Language of document : ECLI:EU:C:2019:162

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Frar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Materji ċivili u kummerċjali – Artikolu 1(2) – Materji esklużi – Sigurtà soċjali – Artikolu 53 – Applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ċertifikat li juri li d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti tal-oriġini hija eżekuttiva – Sentenza li tikkonċerna pretensjoni kkostitwita minn kontribuzzjonijiet għall-kumpens ta’ leave imħallas miżmuma minn korp tas-sigurtà soċjali kontra persuna li timpjega abbażi tal-kollokament ta’ ħaddiema – Eżerċizzju mill-qorti adita minn attività ġudizzjarja”

Fil-Kawża C‑579/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti tax-Xogħol u tal-Affarijiet Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura

BUAK Bauarbeiter-Urlaubs- u. Abfertigungskasse

vs

Gradbeništvo Korana d.o.o.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, A. Prechal, C. Toader (Relatur), A. Rosas u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, kap ta’ unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Lulju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal BUAK Bauarbeiter-Urlaubs- u. Abfertigungskasse, minn V. Noss, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Ritzberger-Moser, C. Pesendorfer u J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn A. Kasalická, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn BUAK Bauarbeiter-Urlaubs- u Abfertigungskasse (il-Fond ta’ Leave Imħallas u ta’ Kumpensi għat-Terminazzjoni tal-Impjieg tal-Ħaddiema tas-Settur tal-Bini, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“BUAK”) intiża għall-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza finali, mogħtija fil-kontumaċja kontra Gradbeništvo Korana d.o.o. (iktar ’il quddiem “Korana”), stabbilita fis-Slovenja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-Premessi 6, 10 u 26 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdu:

“(6)      Sabiex jintlaħaq l-objettiv taċ-ċirkolazzjoni libera tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkunu regolati minn strument legali tal- Unjoni li jkun jorbot u direttament applikabbli.

[…]

(10)      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali prinċipali kollha barra ċerti kwistjonijiet definiti sew, […]

[…]

(26)      Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni tiġġustifika l-prinċipju li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtieġa għal proċedura speċjali. Barra minn hekk, l-għan li t-tilwim transkonfinali jirriżulta f’inqas ħela ta’ ħin u spejjeż jiġġustifika l-abolizzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà qabel l-eżekuzzjoni fl-Istat Membru indirizzat. Bħala riżultat, sentenza li tingħata mill-qrati ta’ Stat Membru għandha tiġi ttrattata daqs li kieku kienet ingħatat fl-Istat Membru indirizzat.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jinsab fil-Kapitolu 1 tiegħu, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”. Dan l-artikolu jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).

2.      Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

[…]

c)      sigurtà soċjali;

[…]”

5        Skont l-Artikolu 37(1) tal-imsemmi regolament, li jifforma parti mit-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu III tal-istess regolament, dan stess intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”:

“Parti li tkun tixtieq tinvoka fi Stat Membru sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tippreżenta:

a)      kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha; u

b)      iċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 53.”

6        L-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jinsab fit-Taqsima 2 tal-imsemmi Kapitolu III, intitolata “Eżekuzzjoni”, jipprovdi:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli f’dak l-Istat Membru għandha tkun eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.”

7        L-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament, li wkoll jifforma parti minn din it-Taqsima 2, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza fi Stat Membru mogħtija fi Stat Membru ieħor, ir-rikorrent għandu jipprovdi lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni kompetenti:

a)      kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha; u

b)      iċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 53 li jiċċertifika li s-sentenza hija eżegwibbli u li jkun fih silta mis-sentenza kif ukoll, meta jkun xieraq, l-informazzjoni rilevanti dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru tal-proċedimenti u l-kalkolu tal-imgħax.”

8        L-Artikolu 43(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Meta tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, iċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 53 għandu jkun notifikat lill-persuna li kontra tagħha qed tintalab l-eżekuzzjoni qabel l-ewwel miżura ta’ eżekuzzjoni. Dan iċ-ċertifikat għandu jkun akkumpanjat mis-sentenza, jekk din ma tkunx diġà ġiet innotifikata lil dik il-persuna.”

9        Skont l-Artikolu 53 tal-istess regolament, li jinsab fit-Taqsima 4, intitolata “Dispożizzjonijiet komuni”, tal-Kapitolu III tiegħu:

“Il-qorti tal-oriġini għandha, fuq talba ta’ kull parti interessata, toħroġ iċ-ċertifikat bl-użu tal-formula li tidher fl-Anness I.”

