Language of document : ECLI:EU:C:2010:818

Kawża C-438/09

Bogusław Juliusz Dankowski

vs

Dyrektor Izby Skarbowej w Łodzi

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Naczelny Sąd Administracyjny)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa — Servizzi pprovduti — Persuna taxxabbli li ma hijiex inkluża fir-reġistru tal-VAT — Indikazzjonijiet obbligatorji fuq il-fattura għall-finijiet tal-VAT — Leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali — Esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis skont l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill- bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Tnaqqis minn persuna taxxabbli li ħallset din it-taxxa għall-provvista ta’ servizzi pprovduti minn persuna taxxabbli oħra li ma hijiex irreġistrata għall-finijiet tal-imsemmija taxxa — Kundizzjoni — Stabbiliment ta’ fattura mill-imsemmi fornitur li tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 18(1)(a) u 22(3)(b))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill- bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Esklużjonijiet mid-dritt għal tnaqqis — Possibbiltà għall-Istati Membri li jżommu l-esklużjonijiet eżistenti mad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa mħallsa minn persuna taxxabbli lil persuna taxxabbli oħra minħabba n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar għall-finijiet ta’ din it-taxxa — Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 17(6))

1.        L-Artikoli 18(1)(a) u 22(3)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/18, għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna taxxabbli tibbenefika minn dritt għal tnaqqis għal dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa għal servizzi pprovduti minn persuna taxxabbli oħra li ma hijiex irreġistrata għall-finijiet ta’ din it-taxxa, meta l-fatturi rilevanti jikkontjenu l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-imsemmi Artikolu 22(3)(b), b’mod partikolari dawk meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuna li stabbilixxiet l-imsemmija fatturi u n-natura tas-servizzi pprovduti.

Fil-fatt, meta l-amministrazzjoni fiskali jkollha l-informazzjoni neċessarja sabiex tistabbilixxi li l-persuna taxxabbli, bħala destinatarja tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni, hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud, hija ma tistax, fir-rigward tad-dritt li din il-persuna għandha li tnaqqas din it-taxxa, timponi kundizzjonijiet addizzjonali li jistgħu jkollhom l-effett li jġibu fix-xejn l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

B’hekk, nuqqas eventwali mill-fornitur tas-servizzi għal obbligu imsemmi fl-Artikolu 22(1) tas-Sitt Direttiva ma jpoġġux fid-dubju d-dritt għal tnaqqis li jibbenefika minnu d-destinatarju tal-imsemmija servizzi skont l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 35, 36, 38 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendat bid-Direttiva 2006/18, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa minn persuna taxxabbli lil persuna oħra taxxabbli, li tipprovdi servizzi, meta din l-aħħar imsemmija ma hijiex irreġistrata għall-finijiet ta’ din it-taxxa.

Fil-fatt, il-fakultà mogħtija lill-Istati Membri fl-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva ma tikkostitwixxix setgħa diskrezzjonali assoluta li teskludi l-oġġetti u s-servizzi kollha jew kważi kollha tas-sistema tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT u li wkoll tneħħi s-sustanza tagħha mis-sistema stabbilita mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. L-imsemmija fakultà b’hekk ma tirrigwardax l-esklużjonijiet ġenerali u ma tneħħix l-obbligu tal-Istati Membri li jippreċiżaw biżżejjed l-oġġetti u s-servizzi li għalihom huwa eskluż id-dritt għal tnaqqis.

(ara l-punti 41, 47 u d-dispożittiv 2)