Language of document : ECLI:EU:C:2023:740

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil-5 ta’ Ottubru 2023 (1)

Kawża C390/22

Obshtina Pomorie

vs

„ANHIALO AVTO“ OOD

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Okrazhen sad Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas, il‑Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq – Artikolu 4(1)(b)(i) – Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali – Determinazzjoni bil-quddiem, b’mod oġġettiv u trasparenti, tal-parametri għall-kalkolu tal-kumpens għas-servizz pubbliku – Kundizzjonijiet addizzjonali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ħlas ta’ dan il-kumpens – Referenza għar-regoli ġenerali għall-istabbiliment tal-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat l-imsemmi kumpens”






I.      Introduzzjoni

1.        Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (2), li jistabbilixxi skema komuni għall-kumpens ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq, jipprevedi, fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tiegħu, li l-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta’ kumpens, jekk ikun hemm, għal servizz pubbliku għandu jiġi kkalkolat.

2.        L-assenza ta’ pagament sħiħ ta’ kumpens dovut lil operatur ta’ servizz pubbliku għat-twettiq ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku minħabba li l-fondi li jikkorrispondu għall-imsemmi kumpens ma kinux previsti mil-liġi dwar il-baġit ta’ dan l-Istat u mħallsa lill-awtorità kompetenti kkonċernata hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni? Din hija, essenzjalment, id-domanda prinċipali magħmula mill-Okrazhen sad - Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas, il-Bulgarija).

3.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Obshtina Pomorie (il-Muniċipalità ta’ Pomorie, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“Muniċipalità ta’ Pomorie”) u l-kumpannija “ANHIALO AVTO” OOD (iktar ’il quddiem “Anhialo”) dwar l-għoti ta’ kumpens għal servizz pubbliku dovut taħt kuntratt għal servizz pubbliku konkluż għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku ta’ passiġġieri permezz ta’ karozza tal-linja.

4.        Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tinterpreta, fis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Lux Express Estonia (C‑614/20, EU:C:2022:641), l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007, din il-kawża ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar jekk Stat Membru għandux jew le l-possibbiltà li jintroduċi kundizzjonijiet addizzjonali għal dawk diġà previsti minn dan ir-regolament li jirrigwardaw il-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Skop u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.

Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku.”

6.        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)      ‘awtorità kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f’żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità;

[…]

(e)      ‘obbligu ta’ servizz pubbliku’ tfisser rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens;

[…]

(g)      ‘kumpens ta’ servizz pubbliku’ tfisser kwalunkwe benefiċċju, b’mod partikolari benefiċċju finanzjarju, mogħti direttament jew indirettament minn awtorità kompetenti mill-fondi pubbliċi matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku jew f’konnessjoni ma’ dak il-perijodu;

(h)      ‘għotja diretta’ tfisser l-għotja ta’ kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta’ servizz pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel;

(i)      ‘kuntratt għal servizz pubbliku’ tfisser att wieħed jew iktar li jorbtu legalment li jikkonfermaw il-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta’ servizz pubbliku biex jafdaw lil dak l-operatur ta’ servizz pubbliku bil-ġestjoni u l-operat ta’ servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġieri soġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku; skond il-liġijiet ta’ l-Istati Membri, il-kuntratt jista’ jikkonsisti wkoll f’deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti:

–        li tieħu l-forma ta’ att leġislattiv jew regolatorju individwali, jew

–        li fiha kondizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti nnifisha tipprovdi s-servizzi jew tafda l-forniment ta’ tali servizzi lil operatur intern;

[…]

(l)      ‘regola ġenerali’ tfisser miżura li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi kollha tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri ta’ l-istess tip f’żona ġeografika partikolari li għaliha awtorità kompetenti hija responsabbli;

[…]”

7.        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kuntratti għal servizz pubbliku u regoli ġenerali”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt għal servizz pubbliku.

2.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jimmiraw li jistabbilixxu tariffi massimi għall-passiġġieri kollha jew għal ċerti kategoriji ta’ passiġġieri jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta’ regoli ġenerali. F’konformità mal-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 4 u 6 u fl-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-infiq magħmul u d-dħul iġġenerat mill-konformità ma’ l-obbligi tat-tariffi stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali b’mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Dan hekk għandu jkun minkejja d-dritt ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jintegraw obbligi ta’ servizz pubbliku li jistabbilixxu tariffi massimi f’kuntratti għal servizz pubbliku.”

8.        L-Artikolu 4 tal-istess regolament, intitolat “Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.      Il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom:

a)      jiddefinixxu biċ-ċar l-obbligi ta’ servizz pubbliku li magħhom għandhu jkun konformi l-operatur ta’ servizz pubbliku u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati;

b)      jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti:

i)      il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta’ kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat, u

ii)      in-natura u l-firxa ta’ kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija,

B’mod li jevita l-kumpens żejjed. Fil-każ ta’ kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) u (6) dawn il-parametri għandhom jiġu determinati b’tali mod li l-ebda pagament ta’ kumpens ma jista’ jeċċedi l-ammont meħtieġ biex ikopri l-effetti finanzjarji netti fuq l-infiq u d-dħul li jirriżultaw mit-twettiq ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku, b’kont meħud tad-dħul relatat miegħu miżmum mill-operatur ta’ servizz pubbliku u qligħ raġonevoli;

(ċ) jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż konnessi mal-forniment tas-servizzi. […]”

9.        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “L-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku”, jipprovdi:

“1.      Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. […]

[…]

5.      Fil-każ ta’ sfrattu [interuzzjoni] ta’ servizzi jew riskju immedjat ta’ tali sitwazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’ tieħu miżura ta’ urġenza. Din il-miżura ta’ urġenza tista’ tieħu l-forma ta’ għoti dirett jew ftehim formali biex jestendi kuntratt għal servizz pubbliku jew rekwiżit biex jiġu fornuti ċerti obbligi ta’ servizz pubbliku. L-operatur ta’ servizz pubbliku għandu d-dritt jappella d-deċiżjoni li timponi l-forniment ta’ ċerti obbligi ta’ servizz pubbliku. L-għoti jew l-estensjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku b’miżura ta’ emerġenza jew l-impożizzjoni ta’ tali kuntratt m’għandux jeċċedi sentejn.

[…]”

10.      L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kumpens għas-servizz pubbliku”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull kumpens marbut ma’ regola ġenerali jew ma’ kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4, irrispettivament mill-mod li bih ingħata l-kuntratt. Il-kumpens kollu, ta’ kwalunkwe tip, marbut ma’ kuntratt mogħti direttament skond l-Artikolu 5(2),(4),(5) jew (6) jew marbut ma’ regola ġenerali għandu wkoll jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness.”

