Language of document : ECLI:EU:C:2010:366

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fl-24 ta’ Ġunju 2010 1(1)

Kawża C‑482/08

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Esklużjoni tar-Renju Unit mill-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għall-finijiet ta’ konsultazzjoni għal skopijiet ta’ pulizija”





1.        B’dan ir-rikors ir-Renju Unit qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2.        Ir-Renju Unit ma tħalliex jipparteċipa fl-approvazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-mument li l-istess deċiżjoni bdiet titqies bħala żvilupp ta’ settur maħluq mill-ftehim ta’ Schengen (dak tal-Viża) li fihom dan l-Istat Membru ma jipparteċipax. Ir-Renju Unit isostni madankollu li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura li tagħmel mas-settur tal-kooperazzjoni tal-pulizija, u mhux mal-kamp tal-Viża.

I –    Kuntest ġuridiku

A –    Il-ftehim ta’ Schengen

3.        Kif inhu magħruf, l-ewwel ftehim ta’ Schengen ġew konklużi fl-1985 minn Franza, il-Ġermanja, il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex tinħoloq żona (magħrufa bħala ż-“Żona Schengen”) mingħajr fruntieri interni. Sussegwentement, aderixxew ma’ dawn il-ftehim Stati Membri oħra u fl-1997, permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, il-corpus leġiżlattiv relattiv ġie inkorporat fl-Unjoni Ewropea. Dan seħħ, b’mod partikolari, permezz ta’ protokoll anness apposta mat-Trattat (3) (iktar ’il quddiem: il-“Protokoll ta’ Schengen”), li ppermetta l-ħolqien ta’ kooperazzjoni msaħħa f’dan il-kuntest.

4.        Il-Protokoll ta’ Schengen, fl-Artikolu 4 jipprovdi li:

“L-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li ma humiex marbuta bl-Acquis Schengen, jistgħu fi kwalunkwe żmien jitolbu li jieħdu sehem f’parti jew fid-disposizzjonijiet kollha ta’ dan l-Acquis.

Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-talba bl-unanimità tal-membri tiegħu msemmija fl-Artikolu 1 u tar-rappreżentant tal-Gvern ta’ l-Istat konċernat”.

5.        Skont il-Protokoll ta’ Schengen, ir-Renju Unit talab u tħalla jipparteċipa f’ċerti dispożizzjonijiet mill-acquis ta’ Schengen. Bid-Deċiżjoni 2000/365/KE (4), il-Kunsill stabbilixxa l-oqsma li fihom ikun jista’ jieħu sehem dan l-Istat Membru. Huwa paċifiku, u f’dawn il-proċeduri ma huwiex qiegħed jiġi kkontestat, li r-Renju Unit, fil-kuntest tal-acquis ta’ Schengen, ma jiħux sehem fil-kooperazzjoni dwar il-viża (5).

B –    Is-sistema ta’ informazzjoni dwar il-viża

6.        Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (iktar ’il quddiem il-“VIS”) ġiet maħluqa bid-Deċiżjoni 2004/512/KE (6) bil-għan li tinħoloq sistema komuni għall-Istati Membri fil-qasam tal-viża, b’mod partikolari biex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jkollhom bażi ta’ data f’dan is-settur.

7.        Id-Deċiżjoni 2004/512/KE, meta ġiet adottata, kellha bħala bażi legali l-Artikolu 66 KE (7), li filwaqt li jinsab fit-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat, jipprovdi li “[i]l-Kunsill [...] għandu jieħu miżuri biex jiżgura kooperazzjoni bejn id-dipartimenti rilevanti u l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri fl-oqsma koperti b’dan it-Titolu, kif ukoll bejn dawk id-dipartimenti u l-Kummissjoni”. L-oqsma regolati mit-Titolu inkwistjoni huma definiti bħala “visa, l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta’ persuni”.

8.        Il-premessa 11 tad-Deċiżjoni Nru 2004/512/KE tgħid dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta’ dawk id-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE [...]; ir-Renju Unit għaldaqstant mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha”.

9.        Id-Deċiżjoni 2004/512/KE ġiet segwita mbagħad bir-Regolament Nru 767/2008 (8), b’mod partikolari, bil-għan li jkun hemm dispożizzjonijiet regolatorji dettaljati għas-sistema VIS. It-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat KE huwa wkoll il-bażi legali ta’ dan ir-regolament. Kif jinsab ippreċiżat fil-premessa 29, ir-Renju Unit ma ħax sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih.

C –    Id-deċiżjoni kkontestata

10.      Id-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tippermetti li f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, il-Europol u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti jkollhom aċċess għas-sistema VIS biex jipprevjenu u jinvestigaw ċerti reati ta’ ċerta serjetà. Peress li s-sistema VIS, minnha nnifisha, ma għandhiex funzjonijiet marbuta mal-prevenzjoni u r-repressjoni ta’ reati kriminali, hija tirrigwarda l-aċċess “għall-konsultazzjoni”, kif jinsab ippreċiżat fl-Artikolu 1, li barra minn hekk huwa limitat għall-każijiet fejn il-konsultazzjoni jkollha l-għan li tipprevjeni jew tippenalizza r-reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra.

11.      Il-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata hija l-Artikolu 30(1)(b) u l-Artikolu 34(2)(ċ) tat-Trattat UE (9).

12.      Fil-premessi tagħha, id-deċiżjoni kkontestata tgħid kif ġej:

“1      […] It-twaqqif tal-VIS jirrappreżenta waħda mill-inizjattivi ewlenin fi ħdan il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja. Il-VIS għandha jkollha l-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viża u għandha tikkontribwixxi wkoll lejn is-sigurtà interna u biex tiġġieled it-terroriżmu taħt ċirkostanzi definiti u monitorati sewwa.

[…]

5      Din id-Deċiżjoni tikkomplementa r-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [...] safejn tipprovdi għal bażi legali taħt it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jawtorizza l-aċċess għall-VIS għal awtoritajiet maħturin u mill-Europol.

6      […] Huwa essenzjali li jiġi żgurat li persunal debitament mogħti s-setgħa bi dritt ta’ aċċess għall-VIS ikun limitat għal dawk li ‘jeħtieġu jkunu jafu’ u għandhom tagħrif xieraq dwar sigurtà ta’ data u regoli ta’ protezzjoni ta’ data.

