Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Settembru 2008 - Säveltäjäin Tekijänoikeustoimisto Teosto vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-401/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż

Partijiet

Rikorrenti: Säveltäjäin Tekijänoikeustoimisto Teosto ry (Ħelsinki, il-Finlandja) (rappreżentant: H. Pokela, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C (2008) 3435 finali, tas-16 ta' Lulju 2008, fil-Każ COMP/C2/38.698 - CISAC; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż sostnuti minn Teosto.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3435 finali, tas-16 ta' Lulju 2008 (Każ COMP/C2/38.698 - CISAC), li tgħid li billi użaw, fil-ftehim reċiproku tagħhom, ir-restrizzjonijiet ta' sħubija inklużi fil-kuntratt mudell tal-International Confederation of Societies of Authors and Composers (Konfederazzjoni Internazzjonali ta' Soċjetajiet għall-Amministrazzjoni Kollettiva ta' Awturi u Kompożituri; iktar 'il quddiem il-"kuntratt mudell CISAC"), jew permezz ta' applikazzjoni de facto ta' dawn ir-restrizzjonijiet, is-soċjetajiet imsemmija fid-deċiżjoni kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tat-Trattat ŻEE.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha suffiċjentement. Fid-deċiżjoni tagħha hija ma eżaminatx il-kundizzjonijiet u l-karatteristiċi partikolari tad-diversi soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, li huma differenti minn xulxin. Il-Kummissjoni żbaljatament ikkunsidrat motivi ta' restrizzjonijiet ta' kompetizzjoni bħala kawżi ta' sitwazzjoni li hija r-riżultat ta' żvilupp naturali tas-suq. Teosto wriet lill-Kummissjoni n-natura partikolari tal-ambjent tas-settur tagħha u l-karatteristiċi partikolari tas-suq Finlandiż tal-mużika. Madankollu, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma rreferiet għalihom fid-deċiżjoni tagħha. Peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-natura tal-azzjoni ta' Teosto fil-kuntest tar-rekwiżiti inkwistjoni, il-motivi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu dedotti b'mod ċar mill-argumenti tal-Kummissjoni.

Skont il-Kummissjoni, fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti għas-sħubija, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva kisru dawn id-dispożizzjonijiet billi inkludew fil-ftehim tagħhom rekwiżiti meqjusin bħala pprojbiti mill-Kummissjoni jew - minkejja l-esklużjoni tagħhom mill-kuntratti - billi komplew japplikawhom. Il-Kummissjoni ma wrietx liema fost dan il-ksur twettaq minn Teosto, u b'hekk wasslitha għall-konklużjoni li hija kisret l-Artikolu 81(1) KE. Mid-Deċiżjoni lanqas ma jirriżulta biċ-ċar liema motivi ġiegħlu lill-Kummissjoni tqis li Teosto fil-fatt applikat restrizzjonijiet ta' sħubija. Id-Deċiżjoni hija vvizzjata fil-liġi, peress li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi aħjar liema ksur hija tqis li twettaq mid-destinatarju tad-deċiżjoni u għal liema motivi.

Il-motivazzjoni tal-Kummissjoni hija kontradittorja f'dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni allegata tar-restrizzjoni territorjali.

Il-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 81(1). Bil-kontra ta' kif iddeċidiet il-Kummissjoni, Teosto ma kisritx l-Artikolu 81(1) KE bl-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet ta' sħubija simili għall-Artikolu 11(II) tal-kuntratt mudell CISAC. Teosto ma applikat l-ebda restrizzjoni ta' sħubija li hija meqjusa bħala pprojbita mill-Kummissjoni. Ir-restrizzjonijiet ta' sħubija la kellhom għan ta' restrizzjoni ta' kompetizzjoni u lanqas effett ta' restrizzjoni ta' kompetizzjoni.

Bil-kontra ta' kif iddeċidiet il-Kummissjoni, Teosto ma kisritx l-Artikolu 81(1) KE bil-koordinazzjoni mal-limiti territorjali tal-għoti tal-liċenzji. Il-limiti territorjali mhumiex ir-riżultat ta' koordinazzjoni. Il-limiti taż-żoni la kellhom għan ta' restrizzjoni tal-kompetizzjoni u lanqas effett ta' restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Il-limitu tal-mandat ta' żona partikolari, anki meta din hija fl-Istat tas-sieħeb fil-kuntratt, mhuwiex ipprojbit. Dan l-aġir huwa ammissibili u, għal Teosto, minħabba l-kundizzjonijiet naturali tas-suq, kien l-iktar xieraq.

Bil-kontra ta' kif iddeċidiet il-Kummissjoni, Teosto ma kisritx l-Artikolu 81(1) KE permezz tal-applikazzjoni ta' klawżola ta' esklużività simili għall-Artikolu 1(I) u (II) tal-kuntratt mudell CISAC. Il-klawżola ta' esklużività m'għandhiex effett fuq il-kompetizzjoni. Hija la għandha għan ta' restrizzjoni tal-kompetizzjoni u lanqas effett ta' restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Teosto ma applikatx il-klawżola ta' esklużività. L-estensjoni territorjali tal-attività tagħha u l-portata tal-mandat mogħti lill-partijiet l-oħrajn fil-kuntratt kienet ibbażata fuq motivi li kienu stabbiliti mil-loġika naturali tas-suq.

Jekk tiġi aċċettata l-fehma li Teosto b'xi mod kisret l-Artikolu 81(1) KE, madankollu l-aġir jibqa' ammissibbli skont l-Artikolu 81(3) KE. Is-sistema preżenti, u b'mod partikolari l-limiti tal-mandat territorjali relatati magħha, iwasslu għal żieda kunsiderevoli fl-effikaċja, li bbenefikat lill-konsumaturi, mingħajr ma ġiet eliminata jew evitata l-kompetizzjoni, li huwa neċessarju sabiex tintlaħaq żieda fl-effikaċja.

Il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenza tagħha meta ordnat in-negozjar mill-ġdid tal-kuntratt lis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva. Il-Kummissjoni ma tistax tordna miżuri attivi sabiex tibdel aġir li ma jiksirx l-Artikolu 81 KE.

____________