 Id-dritt Awstrijak

10      Il-Bauarbeiter-Urlaubs- und Abfertigungsgesetz 1972 (il-Liġi tal-1972 li tirregola l-Leave Imħallas u l-Kumpens għat-Terminazzjoni tal-Impjieg tal-Ħaddiema tas-Settur tal-Kostruzzjoni) (BGBl. 414/1972), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“BUAG”), tinkludi Taqsima IV, intitolata “Organizzazzjoni tal-Fond tal-Leave Imħallas u tal-Kumpensi għat-Terminazzjoni tal-Impjieg tal-Ħaddiema tas-Settur tal-Kostruzzjoni”, li fiha hemm l-Artikoli 14 sa 21b tal-BUAG. L-Artikolu 14 tal-BUAG jipprovdi:

“1.      Il-ġbir tar-riżorsi meħtieġa għall-ħlas tal-kumpens skont din il-liġi u l-eżekuzzjoni tal-kompiti marbutin magħha huma r-responsabbiltà tal-[BUAK]. […]

2.      Il-[BUAK] hija korp kollettiv tad-dritt pubbliku […]”

11      Skont l-Artikolu 21(1) tal-BUAG:

“L-ispiża tal-kumpensi għall-leave imħallsa mill-[BUAK] kif ukoll l-ispejjeż ta’ ġestjoni għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-paga. L-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet jiġi ffissat, fuq talba konġunta tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u dawk sindakali awtorizzati biex jiffirmaw ftehimiet kollettivi kompetenti, permezz ta’ digriet tal-Ministru Federali tax-Xogħol u tal-Affarijiet Soċjali.”

12      L-Artikolu 21a tal-BUAG, intitolat “Ħlas tal-kontribuzzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-persuna li timpjega għandha, għal kull ħaddiem, tħallas […] il-kontribuzzjonijiet iffissati b’applikazzjoni tal-Artikolu 21 […]”

13      It-Taqsima V tal-BUAG, intitolata “Regoli proċedurali”, jinkludi l-Artikoli 22 sa 29a ta’ dan tal-aħħar. L-Artikolu 22 tal-BUAG, intitolat “Obbligu ta’ dikjarazzjoni; kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet”, jipprovdi:

“1.      Persuna li timpjega lil ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 1(1) għandha, meta dawn jibdew jeżerċitaw attività msemmija fl-Artikoli 1 sa 3, tiddikjara lil dawn il-ħaddiema lill-[BUAK] fi żmien ġimagħtejn, billi tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha dwar is-salarju għall-finijiet ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet […].

[…]

5.      Il-[BUAK] għandu jikkalkola l-ammont tal-kontribuzzjonijiet dovut għall-perijodu ta’ kontribuzzjonijiet abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna li timpjega jew, jekk investigazzjoni tal-[BUAK] (Artikolu 23) turi riżultat ieħor, abbażi tas-sejbiet tiegħu stess. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni, il-[BUAK] jista’ jikkalkola l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-persuna li timpjega abbażi tal-aħħar dikjarazzjoni jew tal-konstatazzjonijiet tagħha stess.

[…]”

14      L-Artikoli 23, 23a u 23b tal-BUAG jittrattaw is-setgħat ta’ investigazzjoni li għandu l-BUAK biex jiġbor id-dejta meħtieġa għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet kif ukoll l-obbligu tal-persuna li timpjega li tipprovdi lil dan l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu.

15      Skont l-Artikolu 25 tal-BUAG, intitolat “Ħlas tal-kontribuzzjonijiet”:

“1.      Il-[BUAK] għandu jibgħat avviż lill-persuna li timpjega l-ammont li għandha tħallas, abbażi tad-dikjarazzjoni tagħha jew tal-kalkolu mwettaq skont l-Artikolu 22(5) li jikkonsisti fis-somma tal-kontribuzzjonijiet dovuti abbażi tal-ħaddiema impjegati matul perjodu ta’ kontribuzzjoni. […]

[…]

2.      Jekk min jimpjega ma jissodisfax l-obbligu tiegħu li jħallas l-ammont dovut […] fit-terminu mogħti jew fl-ammont indikat fl-avviż, il-[BUAK] għandu jibgħat intimazzjoni lill-persuna li timpjega sabiex tirregola l-bilanċ pendenti f’terminu ta’ ġimagħtejn. […]

3.      Jekk il-persuna li timpjega ma tikkonformax jew tikkonforma biss parzjalment ma’ din l-intimazzjoni, il-[BUAK] għandu joħroġ, bil-għan li jiġu rkuprati l-ammonti li ma jkunux tħallsu fil-ħin, fattura tal-arretrati. […] Il-fattura tal-arretrati hija titolu eżekuttiv fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Exekutionsordnung [(il-Kodiċi tal-Proċeduri ta’ Eżekuzzjoni)].

[…]

5.      Il-persuna li timpjega tista’ tikkontesta l-avviż tal-irkupru maħruġ skont il-paragrafu 3 billi tressaq ilment quddiem l-awtorità amministrattiva tad-distrett. Din għandha tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva dwar il-fondatezza u l-eżattezza tal-ammont mitlub.

[…]”

16      It-Taqsima VIb tal-BUAG, bit-titolu “Dispożizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-leave f’każ ta’ kollokament”, jinkludi l-Artikoli 33d sa 33i tal-BUAG. L-Artikolu 33d tal-BUAG, huwa stess intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-taqsima jirregolaw l-impjieg ta’ ħaddiema fis-sens tat-Taqsima I li ma għandhomx il-post tax-xogħol abitwali tagħhom fl-Awstrija, li persuna li timpjega tikkolloka fl-Awstrija

1)      biex iwettqu x-xogħol tagħhom hemm jew

2)      fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema.