11.      L-Anness tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem l-“Anness”), intitolat “Regoli applikabbli għall-kumpens fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)”, jistabbilixxi, fil-punti 2 u 3 tiegħu:

“2.      Il-kumpens ma jistax jaqbeż l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett ekwivalenti għat-total ta’ l-effetti, pożittivi jew negattivi, ta’ konformità ma’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul ta’ l-operatur ta’ servizz pubbliku. L-effetti għandhom ikunu valutati bi tqabbil tas-sitwazzjoni fejn l-obbligu tas-servizz pubbliku jiġi rrispettat mas-sitwazzjoni li tkun eżistiet kieku l-obbligu ma kienx ġie rrispettat. […]

3.      Konformità ma’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku jista’ jkollu [jkollha] impatt fuq attivitajiet possibbli ta’ trasport ta’ operatur lil hinn mill-obbligu(i) ta’ servizz pubbliku in kwistjoni. Għalhekk, sabiex jiġi evitat kumpens żejjed jew nuqqas ta’ kumpens, għandu jittieħed kont ta’ effetti finanzjarji kwantifikabbli fuq ir-rettikolati [networks] kkonċernati ta’ l-opertur meta jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett.”

B.      Iddritt Bulgaru

1.      IlLiġi dwar itTrasport bitTriq

12.      L-Artikolu 4 tad-dispożizzjonijiet finali taż-Zakon za avtomobilnite prevozi (il-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq) (3), tas‑17 ta’ Settembru 1999, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jistabbilixxi, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu:

“(1)      Il-baġit tal-Istat tar-Repubblika tal-Bulgarija kull sena għandu jinkludi l-ispejjeż:

1.      għas-sussidju għat-trasport tal-passiġġieri fuq rotot tal-karozza tal-linja mhux profittabbli f’żoni intraurbani u għat-trasport f’reġjuni muntanjużi u oħrajn, fuq proposta tal-Ministru għat-Trasport, għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u għall-Komunikazzjonijiet;

2.      għall-kumpens għat-tnaqqis fid-dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-prezzijiet tal-ivvjaġġar previsti mil-leġiżlazzjoni għal ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi.

[…]

(3)      Il-kundizzjonijiet u l-proċeduri tal-għoti tal-fondi msemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-proċeduri tal-ħruġ ta’ biljetti għat-trasport ta’ ċerti kategoriji ta’ passiġġieri previsti mil-leġiżlazzjoni, huma ddeterminati f’digriet adottat mill-Kunsill tal-Ministri fuq proposta tal-Ministru għat-Trasport, għat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u għall-Komunikazzjonijiet.”

2.      IdDigriet tal2005

13.      In-Naredba no 3 za usloviata i reda za predostavyane na sredstva za subsidirane na prevoza na patnitsite po nerentabilni avtobusni linii vav vatreshnogradskia transport i transporta v planinski i drugi rayoni (id-Digriet Nru 3 dwar il-Kundizzjonijiet u l-Proċeduri għall-Għoti ta’ Fondi Intiżi sabiex Jissussidjaw it-Trasport tal-Passiġġieri fuq Karozzi tal-Linja fir-Rigward tar-Rotot mhux Profittabbli fit-Trasport Interurban u fiż-Żoni Muntanjużi u Oħrajn) (4), tal‑4 ta’ April 2005 (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑2005”), kien jipprevedi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu:

“Dan id-digriet jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti tas-sussidji previsti fil-baġit ċentrali għat-trasport intraurban ta’ passiġġieri u għat-trasport interurban ta’ passiġġieri fiż-żoni muntanjużi u tal-fruntiera b’popolazzjoni baxxa tal-pajjiż.”

3.      IdDigriet tal2015

14.      In-Naredba za usloviata i reda za predostavyane na sredstva za kompensirane na namalenite prihodi ot prilaganeto na tseni za obshtestveni patnicheski prevozi po avtomobilnia transport, predvideni v normativnite aktove za opredeleni kategorii patnitsi, za subsidirane na obshtestveni patnicheski prevozi po nerentabilni avtobusni linii vav vatreshnogradskia transport i transporta v planinski i drugi rayoni i za izdavane na prevozni dokumenti za izvarshvane na prevozite (id-Digriet dwar il-Kundizzjonijiet u l-Proċeduri għall-Għoti ta’ Fondi Intiżi sabiex Jikkumpensaw it-Tnaqqis fid-Dħul mill-Applikazzjoni tat-Tariffi tat-Trasport Pubbliku bit-Triq tal-Passiġġieri Previsti mil-Leġiżlazzjoni għal Ċerti Kategoriji ta’ Passiġġieri, u sabiex Jissussidjaw it-Trasport Pubbliku tal-Passiġġieri fuq Rotot tal-Karozza tal-Linja mhux Profittabbli fil-Kuntest tat-Trasport Intraurban u f’Żoni Muntanjużi u Oħrajn, u l-Ħruġ ta’ Biljetti tat-Trasport) (5), tad‑29 ta’ Marzu 2015, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑2015”), jipprovdi, fl-Artikolu 1(2) u (2) tiegħu:

“(1)      Dan id-digriet jiddefinixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti tal-fondi previsti fil-baġit ċentrali sabiex jikkumpensaw u jissussidjaw lit-trasportaturi li jissodisfaw obbligi ta’ servizz pubbliku għat-trasport mingħajr ħlas u bi prezz imnaqqas tal-passiġġieri u għat-trasport intraurban u interurban tal-passiġġieri fiż-żoni muntanjużi u fiż-żoni l-oħrajn b’popolazzjoni baxxa tal-pajjiż.

Il-fondi msemmija fil-paragrafu 1 jikkostitwixxu kumpens għal servizz pubbliku għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri skont it-tifsira tar-Regolament [Nru 1370/2007] u għandhom jingħataw bla ħsara għall-kundizzjonijiet u għall-proċeduri preskritti mill-imsemmi regolament u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ.”

15.      L-Artikolu 2(1) ta’ dan id-digriet huwa fformulat kif ġej:

“Il-fondi msemmija f’dan id-digriet għandhom jingħataw sal-ammont iddeterminat mil-Liġi Baġitarja tal-Istat għas-sena kkonċernata.”

