Language of document : ECLI:EU:T:2013:322

Kawża T-406/08

Industries chimiques du fluor (ICF)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq dinji tal-fluworidu tal-aluminju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Prova tal-ksur — Drittijiet tad-difiża — Konkordanza bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata — Multi — Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-multi — Ftehim Ewro-Mediterran”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2013

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Firma miktuba bl-id ta’ avukat — Regola sostanzjali ta’ applikazzjoni stretta — Rikors oriġinali li jkollu firma mhux miktuba bl-id flimkien ma’ ittra li tinkludi firma miktuba bl-id tal-istess rappreżentant — Assenza ta’ dubju dwar l-identità tal-awtur tar-rikors — Ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 43(1) u (6))

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ sensiela ta’ indizji — Grad ta’ saħħa probatorja neċessarja

(Artikolu 81 KE)

3.      Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti — Neċessità li tiġi eżaminata l-eżistenza in concreto ta’ kriterji li jirregolaw il-kunċett ta’ prattika miftiehma — Assenza

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Akkordji — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Kunċett — Responsabbiltà personali tal-impriżi koawturi tal-ksur kollu kemm hu — Kundizzjonijiet — Oneru tal-prova — Għan uniku — Kunċett

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Deċiżjoni mhux identika għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Tnaqqis tan-numru ta’ parteċipanti għall-ksur u tat-tul tiegħu — Assenza ta’ lmenti supplimentari li jippreġudikaw l-interessi tal-impriża kkonċernata — Rinunzja parzjali u ammissibbli ta’ lment — Possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet fuq l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dritt ta’ aċċess għall-fajl — Ksur — Rifjut ta’ aċċess għal dokumenti li jistgħu jkunu utli għad-difiża tal-impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità u tul tal-ksur — Assenza ta’ lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji

(Artikolu 81(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Natura ġuridika — Regola ta’ kondotta indikattiva li timplika awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

10.    Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Assenza — Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Ammont bażiku tal-multa — Kalkolu skont il-valur tal-bejgħ tal-impriżi li jipparteċipaw fil-ksur fis-settur ġeografiku kkonċernat — Ftehimiet dinjija ta’ tqassim tas-suq — Teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ aggregat tal-impriżi kkonċernati fis-suq dinji u tal-aħjar data disponibbli

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 12, 13, 15 u 18)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni- Kriterji — Linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Ammont bażiku tal-multa — Kalkolu skont il-valur tal-bejgħ mingħajr tnaqqis ta’ spejjeż ta’ trasport u ta’ kummissjonijiet

(Artikolu 81(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 15, 16 u 18)

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Obbligu għall-Kummissjoni li żżomm mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha — Assenza

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 98/C 9/03 u 2006/C 210/02)

14.    Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Kamp ta’ applikazzjoni territorjali — Akkordju bejn impriżi stabbiliti barra mill-Unjoni iżda li jipproduċi l-effetti tiegħu fis-suq intern — Applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni — Ammissibbiltà fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku

(Artikolu 81 KE; Ftehim Ewro-Mediterran bejn l-Unjoni u t-Tuneżija, Artikolu 36)

1.      Ir-rekwiżit ta’ firma miktuba bl-id fis-sens tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali huwa intiż li jiggarantixxi, bil-għan ta’ ċertezza legali, l-awtentiċità tar-rikors u jeskludi r-riskju li, fil-verità, dan ma jkunx ix-xogħol tal-awtur li jkun ġie inkarigat għal dan il-għan. Għaldaqstant, dan ir-rekwiżit għandu jitqies li huwa regola sostanzjali tal-proċedura u għandu jiġi applikat strettament, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors. Madankollu, azzjoni għandha tiġi ddikjarata bħala ammissibbli meta rikors, li ma jkollux firma oriġinali tal-avukat rappreżentant, huwa mehmuż ma’ ittra inkluża li tinkludi firma miktuba bl-id oriġinali tal-istess avukat rappreżentant, li tikkorrispondi wkoll mal-firma li tinsab fl-ittra inkluża mat-trażmissjoni permezz ta’ faks. F’ċirkustanzi bħal dawn, ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-identità tal-awtur tar-rikors li kien ġie ppreżentat bħala oriġinali. Minbarra dan, ittra jew formula ta’ trażmissjoni, iffirmata mir-rappreżentant tar-rikorrenti, u nota, mhux iffirmata, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu att ta’ proċedura uniku debitament iffirmat meta huma jagħmlu parti mill-istess spedizzjoni postali.