Impriża utenti li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha barra mit-territorju Awstrijak għandha titqies għall-finijiet tal-Artikoli 23, 23a u 33g bħala l-persuna li timpjega lill-ħaddiema li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha u li huma kkollokati fl-Awstrija sabiex jeżerċitaw ix-xogħol tagħhom hemm.

[…]”

17      Skont l-Artikolu 33e tal-BUAG, intitolat “Dritt għall-leave”:

“Mingħajr preġudizzju għall-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg, ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 33d għandu, matul il-perjodu ta’ stazzjonament fl-Awstrija, dritt imperattiv għall-leave imħallas skont it-Taqsima II.”

18      Skont l-Artikolu 33f tal-BUAG, intitolat “Kumpens ta’ leave imħallas”:

“1.      Matul il-leave, il-ħaddiem għandu dritt għal kumpens ta’ leave imħallas […]. Ħlief kif ipprovdut mod ieħor iktar ’il quddiem, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima II.

2.      Il-pretensjoni tal-kumpens ta’ leave imħallas tammonta għad-drittijiet għal kumpens skont liema l-persuna li timpjega tħallas il-kontribuzzjonijiet iffissati skont l-Artikolu 21. Il-[BUAK] huwa debitur ta’ din il-pretensjoni. […]

3.      Jekk jieħu leave matul il-kollokament, il-ħaddiem għandu jinvoka l-pretensjoni tiegħu skont il-paragrafu 2 quddiem il-[BUAK], billi jagħti l-prova tal-ftehim dwar id-dati tal-leave. […] Il-kumpens ta’ leave imħallas għandu jitħallas direttament lill-ħaddiem. […]”

19      L-Artikolu 33g tal-BUAG, intitolat “Obbligu ta’ dikjarazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuna li timpjega lil ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 33d huwa marbut fir-rigward tal-[BUAK] bl-obbligu ta’ dikjarazzjoni stabbilit fl-Artikolu 22. […]”

20      Skont l-Artikolu 33h tal-BUAG, intitolat “Ħlas tal-kontribuzzjonijiet”:

“[…]

2.      Jekk min jimpjega ma jissodisfax l-obbligu tiegħu li jħallas il-kontribuzzjonijiet, il-[BUAK] għandu jippreżenta azzjoni għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet pendenti quddiem qorti. Il-[BUAK] huwa awtorizzat jadotta l-miżuri meħtieġa u utli kollha għall-irkupru tal-kontribuzzjonijiet dovuti.

[…]

2b.      Jekk, bħala riżultat tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni, il-[BUAK] ikkalkola l-ammont tal-kontribuzzjonijiet dovut abbażi tal-investigazzjonijiet tiegħu stess, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 22(5), min jimpjega għandu jħallas il-kontribuzzjonijiet hekk stabbiliti.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21      Il-BUAK, li għandu s-sede tiegħu fi Vjenna (l-Awstrija), huwa korp kollettiv tad-dritt pubbliku li għandu l-għan li jiġbor ir-riżorsi intiżi għall-ħlas tal-benefiċċji koperti mill-BUAG. Huwa b’mod partikolari responsabbli għall-ġestjoni u l-ħlas tal-kumpens ta’ leave imħallas tal-ħaddiema tas-settur tal-kostruzzjoni.

22      Korana, impriża tad-dritt Sloven, ikkollokat ħaddiema fl-Awstrija fil-kuntest ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

23      Fit-18 ta’ Ottubru 2016, il-BUAK ressaq quddiem l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), azzjoni intiża biex Korana tħallas is-somma ta’ EUR 38 447.50, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż, abbażi tal-kontribuzzjonijiet dovuti minn din il-kumpannija, skont it-Taqsima VIb tal-BUAG, għall-jiem ta’ xogħol imwettqa mill-ħaddiema kkollokati minnha fl-Awstrija matul il-perijodu minn Frar sa Ġunju 2016.

24      Insostenn tat-talba tiegħu, il-BUAK sostna li, bħala fond għal-leave imħallas, huwa kellu d-dritt, abbażi tal-BUAG, li jitlob mingħand il-persuna li timpjega kontribuzzjoni, ikkostitwita b’mod partikolari mill-kumpens ta’ leave imħallas u mill-ispejjeż ta’ ġestjoni, ikkalkolata għal kull jum ta’ xogħol imwettaq minn ħaddiem tas-settur tal-bini fl-Awstrija, skont metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-liġi.

25      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ April 2017, mogħtija fil-kontumaċja ta’ Korana, l-imsemmija qorti laqgħet it-talba tal-BUAK b’mod sħiħ. Din id-deċiżjoni, li ġiet innotifikata lil Korana fil-21 ta’ Ġunju 2017, akkwistat, fin-nuqqas ta’ kull oppożizzjoni min-naħa tagħha, l-awtorità ta’ res judicata. Matul il-proċedura li wasslet għall-pronunzja tal-imsemmija sentenza, ma jidhirx li l-imsemmija qorti vverifikat il-ġurisdizzjoni tagħha skont ir-Regolament Nru 1215/2012.

