Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fit-18 ta’ April 2023 – VP vs Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság

(Kawża C-247/23, Deldits 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: VP

Konvenut: Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság

Domandi preliminari

L-Artikolu 16 tal-GDPR 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità responsabbli għaż-żamma ta’ reġistri skont id-dritt nazzjonali għandha, b’rabta mal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, tirrettifika d-data personali relatata mas-sess tas-suġġett tad-data li tkun ġiet irreġistrata mill-awtorità, meta din id-data tkun inbidlet minn meta ddaħħlet fir-reġistri u għalhekk ma tikkonformax mal-prinċipju ta’ preċiżjoni stabbilit fl-Artikolu 5(1)(d) tal-GDPR?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 16 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li persuna li titlob ir-rettifika ta’ data relatata mas-sess tagħha tipproduċi provi insostenn tat-talba tagħha għal rettifika?

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 16 tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li tagħmel it-talba għandha tipproduċi l-prova li tkun għamlet operazzjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tas-sess?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).