Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2023 – OT vs Il-Kunsill

(Kawża T-1095/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: OT (rappreżentanti: J.-P. Hordies u P. Blanchetier, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 104), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 3), sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent;

konsegwentement, tordna lill-Kunsill ineħħi isem ir-rikorrent mill-annessi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

Dawn il-konstatazzjonijiet jippermettu lir-rikorrent iqajjem l-ewwel motiv li jenfasizza l-iżball ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill.

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li l-miżuri li għalihom huwa suġġett, u li jikkonsistu f’imblukkar sħiħ tal-fondi kollha tiegħu u fi projbizzjoni ta’ moviment fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, huma għalkollox sproporzjonati filwaqt li huwa ma għandux rabtiet mal-awtoritajiet Russi u fuq kollox ma għandu l-iċken setgħa intiża sabiex jagħmel pressjoni fuq il-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet, li jikkostitwixxi l-għan iddikjarat tal-Kunsill li jiġġustifika l-miżuri restrittivi kontenzjużi.

Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tiegħu tad-difiża u għall-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ir-rikorrent jiddenunzja l-iżbilanċ kostanti li għandu jsofri kemm fil-proċedura amministrattiva quddiem il-Kunsill, intiża għal eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tiegħu, kif ukoll f’dik quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni, għar-raġuni li l-Kunsill iżomm id-dokumenti essenzjali mingħajr ma jikkomunikahom, ma jweġibx għall-argumenti tar-rikorrent, jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti tiegħu u d-dokumenti li jipproduċi u jastjeni minn kull eżami mill-ġdid perjodiku ta’ kull sitt xhur. Ma’ dawn l-ilmenti jiżdiedu l-assenza ta’ provi solidi u verifikabbli u d-dgħufija tal-fajls u tad-dokumenti ppreżentati bħala tali li jsostnu d-deċiżjonijiet sabiex ir-rikorrent jinżamm fil-lista kontenzjuża.

____________