26      Fil-31 ta’ Lulju 2017, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, il-BUAK ippreżenta quddiem din l-istess qorti talba intiża għall-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 tal-imsemmi regolament.

27      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-ħruġ ta’ tali ċertifikat, skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-proċedura li wasslet għas-sentenza tat-28 ta’ April 2017 tkun tidħol fl-ambitu tal-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, liema ħaġa ma tirriżultax b’mod ċar miċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali.

28      F’dan ir-rigward, din il-qorti tesponi li, diversament mis-sitwazzjonijiet purament interni, li fil-kuntest tagħhom il-BUAK huwa awtorizzata mill-Artikolu 25(3) tal-BUAG li jagħti huwa stess rendikont tal-arretrati li jirrigwardaw il-kontribuzzjonijiet mitluba, li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv li jista’ jservi bħala bażi għal proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, dan ma għandux l-istess setgħa fir-rigward ta’ arretrati fir-rigward ta’ ħaddiema kkollokati, li ma għandhomx il-post ta’ xogħol abitwali tagħhom fl-Awstrija, peress li huwa obbligat li jressaq talba quddiem l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna) sabiex jikseb il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet imsemmija.

29      Il-qorti tar-rinviju ssostni wkoll li ċerti ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-proċedura li wasslet għas-sentenza tat-28 ta’ April 2017 jistgħu jagħtuha natura ta’ dritt pubbliku.

30      B’hekk, din il-qorti ssostni li, fil-kuntest ta’ azzjoni għall-ħlas ta’ pretensjoni kkostitwita minn kontribuzzjonijiet għal kumpens ta’ leave imħallas, ma huwiex il-ħaddiem li jeżerċita d-drittijiet tiegħu direttament, billi l-azzjoni tiġi eżerċitata kontra l-persuna li timpjega għall-finijiet tal-irkupru tal-kontribuzzjonijiet li l-ammont tagħhom, stabbilit permezz ta’ digriet tal-Ministru Federali kompetenti, ikopri wkoll l-ispejjeż ta’ ġestjoni tal-BUAK. Barra minn hekk, minbarra s-setgħat ta’ investigazzjoni li għandu l-BUAK fil-każ ta’ ksur mill-persuna li timpjega tal-obbligi ta’ informazzjoni tagħha, dan tal-aħħar jista’ wkoll jikkonkludi ftehimiet ma’ korpi ta’ sigurtà soċjali oħra.

31      Il-qorti msemmija tippreċiża li, f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-persuna li timpjega tal-obbligi ta’ informazzjoni tagħha, il-BUAK jista’ jikkalkola s-supplimenti dovuti minnu abbażi tal-investigazzjonijiet tiegħu stess, skont l-Artikolu 33h(2b) tal-BUAG. F’dan il-każ, is-setgħat tal-qorti adita b’azzjoni għall-ħlas ta’ pretensjoni kkostitwita minn kontribuzzjonijiet għall-kumpens ta’ leave imħallas huma limitati għal sempliċi eżami tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, bl-esklużjoni ta’ kull evalwazzjoni tal-fondatezza tal-imsemmija pretensjoni.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 1 tar-Regolament [Nru 1215/2012], għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt ‘kwistjonijiet ċivili u kummerċjali’ proċeduri li jinvolvu pretensjonijiet mill-[BUAK]għal supplimenti salarjali kontra persuni li jimpjegaw minħabba l-kollokament fl-Awstrija għal twettiq ta’ xogħol ta’ ħaddiema mingħajr post tax-xogħol abitwali fl-Awstrija jew fil-kuntest ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema fl-Awstrija, jew kontra persuni li jimpjegaw li huma stabbiliti barra minn Awstrija minħabba l-ingaġġ ta’ ħaddiema li għandhom il-post tax-xogħol abitwali tagħhom fl-Awstrija, anki meta tali pretensjonijiet mill-BUAK għal supplimenti salarjali jikkonċernaw relazzjonijiet ta’ xogħol irregolati mid-dritt privat u jkopru d-drittijiet għal leave u allowances ta’ leave annwali u jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ xogħol ma’ persuni li jimpjegaw, minkejja li

–        kemm l-ammont tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema kontra l-BUAK għall-allowances ta’ leave annwali kif ukoll l-ammont tal-pretensjonijiet tal-BUAK kontra persuni li jimpjegaw għal supplimenti salarjali huma ddeterminati mhux b’kuntratt jew bi ftehim kollettiv, iżda permess ta’ digriet tal-Ministru Federali,

–        is-supplimenti salarjali dovuti minn persuni li jimpjegaw lill-BUAK iservu mhux biss sabiex ikopru l-ispejjeż għall-ħlas tal-allowances ta’ leave annwali lill-ħaddiema iżda wkoll sabiex ikopru l-ispejjeż amministrattivi tal-BUAK u

