifri disponibbli fis-sens tal-punt 15 tal-linji gwida tal-2006 sabiex jiġi stmat il-valur tas-suq tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE.

169    Barra minn hekk, u sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-interess tar-rikorrenti sabiex jikkontestaw in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tas-suq tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE, kif ipprovdut minnhom f’Mejju 2008, għandu jitfakkar li, skont il-punt 22 tal-linji gwida tal-2006, sabiex tiddeċiedi jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, f’każ partikolari, sabiex tiffissa l-ammont bażiku tal-multa għandux ikun fuq l-ogħla parti jew fuq l-iżgħar parti tal-iskala ta’ 0 sa 30% tal-imsemmi valur, il-Kummissjoni tieħu kont ta’ ċertu numri ta’ fatturi bħan-natura tal-ksur, il-parti akkumulata tas-suq, il-firxa ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur.

170    Għal dak li jirrigwarda l-parti akkumulata tas-suq tal-partijiet kollha kkonċernati, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qabelxejn qieset, fuq il-bażi taċ-ċifri pprovduti mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, li l-valur tal-bejgħ tad-diviżjoni “Noralfˮ ta’ Boliden fiż-ŻEE fl-2000 kien jammonta għal EUR 12 731 118 (premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata), dak tal-bejgħ ta’ Fluorsid għal EUR 2 717 735 (premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata) u dak tal-bejgħ ta’ ICF għal EUR 8 146 129 (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata). IQM ma biegħetx fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE fl-2000 (premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-valur totali tal-bejgħ akkumulat tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata li kellhom bejgħ fiż-ŻEE fl‑2000 kien jammonta għal EUR 23 594 982.

171    Sussegwentement, il-Kummissjoni stmat il-valur totali tal-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE fl-2000 għal EUR 71 600 000, permezz ta’ ċifri indikati mill-membri tal-akkordju. Minn dan hija ddeduċiet parti akkumulata tas-suq tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ta’ 33 % fis-suq taż-ŻEE (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

172    Fl-aħħar nett, meta ffissat l-ammont bażiku tal-multa abbażi tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ, il-Kummissjoni indikat li kienet qed tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parti akkumulata tas-suq tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkonstatata fiż-ŻEE fl-2000 ma kinitx taqbeż 35 % (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata).

173    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċifri ta’ April 2008 u mhux dawk ta’ Mejju 2008 kien ta’ benefiċċju għar-rikorrenti. Fil-fatt, iktar kemm ikun kbir il-valur totali tas-suq, iktar tkun żgħira l-parti tas-suq tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata fiż-ŻEE u bil-kontra. Għaldaqstant, il-valur akkumulat tal-bejgħ tal-membri tal-akkordju ta’ EUR 23 594 982 jirrappreżenta madwar 33 % tal-valur totali tal-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE fl-2000, li kien ta’ EUR 71 600 000 skont l-indikazzjonijiet ta’ Fluorsid f’April 2008. Madankollu, jekk jittieħed bħala bażi l-valur totali tal-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju fiż‑ŻEE fl-2000 ta’ EUR 46 920 000, kif indikat minn Fluorsid f’Mejju 2008, il-valur medju tas-suq ikun ta’ EUR 64 244 250 u l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ tad-destinatarji jkun ogħla, jiġifieri madwar 37 %, u dak kien ikun inqas favorevoli fil-konfront tar-rikorrenti.

174    Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, tal-valur tas-suq tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE, kif ipprovdut minnhom f’Mejju 2008, għandu jiġi miċħud.

175    Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li l-prinċipji li jirregolaw l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni, kif imsemmija fil-punt 100 iktar ’il fuq.

176    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li billi, fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tibbaża ruħha fuq iċ-ċifri li jirrappreżentaw il-valur tas-suq tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE, kif provduti, b’mod partikolari, minn Fluorsid f’April 2008, il-Kummissjoni qieset impliċitament li ċ-ċifri pprovduti tardivament minn Fluorsid f’Mejju 2008 ma kinux rilevanti. Fid-dawl tal-fatt li, għall-finijiet ta’ din l-istima tal-valur tas-suq tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE, IQM u ICF kif ukoll, inizjalment ir-rikorrenti, kienu pprovdew ċifri tal-istess ordni ta’ kobor, ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jifhmu l-approċċ meħud f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u dan ippermettielhom li jikkontestawha quddiem il-qrati u quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tistħarreġ il-legalità fil-mertu ta’ din id-deċiżjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, għalkemm skont l-Artikolu 253 KE, il-Kummissjoni hija obbligata ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet legali li wassluha tieħu din id-deċiżjoni, din id-dispożizzjoni ma teżiġix li hija tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew trattati matul il-proċedura amministrattiva (sentenzi VBVB u VBBB vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 22; Belasco et vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 55; Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 127, u Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 233). Dan ikun iktar il-każ meta, bħal f’dan il-każ, il-parti kkonċernata tipproduċi tali provi tardivament, jew anki in tempore suscpecto, u meta dawn il-provi jikkontradixxu dawk ipprovduti minnha inizjalment.