[…]

13      Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta’ dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fejn ir-Renju Unit ma jiħux parti skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE [...]. Ir-Renju Unit għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

[…]

15      Madankollu, skond id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/960/ĠAI [...] l-informazzjoni li tinsab fil-VIS tista’ tingħata lir-Renju Unit u lill-Irlanda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri li l-awtoritajiet maħturin tagħhom għandhom aċċess għall-VIS skond din id-Deċiżjoni u l-informazzjoni miżmuma mir-reġistri nazzjonali tal-viżi tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda tista’ tingħata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-infurzar tal-liġi ta’ l-Istati Membri l-oħrajn. Kwalunkwe forma ta’ aċċess dirett għall-awtoritajiet ċentrali tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda lill-VIS tkun teħtieġ, skond l-istat preżenti tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-acquis ta’ Schengen, ftehim bejn il-Komunità u dawk l-Istati Membri, possibbilment li jkun supplimentat minn regoli oħrajn li jispeċifikaw il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għal tali aċċess.

[…]”.

II – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.      Bir-rikors tiegħu ppreżentat fir-reġistru fl-10 ta’ Novembru 2008, ir-Renju Unit qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu din eskludietu mill-adozzjoni tagħha.

14.      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat.

15.      Il-partijiet instemgħu fis-seduta tal-14 ta’ April 2010. Fl-istess okkażjoni, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta osservazzjonijiet orali insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

III – Kunsiderazzjonijiet preliminari

16.      Qabel ma jiġu eżaminati fid-dettall l-argumenti tal-partijiet u tiġi evalwata l-ġustifikazzjoni tagħhom jeħtieġ li, preliminarjament, jiġi identifikat bi preċiżjoni l-kuntest tal-kwistjoni. Fil-fatt, hemm ċerti elementi li għalkemm ġew diskussi matul il-proċedura, ma hemmx kontestazzjoni dwarhom bejn il-partijiet.

17.      Fl-ewwel lok, huwa paċifiku li r-Renju Unit ma jiħux sehem fil-parti tal-acquis ta’ Schengen li tirrigwarda l-viża, li tinkludi b’mod partikolari s-sistema VIS.

18.      Fit-tieni lok, il-partijiet kollha jaqblu dwar il-korrettezza tal-bażi legali użata biex tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata (jiġifieri, l-Artikoli 30 u 34 UE).

19.      Mill-aspett ġuridiku, l-uniku aspett li ma hemmx qbil fuqu bejn il-partijiet, u li għalhekk irid jiġi ċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkonsisti fil-kwistjoni dwar jekk il-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala att ta’ żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viża hijiex korretta jew le.

IV – L-argumenti tal-partijiet

A –    Il-pożizzjoni tar-Renju Unit

20.      Ir-Renju Unit qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 35(6) UE fejn jinvoka l-ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali u/jew tat-Trattat. B’mod partikolari, it-teżi prinċipali tar-Renju Unit hija li d-deċiżjoni ċċitata ma tikkostitwixxix żvilupp tal-politika komuni fil-qasam tal-viża, iżda miżura dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u dan kif muri, inter alia, mill-bażi legali użata mill-Kunsill biex adottaha.

21.      Ir-Renju Unit jirrikonoxxi li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kieku d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi kklassifikata bħala żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viża, dan l-Istat Membru ma kien ikollu ebda dritt li jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha. Peress li tali eventwalità trid tiġi eskluża, ir-Renju Unit, li jipparteċipa fil-kooperazzjoni tal-pulizija, kellu jkun ammess jieħu sehem fl-adozzjoni tal-att.

22.      L-istess Kummissjoni, fil-proposta oriġinali għal deċiżjoni, kienet irrikonoxxiet, skont ir-Renju Unit, id-dritt li dan l-istess Stat Membru jieħu sehem fil-mekkaniżmu ta’ aċċess għas-sistema VIS għal raġunijiet marbutin mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati kriminali serji oħra.

23.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi stabbilit għal-liema settur ta’ kooperazzjoni ta’ Schengen id-deċiżjoni kkontestata għandha titqies li tirreferi, jeħtieġ li jsir riferiment għall-għan u l-kontenut tagħha. F’dan il-każ, la l-għan u lanqas il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ma għandhom b’xi mod x’jaqsmu mal-politika fil-qasam tal-viża, u dan peress li l-unika għan tal-att huwa dak li jippermetti ġlied iktar effikaċi kontra ċerti forom ta’ kriminalità.

24.      Skont il-Gvern tar-Renju Unit, l-għażla tal-Kunsill biex iqis id-deċiżjoni kkontestata bħala żvilupp tal-kooperazzjoni ta’ Schengen fil-qasam tal-viża hija vvizzjata b’kuntradizzjoni fundamentali: fil-fatt, il-Kunsill ma setax juża bħala bażi legali l-artikoli tat-Titolu VI tat-Trattat UE, li jirreferu għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-pulizija, u fl-istess ħin, jikklassifika l-att, għall-finijiet tal-adozzjoni tiegħu, bħala miżura relatata mal-politika tal-viża. Kieku d-deċiżjoni kkontestata setgħet verament tirreferi għall-qasam tal-viża, il-bażi legali tagħha kien ikollha tiġi identifikata fil-kuntest tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat KE.

25.      Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit jirrikonoxxi li l-aċċettazzjoni evenwtali tal-pożizzjoni meħuda minnu tista’ toħloq problemi għall-parteċipazzjoni tal-Islanda, tan-Norveġja u tal-Isvizzera fis-sistema maħluqa mid-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-pajjiżi, fil-fatt, jieħdu sehem fil-kooperazzjoni ta’ Schengen fil-qasam tal-viża, iżda ma jiħdux sehem fil-kooperazzjoni tal-pulizija. Ir-Renju Unit josserva madankollu, minn banda, li l-konsegwenzi eventwali fuq pajjiżi terzi minħabba l-klassifikazzjoni ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux ibiddlu n-natura neċessarjament oġġettiva tal-klassifikazzjoni stess. Mill-banda l-oħra, dan l-Istat Membru jiddikjara li huwa kompletament favorevoli u miftuħ biex isib soluzzjoni li tippermetti lil dawn l-Istati terzi biex f’kull każ jieħdu sehem fis-sistema.

B –    Il-pożizzjoni tal-Kunsill

26.      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti kollha tar-Renju Unit.

27.      B’mod preliminari, il-Kunsill isostni li abbażi tal-qafas leġiżlattiv li jinsab fis-seħħ fil-preżent, ir-Renju Unit għandu diġà l-possibbiltà li jkollu aċċess għall-informazzjoni li tinżamm fis-sistema VIS, u dan abbażi tad-Deċiżjoni Kwadru 2006/960/ĠAI (10): l-unika differenza hija li, bis-sistema attwali, l-aċċess huwa indirett, mentri r-Renju Unit jixtieq li billi jipparteċipa fid-deċiżjoni kkontestata, jikseb aċċess li jkun dirett.