–        fir-rigward tal-implementazzjoni u tal-eżekuzzjoni tal-pretensjonijiet għal tali supplimenti salarjali, il-BUAK għandu poteri iktar estensivi minn dawk ta’ persuna privata, sa fejn

–        il-persuni li jimpjegaw għandhom, taħt piena ta’ multa, jagħmlu dikjarazzjonijiet lill-BUAK f’okkażjonijiet speċifiċi u fuq bażi mensili, billi jużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni stabbiliti mill-BUAK, jikkooperaw u jaċċettaw il-miżuri ta’ kontroll tal-BUAK, jagħtu aċċess lill-BUAK għal dokumenti salarjali, imprenditorjali u oħra, u jipprovdu lil dan tal-aħħar b’informazzjoni u,

–        fil-każ li l-persuni li jimpjegaw ma josservawx l-obbligi tagħhom ta’ komunikazzjoni, il-BUAK huwa awtorizzat jikkalkola s-supplimenti salarji dovuti mill-persuni li jimpjegaw fuq il-bażi tal-investigazzjoni tiegħu stess, u f’dan il-każ l-ammont tal-pretensjoni tas-suppliment salarjali tal-BUAK huwa dak stabbilit mill-BUAK, irrispettivament miċ-ċirkustanzi effettivi tal-kollokament jew tal-impjieg ikkonċernat?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

33      Permezz tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk, fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-għoti ta’ ċertifikat skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, qorti taġixxix fl-eżerċizzju ta’ attività ġudizzjarja, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

34      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għalkemm l-Artikolu 267 TFUE ma jissuġġettax ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għan-natura kontradittorja tal-proċedura li matulha l-qorti nazzjonali tifformula domanda preliminari, il-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tilwima hija pendenti quddiemhom u jekk dawn huma mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura maħsuba sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi, C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li t-termini “jagħtu s-sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 267(2) TFUE, jinkludu l-proċedura kollha li twassal għas-sentenza tal-qorti tar-rinviju u għalhekk, dawn it-termini għandhom jiġu interpretati b’mod wiesgħa, sabiex jiġi evitat li numru ta’ kwistjonijiet proċedurali jitqiesu bħala inammissibbli u ma jkunux jistgħu jingħataw interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja u li din tal-aħħar ma tkunx tista’ tieħu konjizzjoni tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tapplika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Pebros Servizi, C‑511/14, EU:C:2016:448, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Is-sistema stabbilita permezz tar-Regolament Nru 1215/2012 hija bbażata fuq l-abolizzjoni tal-exequatur, li jfisser li l-ebda kontroll ma huwa eżerċitat mill-qorti kompetenti tal-Istat Membru adita, peress li hija biss il-persuna li kontra tagħha tkun tressqet l-eżekuzzjoni li tista’ topponi r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tikkonċernaha. Mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 37 u 42 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li għall-finijiet tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor, ir-rikorrent għandu jipprovdi biss kopja tad-deċiżjoni kkonċernata flimkien ma’ ċertifikat maħruġ, skont l-Artikolu 53 tar-Regolament imsemmi, mill-qorti ta’ oriġini. Dan iċ-ċertifikat għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat, qabel kull eżekuzzjoni, lill-persuna li kontriha tkun qed tintalab din l-eżekuzzjoni, skont l-Artikolu 43(1) tal-istess regolament.

37      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-ċertifikat jikkostitwixxi l-bażi għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni diretta tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri.

38      Il-funzjonijiet moqdija miċ-ċertifikat imsemmi fis-sistema tar-Regolament Nru 1215/2012 jiġġustifikaw, b’mod partikolari f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-qorti li tkun tat id-deċiżjoni li għandha tiġi eżegwita ma tkunx iddeċidiet, fl-istadju tas-sentenza, dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1215/2012, li din il-qorti għandha, fl-istadju tal-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi, tivverifika jekk it-tilwima taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

39      F’tali każ, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta tivverifika jekk hijiex kompetenti biex toħroġ iċ-ċertifikat skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti msemmija taġixxi fil-kontinwazzjoni tal-proċedura ġudizzjarja preċedenti, billi tiżgura l-effettività sħiħa tagħha, peress li, fin-nuqqas ta’ ċertifikazzjoni, deċiżjoni ma tkunx adatta biex tiċċirkola liberament fiż-żona ġudizzjarja Ewropea. Tali konklużjoni tirrispondi għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni mgħaġġla tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji filwaqt li tiġi ppreżervata ċ-ċertezza legali li fuqha hija bbażata l-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni.

40      Barra minn hekk, fil-loġika tar-Regolament Nru 1215/2012, il-ħruġ taċ-ċertifikat huwa fdata f’idejn il-qorti li taf it-tilwima l-aħjar u li, fir-rigward tal-mertu, hija l-iktar waħda li tista’ tikkonferma li d-deċiżjoni hija eżekuttiva. B’hekk, meta toħroġ tali ċertifikat, il-qorti tal-oriġini tikkonferma b’mod impliċitu li sentenza fil-kontumaċja li għandha tiġi rrikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru ieħor taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, peress li l-ħruġ taċ-ċertifikat skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi regolament hija possibbli biss taħt din il-kundizzjoni.