16.      Skont l-Artikolu 3(1) u (4) tal-imsemmi digriet:

“(1)      Il-fondi msemmija f’dan id-digriet jingħataw fil-forma ta’ trasferimenti mmirati li joriġinaw mill-baġit ċentrali permezz tas-sistema ta’ pagamenti baġitarji elettroniċi (is-sistema SEBRA). Għal dan l-għan, huma stabbiliti limiti għall-muniċipalitajiet li osservaw il-proċedura legali għall-għoti tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri skont ir-Regolament Nru 1370/2007 u d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jew il-liġi dwar il-konċessjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji ta’ pubbliċità u ta’ trasparenza, ta’ kompetizzjoni libera u ekwa, u ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

[…]

(4)      Is-sindki tal-muniċipalitajiet iħallsu lit-trasportaturi skont is-servizzi tat-trasport effettivament ipprovduti.”

17.      L-Artikolu 55(1) u (2) tal-istess digriet jistabbilixxi:

“1.      Is-sussidji għat-trasport tal-passiġġieri għandhom jingħataw lit-trasportaturi mill-baġits tal-muniċipalitajiet, sa ammont li ma jaqbiżx is-somma li tikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett tat-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku.

2.      L-effett finanzjarju nett jinkiseb billi jingħaddu l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligu ta’ servizz pubbliku impost mill-awtorità kompetenti u li jinsab f’kuntratt ta’ servizz pubbliku u/jew f’regola ġenerali, nieqes kwalunkwe effett finanzjarju pożittiv iġġenerat fi ħdan in-network operat taħt l-obbligu ta’ servizz pubbliku inkwistjoni, nieqes d-dħul mit-tariffi jew kwalunkwe dħul ieħor iġġenerat matul it-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku inkwistjoni, u b’żieda ta’ qligħ raġonevoli.”

18.      L-Artikolu 56 tad-Digriet tal‑2015 jipprevedi:

“(1)      Is-sussidji jingħataw biss lit-trasportaturi li magħhom il-muniċipalità kkonċernata tkun ikkonkludiet kuntratti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1370/2007.

(2)      Il-kuntratti għandhom neċessarjament jirregolaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1.      il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat is-sussidju;

2.      in-natura, l-iskala u l-portata ta’ kwalunkwe dritt esklużiv mogħti u t-tul ta’ żmien tal-kuntratt;

3.      il-mekkaniżmi għad-determinazzjoni tal-ispejjeż marbuta direttament mal-provvista tas-servizzi, bħalma huma l-ispejjeż tal-persunal, l-enerġija, it-tariffi tal-infrastruttura, il-manutenzjoni u t-tiswija tal-vetturi tat-trasport pubbliku, materjal fuq ir-roti u faċilitajiet meħtieġa għall-provvista tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, kif ukoll is-sehem mill-ispejjeż indiretti li huwa marbut mal-provvista tas-servizzi;

4.      il-mekkaniżmi għat-tqassim tar-rikavat mill-bejgħ tal-biljetti, li jista’ jew jibqa’ għand l-operatur tas-servizz pubbliku, jew jitħallas lill-awtorità kompetenti, jew jinqasam bejniethom;

5.      l-ammont tal-qligħ raġonevoli;

6.      l-obbligu għas-sindki tal-muniċipalitajiet u tat-trasportaturi li jwettqu kontrolli effettivi tar-regolarità tal-passiġġieri fuq ir-rotot tat-trasport intraurbani u interurbani ssussidjati.

[…]

(4)      Meta t-trasportaturi ma jirrispettawx it-termini tal-kuntratti, is-sindki tal-muniċipalitajiet jistgħu jnaqqsu l-ammont tas-sussidji u jistgħu wkoll jissospendu l-għoti tagħhom.”

III. Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

19.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Awwissu 2013, il-Gvernatur tal-oblast ta’ Burgas (il-Bulgarija) ta l-kunsens tiegħu sabiex is-sindku tal-Muniċipalità ta’ Pomorie jattribwixxi, għal perijodu li ma jeċċedix is-sitt xhur, it-twettiq tat-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja skont l-iskedi elenkati f’din id-deċiżjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rotta tal-karozza tal-linja bejn il-Bliet ta’ Pomorie u ta’ Kableshkovo (il-Bulgarija) kif ukoll ir-rotot tal-karozzi tal-linja intraurbani Nri 1 u 2 ta’ Pomorie. Il-kuntratt għal servizz pubbliku kellu jiġi konkluż fil-kuntest ta’ għotja diretta skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1370/2007, bħala miżura ta’ emerġenza intiża sabiex tirrimedja l-interruzzjoni tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri fuq ir-rotot ikkonċernati minħabba l-iskadenza tal-kuntratti konklużi preċedentement u l-għeluq fl-istess ħin tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ġdid għal servizz pubbliku.

20.      Fl‑1 ta’ Novembru 2013, abbażi tal-imsemmija deċiżjoni, il-Muniċipalità ta’ Pomorie, bħala awtorità kompetenti, u Anhialo, bħala operatur ta’ servizz pubbliku, ikkonkludew kuntratt li permezz tiegħu din il-kumpannija ġiet fdata bl-operat tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri fir-rigward tar-rotot tal-karozzi tal-linja kkonċernati (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”). L-Artikolu 2 ta’ dan il-kuntratt kien jistipula li dan kellu jibqa’ fis-seħħ sakemm l-awtorità kompetenti tagħlaq il-proċedura prevista mil-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi kuntratt, din l-awtorità ntrabtet li tħallas lill-operatur, fit-termini stabbiliti mill-Ministeru għall-Finanzi, il-fondi li jikkorrispondu, jekk ikun hemm, għal sussidju, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, u għal kumpens għall-vjaġġi mingħajr ħlas u bi prezz imnaqqas ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini eliġibbli, skont din il-leġiżlazzjoni.

21.      Huwa stabbilit li Anhialo pprovdiet is-servizzi ta’ trasport previsti mill-kuntratt inkwistjoni. Fil‑15 ta’ Jannar 2019, dan il-kuntratt ġie xolt wara proċedura mibdija skont il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Fir-rigward tal-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2016 sal‑31 ta’ Diċembru 2018, li għalih Anhialo talbet il-pagament ta’ kumpens dovut f’konformità mal-kuntratt inkwistjoni, il-Muniċipalità ta’ Pomorie ħallasha s-somma ta’ 3 690 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 1 886 fid-data kkonċernata), li tikkorrispondi għall-ammont totali tal-fondi stabbiliti u mħallsa mill-baġit ċentrali tar-Repubblika tal-Bulgarija lil din il-muniċipalità bħala sussidji għat-trasport intraurban u interurban.