177    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

4.     Fuq id-determinazzjoni tal-multa

178    Sa fejn ir-rikorrenti jikkontestaw, b’mod ġenerali, il-legalità tad-determinazzjoni tal-livell tal-multa min-naħa tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ akkordju, li fih ipparteċipaw ir-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovat, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-akkordju li sar matul il-laqgħa ta’ Milano kien tkompla matul it-tieni parti tas-sena 2000 u li, għaldaqstant, l-akkordju ġie effettivament implementat mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, inklużi r-rikorrenti (ara l-punti 79 sa 101 iktar ’il fuq, u l-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata).

179    Għandu jiġi rrilevat, sussegwentement, li skont il-punt 23 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni kienet intitolata tqis li, f’dan il-każ, kien hemm ksur li kien jikkonsisti, b’mod partikolari, f’akkordju orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet li, min-natura tiegħu stess, jinsab fost ir-restrizzjonijiet l-iktar gravi tal-kompetizzjoni (premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata).

180    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta applikat il-punt 25 tal-linji gwida tal-2006 li jipprovdi li, “indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ […], sabiex tiskoraġġa lill-impriżi milli propju jipparteċipaw [b’mod partikolari] fil-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet [u] ta’ tqassim tas-suqˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari ta’ fatturi bħan-natura tal-ksur, il-parti akkumulata tas-suq tal-parteċipanti kollha, il-firxa ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur, kif previst fil-punt 22 tal-linji gwida tal-2006.

181    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-parti akkumulata tas-suq tal-membri tal-akkordju fiż-ŻEE ma kinitx taqbeż 35 % fl-2000 (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata, b’riferiment għall-premessa 33 tagħha) u li l-firxa ġeografika tal-ksur kienet dinjija (premessa 238 tad-deċiżjoni kkontestata, b’riferiment għall-punt 136 tagħha). Barra minn hekk il-Kummissjoni indikat li ħadet inkunsiderazzjoni parti tas-suq ta’ inqas minn 35 % sabiex tiffissa għal 17 % il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti li kellu jservi sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multi li kellhom jiġu imposti (premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, fl-assenza ta’ kontestazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża min-naħa tar-rikorrenti tal-approċċ meħud fid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta użat dawn l-elementi sabiex tiddetermina l-livell tal-multa.

182    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq kalkolu żbaljat tal-livell tal-multa għandu jiġi miċħud.

183    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

184    Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma. Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna t-talba, ippreżentata sussidjarjament, sabiex l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti jinbidel, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, li hija tilqa’ din it-talba.

185    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

186    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Fluorsid SpA u Minmet financing Co. huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Azizi

Labucka

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ġunju 2013.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Il-fatti

II –  Id-deċiżjoni kkontestata

A –  Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata

B –  Il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq is-settur tal-fluworidu tal-aluminju

2.  Fuq il-laqgħa ta’ Milano u fuq l-implementazzjoni tal-akkordju

3.  Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE

4.  Fuq it-tul tal-ksur

5.  Fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

6.  Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

Il-Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà

A –  Osservazzjoni preliminari

B –  Fuq il-portata tar-rikors

C –  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ Minmet

II –  Fuq il-mertu

A –  Sunt tal-motivi għal annullament

B –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81 KE

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Tfakkira tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

3.  Fuq il-prova tal-ksur

C –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża marbut mad-dokumenti li jikkonċernaw il-kuntatti li saru wara l-laqgħa ta’ Milano

a)  Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-“perijodu ta’ żmienˮ tal-ksur

b)  Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża marbut mat-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ Fluorsid, kif ukoll fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni

D –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa u tal-punt 18 tal-linji gwida tal-2006

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq il-firxa ġeografika tal-ksur u l-allegat żball fid-definizzjoni tas-suq

3.  Fuq il-valur tas-suq u tal-bejgħ tal-fluworidu tal-aluminju fiż-ŻEE

4.  Fuq id-determinazzjoni tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.