Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Settembru 2008 - SPAR Österreichische Warenhandel vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-405/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: SPAR Österreichische Warenhandels-AG (rappreżentanti: A.-H. Bischke, S. Brack u D. Bräunlich, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-23 ta' Ġunju 2008,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ġunju 2008 fil-Każ COMP/M.5047 - REWE/ADEG, li permezz tagħha l-Kummissjoni awtorizzat l-akkwist esklużiv ta' ADEG Österreichisch Handelsaktiengesellschaft minn Billa AG, kumpannija li hija parti mill-grupp Ġermaniż REWE. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex tawtorizza l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet 1, peress li l-impenji proposti ma kinux suffiċjenti sabiex ineħħu d-dubji li jeżistu, fil-fehma tagħha, mil-lat tal-kompetizzjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet peress li l-Kummissjoni żbaljatament ma bdietx il-proċeduri ta' eżaminazzjoni prinċipali (Fażi II), u minflok, awtorizzat l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni bejn REWE u ADEG taħt ċerti kundizzjonijiet fil-Fażi I. Il-Kummissjoni ma eżaminatx suffiċjentement l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-operazzjoni ta' konċentrazzjoni u għaldaqstant, interpretat b'mod żbaljat l-oġġezzjonijiet konsiderevoli fir-rigward tal-kompetizzjoni kontra l-operazzjoni ta' konċentrazzjoni. B'mod partikolari, il-ksur huwa bbażat fuq l-iżbalji manifesti fl-evalwazzjoni li ġejjin.

-    Il-Kummissjoni interpretat b'mod żbaljat l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-operazzjoni fis-suq tal-konsum fl-Awstrija kollha, peress li hija assumiet, b'mod żbaljat, li kien għad fadal bosta kompetituri u peress li stmat bħala inqas milli fil-fatt hu l-potenzjal ta' kompetizzjoni ta' ADEG.

-    Hija identifikat u evalwat b'mod żbaljat l-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq kemm fuq il-livell reġjonali fuq ukoll fuq dak lokali.

-    L-impenji aċċettati mill-Kummissjoni mhumiex suffiċjenti sabiex ineħħu d-dubji mil-lat tal-kompetizzjoni, peress li hija wettqet l-evalwazzjoni tagħha fuq bażi żbaljata.

-    Il-Kummissjoni identifikat kif ukoll evalwat b'mod żbaljat l-effetti fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-impjieg.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kisret ir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali waqt il-proċedura ta' eżaminazzjoni. Hija kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti u tal-Istati Membri, peress li hija ma wettqitx test tas-suq fuq l-aħħar offerta ta' impenn mill-partijiet u lanqas ma għaddietha lill-Istati Membri. Barra minn hekk, hija ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta' Jannar 2004, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (Ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) ĠU L 24, p. 1.