(ara l-punti 52, 55)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 66-69)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 88-91)

4.      Il-kunċett ta’ ksur uniku jirreferi għal sitwazzjoni li fiha diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li kien jikkonsisti f’aġir kontinwu li jsegwi għan ekonomiku uniku intiż sabiex joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jew inkella ċirkustanzi ta’ ksur individwali marbuta flimkien mill-istess għan u l-istess suġġetti. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom ksur tal-Artikolu 81 KE. Minbarra dan, il-kunċett ta’ ksur uniku jista’ jkun relatat mal-kwalifika legali ta’ aġir antikompetittiv li jikkonsisti f’diversi ftehim, fi prattiki miftiehma u f’deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

Meta d-diversi azzjonijiet jiffurmaw parti minn “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni għandha d-dritt li timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu. Il-manifestazzjonijiet differenti tal-aġir li jikkostitwixxi ksur għandhom jidhru minn kuntest globali li jispjega r-raġuni tal-eżistenza tagħhom. F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-provi, il-valur probatorju tal-punti ta’ fatt differenti huwa miżjud jew ikkorroborat mill-punti ta’ fatt eżistenti oħra li, flimkien, jagħtu immaġni loġika u kompleta ta’ ksur uniku.

Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat bir-riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal‑kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur. Għaldaqstant, sabiex aġir differenti jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu, hemm lok li jiġi vverifikat jekk dan l-aġir differenti għandux rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull element ta’ dan l-aġir huwa intiż sabiex jittratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxi, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan ġenerali li jipprevedi għan uniku.

(ara l-punti 101-104)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 117)

6.      L-indikazzjoni tal-elementi essenzjali li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ ssir b’mod sommarju u d-deċiżjoni finali ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu fiha huma ta’ natura purament provviżorja. Konsegwentement, sakemm tiġi adottata deċiżjoni finali, il-Kummissjoni tista’ fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tal-partijiet, jew tirrinunzja għal ċerti oġġezzjonijiet jew anki għall-oġġezzjonijiet kollha li tkun oriġinarjament ifformulat kontra tagħhom u tbiddel, għaldaqstant, il-pożizzjoni tagħha favurihom, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, tiddeċiedi li żżid oġġezzjonijiet ġodda, sakemm tagħti lill-impriżi kkonċernati l-possibbiltà li jsostnu l-perspettiva tagħhom rigward dan is-suġġett.

Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, meta fid-deċiżjoni finali, it-tul tal-ksur jitnaqqas meta pparagunat ma’ dak li kien ġie stabbilit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, skont il-valur probatorju mogħti għall-provi disponibbli, din ir-restrizzjoni ma tikkostitwixxix ilment supplimentari u bl-ebda mod ma tippreġudika l-interessi tal-impriża destinatarja ta’ din id-deċiżjoni. Bil-kontra, tali tnaqqis huwa favur tagħha. Dan iwassal, fil-fatt, għal rinunzja parzjali u ammissibbli ta’ lment mill-Kummissjoni favur din l-impriża. Minbarra dan, ladarba l-impriża kellha l-okkażjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, inkluż fuq l-indikazzjonijiet dwar it-tul tal-ksur, id-drittijiet tad-difiża tagħha ma jistgħux jitqiesu li huma miksura.

(ara l-punti 118, 123-125)

7.      Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mmexxija minnha tkun setgħet wasslet għal riżultat differenti. Impriża rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur kien seħħ meta hija turi b’mod suffiċjenti, mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kellha kontenut differenti, iżda li hija setgħet tiżgura b’mod aħjar id-difiża tagħha fl-assenza ta’ irregolarità proċedurali, pereżempju minħabba l-fatt li, għad-difiża tagħha, hija setgħet tuża dokumenti li l-aċċess tagħha għalihom kien ġie rrifjutat matul il-proċedura amministrattiva.

Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, huwa suffiċjenti li l-impriża turi li setgħet tuża dan id-dokument għad-difiża tagħha. Din l-impriża ma hijiex obbligata tistabbilixxi li din l-irregolarità influwenzat, għad-detriment tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, iżda unikament li din setgħet tinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Fil-każ li d-dokumenti ma jiġux żvelati, l-impriża kkonċernata ma għandhiex għalhekk tipproduċi l-prova li l-proċedura amministrattiva kienet twassal għal riżultat differenti fil-każ li d-dokumenti ġew żvelati, iżda huwa suffiċjenti li hija turi possibbiltà, anki żgħira, li d-dokumenti li ma ġewx żvelati waqt il-proċedura amministrattiva setgħu kienu utli għad-difiża tagħha.

Ladarba, f’każ speċifiku, ir-rikorrenti, fl-ewwel lok, kellha aċċess għal dokumenti relattivi għall-kuntatti mingħajr ma ddeduċiet l-iċken prova li tiskaġunaha sew fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u sew fil-mori tal-kawża, li, barra minn hekk, fit-tieni lok, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, hija rrinunzjat li tieħu pożizzjoni fuq kuntatti li saru wara, u, fit-tielet lok, li bl-istess mod, fil-mori tal-kawża, hija la spjegat u lanqas ma ssostanzjat kif il-fatt li l-imsemmija dokumenti ma ssemmewx espliċitament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, seta’ jippreġudika l-effettività tad-difiża tagħha matul il-proċedura amministrattiva u kif hija setgħet tiddefendi ruħha b’mod iktar effettiv kieku kienet ġiet informata espliċitament bil-fatt li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tuża dawn id-dokumenti bħala provi inkriminanti, din ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi li l-fatt li ma kinitx informata, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża d-dokumenti inkwistjoni bħala provi inkriminanti kien tali li jaffettwa l-effettività tad-difiża tagħha u, konsegwentement, ir-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha.