28.      Il-Kunsill jikkritika l-argument tar-Renju Unit fejn dan isostni li l-modi ta’ kif ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata kienu kuntradittorji. Effettivament, fil-fehma tal-Kunsill, il-fatt li l-bażi legali tal-miżura tinsab fit-Titolu VI tat-Trattat UE, u mhux fit-Titolu IV tat-Trattat KE, ma huwiex rilevanti biex jiġi stabbilit jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxix żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fil-kuntest tal-politika tal-viża. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni ma timponi li jkun hemm bilfors rabta bejn l-għażla tal-bażi legali u l-kuntest tal-acquis ta’ Schengen li miegħu tkun tista’ tiġi marbuta d-dispożizzjoni partikolari.

29.      L-għan imħaddan mid-deċiżjoni kkontestata huwa preċiżament dak li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-VIS b’ċerti regoli speċifiċi għall-aċċess għall-bażi ta’ data bil-għan li jiġu impediti u miġġielda r-reati kriminali. Konsegwentement, l-għażla tal-bażi legali kienet tajba peress li l-Artikolu 30(1)(b) tat-Trattat UE jipprevedi kooperazzjoni li tinkludi “il-ġbir, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi, l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni miżmuma mis-servizzi ta’ l-applikazzjoni tal-liġi dwar rapporti fuq operazzjonijiet finanzjarji suspettużi, partikolarment perme[zz] ta’ l-Europol”.

30.      Il-Kunsill jikkontesta l-interpretazzjoni proposta mir-Renju Unit li l-kriterji biex tiġi vverifikata l-appartenenza għal xi settur partikolari tal-acquis ta’ Schengen huma biss dawk tal-kontenut u l-għan tad-dispożizzjoni li tkun trid tiġi kklassifikata. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward ma teżiġix tali uniformità fl-interpretazzjoni. Mill-banda l-oħra, fil-fehma tal-Kunsill huwa indispensabbli li apparti l-kontenut u l-għan tal-att, jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kriterju tal-koerenza tal-acquis ta’ Schengen. Dan il-kriterju ġie enfasizzat, pereżempju, fid-Deċiżjoni 2000/365/KE.

31.      Skont il-Kunsill, id-deċiżjoni kkontestata hija marbuta mar-Regolament VIS kemm mill-aspett funzjonali kif ukoll minn dak sostantiv. Il-fatt li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata hija differenti minn dik tar-Regolament VIS ma għandu ebda impatt fuq il-possibbiltà li d-dispożizzjoni inkwistjoni titqies bħala żvilupp u tisħiħ tar-Regolament VIS. Il-Kunsill jammetti li, meħuda b’mod iżolat, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li hija marbuta mal-ftehim ta’ Schengen: dak li hu importanti, madankollu, huwa l-fatt li din id-deċiżjoni għandha rabta oġġettiva mad-dispożizzjonijiet relatati mal-VIS. Irid jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll li s-sistema VIS ma hijiex, kif jidher li jixtieq jippreżentaha r-Renju Unit, sistema b’żewġ għanijiet distinti, jiġifieri l-ġestjoni tal-politika tal-viża u l-prevenzjoni u r-repressjoni tal-attività kriminali. Il-VIS, kif jenfasizza l-Kunsill, għandha għan wieħed prinċipali, li huwa dak li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-viża tad-dħul bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-immigrazzjoni u mill-kontroll tad-dħul fit-territorju: il-possibbiltà li wieħed jaċċedi għal din is-sistema għal skopijiet ta’ pulizija għandha titqies assolutament sekondarja u aċċessorja fil-konfront tal-għan prinċipali. Wara kollox, huwa sinjifikattiv li jingħad li, kif osserva l-Kunsill, tali aċċess għal raġunijiet ta’ pulizija huwa wieħed li jippermetti l-qari biss tad-data, mingħajr il-possibbiltà li tiddaħħal jew tinbidel id-data fil-VIS.

32.      Il-Kunsill josserva wkoll li, skont il-fehma tar-Renju Unit, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvizzera huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni: dan iġib miegħu r-riżultat paradossali li tali Stati terzi, li fil-fatt jieħdu sehem b’mod sħiħ fil-ġestjoni u l-użu tas-sistema VIS, ma jkunux jistgħu jaċċedu għalih għall-finijiet ta’ prevenzjoni u repressjoni ta’ reati kriminali. Taħt dan l-aspett, dawn l-Istati jsibu ruħhom f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ meta mqabbla ma’ Stati (ir-Renju Unit u l-Irlanda) li ma jiħdux sehem fil-VIS.

C –    Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u dik tar-Renju ta’ Spanja

33.      Il-Kummissjoni intervjeniet fil-kawża insostenn tal-Kunsill, u taqbel mal-argumenti tiegħu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-prinċipju tal-koerenza tal-acquis ta’ Schengen u fuq l-impossibbiltà li l-VIS titqies bħala sistema b’għan doppju.

34.      Għal dak li jikkonċerna l-pożizzjoni inizjali tagħha li mbagħad wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li tali proposta ma kinitx tikkunsidra l-eventwalità li l-istess proposta tiġi applikata b’mod sħiħ għar-Renju Unit: il-proposta kienet fil-fatt tipprovdi biss aċċess indirett għar-Renju Unit u l-Irlanda.

35.      Ir-Renju ta’ Spanja, li ppreżenta biss osservazzjonijiet orali, isostni, min-naħa tiegħu, il-korrettezza tal-pożizzjoni tal-Kunsill. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru jsostni li, anki jekk id-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi analizzata abbażi biss tal-kriterji tal-kontenut u tal-għan, hija xorta waħda tkun tista’ titqies bħala żvilupp tal-acquis ta’ Schengen: il-kontenut u l-għan tad-deċiżjoni kkontestata, fil-fatt, jirrigwardaw sempliċiment ċerti modi ta’ aċċess għal xi bażi ta’ data li, kif inhu magħruf, jaqa’ taħt is-settur tal-kooperazzjoni msaħħa ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem.

V –    Evalwazzjoni

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      Fuq it-talba tal-Renju Unit

36.      Ir-Renju Unit ifformula t-talba tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod atipiku. Minn banda, fil-fatt, dan l-Istat Membru qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Mill-banda l-oħra, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex iżżomm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-istess deċiżjoni, ħlief għal dawk li jeskludu lir-Renju Unit milli jieħu sehem fil-mekkaniżmu ta’ aċċess għall-VIS previst fid-deċiżjoni.

37.      Mill-aspett formali, it-tieni parti tat-talba tar-Renju Unit tista’ tinftiehem probabbilment bħala talba, magħmula skont l-Artikolu 231 KE, biex jinżammu ċerti effetti tad-deċiżjoni kkontestata sakemm ikun hemm intervent ġdid min-naħa tal-leġiżlatur.