22.      Sabiex tikkontesta l-ammont ta’ din is-somma, Anhialo ppreżentat rikors quddiem ir-Rayonen sad Pomorie (il-Qorti Distrettwali ta’ Pomorie, il-Bulgarija). Perizja ġudizzjarja tal-kontabbiltà stabbilixxiet l-effett finanzjarju nett, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-anness u tal-Artikolu 55 tad-Digriet tal‑2015, għal din il-kumpannija fir-rigward tas-snin 2016 sa 2018, li kien jammonta għal madwar BGN 86 000 (madwar EUR 43 800 fid-data kkonċernata). Minn din il-perizja jirriżulta wkoll li l-organizzazzjoni tal-kontabbiltà tal-imsemmija kumpannija kienet tippermetti tqassim preċiż tal-ispejjeż u tar-rikavat bejn l-attivitajiet issussidjati u dawk mhux issussidjati, skont ir-rekwiżiti previsti fl-Anness. Quddiem dik il-qorti, Anhialo talbet il-ħlas ta’ parti mill-ammont dovut li baqa’ mhux imħallas, jiġifieri BGN 24 931.60 (madwar EUR 12 700 fid-data kkonċernata).

23.      Bis-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2021, ir-Rayonen sad Pomorie (il-Qorti Distrettwali ta’ Pomorie) laqgħet ir-rikors ta’ Anhialo. Dik il-qorti kkunsidrat b’mod partikolari li l-għan tal-kumpens għal servizz pubbliku, fis-sens tar-Regolament Nru 1370/2007, huwa li jiġi kkumpensat l-effett finanzjarju negattiv nett billi jiġu koperti l-ispejjeż imġarrba mill-operatur għall-provvista ta’ servizz pubbliku u li, peress li l-kuntratt inkwistjoni ġie konkluż matul is-sena 2013, il-Muniċipalità ta’ Pomorie ma tistax issostni li Anhialo ma għandhiex dritt għal kumpens għal servizz pubbliku minħabba li dan il-kuntratt ma jinkludix il-kundizzjonijiet obbligatorji msemmija fl-Artikolu 56(2) tad-Digriet tal‑2015. Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, fid-dawl tad-data tal-adozzjoni ta’ dan id-digriet, ir-rekwiżit previst minn din id-dispożizzjoni li neċessarjament iridu jiġu indikati l-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat is-sussidju ma setax japplika għall-kuntratt inkwistjoni u, peress li Anhialo pprovdiet is-servizz pubbliku ta’ trasport li għalih ġie konkluż dan il-kuntratt, hija għandha dritt għal sussidju u l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jagħtuha kumpens għal servizz pubbliku f’konformità mar-Regolament Nru 1370/2007.

24.      Il-Muniċipalità ta’ Pomorie appellat minn din is-sentenza quddiem l-Okrazhen sad Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju, fejn sostniet li l-kundizzjonijiet previsti mid-Digriet tal‑2015 huma wkoll previsti fil-kuntest tar-Regolament Nru 1370/2007. Peress li dan ir-regolament ilu jipproduċi effett dirett mill-adozzjoni tiegħu, jiġifieri t‑23 ta’ Ottubru 2007, minn dan jirriżulta li r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4(1) tiegħu kienu fis-seħħ minn din id-data u li l-assenza tagħhom fil-kuntratt inkwistjoni ċċaħħad minn kull bażi l-pagament ta’ sussidju. Il-Muniċipalità ta’ Pomorie għamlet riferiment ukoll għall-Artikolu 5 tal-kuntratt inkwistjoni, li minnu hija ddeduċiet li l-obbligu tagħha li tittrasferixxi sussidji ma huwiex mingħajr kundizzjoni, iżda huwa suġġett għat-twettiq tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għalhekk, hija ma tistax tiġi kkritikata għaliex, fl-assenza ta’ sussidju mħallas mill-baġit ċentrali tal-Istat lill-baġit tagħha, ma tħallas l-ebda kumpens għal servizz pubbliku lit-trasportaturi. Din il-muniċipalità żiedet tgħid li hija ma kellhiex is-setgħa legali li tiddetermina hija stess l-ammont tal-kumpens u tas-sussidji, iżda biss li tqassam dawk li jingħataw lilha b’mod immirat.

25.      Anhialo sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 56(2) tad-Digriet tal‑2015 huwa dispożizzjoni ta’ natura materjali u li, bħala tali, dan ma għandux effett retroattiv. Konsegwentement, il-legalità tal-kuntratt inkwistjoni ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dan id-digriet. Ir-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedi d-dritt inaljenabbli tal-operatur ta’ servizz pubbliku għal kumpens għal servizz pubbliku u dan ir-regolament ma jipprojbixxix espressament il-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku fil-każ fejn il-kuntratt għal servizz pubbliku ma kienx formalment jissodisfa r-rekwiżiti li huwa jipprevedi. L-għan tal-imsemmi regolament huwa li tiġi żgurata t-trasparenza tal-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni tal-kumpens għal servizz pubbliku u li jiġi evitat li jingħata kumpens żejjed, mingħajr ma l-operaturi jiġu mċaħħda mill-kumpens dovut lilhom. Anhialo enfasizzat ukoll li, skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-perizja ġudizzjarja tal-kontabbiltà, hija kienet osservat ir-rekwiżiti kollha previsti mir-Regolament Nru 1370/2007 u mid-Digriet tal‑2015 fir-rigward tal-kumpens għal servizz pubbliku. Skont din il-kumpannija, fid-dawl tal-Artikolu 3(1) ta’ dan id-digriet, l-għoti ta’ sussidji mill-baġit ċentrali tal-Istat jiddependi biss fuq il-muniċipalità kkonċernata u fuq l-osservanza tagħha tar-rekwiżiti legali relatati mal-għoti tal-kuntratti għal servizz pubbliku. Għaldaqstant, il-Muniċipalità ta’ Pomorie, li hija obbligata li tipprovdi t-trasport pubbliku fit-territorju tagħha, tibqa’ dejjem responsabbli li tħallas kumpens sħiħ għas-servizz pubbliku lill-operatur tas-servizz pubbliku kkonċernat, irrispettivament minn jekk ingħatax sussidju jew le.

26.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-Digriet tal‑2015 ġie adottat abbażi tal-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq, b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tad-dispożizzjonijiet finali tagħha, u li l-Artikolu 2(1) ta’ dan id-digriet jipprevedi li l-fondi għandhom jingħataw sal-ammont iddeterminat mil-Liġi Baġitarja tal-Istat għas-sena kkonċernata. Dik il-qorti żżid li, fl-istess ħin, l-Artikolu 56(1) tal-imsemmi digriet jipprovdi li s-sussidji għandhom jingħataw biss lill-operaturi ta’ servizz pubbliku li magħhom il-muniċipalità kkonċernata kienet ikkonkludiet kuntratti li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti mir-Regolament Nru 1370/2007 u li l-paragrafi l-oħra ta’ dan l-Artikolu 56 jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali dwar il-kontenut tal-kuntratti konklużi mal-operaturi. Kif ġiet interpretata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, għall-pagament ta’ kumpens għal servizz pubbliku, ir-rekwiżiti li skonthom dan il-kumpens jkun ġie previst mil-Liġi Baġitarja tal-Istat għas-sena kkonċernata u li dan ikun tħallas lill-awtorità kompetenti. Fin-nuqqas ta’ dan, din tal-aħħar ma tkunx f’pożizzjoni li leġittimament tħallas dan il-kumpens lill-operatur ta’ servizz pubbliku, minkejja l-eżekuzzjoni effettiva tal-kuntratt għal servizz pubbliku.

