KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
VILLALÓN
ippreżentati fis-26 ta’ Novembru 2013 (1)
Kawża C‑421/12
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Renju tal-Belġju
“Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Protezzjoni tal-konsumaturi — Prattiki kummerċjali żleali — Direttiva 2005/29/KE — Esklużjoni tal-professjonijiet liberali, dentisti u fiżjoterapisti — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tħabbir ta’ tnaqqis fil-prezzijiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita jew tipprojbixxi ċerti forom ta’ attivitajiet kummerċjali itineranti — Protezzjoni msaħħa — Armonizzazzjoni kompleta”
1. Fl-okkażjoni ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba traspożizzjoni allegatament skorretta tad-Direttiva 2005/29 (2) (“Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali”), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità li tiddeċiedi dwar is-sistema tranżitorja stabbilita fl-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva li bis-saħħa tagħha, għal perijodu determinat, u taħt ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali “iktar restrittivi jew preskrittivi” fil-qasam ta’ protezzjoni tal-konsumaturi minn dawk stabbiliti bid-Direttiva 2005/29.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2005/29
2. Il-premessa 6 tad-Direttiva 2005/29 tipprovdi li hija “għalhekk tapprossima l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi. […] Hija la tkopri u lanqas ma tolqot il-liġijiet nazzjonali dwar prattiċi kummerċjali inġusti li jagħmlu ħsara biss lil interessi ekonomiċi ta’ kompetituri jew li huma konnessi ma’ xi transazzjoni bejn kummerċjanti; b’kont sħiħ meħud tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom jibqgħu jkunu jistgħu jirregolaw prattiċi bħal dawn, b’konformità mal-liġi Komunitarja, jekk jagħżlu li jagħmlu dan. Din id-Direttiva lanqas ma tkopri jew tolqot id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 84/450/KEE dwar reklamar li jqarraq lis-settur tal-kummerċ iżdu mhux lill-konsumaturi, u dwar reklamar komparattiv. […]”.
3. Barra minn hekk, il-premessa 14 tad-direttiva tistabbilixxi li “[l]-prattiċi kummerċjali li jqarrqu għandhom ikopru dawk il-prattiċi, inkluż ir-reklamar qarrieqi, li billi jqarrqu bil-konsumatur, iżommuh milli jagħmel għażla informata u b’hekk effiċjenti. B’konformità mal-liġijiet u prattiċi ta’ l-Istati Membri dwar ir-reklamar qarrieqi, din id-Direttiva tistabbilixxi prattiċi qarrieqa f’azzjonijiet qarrieqa u ommissjonijiet qarrieqa. Fir-rigward ta’ ommissjonijiet, din id-Direttiva tistabbilixxi numru limitat ta’ elementi ewlenin ta’ tagħrif li l-konsumatur għandu bżonn ikollu sabiex jagħmel deċiżjoni transazzjonali informata […]”.
4. Min-naħa tagħha, il-premessa 15 tad-direttiva tispeċifika li “[f]ejn il-liġi Komunitarja tistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ komunikazzjoni kummerċjali, reklamar u kummerċjalizzazzjoni, dak it-tagħrif huwa meqjus bħala importanti fis-sens ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew iżidu rekwiżiti dwar tagħrif konnessi ma’ liġi kontrattwali u li għandhom konsegwenzi kontrattwali fejn dan ikun permess mill-klawżoli minimali fl-istrumenti eżistenti tal-liġi Komunitarja. Lista mhux eżawrjenti ta’ dawn ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-acquis tinsab fl-Anness II. Minħabba l-armonizzazzjoni sħiħa introdotta b’din id-Direttiva, it-tagħrif meħtieġ fil-liġi Komunitarja biss huwa kkunsidrat bħala importanti għall-finijiet ta’ l-Artikolu 7(5).. Fejn l-Istati Membri jkunu introduċew iktar rekwiżiti dwar informazzjoni minn dak li huwa speċifikat fil-liġi Komunitarja, fuq il-bażi ta’ klawżoli minimi, l-ommissjoni ta’ dak it-tagħrif supplimentari ma tikkostitwix ommissjoni qarrieqa fis-sens ta’ din id-Direttiva. B’kuntrast, l-Istati Membri jkunu jistgħu, meta jkun permess mill-klawżoli minimi fil-liġi Komunitarja, iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar stretti b’konformità mal-liġi Komunitarja sabiex jiżguraw livell iktar għoli ta’ ħarsien tad-drittijiet kontrattwali individwali tal-konsumaturi”.
5. Fl-aħħar nett, il-premessa 17 tad-direttiva tindika li “[h]u kunsiljabbli li dawk il-prattiċi kummerċjali li huma f’kull ċirkustanza żleali għandhom jiġu identifikati sabiex tiġi provduta ċertezza legali akbar. L-Anness I għalhekk fih lista sħiħa ta’ dawn il-prattiċi kollha. Dawn huma biss [Dawn biss huma] il-prattiċi kummerċjali li jistgħu jiġu meqjusa żleali, mingħajr l-eżami ta’ kull każ għalih fid-dawl tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 sa 9. Il-lista tista’ tiġi modifikata biss b’reviżjoni tad-Direttiva.”
6. Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/29, “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”
7. L-Artikolu 2 tad-Direttiva jinkludi serje ta’ definizzjonijiet li fosthom għandhom jiġu ċċitati, għaliex jinteressawna hawnhekk:
“b) ‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull min jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;
[…]
d) “prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur” […] tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi.”
8. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Ambitu ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi:
“1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.
2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt.
[…]
4. Fil-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.
5. Għal perjodu ta’ sitt snin minn 00.6.2007 [mit-12 ta’ Ġunju 2007], l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva li huma iktar restrittivi jew preskrittivi u jimplimentaw direttivi li fihom klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima. Dawn il-miżuri għandhom ikunu essenzjali sabiex jiżguraw li konsumaturi huma mħarsa adegwatament minn prattiċi kummerċjali żleali u għandhom ikunu proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Ir-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 18 tista’, jekk hekk jiġi kkunsidrat xieraq, tinkludi proposta sabiex tiġi mtawla din id-deroga għal perjodu ieħor limitat.
6. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe dispożizzjonijiet nazzjonali applikati abbażi tal-paragrafu 5.
[…]”.
9. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29, “[l]-Istati Membri la għandhom jirrestrinġu l-libertà tal-provvista ta’ servizzi u lanqas għandhom jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva”.
10. Taħt it-titolu “Projbizzjoni ta’ prattiċi kummerċjali żleali”, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi:
“1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.
2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
a) hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali, u
u
b) toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl-imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.
[…]
4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li
a) jqarrqu kif stabbilit fl-Artikoli 6 u 7,
jew
b) ikunu aggressivi kif stabbilit fl-Artikoli 8 u 9.
5. Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.”
11. Taħt it-titolu “Azzjonijiet qarrieqa”, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi li:
“1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u li għalhekk ma tikkorrispondix għall-verità jew li b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x’aktarx tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:
[…]
d) il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz;
[…]”.
2. Id-Direttiva 85/577/KE (3)
12. Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 85/577 hija applikabbli
“għall-kuntratti li taħthom negozjant iforni merkanzija jew servizzi lil konsumatur u li jsiru:
– waqt xi ħarġa organizzata minn negozjant’ il bogħod mill-bini fejn isir n-negozju,
jew
– waqt xi żjara minn xi negozjant:
(i) fid-dar tal-konsumatur jew f’dik ta’ xi konsumatur ieħor;
(ii) fil-post tax-xogħol tal-konsumatur;
meta ż-żjara ma ssirx fuq talba espressa tal-konsumatur.”
13. L-Artikolu 8 tad-Direttiva 85/577 jispeċifika li hija “ma tipprojibix lill-Istati Membri milli jadottaw jew jiżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli biex jipproteġu lill-konsumatur fil-qasam li jkopru”.
3. Id-Direttiva 98/6/KE (4)
14. Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 98/6 għandha l-għan li “jistipula [tistipula] indikazzjoni tal-prezz tal-bejgħ u l-prezz għal kull unità ta’ kejl ta’ prodotti offruti mill-negozjanti lill-konsumaturi sabiex titjieb l-informazzjoni lill-konsumatur u tiffaċilita l-paragun tal-prezzijiet”.
15. Skont l-Artikolu 10 tagħha, id-Direttiva 98/6 “m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw jew imantnu d-dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli b’rigward l-informazzjoni u paragrun [paragun] tal-prezz lill-konsumatur, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom fit-Trattat”.
B – Id-dritt Belġjan
16. Il-Liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007 li temenda l-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 dwar il-prattiki kummerċjali u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi, u li tittrasponi d-Direttiva 2005/29 (5) flimkien mal-Liġi tas-6 ta’ April 2010, dwar il-prattiki tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumaturi (6), teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-membri ta’ professjoni liberali, kif ukoll id-dentisti u l-fiżjoterapisti.
17. B’sentenza Nru 55/2011 tas-6 ta’ April 2011, ikkonfermata b’sentenza Nru 192/2011, tal-15 ta’ Diċembru 2011, il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana ddikjarat ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 antikostituzzjonali sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet kellhom l-effett li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi l-membri tal-professjonijiet liberali, id-dentisti u l-fiżjoterapisti.
18. Fl-Artikolu 4 tagħha, il-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002, dwar ir-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv, il-klawżoli abbużivi u l-kuntratti li jsiru mill-bogħod fir-rigward tal-professjonijiet liberali (7), tagħti tifsira tar-reklamar qarrieqi u tipprojbixxih fil-qasam tal-professjonijiet liberali.
19. L-Artikoli 43(2) u 51(3) tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991, iċċitata iktar ’il fuq, kienu jipprovdu li l-kummerċjanti ma setgħux iħabbru tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ matul sejl jekk dan it-tnaqqis ma jkunx veru meta mqabbel mal-prezzijiet ġeneralment mitluba matul ix-xahar immedjament qabel id-data li fiha jkun applikabbli l-prezz imnaqqas.
20. Bis-saħħa tal-Artikoli 20 sa 23 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010, iċċitata iktar ’il fuq, prodott jista’ jitqies li huwa s-suġġett ta’ tnaqqis fil-prezzijiet biss jekk il-prezz tiegħu jkun inqas mill-prezz ta’ referenza, li huwa l-iktar prezz baxx li l-impriża tkun applikat għal dak il-prodott, matul dak ix-xahar.
21. Il-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993, dwar l-eżerċizzju u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kummerċjali itineranti u l-organizzazzjoni tal-swieq pubbliċi (8), fil-verżjoni emendata bil-Liġi tal-4 ta’ Lulju 2005(9), tipprovdi li l-eżerċizzju tal-attivitajiet kummerċjali itineranti huwa permess fid-dar tal-konsumatur sakemm il-valur tagħhom ma jeċċedix EUR 250 għal kull konsumatur. L-Artikolu 5 tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006, dwar l-eżerċizzju u l-organizzazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali itineranti (10), jipprovdi li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ attività kummerċjali itineranti, b’mod partikolari, il-prodotti mediċinali, il-pjanti mediċinali u l-preparazzjonijiet ibbażati fuqhom, kif ukoll kull prodott intiż sabiex jimmodifika l-istat tas-saħħa, it-tagħmir mediku u ortopediku, il-lentijiet korrettivi u l-immuntar tagħhom, il-metall prezzjuż u l-ħaġar prezzjuż, il-perli, l-armi u l-munizzjon.
II – Il-proċedura prekontenzjuża
22. Wara diversi kuntatti informali mal-awtoritajiet Belġjani, fit-2 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Belġju minħabba t-traspożizzjoni skorretta tad-Direttiva 2005/29. B’ittri tat-3 ta’ Ġunju u tal-24 ta’ Ġunju 2009, l-awtoritajiet Belġjani ħabbru emendi leġiżlattivi intiżi sabiex isolvu diversi problemi mqajma mill-Kummissjoni. Liġi ġdida dwar il-prattiki tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur, adottata għal dan l-għan fis-6 ta’ April 2010, daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Mejju 2010.
23. Permezz ta’ opinjoni motivata tal-15 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Belġjani li l-Liġi tas-6 ta’ April 2010 ma kinitx tissodisfa l-erba’ lmenti mressqa mill-Kummissjoni fl-ittra ta’ intimazzjoni tat-2 ta’ Frar 2009.
24. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani fir-risposta tagħhom tal-11 ta’ Mejju 2011 ma kinux jissodisfaw tlieta mill-ilmenti msemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni tat-2 ta’ Frar 2009 u għalhekk iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
III – Ir-rikors tal-Kummissjoni
25. Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni tallega tliet nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront tar-Renju tal-Belġju.
26. L-ewwel nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-esklużjoni ta’ ċerti professjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29, li tkopri l-prattiki kummerċjali tan-negozjanti kollha, ikun x’ikun l-istat ġuridiku tagħhom jew is-settur ta’ attività tagħhom. L-esklużjoni espressa tal-professjonijiet liberali, tad-dentisti u tal-fiżjoterapisti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007, il-liġi li tittrasponi d-Direttiva 2005/29 fid-Dritt Belġjan, tmur kontra l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) tagħha, u dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma kienx ġie korrett bil-Liġi tas-6 ta’ April 2010.
27. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-fatt li, fis-6 ta’ April 2011, il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana kienet iddikjarat antikostituzzjonali d-dispożizzjonijiet tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 li jeskludu dawn il-professjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma jirrimedjax n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat, billi d-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tiddependi minn eventwali rikors għal annullament li, jekk ikun il-każ li jseħħ, ser ikun wara l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-awtoritajiet Belġjani fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża sabiex jirrimedjaw għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat.
28. It-tieni nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkonċerna l-leġiżlazzjoni Belġjani dwar it-tħabbir ta’ tnaqqis fil-prezzijiet. Il-Kummissjoni targumenta li l-Artikolu 43(2) tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 u l-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 joffru protezzjoni iktar stretta minn dik stabbilita bid-Direttiva 2005/29, li introduċiet armonizzazzjoni kompleta fil-qasam tal-prattiki żleali.
29. It-tielet nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkonċerna l-projbizzjoni ta’ ċertu bejgħ itineranti. Il-Kummissjoni tirrileva li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993, introdott bl-Artikolu 7 tal-Liġi tal-4 ta’ Lulju 2005, jipprojbixxi, b’ċerti eċċezzjonijiet, il-bejgħ itineranti kollu fid-djar, filwaqt li l-Artikolu 5(1) tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006 jipprojbixxi li ċerti prodotti jkunu s-suġġett ta’ bejgħ itineranti. Issa d-Direttiva 2005/29 ma tistabbilixxix tali projbizzjonijiet, u għaldaqstant, fid-dawl tan-natura eżawrjenti tal-armonizzazzjoni li timplementa, tipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.
30. Għaldaqstant, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) u (d), kif ukoll skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29, u tikkundannah għall-ispejjeż.
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
31. Fir-risposta tiegħu, ir-Renju tal-Belġju qajjem l-inammissibbiltà tal-ewwel motiv tar-rikors, għar-raġuni li l-Kummissjoni injorat l-eżistenza tal-Liġi li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2002, dwar ir-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv, il-klawżoli abbużivi u l-kuntratti li jsiru mill-bogħod fir-rigward tal-professjonijiet liberali, billi naqset milli tispeċifika liema huma d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 li ma humiex applikati fid-dritt Belġjan bis-saħħa tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq. Dwar il-mertu, ir-Renju tal-Belġju jammetti li ċerti professjonijiet kienu ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi li ttrasponiet id-Direttiva, imma jfakkar li l-Qorti Kostituzzjonali Belġjana ddeċidiet li din l-esklużjoni kienet antikostituzzjonali, u josserva li fis-6 ta’ Settembru 2012 tressaq rikors għall-annullament quddiem dik il-qorti li jista’ jwassal għall-annullament retroattiv tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ddikjarati antikostituzzjonali. Fi kwalunkwe każ, ir-Renju tal-Belġju jargumenta li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli minħabba l-antikostituzzjonalità tagħhom u li, għaldaqstant, fid-data tal-iskadenza tat-terminu konċess mill-Kummissjoni, huwa kien irrimedja għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
32. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 kienet ġiet invokata għall-ewwel darba mir-Renju tal-Belġju fl-istadju tar-risposta, li huwa minnu li din tikkontjeni projbizzjoni tar-reklamar qarrieqi mill-professjonijiet liberali, imma ma għandhiex l-għan li tittrasponi d-Direttiva 2005/29, imma d-Direttiva 84/450 (11). Għalkemm huwa minnu li iż-żewġ direttivi jistgħu jkopru l-istess tipi ta’ prattiki, huwa ċert li huma jfittxu li jilħqu għanijiet differenti, kif jirriżulta mill-premessa 6 tad-Direttiva 2005/29. Għaldaqstant l-Istati Membri huma obbligati li jittrasponu din id-direttiva tal-aħħar sabiex b’din it-traspożizzjoni jkopru r-reklamar qarrieqi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Fir-rigward tad-difiża fil-mertu tar-Renju tal-Belġju dwar dan l-ewwel ilment, il-Kummissjoni tirreplika li waqt l-istadju prekontenzjuż l-awtoritajiet Belġjani argumentaw li d-dispożizzjonijiet antikostituzzjonali jistgħu jitħassru b’mod retroattiv biss f’każ li jirnexxi eventwali rikors għal annullament, filwaqt li issa qegħdin jippretendu li s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali Belġjana huma suffiċjenti sabiex dawn jitħassru. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li ċ-ċertezza legali tal-konsumaturi teskludi li s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali Belġjana waħedhom jistgħu jkunu suffiċjenti sabiex jeskludu mid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni, billi l-possibbiltà li jkunu neċessarji deċiżjonijiet oħra sabiex jikkonfermaw it-tħassir definittiv tad-dispożizzjonijiet antikostituzzjonali toħloq inċertezza inaċċettabbli.
33. Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jargumenta li l-Kummissjoni ma tikkontestax li l-Artikolu 4 tal-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 jirregola r-reklamar qarrieqi fil-qasam tal-professjonijiet liberali u li f’dan is-sens, huwa implementa l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29, u għaldaqstant ittraspona din id-direttiva parzjalment. Billi l-Kummissjoni ma ħaditx din il-liġi inkunsiderazzjoni fl-ilment tagħha, il-motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Barra minn hekk, fl-opinjoni tal-awtoritajiet Belġjani, is-sentenzi ta’ antikostituzzjonalità mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali Belġjana joffru ċertezza suffiċjenti billi dawn idaħħlu lill-professjonijiet liberali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007.
34. Fir-rigward tat-tieni lment, ir-Renju tal-Belġju jesponi li l-Liġi tas-6 ta’ April 2010 lanqas ma tirrikjedi li, sabiex jitħabbar tnaqqis fil-prezzijiet, il-prezz tal-oġġett ikun ġie applikat b’mod kontinwu matul ix-xahar ta’ qabel it-tħabbir tat-tnaqqis. Barra minn hekk, anki jekk id-Direttiva 2005/29 hija direttiva ta’ armonizzazzjoni totali, hija ma tikkontjeni l-ebda dispożizzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita r-realtà ekonomika tat-tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezzijiet. Min-naħa tagħha, id-Direttiva 98/6 ma ġietx emendata bid-Direttiva 2005/29, u l-Artikolu 10 tagħha ma jipprojbixxix lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar vantaġġjużi fir-rigward tal-informazzjoni lill-konsumaturi u l-paragun tal-prezzijiet. Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja elevat id-dritt tal-konsumatur għall-informazzjoni għal-livell ta’ prinċipju, b’mod li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 28 TFUE sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi u proporzjonati għall-għan imfittex.