41      Konsegwentement, il-proċedura intiża għall-ħruġ ta’ ċertifikat skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandha, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, natura ġudizzjarja, b’tali mod li qorti nazzjonali adita fil-kuntest ta’ tali proċedura għandha s-setgħa li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari.

42      Minn dan jirriżulta li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

43      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni intiża biex jinkiseb il-ħlas ta’ pretensjoni li tikkonsisti minn kontribuzzjonijiet għall-kumpens ta’ leave imħallas miżmum minn korp kollettiv tad-dritt pubbliku kontra persuna li timpjega, abbażi tal-kollokazzjoni fi Stat Membru ta’ ħaddiema li ma għandhomx il-post tax-xogħol abitwali tagħhom hemm, jew fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ ħaddiema, jew kontra persuna li timpjega li għandha s-sede tagħha barra mit-territorju tal-imsemmi Stat Membru abbażi tal-impjieg ta’ ħaddiema li għandhom il-post regolari tax-xogħol tagħhom f’dan l-Istat Membru, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

44      Preliminarjament u fid-dawl tal-fatt li d-domanda preliminari tirreferi għall-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012 fl-intier tiegħu, għandu, fl-ewwel lok, jiġi eżaminat jekk sentenza bħal dik mogħtija fit-28 ta’ April 2017 mill-qorti tar-rinviju fuq talba tal-BUAK u li għall-eżekuzzjoni tagħha dan jitlob il-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament taqax fl-ambitu ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, u, jekk iva, fit-tieni lok, jekk tali deċiżjoni taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni relatata mas-sigurtà soċjali, prevista fl-Artikolu 1(2)(c) tal-istess regolament.

45      Għandu jitfakkar ukoll li hija ġurisprudenza stabbilita li, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 iħassar u jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tal-aħħar tgħodd ukoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Hellenische Republik, C‑308/17, EU:C:2018:911, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012

46      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu żgurati, sa fejn huwa possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1215/2012 kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, jeħtieġ li l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” li jinsab fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament ma jiġix interpretat bħala sempliċi riferiment għad-dritt intern ta’ Stat Membru. Dan il-kunċett għandu jitqies bħala kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għall-istruttura ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li joħorġu mill-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking, C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern kif ukoll dik li jiġi evitat, għall-funzjonament armonjuż tal-ġustizzja, li jingħataw deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fl-Istati Membri jeħtieġu interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmi kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen, C‑292/08, EU:C:2009:544, punti 22 u 23).

48      Sabiex jiġi ddeterminat jekk materja taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, għandha tiġi identifikata r-relazzjoni ġuridika eżistenti bejn il-partijiet fit-tilwima u li jiġu eżaminati l-bażi tal-azzjoni u l-modalitajiet għat-tressiq tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punti 32 u 34, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2013, Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 35).

49      Hekk kif ġie ripetutament sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm ċerti kawżi bejn awtorità pubblika u persuna rregolata mid-dritt privat jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, tkun ħaġa oħra meta l-awtorità pubblika taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2013, Sunico et, C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ setgħat pubbliċi minn waħda mill-partijiet fit-tilwima, għaliex din teżerċita setgħat li joħorġu mill-portata tar-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi, jeskludi lil tali tilwima mill-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 31).

50      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, il-kwalità ta’ korp kollettiv tad-dritt pubbliku tal-BUAK hija, fiha nfisha, mingħajr effett fuq in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejnha u Korana.

51      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-bażi legali tal-azzjoni li wasslet għas-sentenza li għall-eżekuzzjoni tagħha l-BUAK talab il-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 21 tal-BUAG, l-ispiża tal-kumpensi ta’ leave imħallsa mill-BUAK hija ffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjonijiet fil-paga li l-persuna li timpjega hija marbuta li tħallas. Għalkemm l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet huwa stabbilit b’ordni tal-Ministru Federali għall-Industrija u għall-Affarijiet Soċjali, mill-osservazzjonijiet tal-BUAK kif ukoll minn dawk tal-Gvern Awstrijak jirriżulta li dan id-digriet jiddefinixxi biss il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet, billi jieħu bħala bażi l-paga bażi ffissata mill-ftehim kollettiv ikkonċernat.

52      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 33f(2) tal-BUAG, il-pretensjoni ta’ kumpens ta’ leave imħallas li huwa debitur tagħha l-BUAK fir-rigward tal-ħaddiema kkollokati tinħoloq sal-ammont tad-drittijiet għal-kumpens li għalihom il-persuna li timpjega tħallas il-kontribuzzjonijiet stabbiliti.

53      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju stess tippreċiża li l-kumpens imsemmi, li huwa ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet li qed jintalab il-ħlas tagħhom f’dan il-każ, jifforma parti mir-remunerazzjoni dovuta, bis-saħħa tal-kuntratt tax-xogħol, mill-persuna li timpjega għax-xogħol li jsir mill-ħaddiem.