38.      Waqt is-seduta, ir-Renju Unit sostna li t-talba tiegħu biex jinżammu fis-seħħ ċerti effetti tad-deċiżjoni trid tinftiehem, fir-realtà, bħala li tirreferi għad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi. Iż-żamma fis-seħħ ta’ dawn l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata għandu l-għan biss li jippermetti li s-sistema eżistenti tkompli tapplika, mingħajr ebda tibdil, sakemm tiġi adotatta deċiżjoni ġdida mill-Kunsill.

39.      Nirrileva li hemm ċerta inkoerenza bejn dak li ntalab mir-Renju Unit fir-rikors tiegħu [ara, b’mod partikolari, il-punt 116(b)] u dak li ġie sostnut fis-seduta. Fir-rikors, fil-fatt, it-talba biex jinżammu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata hija limitata espliċitament għal dawk il-partijiet minnha li ma jeskludux lir-Renju Unit mill-aċċess għall-VIS minħabba raġunijiet ta’ pulizija, b’tali mod li l-istess Stat Membru jidher li qiegħed jitlob, effettivament, li b’mod provviżorju jkun jista’ jaċċedi immedjatament għall-bażi ta’ data. Mill-banda l-oħra, kif ġara fis-seduta, ir-Renju Unit irrikonoxxa li, anki f’każ ta’ annullament, huwa biss wara l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda li l-awtoritajiet tal-pulizija tiegħu jkunu jistgħu jibbenefikaw minn aċċess dirett għall-bażi ta’ data fuq il-viża.

40.      Madankollu, dan il-punt jidhirli li huwa relattivament sekondarju. Fil-fatt, f’dan il-każ ma jeżistux il-kundizzjonijiet oġġettivi meħtieġa biex id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata parzjalment.

41.      Fil-fatt għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament parzjali ta’ att Komunitarju ma huwiex possibbli ħlief jekk l-elementi li l-annullament tagħhom qiegħed jiġi mitlub “jistgħu jinfirdu” mill-bqija tal-att (11) u sakemm l-annullament parzjali ma jbiddilx is-sustanza ta’ dan l-att.

42.      F’dan il-każ, madankollu, il-vizzji li qiegħed jilmenta minnhom ir-Renju Unit ma jirrigwardawx biss parti speċifika tad-deċiżjoni kkontestata, iżda jirrigwardaw id-deċiżjoni kollha kemm hi. L-għażla biex jitħallew jew ma jitħallewx jieħdu sehem ċerti Stati Membri fl-adozzjoni ta’ xi att ċertament li ma tikkostitwixxix parti minn dak l-att li jista’ jinfired faċilment mill-bqija. Fil-fatt, huwa ċar illi kieku kellu jingħad li r-Renju Unit u l-Irlanda kellhom id-dritt li jieħdu sehem fl-adozzjoni tal-att ikkontestat, dawn l-Istati Membru kien ikollhom id-dritt/dmir li jesprimu ruħhom u li jivvutaw fuq l-att fl-intier tiegħu. Kif ġustament enfasizza l-Kunsill fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-illeġittimità potenzjali ta’ dan it-tip teżiġi li terġa’ tiġi riveduta d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi. Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun irid, biex ngħidu hekk, jerġa’ jibda mill-ġdid.

43.      Konsegwentement, fil-każ li l-argumenti mressqa mir-Renju Unit jintlaqgħu, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ twassal biss għall-annullament totali tad-deċiżjoni kkontestata.

2.      Fuq il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni

44.      Ir-Renju Unit isostni li l-proposta magħmula oriġinarjament mill-Kummissjoni għad-deċiżjoni kkontestata kienet tipprevedi l-possibbiltà ta’ aċċess għall-informazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet tal-pulizija tar-Renju Unit. Dan juri, skont l-istess Stat Membru, l-korrettezza tal-pożizzjoni tiegħu, peress li jikkonferma li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies bħala żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viża.

45.      F’dan ir-rigward, nosserva qabel xejn li huwa ċar li l-analiżi tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, safejn din tista’ tipprovdi elementi utli biex jiġu ċċarati ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, tibqa’ xorta waħda irrilevanti għall-finijiet biex jiġi stabbilit jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx illeġittima jew le.

46.      Madankollu, l-iktar element importanti li jrid jiġi nnotat huwa wieħed ieħor. Il-proposta tal-Kummissjoni, meta mqabbla mad-deċiżjoni kkontestata, taqa’ taħt perspettiva kompletament differenti. Apparti li tipprevedi l-aċċess dirett tal-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istati ta’ Schengen għall-VIS, hija tipprevedi wkoll, fil-fatt, li d-diversi banek ta’ data ta’, mill-banda l-waħda, l-Istati li jieħdu sehem fil-VIS u, mill-banda l-oħra, tal-Istati Membri li ma jiħdux sehem fil-VIS (ir-Renju Unit u l-Irlanda), isiru komuni. Wara kollox huwa kompletament loġiku li din il-proposta titlaq mill-premessa li anki r-Renju Unit għandu jieħu sehem fl-approvazzjoni tagħha stess, mill-mument li huwa jkollu jipprovdi aċċess għall-bażi ta’ data li tirrigwarda l-viża.

47.      Għandu jiġi nnotat ukoll li anki fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni, l-Istati Membri li ma jiħdux sehem fil-VIS ma kellhomx il-possibbiltà ta’ aċċess dirett għal dik il-bażi ta’ data: l-Artikolu 6 tal-proposta, fil-fatt, kien jipprevedi mekkaniżmu ta’ aċċess indirett, ibbażat fuq il-preżentazzjoni ta’ talba permezz tal-awtoritajiet ta’ wieħed mill-Istati li jieħdu sehem fil-VIS.

48.      Id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi, biex ngħidu hekk, ristrutturazzjoni tal-ambizzjonijiet li l-proposta tal-Kummissjoni kellha oriġinarjament: fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata fiha dispożizzjonijiet li jirrigwardaw biss l-aċċess għall-VIS permezz tal-investigazzjoni u r-repressjoni kriminali, u ma fiha ebda dispożizzjoni fuq l-iskambju ta’ data bejn l-Istati li jieħdu sehem u dawk li ma jiħdux sehem għall-VIS.

49.      Nikkonkludi billi ngħid li l-analiżi tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni ma tipprovdi ebda element deċiżiv biex ikun hemm deċiżjoni fuq il-leġittimità tad-deċiżjoni kkontestata.

B –    Il-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

50.      Il-problema li l-Qorti tal-Ġustizzja trid issolvi f’din il-kawża tikkonsisti esklużivament fil-konstatazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata tistax titqies bħala att li jiżviluppa l-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viża.