35. Il-Kummissjoni tirreplika f’dan ir-rigward li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/6 ma jirrigwardax l-informazzjoni lill-konsumaturi fil-qasam tat-tnaqqis fil-prezzijiet u li hija ma tapplikax għall-aspetti kollha tal-informazzjoni lill-konsumatur li għandhom rabta mal-prezzijiet tal-prodotti. Bid-Direttiva 2005/29, il-leġiżlatur ried jimpedixxi li l-Istati Membri jipprojbixxu ċerti prattiki kummerċjali għar-raġuni li l-kummerċjant ma jkunx irrispetta ċerti obbligi ta’ informazzjoni imposti mid-dritt nazzjonali. Issa l-miżura Belġjana inkwistjoni għandha l-effett li tipprojbixxi t-tħabbir ta’ tnaqqis fil-prezzijiet jekk il-kundizzjonijiet stretti imposti minn din il-leġiżlazzjoni ma jkunux ġew issodisfatti, anki jekk dawn il-prattiki, eżaminati każ b’każ, jistgħu ma jkunux ikkunsidrati bħala qarrieqa jew żleali fis-sens tad-Direttiva 2005/29. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 28 TFUE invokat mill-awtoritajiet Belġjani.
36. Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-aċċettazzjoni tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tkun timplika, fil-qasam tat-tnaqqis fil-prezzijiet, l-applikazzjoni ta’ test każ b’każ, li inevitabbilment toħloq multiplikazzjoni tal-kriterji li jistgħu jiġu applikati mill-qrati nazzjonali meta dawn ikollhom jeżaminaw jekk prattika ta’ tnaqqis fil-prezzijiet hijiex prattika kummerċjali, ħaġa li preċiżament tmur kontra l-għan li d-Direttiva 98/6 tfittex li tilħaq fil-qasam tal-paragun tal-prezzijiet.
37. Fir-rigward tat-tielet ilment, ir-Renju tal-Belġju jargumenta li l-Artikolu 5(1) tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006 u l-Artikolu 7 tal-Liġi tal-4 ta’ Lulju 2005 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/577 u jikkostitwixxu miżuri nazzjonali iktar stretti awtorizzati fil-kuntest ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ osservanza tan-natura eżawrjenti tal-armonizzazzjoni stabbilita mid-Direttiva 2005/29 huma infondati. Barra minn hekk, din id-direttiva hija b’żieda mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt tal-Unjoni diġà fis-seħħ fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi mingħajr ma temenda jew tillimita l-portata tad-Direttiva 85/577, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa komplementari għal dak tad-Direttiva 2005/29. Fl-aħħar nett, il-miżuri nazzjonali jikkorrispondu għall-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/83 li r-Renju tal-Belġju kien obbligat jadotta qabel it-13 ta’ Diċembru 2013.
38. Fil-qosor, ir-Renju tal-Belġju jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara r-rikors inammissibbli fir-rigward tal-ewwel ilment, infondat fir-rigward tal-kumplament, u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
V – Evalwazzjoni
A – Fuq l-ewwel motiv tar-rikors
1. Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv
39. Kif kelli okkażjoni nindika, il-Kummissjoni tqis li l-esklużjoni espressa tal-professjonijiet liberali, dentisti u fiżjoterapisti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 li tittrasponi d-Direttiva 2005/29 fid-dritt Belġjan tmur kontra l-Artikolu 3 moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva.
40. Ir-Renju tal-Belġju jinvoka l-inammissibbiltà ta’ dan l-ewwel motiv billi l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002, dwar ir-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv, il-klawżoli abbużivi u l-kuntratti li jsiru mill-bogħod fir-rigward tal-professjonijiet liberali, u billi hija lanqas ma speċifikat liema kienu d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi li jikkostitwixxu ksur tad-Direttiva 2005/29.
41. B’risposta għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni tirreleva li r-Renju tal-Belġju jinvoka għall-ewwel darba l-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 fir-risposta tiegħu. Madankollu filwaqt li tirrikonoxxi li din il-liġi tipprojbixxi r-reklamar qarrieqi mill-professjonijiet liberali, il-Kummissjoni targumenta li din għandha l-għan li tittrasponi d-Direttiva 84/450, u mhux id-Direttiva 2005/29 u li għalhekk, billi ż-żewġ direttivi jfittxu li jilħqu għanijiet differenti, dan ir-rikors jirrigwarda t-traspożizzjoni skorretta tat-tieni direttiva. Għal dan l-argument, ir-Renju tal-Belġju jirreplika li l-Artikolu 4 tal-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 jirregola r-reklamar qarrieqi mill-professjonijiet liberali u li huwa għalhekk jimplementa l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29, u għaldaqstant jittrasponi parzjalment din id-direttiva.
42. Fil-fehma tiegħi, l-ewwel ilment ifformulat mll-Kummissjoni ma għandux jiġi ddikjarat inammissibbli.
43. Skont il-paragrafu 1 tal-ittra ta’ intimazzjoni li hija bagħtet lir-Renju tal-Belġju fit-2 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni enfasizzat li l-professjonijiet liberali ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007 li tittrasponi d-Direttiva 2005/29, billi kitbet li “din l-esklużjoni hija kkonfermata bl-eżistenza ta’ liġi speċifika għall-professjonijiet liberali, il-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 […], li ma ġietx emendata bil-għan li ssir it-traspożizzjoni tad-Direttiva [2005/29]”. Il-Kummissjoni żiedet, mingħajr ma r-Renju tal-Belġju kkontesta dan il-punt, li l-awtoritajiet Belġjani, f’korrispondenza ċċitata iktar ’il fuq, kienu “rrikonoxxew din is-sitwazzjoni”, u b’hekk urew l-intenzjoni tagħhom li jirrimedjawha. Fil-fatt, il-Liġi tas-6 ta’ April 2010 kienet ġiet promulgata preċiżament bil-għan li tissodisfa t-talba tal-Kummissjoni, minkejja li din il-liġi żammet l-esklużjoni tal-professjonijiet liberali.
44. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, nikkunsidra li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tagħmel referenza għall-possibbiltà li bil-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 ir-Renju tal-Belġju kien wettaq l-obbligi tiegħu skont id-Direttiva 2005/29 fir-rigward tan-nonesklużjoni tal-professjonijiet liberali, billi l-awtoritajiet Belġjani kienu aċċettaw mill-ewwel l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li l-Liġi tat-2 ta’ Awwissu 2002 tikkonferma r-realtà tal-esklużjoni tal-professjonijiet liberali bil-Liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007.
2. Rigward il-mertu
45. Ir-Renju tal-Belġju jammetti li ċerti professjonijiet ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi li tittrasponi d-Direttiva 2005/29. Madankollu, huwa jargumenta li dan in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-direttiva ġie kkorreġut bil-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 li tipprovdi din l-esklużjoni ġew iddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni Belġjana.
46. Għandu jiġi speċifikat li t-terminu mogħti mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Belġjani fl-opinjoni motivata tal-15 ta’ Marzu 2011 għall-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2005/29 skada fil-15 ta’ Mejju 2011.
