Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2021 minn American Airlines, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-430/18, American Airlines vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-127/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: American Airlines, Inc. (rappreżentanti: J.-P. Poitras, avocat, J. Ruiz Calzado, abogado, J. Wileur, avocat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Delta Air Lines, Inc.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tissospendi u tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 2788 final tat-30 ta’ April 2018;

sussidjarjament, jekk dan jiġi kkunsidrat meħtieġ, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid b’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għall-ispejjeż tar-rikorrenti, kemm għal din il-proċedura kif ukoll għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali;

tieħu kwalunkwe miżura li hija tqis xierqa.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka aggravju uniku, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta aċċettat l-interpretazzjoni legali żbaljata tal-Kummissjoni skont liema l-kriterju tal-“użu xieraq” fil-Klawżola 1.10 tal-Obbligi ta’ amalgamazzjoni American Airlines-US Airways (iktar ’il quddiem l-“Obbligi”) jfisser biss l-“assenza ta’ użu abbużiv” u li, konsegwentement, is-sentenza b’mod żbaljat ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2018) 2788 final, tat-30 ta’ April 2018, li tagħti drittijiet kweżiti lil Delta Air Lines (Kawża M.6607 – US Airways/American Airlines).

L-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet:

1.    Fl-ewwel parti, l-appellanti tiffoka fuq l-approċċ legali korrett għall-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ “użu xieraq” għall-għoti tad-drittijiet kweżiti abbażi tal-Klawżola 1.10 tal-Obbligi u turi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-approċċ interpretattiv tagħha.

2.    Fit-tieni parti, l-appellanti turi li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta laqgħet l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li “użu xieraq” tfisser biss “assenza ta’ użu abbużiv”, u b’hekk aċċettat b’mod żbaljat in-nuqqas ta’ Delta li topera 470 slott korrettiv.

3.    Fit-tielet parti, l-appellanti tispjega l-iżbalji legali addizzjonali tas-sentenza meta tinterpreta l-Klawżola 1.9 tal-Obbligi, speċifikament il-kliem “bi qbil mal-offerta” abbażi ta’ analiżi legali żbaljata fil-Formola RM.

____________