51.      Il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, ir-Renju Unit kien ikun korrettement ġie eskluż mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja affermat b’mod ċar li l-parteċipazzjoni f’miżura li tirrigwarda s-settur tal-acquis ta’ Schengen hija rriżervata għall-Istati Membri li jkunu jieħdu sehem f’dak is-settur. Dan ġara f’żewġ sentenzi mogħtija t-tnejn li huma fit-18 ta’ Diċembru 2007, li jirrigwardaw il-kawżi li kienu wkoll bejn ir-Renju Unit u l-Kunsill (12).

52.      F’dawk is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta bejn miżura u l-acquis ta’ Schengen, użat b’analoġija l-prinċipji applikabbli fl-għażla tal-bażi ġuridika ta’ att Komunitarju. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-kwalifika [klassifikazzjoni] ta’ att Komunitarju bħala proposta jew inizjattiva għall-iżvilupp ta’ l-Acquis ta’ Schengen [...] għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kontroll ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta’ l-att” (13).

53.      Fil-każ ineżami, kieku kellu jsir riferiment biss għall-għanijiet tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju Unit kien probabbilment jikseb l-annullament mitlub. Kif turi wkoll, fil-fatt, l-għażla tal-bażi legali magħmula mill-Kunsill (magħmula mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tat-TUE), id-deċiżjoni hija intiża li tilħaq għan li, bla ebda dubju, huwa wieħed tipiku tal-atti tal-kooperazzjoni tal-pulizija. Il-Kunsill stess jammetti dan.

54.      Mill-banda l-oħra, il-kwistjoni dwar il-kontenut tal-att hija differenti u sa ċertu punt inqas ċara. Jista’ jingħad li, peress li l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata huwa magħmul minn serje ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu l-aċċess għas-sistema VIS għal raġunijiet ta’ servizzi tal-pulizija, anki l-kriterju li jirreferi għall-kontenut tal-miżura jtendi favur il-klassifikazzjoni tal-istess miżura bħala miżura marbuta mal-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat UE.

55.      Għandu jiġi rrilevat madankollu li, b’mod konkret, id-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax l-iskambju ta’ data personali għall-finijiet ta’ pulizija f’termini ġenerali (14). Għall-kuntrarju, hija tipprevedi l-modi li bihom, b’mod eċċezzjonali u taħt ċerti ċirkustanzi speċifiċi, isir l-aċċess għal bażi ta’ data (il-VIS) għall-finijiet ta’ pulizija, liema bażi ta’ data ma kinitx maħluqa għal skopijiet simili. Il-partijiet kollha jaqblu fuq il-fatt li l-użu ordinarju u prevalenti tas-sistema VIS huwa marbut mal-kontroll tal-fruntieri u tad-dħul fit-territorju, u mhux mal-prevenzjoni u r-repressjoni tal-attività kriminali. Fi kliem ieħor, il-leġiżlatur għażel li jfassal id-deċiżjoni kkontestata bħala sempliċi miżura ta’ ġestjoni tal-VIS, li tippermetti li tintuża din is-sistema, f’ċerti każijiet, għal skopijiet differenti minn dawk li għalihom normalment hija tintuża.

56.      Konsegwentement, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jikkonsisti, iktar milli f’serje ta’ dispożizzjonijiet intiżi li joħolqu kooperazzjoni fil-qasam tal-pulizija, f’numru ta’ miżuri li jirrigwardaw il-ġestjoni tal-VIS, jiġifieri ta’ bażi ta’ data dwar il-viża, maħluqa abbażi tat-Titolu IV tat-Trattat KE u li tifforma parti minn settur tal-kooperazzjoni msaħħa ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem.

57.      L-applikazzjoni b’analoġija tal-kriterji użati biex tiġi definita l-bażi legali ta’ att ma tippermettix, għalhekk, li tiġi solvuta b’mod ċar il-problema tal-possibbiltà jew l-impossibbiltà li d-deċiżjoni kkontestata tiġi kklassifikata bħala żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viża.

58.      Barra minn hekk, insostni li ġeneralment it-teħid inkunsiderazzjoni, iżolat u astratt, tal-għan u l-kontenut tad-deċiżjoni ma huwiex biżżejjed fil-każ li l-kwistjoni ma tkunx tirrigwarda l-għażla tal-bażi ġuridika iżda, bħal f’dan il-każ, ir-rabta mal-acquis ta’ Schengen.

59.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja, kif diġà rajna, ma semmietx biss u sempliċiment, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tagħha stess dwar l-għażla tal-bażi legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-fatt, b’mod espliċitu li l-użu tal-kriterji tal-ġurisprudenza tagħha sar b’analoġija: ma huwiex eskluż li l-użu tal-kriterji għandu jsir bl-istess mod.

60.      Fit-tieni lok, lanqas il-ġurisprudenza dwar l-għażla tal-bażi legali ma tafferma li jrid isir riferiment b’mod esklużiv għall-kontenut u l-għan tal-att. Din il-ġurisprudenza tiddikjara, mill-banda l-oħra, li jeħtieġ li jsir riferiment għal elementi oġġettivi, li jippermettu li jsir stħarriġ ġudizzjarju tal-għażliet tal-leġiżlatur. Kif spiss tfakkar il-Qorti tal-Ġustizzja, fost dawn l-elementi oġġettivi hemm, tipikament, il-kontenut u l-għan: madankollu dawn ma humiex l-uniċi elementi possibbli li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (15).

61.      Fil-każ ineżami jidhirli li jeżisti element ieħor oġġettiv li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni: kif rajna diġà, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda, mill-aspett materjali, bażi ta’ data (il-VIS) maħluqa fil-kuntest tal-kooperazzjoni ta’ Schengen, f’settur (dak tal-viża) li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem. Dan l-element jindika bla ebda dubju ta’ xejn l-eżistenza ta’ rabta stretta bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-kooperazzjoni ta’ Schengen fil-qasam tal-viża.

62.      Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, kif wara kollox huwa paċifiku fil-ġurisprudenza, dispożizzjoni ma għandha qatt tiġi interpretata b’mod iżolat, iżda dejjem fil-kuntest speċifiku li taqa’ fih (16).

63.      Fir-raba’ lok, fl-aħħar nett, in-natura għal kollox partikolari tal-kooperazzjoni ta’ Schengen, bħala kooperazzjoni msaħħa li tirrigwarda biss lil parti mill-Istati Membri tal-Unjoni, teżiġi li jittieħed inkunsiderazzjoni prinċipju ieħor, li huwa dak tal-integrità u tal-koerenza tal-acquis ta’ Schengen (17). Dan il-prinċipju huwa rifless, b’mod partikolari, fit-tieni “premessa” tad-deċiżjoni msemmija 2000/365/KE (18).

