Language of document : ECLI:EU:C:2019:1110

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 56 u 57 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 96/71/KE – Applikabbiltà – Artikolu 1(3)(a) – Kollokament ta’ ħaddiema mwettaq fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi – Provvista ta’ servizzi abbord ferroviji internazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligi amministrattivi fir-rigward tal-kollokament ta’ ħaddiema”

Fil-Kawża C‑16/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Michael Dobersberger

vs

Magistrat der Stadt Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras, E. Regan, M. Safjan u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, L. Bay Larsen (Relatur), T. von Danwitz, C. Toader, D. Šváby, C. Vajda, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Marzu 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Dobersberger, minn A. Werner, Rechtsanwältin,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Hesse, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Pavliš, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u D. Klebs, sussegwentement minn D. Klebs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Coesme u E. de Moustier, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 57 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66), b’mod partikolari tal-Artikolu 1(3)(a) ta’ din tal-aħħar.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Michael Dobersberger u l-Magistrat der Stadt Wien (il-Kunsill Lokali ta’ Vjenna, l-Awstrija) dwar sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali imposti fuq M. Dobersberger għal diversi nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi amministrattivi previsti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt soċjali Awstrijak li jirregolaw il-kollokament ta’ ħaddiema fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 15 tad-Direttiva 96/71, “għandu jiġi stabbilit li f’ċerti każijiet definiti b’mod ċar ta’ assemblaġġ u/jew installazzjoni ta’ merkanzija, id-dispożizzjonijiet dwar ir-rati minimi ta’ ħlas u l-minimu ta’ vakanzi annwali mħallsa ma japplikawx”.

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jistazzjonaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

2.      Din id-Direttiva ma tapplikax għall-impriżi ta’ marina merkantili fir-rigward ta’ baħħara.

3.      Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

(a)      jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u l-ħaddiem fil-perjodu tal-istazzjonament;

jew

(b)      jistazzjonaw ħaddiema fi stabbiliment jew f’impriża fil-proprjetà ta’ grupp fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u l-ħaddiema tul il-perjodu tal-istazzjonament;

jew

(c)      billi jkunu impriża ta’ impjieg temporanju jew aġent ta’ kollokament temporanju, ifornu ħaddiem lil impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg temporanju jew aġent ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-istazzjonament.

[…]”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tifsira”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘ħaddiem stazzjonat’ tfisser ħaddiem li, għall-perjodu limitat jagħmel ix-xogħol tiegħu fitterritorju ta’ Stat Membru barra mill-Istat li normalment jaħdem fih.

2.      Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjoni ta’ ħaddiem hija dik li tapplika fil-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem jiġi stazzjonat.”

6        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71, intitolat “It-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, irrispettivament mil-liġi li tkun tapplika għar-relazzjoni ta’ impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

–        skond liġi, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi,

u/jew

–        bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness:

(a)      il-perjodi massimi ta’ xogħol u l-perjodi minimi ta’ mistrieħ;

(b)      it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa;

(ċ)      ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mixxogħol;

(d)      il-kundizzjonijiet ta’ fornitura ta’ ħaddiema, b’mod partikulari il-fornitura ta’ ħaddiema minn impriżi ta’ impjieg temporanju;

(e)      is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol;

(f)      miżuri protettivi dwar termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ nisa tqal jew nisa li għadhom kif weldu reċentement, ta’ tfal u ta’ żgħażagħ;

(g)      it-trattament ugwali bejn irġiel u nisa u dispożizzjonijiet oħra dwar non-diskriminazzjoni.

[…]

2.      Fil-kaz ta’ assemblaġġ inizjali u/jew l-ewwel installazzjoni ta’ oġġetti meta din hija parti integrali ta’ kuntratt għall-fornitura ta’ oġġetti u neċessarju biex l-oġġetti forniti jintużaw u li jkunu esegwiti minn ħaddiema kwalifikati u/jew speċjalizzati ta’ l-impriża ta’ fornitura, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 (b) u (ċ) m’għandhomx japplikaw, jekk il-perjodu tal-istazzjonament ma jaqbiżx tmint ijiem.

Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tapplika għall-attivitajiet fil-qasam ta’ xogħol tal-bini mniżżel fl-Anness.

3.      L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw ma’ min iħaddem u mal-ħaddiema, skond it-tradizzjonijiet u l-prattiki ta’ kull Stat Membru, jiddeċiedu li ma japplikawx l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 (ċ) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) meta t-tul tal-istazzjonament ma jaqbiżx xahar.

4.      L-Istati Membri jistgħu, skond il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali, jipprovdu li jistgħu isiru eżenzjonijiet mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (ċ) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) u mid-deċiżjoni mill-Stat Membru fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, permezz ta’ ftehim kollettiv fis-sens tal-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, dwar wieħed jew aktar setturi ta’ attività, meta t-tul tal-istazzjonament ma jaqbiżx xahar.

5.      L-Istati Membri jistghu jipprovdu biex l-eżenzjonijiet jingħataw mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 (b) u (ċ) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) għar-raġuni li x-xogħol li għandu jsir ikun insinifikanti.

L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jistabilixxu l-kriterji li x-xogħol li għandu jsir għandu jilħaq sabiex jiġi kkunsidrat ‘insinifikanti’.

[…]

7.      Il-paragrafi 1 sa 6 m’għandhomx iżommu l-applikazzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet ta’ impjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

[…]

10.      Din id-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni mill-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat, għall-impriżi nazzjonali u għall-impriżi ta’ Stati oħra, fuq bażi ta’ ugwaljanza ta’ trattament ta’:

–        it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg dwar kwistjonijiet barra dawk msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 fil-każ ta’ dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku,

–        it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg imniżżla fil-ftehim kolletiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ fis-sens tal-paragrafu 8 u dwar attivitajiet barra dawk imsemmija fl-Anness.”

 Id-dritt Awstrijak

7        L-Artikolu 7b tal-Arbeitsvertragsrechts-Anpassungsgesetz (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kuntratti tax-Xogħol, BGBl., 459/1993), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I, 152/2015 (iktar ’il quddiem l-“AVRAG”), li kienet ġiet adottata għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/71 fid-dritt nazzjonali, kien ifformulat kif ġej:

“Azzjoni kontra persuni barranin li jimpjegaw li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni jew taż-Żona Ekonomika Ewropea

(1)      Ħaddiem li jiġi kkollokat sabiex jaħdem fl-Awstrija minn persuna li timpjega li jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea minbarra l-Awstrija, matul il-perijodu tal-kollokament u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet legali u regolatorji applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg, awtomatikament għandu jkollu d-dritt

1.      għall-inqas għar-remunerazzjoni minima statutorja, stabbilita b’regolament jew bi ftehim kollettiv, li, fuq il-post tax-xogħol, għandha titħallas lil ħaddiema komparabbli minn dawk il-persuni li jimpjegaw komparabbli […]

[…]

Persuna li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea li ma huwiex l-Awstrija għandha, fir-rigward tal-paragrafi 3 sa 5 u 8, [kif ukoll] tal-Artikolu 7d(1), […] titqies bħala persuna li timpjega fir-rigward tal-ħaddiema mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha, li huma kkollokati fl-Awstrija għall-iskop li jwettqu xogħolhom. […]

[…]

(3)      Il-persuni li jimpjegaw fis-sens tal-paragrafu 1 għandhom jiddikjaraw, mill-inqas ġimgħa qabel il-bidu tax-xogħol inkwistjoni, l-użu ta’ ħaddiema li ġew ikkollokati sabiex jaħdmu fl-Awstrija mad-Dipartiment Ċentrali ta’ Koordinazzjoni għall-Kontroll tax-Xogħol Illegali […]