54      Konsegwentement, sa fejn l-obbligu tal-persuna li timpjega li tħallas il-kontribuzzjonijiet hija intrinsikament marbuta mad-drittijiet, ta’ natura ċivili, tal-ħaddiema għall-kumpens ta’ leave imħallas, eżami tal-bażi tal-azzjoni li wasslet għas-sentenza tat-28 ta’ April 2017, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, ma jipprekludix il-konklużjoni li tgħid li l-pretensjoni tal-BUAK u, għaldaqstant, azzjoni li għandha bħala suġġett il-ħlas tagħha, għandhom ukoll l-istess natura ċivili.

55      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-metodi ta’ eżerċizzju tal-kawża li wasslet għas-sentenza msemmija, mid-dispożizzjonijiet tal-BUAG jirriżulta li, b’differenza mis-sitwazzjonijiet purament interni, fejn il-BUAK jista’ huwa stess joħroġ rendikont tal-arretrati li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, fir-rigward ta’ arretrati relatati ma’ ħaddiema kkollokati li ma għandhomx il-post tax-xogħol abitwali tagħhom fl-Awstrija, dan għandu jirrikorri għal rimedju ġudizzjarji għall-ħlasijiet tal-kontribuzzjonijiet mhux imħallsa.

56      Barra minn hekk, meta, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni, il-BUAK, konformement mal-Artikolu 22(5) tal-BUAG, ikkalkola l-ammont tal-kontribuzzjonijiet abbażi tal-investigazzjonijiet tiegħu stess, “min jimpjega għandu jħallas il-kontribuzzjonijiet hekk stabbiliti”, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 33h(2b) tal-BUAG.

57      F’dak li jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti f’każ ta’ azzjoni għall-ħlas ta’ pretensjoni li tikkonsisti minn kontribuzzjonijiet għall-kumpens ta’ leave imħallas li l-ammont tagħhom ikun ġie kkalkolat mill-BUAK stess, fuq il-bażi tal-investigazzjonijiet tiegħu stess, il-qorti tar-rinviju ssostni li tali kalkolu għandu effett kostituttiv, peress li s-setgħat li għandu dan il-korp jiddifferenzjawh minn sempliċi individwu. Din il-qorti kkonkludiet minn dan li, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 33h(2b) tal-BUAG jista’ jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ arretrati relatati ma’ ħaddiema kkollokati, li ma għandhomx il-post tax-xogħol abitwali tagħhom fl-Awstrija, is-setgħat tal-qorti huma limitati għal sempliċi eżami tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija, b’tali mod li, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija jkunu sodisfatti, il-qorti ma tistax teżamina l-mertu dwar l-eżattezza tal-krediti li jinvoka l-BUAK.

58      Din l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali hija kkontestata kemm mill-BUAK kif ukoll mill-Gvern Awstrijak, li jsostnu li, fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-ħlas ta’ pretensjoni li tikkonsisti minn kontribuzzjonijiet għall-kumpens ta’ leave imħallas għall-ħaddiema kkollokati, il-qorti Awstrijaka teżerċita stħarriġ sħiħ tal-elementi kollha tat-talba.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, peress li tali interpretazzjoni fil-fatt taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Konsegwentement, sa fejn l-Artikolu 33h(2b) tal-BUAG iqiegħed lill-BUAK f’sitwazzjoni legali li tidderoga mir-regoli tad-dritt komuni li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ azzjoni għall-ħlas, billi jingħata effett kostituttiv għall-konstatazzjoni minnu tal-pretensjoni invokata u billi jeskludi, skont il-qorti tar-rinviju, il-possibbiltà għall-qorti adita b’tali azzjoni li tistħarreġ il-fondatezza tad-data li hija bbażata fuqha din il-konstatazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, dan il-korp jaġixxi skont prerogattiva speċifika tal-liġi pubblika mogħtija mil-liġi.

61      Sa fejn dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, ir-rwol tal-BUAK ma jistax jiġi kkaratterizzat, f’dan il-kuntest partikolari, bħala dak ta’ sempliċi korp kollettiv tad-dritt pubbliku li għandu l-għan li jiġbor ir-riżorsi intiżi għall-ħlas tal-kumpensi koperti mill-BUAG. Fil-fatt, f’tali każ, il-BUAK għandu jitqies bħala li qed jaġixxi fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fil-kuntest ta’ kawża bħal dik li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ April 2017, liema ħaġa għandha impatt sinifikanti fuq il-modalitajiet ta’ eżerċizzju, u għalhekk fuq in-natura nnifisha ta’ din il-proċedura, b’mod li l-imsemmija kawża ma taqax taħt il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, u lanqas, għalhekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012.