(ara l-punti 119, 120, 137, 141)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 148-152)

9.      Il-linji gwida adottati mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jsemmu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dawn sempliċement jiddeskrivu l-metodu ta’ eżami tal-ksur użat mill-Kummissjoni u l-kriterji li hija tobbliga ruħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa. Fil-fatt, il-linji gwida huma strument intiż li jippreċiża, fir-rispett tad-dritt ta’ livell superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-multi mogħtija lilha mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi legali ta’ deċiżjoni li timponi multi, peress li din tal-aħħar hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, iżda huma jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi. Għaldaqstant, għalkemm dawn il-linji gwida ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjoni legali, huma, madankollu, jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita mill-amministrazzjoni, li minnha hija ma tistax titbiegħed, fil-każ partikolari, mingħajr ma tippreżenta ġustifikazzjonijiet, b’riskju li tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punti 153-156)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 163-165, 218, 219)

11.    F’każ ta’ impożizzjoni ta’ multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, meta l-portata ġeografika ta’ ksur taqbeż it-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), il-Kummissjoni tista’, skont il-punt 18 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, bl-għan li tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, tistima l-valur totali tal-bejgħ b’relazzjoni mal-ksur fis-settur ġeografiku kkonċernat, iktar vast miż-ŻEE, u tiddetermina s-sehem mill-bejgħ ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur f’dan is-suq u tapplika dan is-sehem għall-bejgħ aggregat ta’ dawn l-istess impriżi ġewwa ż-ŻEE. F’dan ir-rigward, mill-istruttura u mit-test tal-punt 18 tal-linji gwida jirriżulta li l-espressjoni “il-valur totali tal-bejgħ tal-beni jew servizzi f’relazzjoni mal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] għandha tinftiehem bħala li tindika l-valur totali ta’ bejgħ tal-impriżi li jipparteċipaw fil-ksur u mhux il-valur totali tal-bejgħ tal-impriżi kollha attivi fis-suq fejn l-impriżi wettqu l-ksur. Fil-fatt, il-bejgħ tal-impriżi li ma jipparteċipawx fil-ksur ma huwiex bejgħ “f’relazzjoni mal-ksur”. Din l-interpretazzjoni tat-test tingħaqad ukoll mal-istruttura ta’ dan il-punt 18, li huwa intiż li jirrifletti kemm id-dimensjoni aggregata tal-bejgħ ikkonċernat kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża fil-ksur. Dan l-aħħar għan jimplika li jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-valur ta’ bejgħ tal-impriżi li jipparteċipaw fil-ksur.

(ara l-punti 171, 172, 182-184)

12.    Fid-dawl tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, huwa d-dħul mill-bejgħ li jirrifletti b’mod komplet ir-realtà tal-ammont tat-tranżazzjoni li huwa interessanti għad-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ. Għalhekk, huwa d-dħul mill-bejgħ hekk kif jirriżulta mill-kontabbiltà tal-impriża li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, il-valur tal-bejgħ jirrifletti l-prezz hekk kif huwa ffatturat lill-klijent, mingħajr tnaqqis għall-ispejjeż ta’ trasport jew spejjeż oħra. Fil-fatt, peress li produttur jikkunsinna għad-destinazzjoni, fuq it-talba tal-klijent, il-kwantitajiet mibjugħa, is-servizz ta’ trasport jagħmel parti sħiħa mill-bejgħ tal-prodott. Il-prezz mitlub għal tali servizz, anki fejn jikkorrispondi mar-rimbors tas-somom dovuti mill-bejjiegħ lit-trasportatur indipendenti li għalih sar użu għal dan is-servizz, huwa għalhekk komponent tal-prezz globali ta’ bejgħ.

(ara l-punti 175, 176)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 189-191)

14.    Id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huwa applikabbli għal akkordju li jipproduċi l-effetti tiegħu fit-territorju tas-suq intern, indipendentement mill-fatt li waħda mill-impriżi li tipparteċipa fi ftehim tinsab f’pajjiż terz.

Fir-rigward tal-Ftehim Ewro-Mediterran, indipendentement min-natura legali tiegħu u tal-effett tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, dan ma jipprevalix fuq id-dritt tal-Unjoni applikabbli, b’mod partikolari fuq l-Artikolu 81 KE, u ma jeskludix l-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Meta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma tikkonċernax prattika li taffettwa speċifikament il-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u Stat kontraenti ta’ dan il-ftehim iżda prattika b’dimensjoni dinjija li taffettwa s-suq Ewropew, hija ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterran bejn l-Unjoni u dan l-Istat kontraenti u iktar u iktar ma tmurx kontra dan il-ftehim. Il-Kummissjoni, f’tali deċiżjoni, teżerċita l-kompetenza tagħha u tapplika l-Artikolu 81 KE li jikkonċerna l-effetti fuq il-kompetizzjoni ġewwa ż-Żona Ekonomika Ewropea. Għalhekk ma hemm ebda raġuni sabiex jiġi applikat il-Ftehim Ewro-Mediterran u l-mekkaniżmi tiegħu.

(ara l-punti 210, 212, 213, 216)