Language of document : ECLI:EU:T:2013:145

Kawża T‑571/11

El Corte Inglés, SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CLUB GOURMET — Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti CLUB DEL GOURMET, EN.... El Corte Inglés — Raġuni relattiva għal rifjut — Assenza ta’ xebh tal-prodotti u tas-servizzi — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Argumenti u provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ Marzu 2013

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell — Teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt mhux ippreżentati qabel quddiem id-dipartimenti tal-Uffiċċju — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Eżami ex officio tal-fatti — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Eżami limitat għall-motivi invokati — Obbligu għall-partijiet li jinvokaw il-fatti u l-provi ta’ sostenn — Dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali — Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 76)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 25)

2.      Id-determinazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn huma indispensabbli għall-attività tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, huma fir-rigward tal-istess istituzzjonijiet, bħala regola ġenerali, kwistjoni tal-istabbiliment tal-fatti u mhux tal-applikazzjoni tad-dritt. Fil-fatt, din tal-aħħar tikkonċerna biss l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, għalkemm huwa veru li l-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, għandu jinftiehem fis-sens li d-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom jista’ jagħti lok għal rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jaqgħu kemm taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll taħt id-dritt Komunitarju, huwa min-naħa l-oħra dan tal-aħħar biss li jaqa’ taħt il-kuntest ġuridiku, li fih il-prinċipju iura novit curia huwa applikabbli, filwaqt li d-dritt nazzjonali, li s-sustanza tiegħu għandha, jekk ikun il-każ, tintwera permezz tal-produzzjoni tal-provi, jinsab f’livell fejn għandhom jiġu ppreżentati fatti u fejn dawn tal-aħħar huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-oneru tal-prova. Minn dan jirriżulta li, fil-prinċipju, fil-kuntest ta’ proċedura quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, hija l-parti li tinvoka d-dritt nazzjonali li għandha turi li dan l-aħħar isostni l-allegazzjonijiet tagħha.

Huwa ċertament veru li l-Qorti Ġenerali kkwalifikat dan il-prinċipju, billi ddeċidiet li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jinforma ruħu ex officio, permezz tal-mezzi li huwa jqis l-iktar adatti għal dan l-għan, dwar id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jekk tali informazzjoni hija neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni u, partikolarment, tal-materjalità tal-fatti ppreżentati jew tas-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati. Madankollu, huwa biss fil-każ li l-UASI għandu diġà indikazzjonijiet relatati mad-dritt nazzjonali, jew fil-forma ta’ allegazzjonijiet dwar il-kontenut tiegħu, jew fil-forma ta’ elementi mogħtija waqt it-trattazzjonijiet u li ġiet allegata s-saħħa probatorja tagħhom, li huwa obbligat, skont il-każ, jinforma ruħu ex officio dwar id-dritt nazzjonali.

(ara l-punti 35, 38, 39, 41)