Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Ġunju 2010 - H vs Il-Kunsill u Oħrajn

(Kawża T-271/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: H (Catania, l-Italja) (rappreżentanti: C. Mereu u M. Velardo, lawyers)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea u Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tas-7 ta' April 2010 u, jekk ikun neċessarju, id-deċiżjoni tat-30 ta' April 2010;

tordna lill-konvenuti jħallsu d-danni sostnuti mir-rikorrenti, stimati għal EUR 30 000;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż tal-proċeduri, flimkien ma' interessi ta' 8%.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 263 TFUE, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina tas-7 ta' April 2010, u, jekk ikun neċessarju, tad-deċiżjoni ta' konferma tat-30 ta' April 2010, li fiha ġie deċiż li r-rikorrenti tiġi assenjata mill-ġdid mill-kwartieri ġenerali tal-missjoni f'Sarajevo lejn l-uffiċċju reġjonali fi Banja Luka, kif ukoll it-tnaqqis fil-livell tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 340 TFUE, l-għoti ta' danni li jammontaw għal EUR 30 000.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali m'għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi din il-kawża wara d-Digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-6 ta' Ottubru 2006 fil-kawża F-53/06, Gualtieri vs Il-Kummissjoni.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tippreżenta dawn il-motivi li ġejjin;

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni abbuż ta' poter, peress li ma kienx hemm raġuni oġġettiva li tiġġustifika r-riallokazzjoni.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssosnti li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b'nuqqas ta' motivazzjoni, peress li l-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina ma mmotivatx ir-raġunijiet operattivi għar-riallokazzjoni.

It-tielet nett, kien hemm żball manifest ta' evalwazzjoni, peress li ma kienx hemm bżonn urġenti li jiġi riallokat prosekutur lejn l-uffiċċju reġjonali fi Banja Luka.

Barra minn hekk, kien hemm ksur tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK tat-8 ta' Diċembru 20091, peress li l-Kap tal-Missjoni ma kienx awtorizzat sabiex jassenja mill-ġdid lill-persunal iżda biss sabiex jipprovdi l-ġestjoni ta' kuljum tal-persunal.

Fl-aħħar, ir-rikorrenti titlob l-għoti ta' dani għal fastidju morali.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/906/PESK tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiH) (ĠU L 322, p. 32)