Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2021 minn Ryanair DAC, Laudamotion GmbH mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-12ta’ Lulju 2021 fil-Kawża T-866/19, Ryanair u Laudamotion vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-581/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Ryanair DAC, Laudamotion GmbH (rappreżentanti: E. Vahida, avocat, S. Rating, abogado, u I.-G. Metaxas-Maranghidis, dikigoros)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-digriet appellat;

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jressqu żewġ aggravji.

Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni u żnaturat il-fatti (1) billi qieset li l-prijorità stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità 1 hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1585 tal-24 ta’ Settembru 2019 dwar l-istabbiliment ta’ regoli dwar id-distribuzzjoni tat-traffiku skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-ajruporti ta’ Amsterdam Schiphol u Amsterdam Lelystad (notifikata bid-dokument C(2019) 6816) 2 tinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, u (2) billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-iżvolġiment normali tal-affarijiet fid-determinazzjoni tan-natura artifiċjali ta’ talba mressqa mill-appellanti għal miżura ta’ implimentazzjoni mill-koordinatur tal-islots.

Barra minn hekk, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali naqset milli timmotiva l-konstatazzjonijiet tagħha inklużi fid-digriet appellat.

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3.

1     ĠU 2019, L 246, p. 24.