(4)      Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha ssir b’mod separat għal kull kollokament u għandha tinkludi l-indikazzjonijiet li ġejjin:

1.      Isem, indirizz u liċenzja jew għan professjonali tal-impriża tal-persuna li timpjega fis-sens tal-paragrafu 1 […]

[…]

6.      Il-perijodu totali kopert mill-kollokament, kif ukoll il-bidu u t-tul previst tal-impjieg tal-ħaddiema differenti fl-Awstrija, il-ħin tax-xogħol normali u l-kundizzjonijiet tal-post miftiehma għall-ħaddiema differenti,

7.      L-ammont ta’ remunerazzjoni dovuta lill-ħaddiema individwali skont id-dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi u l-bidu tar-relazzjoni tal-impjieg mal-persuna li timpjega,

8.      Il-post (indirizz eżatt) tal-impjieg fl-Awstrija (ukoll postijiet oħra ta’ intervent fl-Awstrija),

9.      It-tip ta’ attività u użu tal-ħaddiem, filwaqt li jitqies il-kuntratt kollettiv Awstrijak rilevanti,

[…]

(5)      Fejn ma jkun hemm l-ebda obbligu għall-ħaddiema kkollokati sabiex jissieħbu fis-sigurtà soċjali fl-Awstrija, il-persuni li jimpjegaw fis-sens tal-paragrafu 1 għandhom iżommu d-dokumenti disponibbli relatati mad-dikjarazzjoni tal-ħaddiem għas-sigurtà soċjali (id-dokument tas-sigurtà soċjali E 101 skont ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 [tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35)], id-dokument tas-sigurtà soċjali A 1 skont ir-Regolament (KE) Nru 883/04 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72)]), kif ukoll kopja tad-dikjarazzjoni tal-kollokoment fil-post tat-twettiq tax-xogħol (jew intervent) fit-territorju nazzjonali jew jagħmluhom direttament aċċessibbli f’forma elettronika għas-servizzi tal-awtorità responsabbli mill-ġbir tal-kontribuzzjonijiet […]”

8        Fir-rigward tal-obbligu li d-dokumenti dwar is-salarji jkunu disponibbli, l-Artikolu 7d tal-AVRAG, li huwa wkoll intiż sabiex jittrasponi d-Direttiva 96/71 fid-dritt nazzjonali, jipprovdi, b’mod partikolari, li, matul il-perijodu kollu tal-kollokament, il-persuni li jimpjegaw għandhom iżommu, fil-post tat-twettiq tax-xogħol bil-Ġermaniż, il-kuntratt ta’ xogħol jew il-formola tas-servizz, il-karta tas-salarji, il-provi tal-pagament tas-salarji jew tat-trasferimenti bankarji, id-dikjarazzjonijiet tas-salarji, id-dikjarazzjonijiet tas-sigħat maħduma u d-dokumenti relatati mal-klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarji, sabiex, għat-tul tal-impjieg, ikun jista’ jiġi vverifikat li l-ħaddiem ikkollokat jirċievi s-salarju dovut lilu konformement mad-dispożizzjonijiet legali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Österreichische Bundesbahnen (il-Ferroviji Federali Awstrijaċi, iktar ’il quddiem l-“ÖBB”) taw, għall-perijodu bejn l‑2012 u l‑2016, kuntratt għall-provvista ta’ servizzi li jikkonsistu fl-operat ta’ vaguni-ristoranti jew ta’ servizz abbord uħud mill-ferroviji tagħhom lil D. GmbH, li s-sede tagħha tinsab fl-Awstrija. Madankollu, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt ġie żgurat minn Henry am Zug Hungary Kft. (iktar ’il quddiem “H. Kft”), kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż stabbilita fl-Ungerija, permezz ta’ serje ta’ kuntratti ta’ subappalt li jinvolvu lil H. GmbH, li wkoll għandha s-sede tagħha fl-Awstrija.

