Language of document : ECLI:EU:T:2013:321

Kawża T‑404/08

Fluorsid SpA

u

Minmet financing Co.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq dinji tal-fluworidu tal-aluminju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Rikors għal annullament — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Tardività — Inammissibbiltà — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq — Prova tal-ksur — Drittijiet tad-difiża — Definizzjoni tas-suq inkwistjoni — Multi — Gravità tal-ksur — Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-multi”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2013

1.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li timponi multa — Impriża miżmuma responsabbli in solidum ma’ entitajiet oħra — Ammissibbiltà — Preżentata tal-uniku u l-istess rikors minn żewġ rikorrenti — Ammissibbiltà tar-rikors ta’ wieħed mir-rikorrenti — Neċessità li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tat-tieni rikorrent — Assenza

(Artikolu 81 KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Rikors għal annullament — Termini — Natura ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni — Rikors tardiv — Dekadenza — Intervent, wara l-iskadenza tat-terminu, ta’ talba għal regolarizzazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali — Assenza ta’ effett

(Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 101 (1)(a) u 102(2))

3.      Rikors għal annullament — Termini — Deċiżjonijiet differenti indirizzati lil persuni ġuridiċi distinti li jifformaw unità ekonomika — Kalkolu separat tat-terminu għal kull deċiżjoni

(Artikolu 81(1) KE u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

4.      Rikors għal annullament — Suġġett — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq minn diversi destinatarji — Elementi, li jikkonċernaw destinatarji oħra minbarra r-rikorrent, mhux ikkontestati jew ikkontestati wara l-iskadenza tat-terminu — Esklużjoni

5.      Proċedura ġudizzjarja — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Dekadenza — Derogi — Każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri — Kunċett

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45)

6.      Proċedura ġudizzjarja — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Dekadenza — Derogi — Żball skużabbli — Kunċett

7.      Akkordji — Prova — Grad ta’ preċiżjoni mitlub mill-provi meqjusa mill-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE)

8.      Akkordji — Ksur kumpless li jinkludi elementi ta’ ftehim u elementi ta’ prattika miftiehma — Klassifikazzjoni unika bħala “ftehim u/jew prattika miftiehma” — Ammissibbiltà

(Artikolu 81(1) KE)

9.      Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Natura suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur

(Artikolu 81(1) KE)

10.    Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni

(Artikoli 81 KE u 253 KE)

11.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Portata

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

12.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dritt ta’ aċċess għall-fajl — Ksur — Rifjut ta’ aċċess għal dokumenti li jistgħu jkunu utli għad-difiża tal-impriża

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003)

13.    Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Atti preparatorji ta’ atti ta’ sempliċi implementazzjoni — Esklużjoni

(Artikolu 230 KE)

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Obbligu li tittieħed pożizzjoni dwar talba għal klemenza fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Assenza

(Artikolu 8 (1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 26 u 27)

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità u tul tal-ksur — Elementi ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3))

16.    Kompetizzjoni — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Natura ġuridika — Regola ta’ kondotta indikattiva li tinvolvi autolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2006/C 210/02)

1.      Impriża destinatarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE għandha interess ġuridiku kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuq impriża oħra, li l-ewwel impriża inżammet responsabbli in solidum għaliha kemm f’din id-deċiżjoni kif ukoll f’dik li ġiet innotifikata lilha individwalment. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li d-deċiżjoni indirizzata lit-tieni impriża tikkostitwixxi l-bażi legali primarja għal din ir-responsabbiltà in solidum tal-ewwel impriża, li hija marbuta b’mod indissoċjabbli ma’ dik tat-tieni impriża u għall-multa imposta fuq din tal-aħħar.

Fi kwalunkwe każ, jekk jiġi ppreżentat l-uniku u l-istess rikors minn dawn l-impriżi kontra tali deċiżjonijiet, il-qorti tal-Unjoni tista’ tirrinunzja li teżamina l-locus standi ta’ kwalunkwe wieħed mir-rikorrenti.

(ara l-punti 48, 49)

2.      It-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn li jiddekorru min-notifika tal-att ikkonċernat, fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, huwa kwistjoni ta’ ordni pubbliku u ġie stabbilit sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Għaldaqstant, il-qorti hija obbligata tivverifika, ex officio, jekk ġiex osservat. Fil-fatt, dan it-terminu huwa fiss, assolut u ma jistax jittawwal.