47. Billi l-Artikolu 2(1) u (2) u l-Artikolu 3(2) tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 ġew iddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni Belġjana b’sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tas-6 ta’ April 2011, wieħed jista’ jaqbel mal-awtoritajiet Belġjani li fl-iskadenza tat-terminu mogħti mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha (jiġifieri, fil-15 ta’ Mejju 2011), in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lmentat kien diġà ġie rrimedjat.
48. Madankollu, jibqa’ l-fatt li fid-dritt Belġjan, l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità ma jistgħux iwasslu għall-esklużjoni ta’ applikazzjoni sussegwenti tad-dispożizzjonijiet iddikjarati antikostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali. Fil-fatt, kif ammettaw l-awtoritajiet Belġjani nfushom, is-sentenza li tiddikjara li d-dispożizzjonijiet imorru kontra l-Kostituzzjoni għandha, fil-prinċipju, tiġi segwita minn deċiżjoni li tilqa’ rikors għall-annullament sabiex id-dispożizzjonijiet inkwistjoni “jitħassru” mill-ordinament ġuridiku nazzjonali b’effett retroattiv.
49. Kif kiteb ir-Renju tal-Belġju fil-punt 17 tar-risposta tieghu, ladarba tiġi ddikjarata li tmur kontra l-Kostituzzjoni, “ir-regola antikostituzzjonali tibqa’ teżisti fl-ordinament ġuridiku imma ma tistax tiġi applikata mill-qrati u t-tribunali Belġjani”. Madankollu din l-affermazzjoni ma tikkorrispondix dejjem mar-realtà billi, kif jirrikonoxxu l-awtoritajiet Belġjani nfushom, huwa stabbilit li d-dispożizzjonijiet iddikjarati antikostituzzjonali bis-sentenza tas-6 ta’ April 2011 kienu sussegwentement is-suġġett ta’ deċiżjoni oħra ta’ antikostituzzjonalità b’sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011. Barra minn hekk, u kif indika r-Renju tal-Belġju, il-Qorti Kostituzzjonali Belġjana attwalment għandha quddiema rikors għall-annullament tad-dispożizzjonijiet iddikjarati antikostituzzjonali fl-2011, u dan jikkonferma li fid-dritt Belġjan ma huwiex possibbli li jiġi eskluż b’ċertezza li d-dispożizzjonijiet iddikjarati antikostituzzjonali jibqgħu jiġu applikati sakemm ma jintlaqax rikors għall-annullament tal-imsemmija dispożizzjonijiet.
50. Il-prattika segwita mill-qrati Belġjani tista’ twassal, kif kiteb ir-Renju tal-Belġju, għal sitwazzjoni li fiha, fil-fatt, dikjarazzjoni formali ta’ antikostituzzjonalità tista’, waħedha, teskludi kull applikazzjoni ġdida tad-dispożizzjonijiet ikkundannati. Madankollu, iċ-ċirkustanzi tal-każ juru li dan ma huwiex neċessarjament dejjem il-każ. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jista’ jiġi ddikjarat b’ċertezza li s-sitwazzjoni ġuridika tad-dispożizzjonijiet iddikjarati antikostituzzjonali tippreżenta inċertezza inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ ċertezza legali, u li din l-inċertezza ma hijiex skużabbli fil-kuntest tal-verifika jekk id-dritt nazzjonali ġiex adattat tajjeb għar-rekwiżiti tat-traspożizzjoni fit-termini ta’ direttiva.
51. Għaldaqstant naqbel mal-Kummissjoni f’dan is-sens rigward ir-rilevanza tal-analiżi li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Mejju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (12), li “ġurisprudenza nazzjonali, anki jekk tkun stabbilita, li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern b’mod li jitqies li huwa konformi mar-rekwiżiti ta’ direttiva, ma tistax tilħaq iċ-ċarezza u l-preċiżjoni rikjesti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali”, u li “dan huwa b’mod partikolari l-każ fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi.”. Nikkunsidra li r-referenza għal “ġurisprudenza nazzjonali” tista’ tikkorrispondi bl-iktar mod naturali għal sistema ġuridika nazzjonali li tirregola l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità meta, kif irrikonoxxew l-awtoritajiet Belġjani, din is-sistema tħalli l-possibbiltà, anki jekk żgħira fil-prattika, li tiġi applikata dispożizzjoni ddikjarata antikostituzzjonali. Tali inċertezza tista’ tiġi eliminata b’mod aċċettabbli biss bit-tħassir totali u radikali tad-dispożizzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u dan ma huwiex iggarantit suffiċjentement mis-sistema ġuridika applikabbli għad-dispożizzjonijiet antikostituzzjonali fid-dritt intern.
52. Għaldaqstant, għar-raġunijiet preċedenti, nikkunsidra li l-ewwel ilment ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.
B – Fuq it-tieni motiv tar-rikors
53. Il-Kummissjoni tikkritika l-leġiżlazzjoni Belġjana għaliex tagħti lill-konsumatur protezzjoni iktar stretta fil-qasam ta’ tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezzijiet minn dik stabbilita bid-Direttiva 2005/29, billi tikkunsidra li, peress li d-Direttiva wettqet armonizzazzjoni kompleta tal-prattiki kummerċjali żleali, l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali iktar restrittivi, jew ta’ miżuri intiżi sabiex jiżguraw lill-konsumaturi protezzjoni ikbar, ma hijiex iġġustifikata.
54. Ir-Renju tal-Belġju ma jikkontestax li l-leġiżlazzjoni toffri lill-konsumaturi protezzjoni iktar wiesgħa minn dik stabbilita bid-Direttiva 2005/29, imma jqis li għandu dritt jagħmel dan bis-saħħa tad-Direttiva 98/6, li baqgħet applikabbli wara l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha.
55. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezzijiet jikkostitwixxu prattiki kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 (13), li, billi juża “formulazzjoni partikolarment wiesgħa” (14), jiddefinihom bħala “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.
56. Għaldaqstant ma hemmx dubju li l-Artikolu 43(2) tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 u l-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 jirreferu għal attività inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29.
57. L-awtoritajiet Belġjani jaqblu mal-Kummissjoni meta jirrikonoxxu, mingħajr kontestazzjoni, li d-Direttiva 2005/29, sabiex nuża l-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja, “twassal għal armonizzazzjoni kompleta fuq livell Komunitarju tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi” (15). Madankollu, huma jirrilevaw li, minkejja dan, id-direttiva “ma tinkludix regoli adattati u armonizzati li jippermettu li tiġi stabbilita r-realtà ekonomika tat-tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezzijiet” (16), nuqqas li għalih il-leġiżlatur Belġjan kellu jirrimedja billi jibbaża ruħu fuq id-Direttiva 98/6, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi.
58. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, l-analiżi tal-awtoritajiet Belġjani tistrieħ fuq premessa żbaljata. Minkejja t-titolu tagħha, id-Direttiva 98/6 ma għandhiex eżattament l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-indikazzjoni tal-prezzijiet inġenerali imma pjuttost, b’mod ġenerali, il-protezzjoni tagħhom fil-konfront tad-diffikultajiet li jirriżultaw mill-indikazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti b’riferiment għal tipi differenti ta’ miżuri.
59. Fil-fatt, kif tispeċifika l-premessa 5 tad-Direttiva 98/6, “[i]n-ness bejn l-indikazzjoni tal-prezz ta’ prodott wieħed u l-ippakkeġġjar minn qabel fi kwantitajiet stabbiliti minn qabel jew kapaċitajiet li jikkorrispondu mal-valuri tal-varjetajiet adottati fil-livell tal-Komunità pruvat li hija komplikata wisq sabiex tiġi applikata”, u għalhekk huwa “meħtieġ [...] li din l-għaqda tiġi abbandunata favur mekkaniżmu ġdid simplifikat u fl-interess tal-konsumatur, mingħajr preġudizzju lir-regoli li jirregolaw standardizzazzjoni ta’ l-ippakkeġġjar”. Dan il-mekkaniżmu ġdid, skont il-premessa 6 tad-direttiva, huwa bbażat fuq “l-obbligu li jkun indikat il-prezz tal-bejgħ u l-prezz ta’ prodott wieħed [, li] jikkontribwixxi sostanzjalment sabiex titjieb l-informazzjoni tal-konsumatur, peress li dan huwa l-eħfef mod li jgħin lill-konsumaturi sabiex jevalwaw u jikkomparaw il-prezz ta’ prodotti fl-aħjar manjiera u b’hekk jagħmlu għażliet informati abbażi ta’ paraguni sempliċi”.
60. Għaldaqstant bid-Direttiva 98/6, il-leġiżlatur ħaseb sabiex “jiżgura[...] informazzjoni ta’ l-istess xorta u trasparenti” (17) fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-prodotti bl-għajnuna ta’ sistema uniformi ta’ miżuri li jippermettu li jiġi ddeterminat il-prezz tagħhom.
61. Minn din il-perspettiva, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/6 jipprovdi li l-għan tagħha huwa “li jistipula indikazzjoni tal-prezz tal-bejgħ u l-prezz għal kull unità ta’ kejl ta’ prodotti offruti mi[n]-negozjanti lill-konsumaturi sabiex titjieb l-informazzjoni lill-konsumatur u tiffaċilita l-paragun tal-prezzijiet” (18). Id-dispożizzjonijiet sostantivi kollha tad-Direttiva jirrigwardaw kwistjonijiet dwar dawn iż-żewġ metodi ta’ fissazzjoni tal-prezz (19).
62. Għaldaqstant, id-Direttiva 98/6 ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tixbah ir-“regoli adattati u armonizzati li jistgħu jistabilixxu r-realtà ekonomika tat-tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezzijiet”, sabiex nuża l-kliem tal-awtoritajiet Belġjani diġà ċċitati. Konsegwentement, xejn ma jippermetti li l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jitqies bħala l-bażi li tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw liġijiet li jiggarantixxu r-realtà ekonomika tat-tnaqqis fil-prezzijiet.
63. Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6, din “m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw jew imantnu d-dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli b’rigward l-informazzjoni u paragrun [paragun] tal-prezz lill-konsumatur, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom fit-Trattat”. Issa dawn id-dispożizzjonijiet iktar favorevoli jistgħu loġikament jirreferu biss għall-qasam li huwa s-suġġett tad-Direttiva 98/6, jiġifieri, l-informazzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tal-kriterji użati bħala punt ta’ riferiment għall-fissazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti, sabiex jiġi ffaċilitat il-paragun tal-prezzijiet, mhux b’riferiment għal prezzijiet preċedenti, imma b’riferiment għal sistemi differenti ta’ kejl.
64. Fil-qosor, l-informazzjoni li għandha tingħata lill-konsumaturi fir-rigward tat-“tnaqqis fil-prezzijiet” la tistax tiġi kkunsidrata li hija inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/6 u lanqas, konsegwentement, li hija koperta mill-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri bl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva.
65. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa ċert li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/29 jistabbilixxi sensiela ta’ ipoteżijiet li fihom id-dispożizzjonijiet tagħha jistgħu jċedu quddiem regoli oħra, Komunitarji jew nazzjonali.
66. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 3(2) tagħha, id-Direttiva 2005/29 “hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt”. Fl-opinjoni tiegħi, huwa ċar li d-dritt nazzjonali inkwistjoni hawnhekk ma jaffettwax is-sistema ġuridika tal-kuntratti, imma jifforma parti mill-elementi li jistgħu jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom huwa possibbli li tiġi proposta lill-pubbliku l-konklużjoni ta’ kuntratt, jiġifieri, ta’ att ġuridiku rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kuntratti.
67. Min-naħa tiegħu, il-paragrafu 4 tal-istess Artikolu 3 tad-direttiva 2005/29 jipprovdi li, “[f]il-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi”. Lanqas din ir-riżerva ma tbiddel il-konklużjoni esposta preċedentement għaliex, għar-raġunijiet indikati, fid-dawl tas-suġġett tagħha, id-Direttiva 98/6 invokata mill-awtoritajiet Belġjani ma tistax tiġi kkunsidrata li hija dispożizzjoni li tirregola “aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali”.
68. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 5 tal-istess Artikolu 3 jistipula li “[g]ħal perjodu ta’ sitt snin minn 00.6.2007 [mit-12 ta’ Ġunju 2007], l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat minn din id-direttiva li huma iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-direttiva u li jimplimentaw direttivi li jikkontjenu klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima” u dan, taħt żewġ kundizzjonijiet: fl-ewwel lok, il-miżuri għandhom ikunu “essenzjali sabiex jiżguraw li l-konsumaturi huma mħarsa kif suppost minn prattiċi kummerċjali żleali u […] proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan”. Fit-tieni lok, kif jipprovdi l-paragrafu 6 tal-istess Artikolu 3, li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw “lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe dispożizzjonijiet nazzjonali applikati abbażi tal-paragrafu 5”.