64.      Anki l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li lanqas ġiet espressa b’mod espliċitu fuq dan il-punt, ħadet inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġi evitat li l-acquis ta’ Schengen jkun jista’ jiġi fframmentat u żnaturat, u b’hekk aċċettat ċerti tipi ta’ parteċipazzjoni li huma eċċessivament “faċli” tal-Istati Membri li ma jiħdux sehem b’mod sħiħ fil-kooperazzjoni ta’ Schengen. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li l-miżuri għall-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen “għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet li huma jimplementaw jew li huma jikkostitwixxu żvilupp tagħhom, b’tali mod li jippresupponu li kemm dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll il-prinċipji li jikkostitwixxu l-bażi tagħhom ġew aċċettati” (19).

65.      Il-bran li għadu kif ġie ċċitat ma jirrigwardax sitwazzjoni identika għal ta’ dan il-każ: f’dak il-każ, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja telqet mill-premessa li l-miżura li kellha tiġi analizzata kienet bla ebda dubju żvilupp tal-acquis ta’ Schengen, mentri f’din il-kawża hija proprju din il-klassifika li hija s-suġġett tad-diskussjoni. Fil-fehma tiegħi, il-kwotazzjoni turi madankollu l-ħtieġa li jiġi evitat li l-acquis ta’ Schengen ikun jista’ jkun suġġett ta’ eżerċizzji interpretattivi li finalment iwasslu għal bdil tal-portata u l-karatteristiċi tiegħu, b’mod apparentement superfiċjali iżda li, fir-realtà, ikun sinjifikattiv (20).

66.      Jidhirli li, b’mod ġenerali, il-prinċipju tal-integrità u tal-koerenza tal-acquis ta’ Schengen jeżiġi li titqies bħala żvilupp ta’ dan l-acquis kull miżura li mingħajru ma tkunx tista’ teżisti b’mod konkret. F’dan il-każ, l-aċċess għad-data tas-sistema VIS tippresupponi, b’mod ċar, l-eżistenza ta’ din is-sistema, li hija bbażata esklużivament fuq il-kooperazzjoni ta’ Schengen fil-qasam tal-viża.

67.      Konsegwentement, il-prinċipju tal-integrità u tal-koerenza jwassal biex id-deċiżjoni kkontestata titqies bħala żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viża.

68.      Għaldaqstant, f’dan il-punt, għandna sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni tad-diversi kriterji ta’ interpretazzjoni twassal għal żewġ riżultati opposti. Minn banda, l-analiżi tal-għan tad-deċiżjoni kkontestata ttendi biex hija tiġi kklassifikata bħala miżura “normali” ta’ kooperazzjoni tal-pulizija. Mill-banda l-oħra, l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-integrità u tal-koerenza tal-acquis ta’ Schengen twassal biex hija tiġi kklassifikata bħala miżura ta’ żvilupp tal-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-viża, u għaldaqstant tal-istess acquis ta’ Schengen. L-analiżi tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, min-naħa tagħha, tista’ twassal kemm għall-klassifikazzjoni waħda kif ukoll għall-oħra.

69.      Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi identifikat kriterju li jippermetti li waħda miż-żewġ possibbiltajiet tisboq lill-oħra.

70.      Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni speċifika tal-każ ineżami ma tippermettix li jiġu applikati b’analoġija l-kriterji li ġew stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-għażla tal-bażi legali, għall-każijiet fejn ikun hemm inċertezza bejn żewġ klassifikazzjonijiet possibbli.

71.      Fl-ewwel lok, fil-fatt, hawnhekk ma japplikax il-prinċipju li f’każ li jkun hemm iktar minn bażi legali waħda possibbli għal xi att tal-Unjoni trid tintuża dik li hija mitluba mill-għan prinċipali (21). Dan il-prinċipju japplika fil-fatt, kif wara kollox jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni li tatu l-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawk il-każijiet biss fejn ikun hemm pluralità ta’ bażijiet legali possibbli minħabba l-pluralità tal-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjoni li tkun trid tiġi kklassifikata. F’dan il-każ, mill-banda l-oħra, il-problema ma hijiex tant il-preżenza ta’ iktar minn għan wieħed, imma dik tar-riżultat oppost li jwasslu għalih żewġ kriterji differenti ta’ klassifikazzjoni ġuridika tad-dispożizzjoni (dak tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan minn banda, u dak tal-integrità u tal-koerenza tal-acquis ta’ Schengen, mill-banda l-oħra).

72.      Fit-tieni lok, lanqas ma huwa possibbli li jiġi applikat il-prinċipju, li wara kollox ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala eċċezzjonali, li jaċċetta l-possibbiltà li miżura tkun ibbażata fuq żewġ bażijiet legali differenti (22). F’dan il-każ, fil-fatt, l-applikazzjoni taż-żewġ kriterji msemmija iktar ’il fuq twassal għal żewġ riżultati reċiprokament inkompatibbli. Fil-fatt, huwa inkonċepibbli li att jista’ jiġi adottat bħala miżura ordinarja għall-kooperazzjoni tal-pulizija u fl-istess ħin ukoll bħala miżura ta’ żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viża: fil-fatt dawn huma żewġ sitwazzjonijiet li, min-natura tagħhom stess, jirrigwardaw żewġ gruppi differenti ta’ Stati (l-Istati Membri tal-Unjoni fl-ewwel każ, u numru ta’ Stati Membri tal-Unjoni flimkien ma’ xi Stati terzi fil-każ l-ieħor).

73.      Jidhirli li għandha tinstab soluzzjoni possibbli għall-problema b’riferiment, biex ngħidu hekk, għall-“piż speċifiku” tal-kriterji opposti. Fil-prinċipju, il-kriterji għandhom l-istess importanza u dinjità, iżda jistgħu jitpoġġew b’mod ġerarkiku, u allura fejn kriterju jitpoġġa qabel l‑ieħor, abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull sitwazzjoni partikolari. Il-loġika li għandha tiġi segwita hija fil-fatt l-istess waħda li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi meta tiġi biex tistabbilixxi l-bażi legali ta’ xi att, meta l-istess att ikollu żewġ komponenti differenti: f’dawn il-każijiet, il-bażi legali li għandha tintuża hija dik marbuta mal-komponent prinċipali. F’dan il-każ, il-kriterju li għandu jipprevali mit-tnejn li huma, huwa dak li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi, jidher li huwa l-iktar wieħed xieraq fid-dawl tal-kontenut tal-att li huwa s-suġġett tal-kwistjoni.

74.      F’din il-kawża, il-kriterju tal-għan huwa bbażat fuq il-funzjoni “ta’ pulizija” li għandha d-deċiżjoni kkontestata. Il-kriterju tal-integrità u tal-koerenza tal-acquis ta’ Schengen, mill-banda l-oħra, jirreferi għall-elementi materjali tal-att inkwistjoni, li juża bażi ta’ data (il-VIS) maħluqa biex jiġu ġestiti l-viżas.