10      H. Kft. żgurat il-provvista ta’ servizzi f’ċerti ferroviji ta’ ÖBB li kienu jmorru minn Salzburg (l-Awstrija) jew Munich (il-Ġermanja) lejn Budapest (l-Ungerija) bħala stazzjon tal-bidu jew tat-tmiem, minn ħaddiema ddomiċiljati fl-Ungerija, li l-parti l-kbira tagħhom ġew ipprovduti lil H. Kft. minn impriża Ungeriża oħra, filwaqt li l-oħrajn kienu ħaddiema impjegati direttament minn H. Kft.

11      Il-ħaddiema kollha pprovduti għall-provvista ta’ dawn is-servizzi kellhom id-domiċilju tagħhom, l-assigurazzjonijiet soċjali tagħhom u ċ-ċentru tal-ħajja tagħhom fl-Ungerija, u kienu jibdew u jispiċċaw is-servizz tagħhom fl-Ungerija. F’Budapest, dawn kellhom jirċievu merkanzija, jiġifieri l-ikel u x-xorb li kienu maħżuna hemmhekk, u jgħabbuhom fil-ferroviji. Huma kienu wkoll obbligati li jwettqu l-kontrolli tal-istat tal-ħażniet u l-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ f’Budapest. Għalhekk, il-provvisti kollha ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li kellhom jitwettqu fil-ferroviji, kienu pprovduti fl-Ungerija.

12      Wara kontroll fl-istazzjon ta’ Vjenna (l-Awstrija) fit‑28 ta’ Jannar 2016, M. Dobersberger, amministratur ta’ H. Kft., instab ħati, bħala persuna li timpjega ħaddiema ta’ nazzjonalità Ungeriża kkollokati minn din il-kumpannija fit-territorju Awstrijak sabiex iwettqu s-servizz abbord ċerti ferroviji ta’ ÖBB, minħabba l-fatt li l-imsemmija kumpannija:

“1)      naqset, bi ksur tal-Artikolu 7b(3) tal-AVRAG, milli tagħmel, fi żmien ġimgħa qabel il-bidu tax-xogħol, dikjarazzjoni fl-Awstrija quddiem l-awtorità Awstrijaka kompetenti dwar l-impjieg iċċitata iktar ’il fuq tal-ħaddiema kkollokati,

2)      naqset, bi ksur tal-Artikolu 7b(5) tal-AVRAG, milli żżomm, fil-postijiet ta’ intervent fit-territorju nazzjonali, id-dokumenti relatati mal-isħubija tal-ħaddiema mas-sigurtà soċjali u

3)      naqset, bi ksur tal-Artikolu 7d(1) tal-AVRAG, li żżomm, fil-postijiet ta’ intervent iċċitati iktar ’il fuq, il-kuntratt ta’ xogħol, il-provi relatati mal-ħlas tas-salarji u d-dokumenti relatati mal-klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarji, bil-Ġermaniż.”

13      Konsegwentement, minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi amministrattivi, ġew imposti sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali fuq M. Dobersberger.

14      Dan tal-aħħar ikkontesta dawn is-sanzjonijiet quddiem il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija), li ċaħdet din il-kontestazzjoni. M. Dobersberger ippreżenta appell għal reviżjoni kontra s-sentenza tal-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija).

15      Il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima li tressqet quddiemha tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 96/71, u b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 1(3)(a) tagħha, kif ukoll tal-Artikoli 56 u 57 TFUE.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/71 […], b’mod partikolari l-Artikolu 1(3)(a) tagħha, jinkludi wkoll il-provvista ta’ servizzi bħas-servizz ta’ ristorazzjoni permezz ta’ ikel u xorb lill-passiġġieri, is-servizz ta’ alloġġ jew is-servizz ta’ tindif minn impjegati ta’ impriża ta’ servizzi li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru mittenti (l-Ungerija) fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ operatur ferrovjarju li għandu s-sede tiegħu fl-Istat Membru ospitanti (l-Awstrija), meta dawn is-servizzi huma pprovduti f’ferroviji internazzjonali, li jaqsmu wkoll l-Istat Membru ospitanti?