27.      Madankollu, ir-Regolament Nru 1370/2007, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu, ma jinkludix tali rekwiżiti fir-rigward tal-pagament ta’ kumpens għal servizz pubbliku. Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan ir-regolament jippermettix lil Stat Membru jistabbilixxi, permezz ta’ liġi nazzjonali jew ta’ regoli interni, fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku lil trasportatur għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, rekwiżiti u limitazzjonijiet supplimentari.

28.      Barra minn hekk, il-kuntratt inkwistjoni ma jiddefinixxix il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens għal servizz pubbliku, iżda jagħmel riferiment f’dan ir-rigward għal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Skont il-qorti tar-rinviju, peress li l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 isemmi “il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali”, l-użu tal-konġunzjoni “u” jista’ jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li l-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens jiġu ffissati f’regoli ġenerali, jiġifieri dawk adottati fil-kuntest tad-Digriet tal‑2015 u, qabel dan, tad-Digriet tal‑2005. L-interpretazzjoni l-oħra possibbli hija li dawn il-parametri għandhom neċessarjament jiġu stabbiliti, mhux biss f’regoli ġenerali, iżda wkoll fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

29.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okrazhen sad Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 1370/2007] jippermettu li Stat Membru jistabbilixxi, permezz ta’ liġi nazzjonali jew ta’ regoli interni, fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens lit-trasportatur għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, rekwiżiti u limitazzjonijiet supplimentari li ma humiex previsti fl-imsemmi regolament?

2)      L-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 jippermetti l-ħlas ta’ kumpens lil trasportatur għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku f’sitwazzjoni fejn il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat is-sussidju ma jkunux stabbiliti bil-quddiem f’kuntratt ta’ servizz pubbliku iżda jkunu stabbiliti bil-quddiem f’regoli ġenerali, u f’sitwazzjoni fejn l-effett finanzjarju nett jew l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas ikunu ddeterminati konformement mal-mekkaniżmu previst [f’dan ir-Regolament]?”

30.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Muniċipalità ta’ Pomorie, mill-Gvern Bulgaru u mill-Kummissjoni Ewropea. Iż-żewġ partijiet ikkonċernati msemmija l-aħħar ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li saret fil‑21 ta’ Ġunju 2023.

IV.    Analiżi

A.      Fuq lewwel domanda preliminari

31.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet li jipprovdu li kumpens għal servizz pubbliku, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jista’ jingħata lil operatur ta’ servizz pubbliku biss jekk il-fondi li jikkorrispondu għal dan il-kumpens ikunu ġew previsti mil-Liġi Baġitarja tal-Istat għas-sena kkonċernata u jkunu tħallsu lill-awtorità kompetenti.

32.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, ir-regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. B’hekk, minħabba n-natura tagħhom stess u l-funzjoni tagħhom fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti għandhom, bħala regola ġenerali, effett immedjat fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma jkun neċessarju li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ applikazzjoni. Sa fejn l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ regolament teżiġi dan, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni tiegħu li jekk dawn ma jostakolawx l-applikabbiltà diretta tiegħu, jekk dawn ma jaħbux in-natura tiegħu ta’ att tad-dritt tal-Unjoni u jekk dawn jispeċifikaw l-eżerċizzju ta’ marġni ta’ evalwazzjoni mogħtija lilhom minn dan ir-regolament filwaqt li jibqgħu fil-limiti tad-dispożizzjonijiet tiegħu (6).

33.      F’dan ir-rigward, huwa permezz ta’ riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament inkwistjoni, interpretati fid-dawl tal-għanijiet tiegħu li għandu jiġi ddeterminat jekk dawn jipprojbixxux, jimponux jew jippermettux lill-Istati Membri li jadottaw ċerti miżuri ta’ applikazzjoni u, b’mod partikolari f’din l-aħħar ipoteżi, jekk il-miżura kkonċernata taqax fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu kull Stat Membru. Għandu jitfakkar ukoll li kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi prodott effett dirett hija vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, jiġifieri mhux biss il-qrati nazzjonali, iżda wkoll il-korpi tal-amministrazzjoni kollha, inklużi l-awtoritajiet iddeċentralizzati, u dawn l-awtoritajiet huma marbuta li japplikawha (7).

34.      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1370/2007 rilevanti f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, dan għandu l-għan li jiddefinixxi kif, b’osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jintervjenu fil-qasam tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri sabiex jiggarantixxu l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li jkunu b’mod partikolari iktar numerużi, iktar siguri, ta’ kwalità aħjar jew irħas minn dawk li l-forza tas-suq waħedha kienet tippermetti li jiġu pprovduti u li, għal dan l-għan, l-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jafdaw l-eżekuzzjoni tagħhom lil impriża, jagħtu kumpens lill-operaturi ta’ servizz pubbliku bħala korrispettiv għall-ispejjeż imġarrba u/jew jagħtuhom drittijiet esklużivi bħala korrispettiv għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku.

35.      Konsegwentement, ir-Regolament Nru 1370/2007 jirregola l-għoti lil operatur pubbliku ta’ “kumpens għal servizz pubbliku”, iddefinit fl-Artikolu 2(g) ta’ dan ir-regolament bħala kwalunkwe benefiċċju, b’mod partikolari benefiċċju finanzjarju, mogħti direttament jew indirettament minn awtorità kompetenti mill-fondi pubbliċi matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku jew f’konnessjoni ma’ dan il-perijodu. Kif tippreċiża l-premessa 34 tal-imsemmi regolament, “[k]umpens għal servizz pubbliku jista’ jkun meħtieġ fis-settur tat-trasport ta’ passiġġieri fuq l-art sabiex l-impriżi responsabbli għas-servizzi pubbliċi joperaw abbażi ta’ prinċipji u taħt kondizzjonjiet li jippermettulhom iwettqu l-kompiti tagħhom”.