75.      Jidhirli li, fil-każ konkret imressaq biex jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-piż tal-“element Schengen”, ċoè tal-bażi ta’ data VIS, huwa ikbar minn dak tal-“element tal-kooperazzjoni ta’ pulizija”, li huwa ta’ natura aċċessorja u li fl-istess ħin jiddependi minnu. Dan minħabba li fil-pożizzjoni magħżula mil-leġiżlatur, id-deċiżjoni kkontestata hija, qabel xejn, miżura għall-ġestjoni tal-bażi ta’ data VIS. Fi kliem ieħor, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex magħmula biss minn numru ta’ regoli intiżi għall-prevenzjoni u r-repressjoni ta’ reati kriminali, iżda wkoll, u qabel xejn, minn numru ta’ regoli li jirrigwardaw l-aċċess għall-VIS.

76.      F’dan ir-rigward, ma għandux jiġi injorat il-fatt li, kif ġie rrikonoxxut fis-seduta, fl-istat preżenti, ir-Renju Unit ma jistax jaċċedi direttament għall-VIS lanqas jekk tiġi rrikonoxxuta din il-possibbiltà tiegħu. Fil-fatt, l-imsemmi Stat Membru ma għandux l-infrastruttura meħtieġa (il-kollegament “fiżiku” mal-VIS). U ċertament din l-infrastruttura ma tistax tinħoloq abbażi tad-deċiżjoni kkontestata: din fil-fatt ma fiha ebda dispożizzjoni mill-aspett tekniku, u għaldaqstant dan jikkonferma n-natura aċċessorja tagħha meta mqabbla mal-corpus regolatorju li jirregola l-VIS, li huwa adottat abbażi tat-Titolu IV tat-Trattat KE.

77.      Kif il-Kunsill enfasizza ripetutament fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, kieku d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi kklassifikata bħala miżura “normali” ta’ kooperazzjoni tal-pulizija, jinkiseb ir-riżultat paradossali li l-aċċess għall-VIS ikun permess, għall-finijiet ta’ prevenzjoni u persekuzzjoni ta’ reati partikolarment serji, lil pajjiżi (ir-Renju Unit u l-Irlanda) li ma jikkontribwixxux għall-ġestjoni ta’ din il-bażi ta’ data, mentri tali aċċess ikun miċħud lil pajjiżi (l-Isvizzera, in-Norveġja u l-Islanda) li jikkontribwixxu għall-ġestjoni u l-finanzjament tal-VIS, li huma jużaw kuljum għall-finijiet “ordinarji” tagħha (jiġifieri, essenzjalment, il-kontroll tal-fruntieri).

78.      Ir-Renju Unit jinsisti biex ipenġi d-deċiżjoni kkontestata bħala miżura għall-iskambju ta’ informazzjoni, fejn isostni li, li kieku r-Renju Unit u l-Irlanda jkunu jistgħu jieħdu sehem fiha, dawn l-Istati Membri jagħtu l-informazzjoni li huma għandhom fil-qasam tal-viża. Madankollu, dan ir-raġunament huwa żbaljat. Fil-fatt kien ikun korrett kieku d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet effettivament konċepita mil-leġiżlatur bħala miżura li tirrigwarda l-iskambju ta’ data, skont il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Iżda peress li, mill-banda l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata fir-realtà hija biss miżura għall-ġestjoni u organizzazzjoni tal-bażi ta’ data VIS, jidhirli li hija iktar korretta l-interpretazzjoni li tillimita d-dritt biex japprovaw miżura simili lil dawk biss li ħolqu u jiġġestixxu din il-bażi ta’ data.

79.      Naturalment, huwa mixtieq li tal-inqas għal dawn l-għanijiet, titpoġġa inkomun l-informazzjoni fil-qasam tal-viża li tinsab fil-VIS, minn banda, u li tinsab fil-banek ta’ data korrispondenti tar-Renju Unit u tal-Irlanda, mill-banda l-oħra. Madankollu, dan jista’ jseħħ biss f’sitwazzjoni kompletament differenti minn dik tal-miżura kkontestata, jiġifieri permezz ta’ miżura li tkun speċifikatament iddedikata biex din id-data titpoġġa inkomun u tkun skambjata.

C –    Il-bażi legali magħżula mill-Kunsill

80.      Fl-aħħar nett, jibqa’ l-aħħar problema li ma tistax tiġi injorata u li jista’ jkun li tikkostitwixxi l-punt l-iktar delikat u diffiċili ta’ din il-kawża. Hawnhekk nirreferi għar-rwol li jrid jiġi rrikonoxxut li għandha l-bażi legali li l-Kunsill uża biex jadotta l-att inkwistjoni.

81.      B’mod partikolari, kif intwera fis-sunt tal-argumenti tal-partijiet, ir-Renju Unit jinsisti fuq il-fatt li l-użu ta’ bażi legali bbażata fuq it-Titolu VI TUE jindika li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viża, iżda miżura ta’ kooperazzjoni ta’ pulizija li fiha, konsegwentement, ir-Renju Unit kellu jitħalla jieħu sehem.

82.      Essenzjalment, l-argument espost fil-punt preċedenti huwa bbażat fuq l-idea li teżisti inkompatibbiltà bejn il-fatt li deċiżjoni tkun ibbażata fuq it-Titolu VI TUE u l-klassifika tagħha bħala żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viża.

83.      Madankollu, għandu jitfakkar li l-acquis ta’ Schengen fih ukoll miżuri li jirrigwardaw il-kooperazzjoni tal-pulizija (23). Huwa minnu li r-Renju Unit jieħu sehem, almenu parzjalment, f’dan is-settur ta’ kooperazzjoni ta’ Schengen, u dan b’kuntrast ma’ dak li jseħħ fil-qasam tal-viża (24): dan juri madankollu li, minnha nnifisha, miżura ta’ pulizija tista’ tidħol fil-kuntest tal-kooperazzjoni ta’ Schengen, u li fil-prinċipju ma jeżisti ebda ostaklu biex miżura bbażata fuq it-Titolu VI TUE tiġi kklassifikata bħala li tidħol fil-kamp tal-acquis ta’ Schengen.

84.      Il-fatt li l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata hija magħmula mill-Artikoli 30 u 34 UE ma jeskludix, għaldaqstant, li d-deċiżjoni stess tista’ titqies bħala żvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

85.      Madankollu, dak li r-Renju Unit jikkontesta hu li d-deċiżjoni kkontestata tista’ titqies bħala żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viża, mhux tal-acquis ta’ Schengen inġenerali. F’dan ir-rigward, madankollu, nosserva li għar-raġunijiet li semmejt iktar ’il fuq, il-fatt li l-għan tal-miżura huwa wieħed “ta’ pulizija” ma jħassarx il-fatt li, mill-aspett tal-kontenut tagħha, din hija essenzjalment deċiżjoni li tirrigwarda l-mod ta’ ġestjoni tas-sistema VIS.