2)      L-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 ikopri wkoll il-każ fejn l-impriża ta’ servizzi li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru mittenti ma tipprovdix is-servizzi msemmija fl-ewwel domanda fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż mal-operatur ferrovjarju stabbilit fl-Istat Membru ospitanti, li jibbenefika b’mod definittiv minn servizzi (destinatarju tal-provvista ta’ servizzi), iżda fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż ma’ impriża oħra stabbilita fl-Istat Membru ospitanti, li min-naħa tagħha, tkun ikkonkludiet kuntratt mal-operatur ferrovjarju (katina ta’subappalt)?

3)      L-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 ikopri wkoll il-każ fejn l-impriża ta’ servizzi li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru mittenti tuża, fid-dawl tal-provvista tas-servizzi msemmija fl-ewwel domanda, mhux l-impjegati tagħha stess, iżda l-ħaddiema ta’ impriża oħra, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom issir fl-Istat Membru mittenti?

4)      Indipendentement mir-risposti għall-ewwel sat-tielet domanda: id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikoli 56 u 57 TFUE), jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-impriżi li jikkollokaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fid-dawl tal-provvista ta’ servizz l-obbligu li josservaw il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71 u l-osservanza tal-obbligi anċillari (b’mod partikolari dak dwar id-dikjarazzjoni tal-kollokament transkonfinali ta’ ħaddiema lil awtorità tal-Istat Membru ospitanti u dak dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumenti li jikkonċernaw l-ammont tar-remunerazzjoni u l-affiljazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema mas-sigurtà soċjali) ukoll fil-każijiet fejn (l-ewwel nett), il-ħaddiema kollokati b’mod transkonfinali jagħmlu parti mill-persunal mobbli ta’ operatur ferrovjarju li għandu attività transkonfinali jew ta’ impriża li tipprovdi servizzi tipiċi ta’ operatur ferrovjarju (servizz ta’ ristorazzjoni permezz ta’ ikel u xorb lill-passiġġieri; servizzi ta’ alloġġ) fil-ferroviji tiegħu, li jaqsmu l-fruntieri tal-Istati Membru, u fejn (it-tieni nett), il-kollokament ma huwa bbażat fuq ebda kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi jew, tal-inqas, ma huwiex ibbażat fuq kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi konkluż bejn l-impriża mittenti u d-destinatajru tal-provvista ta’ servizzi li jeżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru ieħor, minħabba li l-obbligu li jiġu pprovduti servizzi fuq l-impriża mittenti fir-rigward tad-destinatarju tal-provvista ta’ servizzi li jeżerċita l-attività tiegħu fi Stat Membru ieħor jirriżulta mill-kuntratti ta’ subappalt (katina ta’ subappalt), u fejn (it-tielet nett) il-ħaddiema kollokati ma għandhomx relazzjoni ta’ xogħol mal-impriża mittenti, iżda relazzjoni ta’ xogħol ma’ impriża terza li tqiegħed lill-ħaddiema tagħha għad-dispożizzjoni tal-impriża mittenti fit-territorju tal-Istat Membru tas-sede tal-impriża mittenti?”

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel tliet domandi preliminari

17      Il-Gvern Franċiż jiddubita l-ammissibbiltà tal-ewwel tliet domandi preliminari billi jibbaża ruħu fuq is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2014, De Clercq et (C‑315/13, EU:C:2014:2408), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 96/71 ma tapplikax għal kawżi nazzjonali li ma jirrigwardawx direttament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg tal-ħaddiema kkollokati, iżda l-miżuri ta’ kontroll implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg. Issa, dan jidher li huwa l-każ hawnhekk.