69. L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29 ma jispeċifikax liema huma “[d-]direttivi li jikkontjenu klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima” li jistgħu jibqgħu japplikaw skont id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali iktar restrittivi għal perijodu ta’ sitt snin. Jista’ jkun utli għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-punt 45 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni (20), li jgħid li “[f]ejn direttiva settorjali tirregola biss ċerti aspetti tal-prattiki kummerċjali, pereżempju l-kontenut tal-informazzjoni li għandha tingħata, id-direttiva -qafas għandha tiġi applikata b’rabta ma’ elementi oħra, pereżempju, jekk l-informazzjoni rikjesta mil-leġiżlazzjoni settorjali hijiex ippreżentata b’mod qarrieqi. Għaldaqstant, id-direttiva tikkompleta kemm il-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll dik futura, bħalma hija l-proposta għal regolament dwar il-promozzjoni tal-bejgħ, id-direttiva fil-qasam ta’ kreditu għall-konsum u d-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
70. Id-Direttiva 98/6 tinkludi rekwiżiti dwar il-“kontenut tal-informazzjoni li għandha tingħata” dwar il-prezzijiet u, kif kelli l-okkażjoni li nenfasizza, mhux dwar it-tnaqqis fil-prezzijiet, li huwa s-suġġett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din il-proċedura. Għaldaqstant din il-leġiżlazzjoni ma taqax fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29 u għalhekk ma tistax tibqa’ tiġi applikata wara l-iskadenza tat-terminu ffissat għat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt intern.
71. Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li leġiżlazzjoni tat-tip bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29, “li espressament jipprojbixxi lill-Istati Membri li jżommu jew li jadottaw miżuri nazzjonali iktar restrittivi, anki jekk tali miżuri huma intiżi sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni iktar għoli tal-konsumaturi” (21).
72. Konsegwentement, u kif issostni l-Kummissjoni, billi l-Anness I tad-Direttiva 2005/29 ma jkoprix il-każ ta’ tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezzijiet li ma josservawx il-kundizzjonijiet tat-tip ta’ dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Belġjana, dawn il-prattiki kummerċjali jistgħu jitqiesu bħala żleali biss jekk huma jikkorrispondu, każ b’każ, għall-ipoteżijiet previsti fl-Artikoli 5 sa 9 ta’ din id-direttiva.
73. Il-kundizzjonijiet rikjesti mil-leġiżlazzjoni Belġjana sabiex ikun jista’ jitħabbar tnaqqis fil-prezzijiet jistgħu jwasslu sabiex id-dritt nazzjonali jipprojbixxi tħabbiriet li ma jkunux jammontaw għal prattika kummerċjali żleali jew qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2005/29, li jistabbilixxi li “[p]rattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk tikkontjeni tagħrif falz u [...] għalhekk ma tikkorrispondix għall-verità, jew [...] b’xi mod, anki bil-preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq jew x’aktarx tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk it-tagħrif ikun korrett fattwalment, fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra: […] d) il-prezz jew il-mod kif il-prezz huwa kalkolat, jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz”.
74. Fl-aħħar mill-aħħar, it-tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezzijiet, kemm jekk josservaw il-leġiżlazzjoni Belġjana kemm jekk le, jistgħu jitqiesu li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni biss jekk, każ b’każ, huma jikkorrispondu għall-każijiet ta’ prattiki żleali definiti skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 9 tad-Direttiva 2005/29.
75. B’risposta għall-argumenti tal-awtoritajiet Belġjani li, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura iktar stretta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ssib il-ġustifikazzjoni tagħha fid-dritt għall-informazzjoni, għandi, bħall-Kummissjoni, infakkar li, kif tenfasizza l-premessa 15 tad-Direttiva 2005/29, huma biss ir-“rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ komunikazzjoni kummerċjali, reklamar u kummerċjalizzazzjoni” stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni li“hu [m]a meqjus[a] bħala importanti fis-sens ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu u jżidu rekwiżiti dwar tagħrif konnessi ma’ liġi kontrattwali u li għandhom konsegwenzi kontrattwali fejn dan ikun permess mill-klawżoli minimali fl-istrumenti eżistenti tal-liġi Komunitarja. […] Minħabba l-armonizzazzjoni sħiħa introdotta b’din id-Direttiva, it-tagħrif meħtieġ fil-liġi Komunitarja biss huwa kkunsidrat bħala importanti għall-finijiet ta’ l-Artikolu 5(7) tagħha. Fejn l-Istati Membri jkunu introduċew iktar rekwiżiti dwar informazzjoni minn dak li huwa speċifikat fil-liġi Komunitarja, fuq il-bażi ta’ klawżoli minimi, l-ommissjoni ta’ dak it-tagħrif supplimentari ma tikkostitwix ommissjoni qarrieqa fis-sens ta’ din id-Direttiva.” Madankollu, dejjem skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2005/29, “l-Istati Membri jkunu jistgħu, meta jkun permess mill-klawżoli minimi fil-liġi Komunitarja, iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar stretti b’konformità mal-liġi Komunitarja sabiex jiżguraw livell iktar għoli ta’ ħarsien tad-drittijiet kontrattwali individwali tal-konsumaturi”. Madankollu, u kif urejt iktar ’il fuq, f’dan il-każ, jiena nemmen li d-Direttiva 98/6 ma tiġġustifikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali iktar restrittiva suġġett ta’ din il-kawża.
76. Għaldaqstant id-Direttiva 2005/29 ma tippermettix il-projbizzjoni fil-prinċipju ta’ tħabbiriet ta’ tnaqqis fil-prezzijiet li ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ regola nazzjonali bħal dik ta’ inkwistjoni f’din il-kawża. Projbizzjoni ta’ din in-natura tkun ammissibbli biss kieku dan it-tip ta’ tħabbiriet kien previst fl-Annness I tad-Direttiva 2005/29, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Hija possibbli biss projbizzjoni każ b’każ u sa fejn l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti bl-Artikoli 5 sa 9 tad-direttiva hekk tirrikjedi.
77. Għaldaqstant jiena nqis li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29, billi l-Artikolu 43(2) tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 u l-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 jagħtu lill-konsumaturi protezzjoni iktar stretta u iktar rigoruża minn dik stabbilita b’din id-direttiva.
C – Fuq it-tielet motiv tar-rikors
78. It-tielet ilment imressaq mill-Kummissjoni jirrigwarda l-projbizzjoni ta’ bejgħ itineranti fid-djar bit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993, introdott bl-Artikolu 7 tal-Liġi tal-4 ta’ Lulju 2005, u l-projbizzjoni li ċerti prodotti jkunu s-suġġett ta’ bejgħ itineranti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006. Bl-istess mod bħal fir-rigward tat-tieni lment li eżaminajt, il-Kummissjoni targumenta li d-Direttiva 2005/29 ma tipprovdix għal tali projbizzjonijiet u li għaldaqstant hija tipprekludi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali billi hija tintroduċi armonizzazzjoni kompleta.
79. Huwa ċar li l-bejgħ itineranti jikkostitwixxi prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29. Lanqas ma jista’ jkun hemm dubju, fil-fehma tiegħi, dwar il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali iktar stretta fis-seħħ fil-Belġju hija kompletament konformi mad-Direttiva 85/577 biex tħares lill-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju, li l-Artikolu 8 tagħha ma jipprojbixxix “lill-Istati Membri milli jadottaw jew jiżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli biex jipproteġu lill-konsumatur fil-qasam li jkopru”.