86.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-Renju Unit lanqas jieħu sehem b’mod awtomatiku fil-miżuri ta’ Schengen li jirrigwardaw il-kooperazzjoni ta’ pulizija. Il-parteċipazzjoni tiegħu hija limitata għall-każijiet fejn l-istess parteċipazzjoni hija prevista b’mod espliċitu.

87.      Konsegwentement, jidhirli li l-għażla tal-Kunsill biex iqis id-deċiżjoni kkontestata kemm bħala miżura ta’ żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-viża u kemm fl-istess ħin bħala att ibbażat fuq it-Titolu VI tat-Trattat UE kienet korretta, minkejja li atipika. Id-deċiżjoni kkontestata hija miżura li tidħol fil-kamp tal-kooperazzjoni ta’ Schengen, u l-bażi legali tagħha hija magħmula mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jirregolaw il-kooperazzjoni tal-pulizija. Peress li d-deċiżjoni kkontestata hija xorta waħda att li jirrigwarda l-ġestjoni tas-sistema VIS, hija tiġi adottata mill-“Pajjiżi VIS”. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, ir-rikors tar-Renju Unit għandu jiġi miċħud.

88.      Biex nikkonkludi, irrid nenfasizza element importanti li huwa n-natura kompletament partikolari ta’ din il-kawża. Iċ-ċaħda eventwali tar-rikors tar-Renju Unit min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma twassal għal dubji fuq l-importanza tar-rwol tal-bażi legali fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni. Huwa ċar li, fil-prinċipju, hija l-indikazzjoni tal-bażi legali tal-att li tiddetermina l-modi li bihom l-att ikun irid jiġi adottat. Għandu jiġi kkunsidrat, madankollu, li l-kooperazzjoni msaħħa ta’ Schengen tikkostitwixxi tip ta’ corpus parallel fid-dritt tal-Unjoni. Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni japplikaw dejjem fil-kuntest tal-kooperazzjoni ta’ Schengen, bil-limitazzjoni waħdanija (li tapplika f’dan il-każ) li tirriżulta mill-fatt li, f’ċerti każijiet, in-numru ta’ Stati li jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet ma huwiex dak li huwa tipiku għall-atti “ordinarji” tal-Unjoni.

VI – Konklużjonijiet

89.      Abbażi tal-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi għaldaqstant, li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju Unit ibati l-ispejjeż;

–        tordna li l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja ibatu l-ispejjeż tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – ĠU L 218, p. 129.


3 – Il-Protokoll (Nru 2) li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Protokoll ta’ Schengen, li sar in-numru 19, tbiddel xi ftit. Il-verżjoni li jrid isir riferiment għaliha f’din il-kawża tibqa’ madankollu dik preċedenti.


4 – Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 178).


5 – Ir-Renju Unit, kif dan l-istess Stat Membru jfakkar fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jieħu sehem f’parti kbira mill-acquis ta’ Schengen fl-oqsma li jirrigwardaw il-pulizija u s-sigurtà, iżda ma jiħux sehem f’dak kollu li jirrigwarda t-tneħħija tal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni.


6 – Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE, tat-8 ta’ Ġunju 2004, li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 142M, p. 60).


7 – Li issa sar l-Artikolu 74 TFUE.


8 – Ir-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, nru 767, dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, p. 60).


9 – Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dawn id-dispożizzjonijiet tħassru, u l-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija ġie trasferit fit-TFUE, li issa jaqsam l-istess Titolu (it-Titolu V tat-Tielet Parti) mad-dispożizzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-viża. Din il-pożizzjoni ġdida tiftaħ possibbiltajiet interessanti li ssemmew fis-seduta: il-Kunsill sostna illi kieku kellha tiġi adottata llum, id-deċiżjoni kkontestata tkun tista’ tkun ibbażata fuq bażi legali differenti. Madankollu, dawn l-osservazzjonijiet huma irrilevanti biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni preżenti.


10 – Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 200M, p. 637).


11 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, Ġabra p. I‑9363, punti 105 sa 106 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


12 – Sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑77/05, Ġabra p. I‑11459, punt 62), u Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill, (C-137/05, Ġabra p. I‑11593, punt 50).


13 – Sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill (C-77/05, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 77). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja sejħet ċerti sentenzi “klassiċi” fil-qasam tal-għażla tal-bażi legali: sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (magħrufa bħala “Dijossidu tat-Titanju”, C-300/89, Ġabra p. I‑2867, punt 10); tat-13 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C-176/03, Ġabra p. I‑7879, punt 45), u tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C-440/05, Ġabra p. I‑9097, punt 61).


14 – Kif ġie muri, sistema b’għan bħal dan kienet teżisti diġà u ġiet introdotta bid-Deċiżjoni 2006/960/ĠAI (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq): abbażi ta’ din, madankollu, ġie mfakkar li l-aċċess għall-informazzjoni huwa tat-tip indirett, u mhux dirett bħalma huwa fil-każ tad-deċiżjoni kkontestata.


15 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C-45/86, Ġabra p. 1493, punt 11); “Dijossidu tat-Titanju”, iċċiatta iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 (punt 10), u tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill (C-84/94, Ġabra p. I‑5755, punt 25). Ara wkoll l-opinjoni 2/00, mogħtija fis-6 ta’ Diċembru 2001 (Ġabra p. I‑9713, punt 22).


16 – Sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill (C-77/05, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 55).


17 – Fuq dan il-prinċipju, ara b’mod ġenerali, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 2007 fil-kawża deċiża bis-sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill (C-137/05, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 108 sa 112 tal-konklużjonijiet).


18 – Din il-“premessa” tindika b’mod partikolari li “l-acquis ta’ Schengen kien maħsub u jopera bħala ensemble koerenti li jrid ikun pjenament aċċettat u applikat mill-Istati kollha li jappoġġjaw il-prinċipju ta’ l-abolizzjoni ta’ spezzjonar ta’ persuni fil-fruntieri komuni”.


19 – Sentenza Ir-Renju Unit vs Il‑Kunsill (C-77/05, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 61).


20 – Dwar in-natura tal-kunċett tal-koerenza fil-kuntest tad-diskussjoni ġuridika ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-5 ta’ Marzu 2009 fil-kawża deċiża bis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, X BV (C-429/07, Ġabra p. I-4833, punt 28 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 tal-konklużjonijiet).


21 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C-91/05, Ġabra p. I‑3651, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C-211/01, Ġabra p. I‑8913, punt 40), u tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C-94/03, Ġabra p. I‑1, punt 36).


23 – Ara pereżempju l-Artikoli 39 et seq tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (ĠU 2000, L 239, p. 1).


24 – Ara l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2000/365/KE iċċitata iktar ’il fuq.