F’dan ir-rigward, la talba tal-Qorti Ġenerali għal regolarizzazzjoni tar-rikors u lanqas l-aċċettazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali ta’ din ir-regolarizzazzjoni ma jistgħu jaffettwaw l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Fil-fatt, l-ammissibbiltà ta’ rikors għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument meta r-rikors ikun ġie ppreżentat b’tali mod li jekk, f’dan il-mument, il-kundizzjonijiet għall-preżentata ta’ rikors ma humiex sodisfatti, dan huwa inammissibbli. Regolarizzazzjoni ma hijiex possibbli ħlief meta hija sseħħ matul it-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punti 51, 53)

3.      Meta żewġ deċiżjonijiet differenti li jikkonstataw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li jimponu multi huma indirizzati lil żewġ persuni ġuridiċi distinti u innotifikati f’dati differenti, il-preżentata ta’ rikors konġunt mill-impriżi, bħala unità ekonomika, kontra dawn id-deċiżjonijiet mingħajr distinzjoni tad-deċiżjonijiet individwali ma tistax tirriżulta f’li waħda minn dawn l-impriżi tibbenefika mill-istess terminu għall-preżentata ta’ rikors bħall-oħra. Fil-fatt, dawn huma żewġ deċiżjonijiet differenti li għalihom it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għandu jiġi kkalkolat separatament.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-kunċett ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Meta entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, dan il-ksur għandu inekwivokament jiġi imputat lil persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, a fortiori, id-deċiżjoni finali għandha tkun indirizzata lil din il-persuna tal-aħħar filwaqt li tindika f’liema kwalità din il-persuna ġuridika tkun qiegħda tiġi akkużata bil-fatti allegati.

(ara l-punti 56, 57, 59)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 58)

5.      Jista’ jkun hemm deroga mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet dwar it-termini tal-proċedura biss fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, ta’ każijiet fortuwiti jew ta’ forza maġġuri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Il-kunċetti ta’ forza maġġuri u ta’ każ fortuwitu jinvolvu element oġġettiv, li jirrigwarda ċirkustanzi mhux normali u estranji għall-operatur, u element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, tal-persuna kkonċernata, li tħares lilha nnifisha mill-konsegwenzi tal-avveniment mhux normali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma jkollha tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, l-operatur għandu juri diliġenza sabiex josserva t-termini previsti. Konsegwentement, dawn għandhom ikunu diffikultajiet mhux normali, indipendenti mir-rieda tar-rikorrent u li jidhru inevitabbli minkejja d-diliġenza kollha.

(ara l-punt 60)

6.      Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-osservanza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors għal annullament, il-kunċett ta’ żball skużabbli jirrigwarda biss ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, partikolarment l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat aġir tali li, waħdu jew sa punt determinanti, ikun ikkawża konfużjoni ammissibbli fil-ħsieb tal-individwu li jkollu bona fide u li jkun wera d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna b’livell normali ta’ prudenza, pereżempju, meta r-rikorrent ikun ikkonfrontat b’diffikultà ta’ interpretazzjoni partikolari għall-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti jew tat-tul tat-terminu.

(ara l-punt 61)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 72-74)

8.      Fil-kuntest ta’ ksur antikompetittiv kumpless tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni ma tistax tkun mistennija tikklassifika l-ksur b’mod preċiż bħala ftehim jew prattika miftiehma, peress li ż-żewġ forom ta’ ksur huma koperti mill-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni doppja tal-ksur bħala ftehim “u/jew” bħala prattika miftiehma għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal unità waħda kumplessa li tinkludi fatti li wħud minnhom ikunu ġew ikklassifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li ma jipprevedix klassifikazzjonijiet speċifiċi għal dan it-tip ta’ ksur kumpless.

(ara l-punti 75, 97)

9.      L-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi, iżda alternattivi sabiex ikun evalwat jekk tali ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE. Issa, in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat fl-ewwel lok l-għan stess tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li għandu jiġi applikat fih. Madankollu ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ ftehim meta l-għan antikompetittiv ta’ dan tal-aħħar jiġi stabbilit.