80. Il-mistoqsija li tqum hija jekk il-livell ta’ protezzjoni iktar għoli awtorizzat mid-Direttiva 85/577 huwiex ukoll kompatibbli mad-Direttiva 2005/29, billi l-imġiba li għaliha tirreferi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tikkorrispondix mal-prattiki meqjusa żleali f’kull każ msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva.
81. Fil-prinċipju, ir-risposta għandha titfittex fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29 li, infakkar, jipprovdi li “[g] ħal perjodu ta’ sitt snin minn 00/6/2007 [mit-12 ta’ Ġunju 2007], l-Istati Membri jistgħu jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam approssimat minn din id-Direttiva li huma iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-Direttiva u li jimplimentaw direttivi li jikkontjenu klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima. Dawn il-miżuri għandhom ikunu essenzjali sabiex jiżguraw li konsumaturi huma mħarsa adegwatament minn prattiċi kummerċjali żleali u għandhom ikunu proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan. Ir-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 18 tista’, jekk hekk jiġi kkunsidrat xieraq, tinkludi proposta sabiex tiġi mtawla din id-deroga għal perjodu ieħor limitat”. Wieħed ma għandux jinsa li, skont il-paragrafu 6 tal-istess Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw “lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe dispożizzjonijiet nazzjonali applikati abbażi tal-paragrafu 5”.
82. Dan ifisser li d-Direttiva 2005/29 tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ sitwazzjoni provviżorja li fiha l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri iktar restrittivi jew iktar rigorużi jekk jiġu sodisfatti diversi kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-għan ta’ dawn il-miżuri għandu jkun l-applikazzjoni ta’ direttivi speċifiċi. Fit-tieni lok, għandhom ikunu miżuri essenzjali għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-prattiki żleali, u proporzjonati sabiex jintlaħaq dan l-għan. Fit-tielet lok, huwa neċessarju li dawn il-miżuri jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.
83. F’dan il-każ, la l-projbizzjoni ta’ ċertu bejgħ itineranti u lanqas il-projbizzjoni li ċerti prodotti jkunu s-suġġett ta’ dan it-tip ta’ bejgħ ma ġew introdotti permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali sussegwenti għad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/29 u qabel it-12 ta’ Ġunju 2013, id-data li fiha beda jiddekorri l-perijodu tranżitorju stabbilit bl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29.
84. Għaldaqstant il-problema li tqum minnufih hija jekk l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29 jolqotx biss id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali iktar restrittivi li diġà kienu applikabbli meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2005/29, billi huwa magħruf li l-frażi “jistgħu jibqgħu japplikaw” tidher li teskludi l-possibbiltà li jiġu introdotti dispożizzjonijiet ta’ din in-natura wara d-Direttiva 2005/29.
85. Fil-fatt, nikkunsidra li l-Artikolu 3(5) jirreferi biss għal regoli tad-dritt nazzjonali li kienu diġà applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/29. Imma, irrispettivament minn dan, dak li huwa essenzjali hawnhekk ma huwiex daqstant il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali iktar restrittivi kinux applikabbli jew le fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, imma l-kwistjoni jekk dawn il-liġijiet jistgħux jiġu adottati jew le sabiex jimplementaw direttivi li fihom klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima, fis-sens tal-Artikolu 3(5).
86. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-artikolu jirreferi għal “dispożizzjonijiet nazzjonali […]li huma iktar restrittivi jew preskrittivi minn din id-Direttiva u li jimplimentaw direttivi li jikkontjenu klawżoli ta’ armonizzazzjoni minima”. Fl-opinjoni tiegħi, jekk tali direttivi jippermettu l-adozzjoni sussegwenti ta’ regoli iktar restrittivi, dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu li huma wkoll applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29.
87. Barra minn hekk, il-fatt huwa li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 85/577 ma jipprekludix “lill-Istati Membri milli jadottaw jew jiżommu” (22) dispożizzjonijiet saħansitra iktar restrittivi, li jwassalni sabiex naħseb li għandu jiġi konkluż li huwa irrilevanti li dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/29.
88. Fid-dawl ta’ dan kollu, jeħtieġ, fil-prinċipju, li jiġi eżaminat hawnhekk jekk, kif jirrikjedi l-Artikolu 3(5), iċċitat iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni humiex “essenzjali sabiex jiżguraw li l-konsumaturi huma mħarsa adegwatament minn prattiċi kummerċjali żleali u […]proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan”.
89. Madankollu nikkunsidra li ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati dawn iż-żewġ punti, billi ma hemm l-ebda dubju li, f’kull każ, ir-Renju tal-Belġju ma wettaqx l-obbligu tiegħu previst fl-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2005/29, fis-sens li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw “lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe dispożizzjonijiet nazzjonali applikati abbażi tal-paragrafu 5”.
90. L-awtoritajiet Belġjani ma nnotifikawx, fiż-żmien rikjest, u “mingħajr dewmien”, id-dispożizzjonijiet iktar restrittivi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993 introdotti bl-Artikolu 7 tal-Liġi tal-4 ta’ Lulju 2005, kif ukoll dawk tal-Artikolu 5(1) tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa evidenti li l-eċċezzjoni tranżitorja prevista fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2005/29 ma hijiex applikabbli, u minn dan isegwi li għandu jiġi konkluż li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu lmentat mill-Kummissjoni kontra r-Renju tal-Belġju ġie pprovat.
91. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-motivi tar-rikors jintlaqgħu, ir-Renju tal-Belġju għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż.
VI – Konklużjoni
92. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi kif ġej:
1) Billi eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007 li tittrasponi d-Direttiva 2005/29, lill-membri ta’ professjoni liberali kif ukoll lid-dentisti u lill-fiżjoterapisti, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3, flimkien mal-Artikolu 2(b) u (d) tad-Direttiva 2005/29.
2) Billi bl-Artikolu 43(2) tal-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 u bl-Artikoli 20, 21 u 29 tal-Liġi tas-6 ta’ April 2010 introduċa protezzjoni iktar restrittiva jew iktar għolja minn dik prevista fid-Direttiva 2005/29, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.
3) Billi pprojbixxa ċertu bejgħ itineranti fid-djar bit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi tal-25 ta’ Ġunju 1993, introdott bl-Artikolu 7 tal-Liġi tal-4 ta’ Lulju 2005, u billi pprojbixxa li ċerti prodotti jkunu s-suġġett ta’ bejgħ itineranti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Digriet Irjali tal-24 ta’ Settembru 2006, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/29.
4) Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.