36.      Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprovdi li meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklużiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt għal servizz pubbliku. L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li l-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom: (a) jiddefinixxu biċ-ċar l-obbligi ta’ servizz pubbliku li għandhom jiġu ssodisfatti mill-operatur ta’ servizz pubbliku u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati; (b) jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, (i) il-parametri li abbażi tagħhom għandu jiġi kkalkolat il-kumpens, jekk ikun hemm, u (ii) in-natura u l-firxa ta’ kwalunkwe drittijiet esklużivi mogħtija, b’mod li jevita l-kumpens żejjed, kif ukoll (ċ) jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni tal-ispejjeż konnessi mal-forniment tas-servizzi.

37.      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward tal-espressjoni “jekk ikun hemm”, mill-kuntest li minnu tifforma parti din id-dispożizzjoni jirriżulta li din l-espressjoni tevoka l-possibbiltà, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li l-awtoritajiet kompetenti jagħżlu, fil-kuntest ta’ kuntratt għal servizz pubbliku, li jagħtu lill-operaturi, flimkien ma’ jew minflok drittijiet esklużivi, kumpens għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku (8).

38.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1370/2007, l-awtorità kompetenti tista’ tieħu miżura ta’ emerġenza, li tista’ titwettaq fil-forma ta’ “għoti dirett”, li huwa ddefinit, fl-Artikolu 2(h) ta’ dan ir-regolament bħala l-għotja ta’ kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta’ servizz pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel. F’każ bħal dan, l-imsemmi regolament jipprevedi rekwiżiti addizzjonali relatati mal-kumpens għas-servizz pubbliku (9).

39.      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprovdi li, fil-każ ta’ kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 5(5) ta’ dan ir-regolament, il-parametri li abbażi tagħhom għandu jiġi kkalkolat il-kumpens, jekk ikun hemm lok, għandhom jiġu ddeterminati b’tali mod li l-ebda kumpens ma jista’ jeċċedi l-ammont meħtieġ biex ikopri l-effetti finanzjarji netti fuq l-infiq u d-dħul li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, b’kont meħud tad-dħul relatat miegħu miżmum mill-operatur ta’ servizz pubbliku u qligħ raġonevoli.

40.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprovdi li kull kumpens marbut ma’ regola ġenerali jew ma’ kuntratt għal servizz pubbliku għandu ikun konformi mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4, irrispettivament mill-mod li bih ingħata l-kuntratt, u li l-kumpens kollu, ta’ kwalunkwe tip, marbut ma’ kuntratt għal servizz pubbliku mogħti direttament skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 5(5) jew marbut ma’ regola ġenerali għandu ikun konformi, barra minn hekk, mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness. Dan jindika, fil-punt 2 tiegħu, li “[i]l-kumpens ma jistax jaqbeż l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett ekwivalenti għat-total ta’ l-effetti, pożittivi jew negattivi, ta’ konformità ma’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul ta’ l-operatur ta’ servizz pubbliku”. Il-punt 3 ta’ dan l-anness jippreċiża li “[k]onformità ma’ l-obbligu ta’ servizz pubbliku jista’ jkollu [jkollha] impatt fuq attivitajiet possibbli ta’ trasport ta’ operatur lil hinn mill-obbligu(i) ta’ servizz pubbliku in kwistjoni” u li “sabiex jiġi evitat kumpens żejjed jew nuqqas ta’ kumpens, għandu jittieħed kont ta’ effetti finanzjarji kwantifikabbli fuq ir-rettikolati [networks] kkonċernati ta’ l-opertur meta jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett”.

41.      Għalhekk, mill-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1370/2007 jirriżulta li, fir-rigward ta’ kumpens għal servizz pubbliku, dan ir-regolament huwa intiż, qabel kollox, sabiex jipprevjeni kumpens żejjed favur l-operatur ta’ servizz pubbliku (10), li jwassal għal arrikkiment indebitu tiegħu. Għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali ma tikkonċernax is-sitwazzjoni ta’ kumpens żejjed iżda, għall-kuntrarju, l-assenza ta’ kumpens, li tissemma wkoll fil-punt 3 tal-anness, sitwazzjoni li fiha l-operatur huwa obbligat li josserva l-obbligi tiegħu ta’ servizz pubbliku, skont il-kuntratt għal servizz pubbliku, mingħajr ma jirċievi korrispettiv. Sabiex jiġu evitati dawn iż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet, kuntratt għal servizz pubbliku għandu jinkludi l-parametri għall-kalkolu tal-kumpens għal servizz pubbliku, li għandhom jiġu stabbiliti minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, u, barra minn hekk, fir-rigward tal-kuntratti li huma s-suġġett ta’ għoti dirett, l-ammont ta’ kumpens għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-effett finanzjarju nett għall-operatur ta’ servizz pubbliku. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta wkoll li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 1370/2007 jimponi fuq l-awtoritajiet kompetenti l-obbligu li jagħtu kumpens għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi ta’ servizz pubbliku (11).

42.      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Anhialo u l-Muniċipalità ta’ Pomorie kkonkludew il-kuntratt inkwistjoni fil-kuntest ta’ għoti dirett skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament Nru 1370/2007. Ma huwiex ikkontestat, barra minn hekk, li din il-kumpannija wettqet l-obbligi ta’ servizz pubbliku msemmija f’dan il-kuntratt. Madankollu, din il-muniċipalità ma ħallsithiex l-ammont sħiħ tal-kontribuzzjoni ta’ servizz pubbliku li għaliha hija kellha dritt, kif ġie stabbilit permezz ta’ perizja ġudizzjarja. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, kif ġiet interpretata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi, għall-pagament ta’ kumpens għal servizz pubbliku, ir-rekwiżiti li skonthom dan il-kumpens kien previst mil-Liġi Baġitarja tal-Istat għas-sena kkonċernata u li jkun tħallas lill-awtorità kompetenti. Issa, f’dan il-każ, għall-perijodu inkwistjoni, il-Muniċipalità ta’ Pomorie ħallset lil Anhialo biss is-somma ta’ BGN 3 690 (madwar EUR 1 886 fid-data kkonċernata) (12), li tikkorrispondi għall-ammont totali tal-fondi stabbiliti u mħallsa mill-baġit ċentrali tar-Repubblika tal-Bulgarija lil din il-muniċipalità bħala sussidji għat-trasport intraurban u interurban (13).

43.      Għaldaqstant, f’kawża bħal dik prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-parametri li abbażi tagħhom għandu jiġi kkalkolat il-kumpens għal servizz pubbliku ma humiex stabbiliti minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti. Fil-fatt, dan l-ammont jiddependi fuq il-fondi allokati mill-baġit tal-Istat, li jistgħu jvarjaw minn sena għall-oħra, u skont kriterji li ma humiex marbuta mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku li l-operatur ta’ servizz pubbliku kkonkluda. Issa, kif tipprevedi l-premessa 9 tar-Regolament Nru 1370/2007, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi li qegħdin jikkompetu u ta’ proporzjonalità, meta jingħataw kumpens jew drittijiet esklużivi, huwa meħtieġ li kuntratt għal servizz pubbliku bejn l-awtorità kompetenti u l-operatur magħżul ta’ servizz pubbliku jiddefinixxi n-natura tal-obbligi tas-servizz pubbliku u l-korrispettivi miftiehma.