(ara l-punt 96)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 100, 101)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 107-109)

12.    Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva għall-applikazzjoni ta’ regoli tal-kompetizzjoni, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti l-possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mmexxija minnha tkun setgħet wasslet għal riżultat differenti. Impriża rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur kien seħħ, meta hija turi b’mod suffiċjenti mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni seta’ kellha kontenut differenti, iżda li hija setgħet tiżgura b’mod aħjar id-difiża tagħha fl-assenza ta’ irregolarità proċedurali, pereżempju minħabba l-fatt li, għad-difiża tagħha, hija setgħet użat dokumenti li l-aċċess tagħha għalihom ġie rrifjutat matul il-proċedura amministrattiva.

Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari, id-dritt għal aċċess għall-fajl, huwa suffiċjenti li l-impriża turi li setgħet tuża dan id-dokument għad-difiża tagħha. Din l-impriża ma hijiex obbligata tistabbilixxi li din l-irregolarità influwenzat, għad-detriment tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, iżda li hija setgħet tinfluwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, fil-każ li d-dokumenti ma jiġux żvelati, l-impriża kkonċernata ma għandhiex tipproduċi l-prova li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti fil-każ li d-dokumenti ġew żvelati, iżda huwa suffiċjenti li turi possibbiltà, anki żgħira, li d-dokumenti li ma ġewx żvelati waqt il-proċedura amministrattiva setgħu kienu utli għad-difiża tagħha.

Peress li, f’każ partikolari, ir-rikorrenti kellhom, fl-ewwel lok, aċċess għal dokumenti dwar kuntratti flimkien mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mingħajr ma ddeduċew l-iċken prova li tiskaġunahom, sew fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u sew fil-mori tal-kawża, li, barra minn hekk, fit-tieni lok, fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, huma rrinunzjaw li jieħdu pożizzjoni fuq il-kuntatti li saru war, u, fit-tielet lok, bl-istess mod, fil-mori tal-kawża, huma la spjegaw u lanqas ma ssostanzjaw kif il-fatt li l-imsemmija dokumenti ma ssemmewx espliċitament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, seta’ jippreġudika l-effettività tad-difiża tagħhom matul il-proċedura amministrattiva u kif huma setgħu jiddefendu ruħhom b’mod iktar effettiv kieku kienu informati espliċitament bil-fatt li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tuża dawn id-dokumenti bħala provi inkriminanti, dawn ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jistabbilixxu li l-fatt li ma kinux informati, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża d-dokumenti inkwistjoni bħala provi inkriminanti kien tali li affettwa l-effettività tad-difiża tagħhom u, konsegwentement, ir-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni.

(ara l-punti 110, 111, 125)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 132)

14.    Mill-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell jirriżulta li, fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza previst minn dan l-avviż, il-proċedura ta’ għoti lil impriża tal-immunità jew ta’ tnaqqis tal-multa jinkludi diversi fażijiet distinti. Huwa biss fl-aħħar fażi, fi tmiem il-proċedura amministrattiva, meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni finali li din tagħti jew le, f’din id-deċiżjoni, l-immunità mill-multi jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Għaldaqstant, mis-sistema jirriżulta, kif prevista mill-avviż li, qabel id-deċiżjoni finali, l-impriża li titlob l-immunità mill-multa jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa ma tiksibx immunità mill-multi jew tnaqqis tal-multa proprja iżda tibbenefika biss minn status proċedurali li jista’ jittrasforma ruħu f’immunità mill-multi jew tnaqqis tal-ammont tal-multa għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu sodisfatti.

Il-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni jipprovdi li jekk il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni preliminarja li l-provi prodotti mill-impriża jikkostitwixxu valur miżjud, hija għandha tinforma lill-impriża bil-miktub, mhux iktar tard mid-data li fiha tkun ġiet innotifikata dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, bl-intenzjoni tagħha li tnaqqas l-ammont tal-multa. Dan ifisser ukoll li meta l-Kummissjoni ma jkollhiex l-intenzjoni li tilqa’ t-talba għal klemenza, hija ma għandha l-ebda obbligu tinforma b’dan lill-impriża kkonċernata fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-punt 27 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni jipprovdi, min-naħa tiegħu, li l-Kummissjoni tevalwa l-pożizzjoni finali ta’ kull impriża li tkun talbet tnaqqis tal-multa fi tmiem il-proċedura amministrattiva f’kull deċiżjoni adottata. Għaldaqstant, huwa biss fid-deċiżjoni finali tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni li din għandha tagħti deċiżjoni dwar it-talbiet ta’ klemenza li jkunu sarulha.

(ara l-punti 134, 135)

15.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 144-147)

16.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 149-151)