62      Fir-rigward tal-prerogattivi l-oħra li għandu b’mod speċifiku l-BUAK, enfasizzati mill-qorti tar-rinviju, bħad-dħul mill-BUAK tal-ispejjeż ta’ ġestjoni li l-ammont tagħhom jammonta għal 1 % sa 2 % tal-kontribuzzjonijiet, jew il-possibbiltà għalih li jikkonkludi ftehimiet ma’ korpi ta’ sigurtà soċjali oħra, sa fejn l-ewwel waħda tidher negliġibbli u t-tieni waħda tidher li hija, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti f’dan ir-rigward mill-Gvern Awstrijak waqt is-seduta, ibbażata fuq il-konklużjoni ta’ kuntratti li jaqgħu taħt id-dritt privat, dawn ma jistgħux ikollhom l-effett li jeskludu mill-materja ċivili u kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, lill-proċedura li wasslet għal deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

63      Dwar is-setgħat ta’ investigazzjoni li jiddisponi minnhom il-BUAK fil-każ ta’ ksur mill-persuna li timpjega tal-obbligi ta’ informazzjoni tagħha, għandu jiġi kkonstatat li lanqas dawn ma huma, waħedhom, tali li jagħtu karattru ta’ dritt pubbliku lil proċedura bħal dik li tat lok għas-sentenza tat-28 ta’ April 2017.

64      Fil-fatt, il-prerogattivi msemmija fiż-żewġ punti preċedenti ma għandhom ebda impatt fuq il-kwalità li jaġixxi fiha l-BUAK fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali u ma jbiddlux in-natura u lanqas ma jiddeterminaw l-iżvolġiment tagħha.

 Fuq il-kunċett ta’ “sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament Nru 1215/2012

65      Skont l-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament Nru 1215/2012, is-sigurtà soċjali hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

66      L-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, jikkostitwixxu eċċezzjonijiet li għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

67      Il-kunċett ta’ “sigurtà soċjali” għandu jkun iddefinit b’mod awtonomu, fir-rigward tal-kontenut li jkopri dan il-kunċett fid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tkopri l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) [ara, b’analoġija, f’dak li jikkonċerna r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), sentenza tal-14 ta’ Novembru 2002, Baten, C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 45].

68      Barra minn hekk, provvista tista’ titqies li hija provvista ta’ sigurtà soċjali sa fejn din tingħata lill-benefiċjarji lil hinn minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment, u fejn din tkun tirrigwarda lil wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Hliddal u Bornand, C‑216/12 u C‑217/12, EU:C:2013:568, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-pretensjoni komposta mill-kontribuzzjonijiet għall-kumpens ta’ leave imħallas tinħoloq fl-ammont tad-drittijiet għal kumpens li abbażi tagħhom il-persuna li timpjega tħallas il-kontribuzzjonijiet. Għalhekk, skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, hija l-persuna li timpjega li għandha tħallas dawn il-kontribuzzjonijiet għall-kumpens ta’ leave imħallas, minħabba x-xogħol imwettaq mill-ħaddiem ikkollokat, anki jekk il-ħlas isir permezz tal-BUAK.

70      Għalhekk, tali kumpens ma jidħolx taħt il-kunċett ta’ “sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament Nru 1215/2012.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni intiża biex jinkiseb il-ħlas ta’ pretensjoni li tikkonsisti minn kontribuzzjonijiet għal kumpens ta’ leave imħallas, miżmuma minn korp kollettiv tad-dritt pubbliku kontra persuna li timpjega, minħabba l-kollokazzjoni, fi Stat Membru, ta’ ħaddiema li ma għandhomx il-post tax-xogħol abitwali tagħhom hemm, jew fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ ħaddiema, jew kontra persuna li timpjega li għandha s-sede tagħha barra mit-territorju tal-Istat Membru msemmi fil-konfront tal-impjieg ta’ ħaddiema li għandhom il-post tax-xogħol abitwali tagħhom fl-istess Stat Membru, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bil-kundizzjoni li l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ tali azzjoni ma jidderogawx mir-regoli tad-dritt komuni u, b’mod partikolari, ma jeskludux il-possibbiltà għall-qorti adita li tistħarreġ il-fondatezza tad-data li fuqha hija bbażata l-konstatazzjoni tal-pretensjoni msemmija, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni intiża biex jinkiseb il-ħlas ta’ pretensjoni li tikkonsisti minn kontribuzzjonijiet għal kumpens ta’ leave imħallas, miżmuma minn korp kollettiv tad-dritt pubbliku kontra persuna li timpjega, minħabba l-kollokazzjoni, fi Stat Membru, ta’ ħaddiema li ma għandhomx il-post tax-xogħol abitwali tagħhom hemm, jew fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni, f’dan l-Istat Membru, ta’ ħaddiema, jew kontra persuna li timpjega li għandha s-sede tagħha barra mit-territorju tal-Istat Membru msemmi fil-konfront tal-impjieg ta’ ħaddiema li għandhom il-post tax-xogħol abitwali tagħhom fl-istess Stat Membru, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bil-kundizzjoni li l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ tali azzjoni ma jidderogawx mir-regoli tad-dritt komuni u, b’mod partikolari, ma jeskludux il-possibbiltà għall-qorti adita li tistħarreġ il-fondatezza tad-data li fuqha hija bbażata l-konstatazzjoni tal-pretensjoni msemmija, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.