44.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kuntratti għal servizz pubbliku li kienu s-suġġett ta’ għoti dirett, il-kundizzjoni li l-fondi għandhom jiġu stabbiliti u mħallsa mill-baġit ċentrali sabiex tingħata kontribuzzjoni għal servizz pubbliku lill-operatur ma tiħux inkunsiderazzjoni l-effett finanzjarju nett fuq l-ispejjeż u r-rikavat li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 u mill-anness. Issa, kuntratt għal servizz pubbliku ma jistax iwassal sabiex il-kumpens għal servizz pubbliku, li l-loġika tiegħu hija “retributtiva” (14), jiġi limitat għall-ammont mogħti lill-awtorità kompetenti, mill-baġit tal-Istat, ladarba dan l-obbligu jkun ġie ddeterminat kuntrattwalment.

45.      Inżid li, kif irrilevaw il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni, Stat Membru, jekk il-kapaċità baġitarja tiegħu ma tippermettilux, jista’ jiddeċiedi, għall-futur, li jillimita l-għoti ta’ servizzi pubbliċi jew anki li ma jikkonkludix kuntratti għal servizz pubbliku. Min-naħa l-oħra, għall-passat, meta l-kuntratt ikun ġie eżegwit mill-operatur ta’ servizz pubbliku, bħal fil-kawża prinċipali, jidhirli li huwa evidenti li dan għandu dritt għal kumpens għal servizz pubbliku bħala korrispettiv għall-obbligi ta’ servizz pubbliku li huwa kien obbligat li jwettaq, skont ir-Regolament Nru 1370/2007. Lil hinn mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom (15).

46.      Barra minn hekk, b’mod ġenerali, skont kliem l-Artikolu 2(e) tal-imsemmi regolament, “obbligu ta’ servizz pubbliku” tfisser ir-rekwiżit iddefinit jew iddeterminat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kundizzjonijiet mingħajr kumpens. Fl-assenza ta’ kumpens xieraq għal servizz pubbliku, ebda operatur ma jkun għalhekk dispost li jipprovdi tali servizz ta’ interess ġenerali. Issa, l-approċċ li jikkonsisti f’li l-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku speċifiku jiġi marbut mal-ħlas ta’ sussidju mogħti mill-Istat Membru lill-awtorità kompetenti, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jwassal sabiex ma jingħatax kumpens jew sabiex jingħata kumpens imnaqqas, u dan jista’ jikkomprometti l-eżistenza nnifisha tal-kuntratti għal servizz pubbliku u tal-obbligi ta’ servizz pubbliku marbutin magħhom.

47.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 32 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma taqax fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lil kull Stat Membru sabiex jadotta miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ regolament, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 1370/2007 fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kumpens għal servizz pubbliku li għalih għandu dritt operatur ta’ servizz pubbliku.

48.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li r-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-Stat Membru milli jadotta dispożizzjonijiet li jipprovdu li kumpens għal servizz pubbliku, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jista’ jingħata lil operatur ta’ servizz pubbliku biss jekk il-fondi korrispondenti jkunu ġew previsti mil-Liġi Baġitarja ta’ dak l-Istat għas-sena kkonċernata u jkunu tħallsu lill-awtorità kompetenti kkonċernata.

B.      Fuq ittieni domanda preliminari

49.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku lil operatur ta’ servizz pubbliku meta l-parametri li abbażi tagħhom dan il-kumpens jiġi kkalkolat ma jkunux stabbiliti f’kuntratt ta’ servizz pubbliku iżda jkunu stabbiliti minn qabel f’regoli ġenerali li jiddeterminaw l-ammont tal-imsemmi kumpens f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

50.      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 1370/2007 jiddefinixxi “regola ġenerali” bħala miżura li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi pubbliċi kollha tat-trasport tal-passiġġieri tal-istess tip f’żona ġeografika partikolari li għaliha awtorità kompetenti hija responsabbli.

51.      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (16).

52.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-kuntratti għal servizz pubbliku “u” r-regoli ġenerali jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, il-parametri li abbażi tagħhom il-kumpens għal servizz pubbliku, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat, b’mod li jiġi evitat kumpens żejjed. Jidhirli li huwa ċar li, bl-użu tal-konġunzjoni “u”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jinkludi r-“regoli ġenerali” fost l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens. Fi kliem ieħor, it-termini tal-imsemmija dispożizzjoni ma jimponux li l-parametri kollha għall-kalkolu tal-kumpens għal servizz pubbliku jkunu ddefiniti fl-istess dokument uniku, iżda biss li dawn il-parametri jiġu ddeterminati minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti.

53.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(i) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-“kuntratt għal servizz pubbliku” bħala att jew atti legalment vinkolanti li juru l-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta’ servizz pubbliku bl-għan li jafdaw lill-operatur ta’ servizz pubbliku l-ġestjoni u l-operat tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri suġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li, skont id-dritt tal-Istati Membri, il-kuntratt jista’ jikkonsisti wkoll f’deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti li tieħu l-forma ta’ att individwali, leġiżlattiv jew regolatorju, jew li tinkludi kundizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti tipprovdi hija stess is-servizzi jew tafda l-provvista ta’ dawn is-servizzi lil operatur intern. F’dan is-sens, il-premessa 9 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi li l-forma jew id-denominazzjoni ta’ dan il-kuntratt jistgħu jvarjaw skont is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri.

54.      Għalhekk, meqjusa d-differenzi bejn is-sistemi legali tal-Istati Membri, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jagħti l-kunċett ta’ “kuntratt għal servizz pubbliku”, skont it-tifsira tar-Regolament Nru 1370/2007, tifsira wiesgħa u flessibbli (17), li tinkludi atti ta’ natura kuntrattwali iżda wkoll tipi oħra ta’ atti ta’ natura differenti (18), billi jirrikonoxxi l-kombinazzjoni ta’ att legali ġenerali li jafda l-ġestjoni ta’ servizzi lil operatur u att amministrattiv li jagħti dettalji dwar ir-rekwiżiti relatati mas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti u li jispeċifika l-metodu applikabbli għall-kalkolu tal-kumpens (19). Dan il-kuntest għalhekk jikkorrobora l-interpretazzjoni li l-parametri għall-kalkolu tal-kumpens għas-servizz pubbliku jistgħu jiġu ddeterminati b’riferiment għal regoli ġenerali, ta’ natura leġiżlattiva jew regolatorja, sakemm dawn ir-regoli jistabbilixxu dawn il-parametri minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti.

55.      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1370/2007, kif jirriżulta mill-premessi 9 u 30 tiegħu, l-għan ta’ trasparenza għandu importanza partikolari fl-istabbiliment tal-parametri għall-kalkolu tal-kumpens għal servizz pubbliku. Issa, sabiex jintlaħaq dan l-għan, ma jidhirx li huwa neċessarju li l-parametri kollha għall-kalkolu tal-kumpens għal servizz pubbliku jkunu inklużi fil-kuntratt konkluż bejn l-awtorità kompetenti u l-operatur ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, peress li regoli ġenerali dwar il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens huma stabbiliti minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, kif jeżiġi l-Artikolu 4(1)(b)(i) ta’ dan ir-regolament, u josservaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Anness, operatur ta’ servizz pubbliku jista’ jiddetermina l-ammont tal-kumpens li huwa jista’ jirċievi. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dawn ir-regoli ġenerali għandhom ikunu faċilment aċċessibbli għall-operaturi kkonċernati. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta dawn kienu s-suġġett ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat.

56.      Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-ħlas ta’ kumpens għal servizz pubbliku lil operatur ta’ servizz pubbliku meta l-parametri li abbażi tagħhom dan il-kumpens jiġi kkalkolat ma jkunux stabbiliti f’kuntratt ta’ servizz pubbliku iżda jkunu stabbiliti minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, f’regoli ġenerali li jiddeterminaw l-ammont tal-imsemmi kumpens f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

V.      Konklużjoni

57.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Okrazhen sad – Burgas (il-Qorti Reġjonali ta’ Burgas, il-Bulgarija) kif ġej:

1)      Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet li jipprovdu li kumpens għal servizz pubbliku, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jista’ jingħata lil operatur ta’ servizz pubbliku biss jekk il-fondi li jikkorrispondu għal dan il-kumpens ikunu ġew previsti mil-Liġi Baġitarja tal-Istat għas-sena kkonċernata u jkunu tħallsu lill-awtorità kompetenti.

2)      L-Artikolu 4(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 1370/2007

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jippermetti l-ħlas ta’ kumpens lil operatur ta’ servizz pubbliku meta l-parametri li abbażi tagħhom dan il-kumpens jiġi kkalkolat ma jkunux stabbiliti f’kuntratt ta’ servizz pubbliku iżda jkunu stabbiliti minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti, f’regoli ġenerali li jiddeterminaw l-ammont tal-imsemmi kumpens f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1). Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1370/2007, dan daħal fis-seħħ fit‑3 ta’ Diċembru 2009.


3      DV Nru 82, tas‑17 ta’ Settembru 1999.


4      DV Nru 33, tal‑15 ta’ April 2005.


5      DV Nru 51, tas‑7 ta’ Lulju 2015.


6      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Ursa Major Services (C‑814/18, EU:C:2020:27, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


7      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2020, Ursa Major Services (C‑814/18, EU:C:2020:27, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


8      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Lux Express Estonia (C‑614/20, EU:C:2022:641, punti 73 u 74).


9      F’dan ir-rigward, il-premessa 27 tar-Regolament Nru 1370/2007 tipprovdi li, meta awtorità kompetenti tipprevedi li tagħti kuntratt għal servizz pubbliku mingħajr sejħa kompetittiva għall-offerti, jeħtiġilha wkoll tirrispetta r-regoli dettaljati li jiżguraw li l-ammont tal-kumpens ikun xieraq u jirrifletti xewqa għall-effiċjenza u għall-kwalità ta’ servizzi. Barra minn hekk, skont il-premessa 30 ta’ dan ir-regolament, il-kuntratti għal servizz pubbliku li jingħataw direttament għandhom ikunu suġġetti għal trasparenza ikbar.


10      F’dan is-sens, il-premessa 27 tar-Regolament Nru 1370/2007 tipprovdi wkoll li l-kumpens mogħti mill-awtoritajiet kompetenti biex ikopri l-ispejjeż magħmula fit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku għandu jiġi kkalkolat b’mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed.


11      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Lux Express Estonia (C‑614/20, EU:C:2022:641, punt 71).


12      Matul is-seduta ma ġiex ikkontestat li, f’dan il-każ, l-assenza ta’ ħlas sħiħ tal-kumpens għal servizz pubbliku dovut ħija ta’ natura definittiva.


13      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Bulgaru jsostni li, fil-każ ta’ insuffiċjenza tal-fondi ta’ kumpens allokati mill-baġit ċentrali lil muniċipalità, din tal-aħħar tista’ tagħmel tajjeb għal din l-insuffiċjenza permezz ta’ fondi mill-baġit muniċipali. Madankollu, peress li dan l-eżempju ma huwiex is-suġġett tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, dan ma huwiex ser jiġi eżaminat iktar hawnhekk.


14      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Lux Express Estonia (C‑614/20, EU:C:2022:180, punti 39 sa 42).


15      Ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, BVAEB (Ammont tal-pensjoni tal-irtirar) (C‑681/21, EU:C:2023:349, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Bundesrepublik Deutschland (Kaxxa elettronika ġudizzjarja) (C‑60/22, EU:C:2023:373, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara, fil-letteratura, Vieu, P., “A propos de l’intégration de l’Europe des transports. Observations sur l’interprétation et l’application de la norme européenne: le cas du règlement OSP” (Dwar l-integrazzjoni tal-Ewropa tat-trasport. Osservazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli Ewropew: il-każ tar-Regolament OSP), RTD eur., 2010, Nru 2, p. 297 sa 331, b’mod partikolari p. 320.


18      Ara, fil-letteratura, Franco Escobar S. E., “Las compensaciones económicas por obligaciones de servicio público en el transporte regular de viajeros por carretera”, Financiación de las obligaciones de servicio público: ayudas públicas a las telecomunicaciones, televisión, correos y transporte aéreo, marítimo y terrestre,(“Il-kumpens ekonomiku għal obbligi ta’ servizz pubbliku fit-trasport regolari tal-passiġġieri bil-karozzi tal-linja”. Finanzjament tal-obbligi ta’ servizz pubbliku: għajnuna pubblika għat-telekomunikazzjonijiet, it-televiżjoni, il-posta u trasport bl-ajru, bil-baħar u bl-art) Tirant lo Blanch, 2009, Madrid, p. 201 to 230, b’mod partikolari p. 211.


19      Ara, f’dan is-sens, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida interpretattivi li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (ĠU 2014, C 92, p. 1), b’mod partikolari l-punt 2.2.1.