18      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20      Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 17 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-kawża ma tikkorrispondi għal ebda waħda mill-każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti risposta għal domandi preliminari. Barra minn hekk, kif sostna ġustament il-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2014, De Clercq et (C‑315/13, EU:C:2014:2408), kienet tirrigwarda miżuri ta’ kontroll intiżi għall-osservanza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 96/71, filwaqt li l-ewwel tliet domandi preliminari f’din il-kawża jirrigwardaw l-applikabbiltà stess ta’ din id-direttiva għall-provvista ta’ servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, meta ma jkunx manifestament evidenti li l-interpretazzjoni ta’ att tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, l-eċċezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att għall-kawża prinċipali ma hijiex relatata mal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Kirschstein, C‑393/17, EU:C:2019:563, punt 28).

22      Minn dan isegwi li l-ewwel tliet domandi huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

23      Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-provvista, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż bejn impriża stabbilita fi Stat Membru u impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li hija kuntrattwalment marbuta ma’ operatur ferrovjarju stabbilit f’dan l-istess Stat Membru, ta’ servizzi ta’ alloġġ, ta’ tindif jew ta’ ristorazzjoni għall-passiġġieri mwettqa minn ħaddiema impjegati mill-ewwel impriża, jew minn ħaddiema pprovduti lil din tal-aħħar minn impriża stabbilita wkoll fl-ewwel Stat Membru, f’ferroviji internazzjonali li jaqsmu t-tieni Stat Membru, meta dawn il-ħaddiema jwettqu parti kbira mix-xogħol inerenti għal dawn is-servizzi fit-territorju tal-ewwel Stat Membru u meta jibdew jew itemmu s-servizz tagħhom fih.

24      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport huwa rregolat mhux mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, li jikkonċerna b’mod ġenerali l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda mid-dispożizzjoni speċifika tal-Artikolu 58(1) TFUE, li skont dan “[i]l-moviment liberu tas-servizzi fil-qasam tat-trasport għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-intestatura dwar it-trasport” (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C‑338/09, EU:C:2010:814, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri l-Artikoli 90 sa 100 TFUE.

25      Is-servizzi fil-qasam tat-trasport jinkludu mhux biss kull att fiżiku tal-moviment tal-persuni jew tal-merkanzija minn post għal ieħor permezz ta’ mezz ta’ trasport, iżda wkoll kull servizz li, anki jekk huwa biss anċillari għal tali att, ikun intrinsikament marbut ma’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:685, punti 46 u 47, kif ukoll l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor) tas‑16 ta’ Mejju 2017, EU:C:2017:376, punt 61).

26      Issa, servizzi bħalma huma s-servizzi ta’ alloġġ, ta’ tindif jew ta’ ristorazzjoni pprovduti fil-ferroviji, għalkemm huma ta’ natura anċillari għas-servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri bil-ferrovija, ma humiex intrinsikament marbuta ma’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, tali servizz ta’ trasport jista’ jitwettaq indipendentement mill-imsemmija servizzi anċillari.

27      Konsegwentement, tali servizzi, li ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tat-titolu tat-Trattat FUE dwar it-trasport, jaqgħu taħt l-Artikoli 56 sa 62 TFUE dwar is-servizzi, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 58(1) TFUE, u, għaldaqstant, jistgħu, bħala tali, ikunu koperti mid-Direttiva 96/71, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 57(2) u tal-Artikolu 66 KE, dwar is-servizzi.

28      Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk tali servizzi, meta jiġu pprovduti f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar.

29      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71, li huwa speċifikament imsemmi mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel tliet domandi tagħha, jirriżulta li din id-direttiva tapplika, b’mod partikolari, għal sitwazzjoni li fiha impriża stabbilita fi Stat Membru tibgħat ħaddiema, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi tranżnazzjonali, f’isimha u taħt il-kontroll tagħha, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fil-kuntest ta’ kuntratt konluż bejn l-impriża li tibgħat lill-ħaddiema u d-destinatarju tal-provvista ta’ servizzi li jopera f’dan l-Istat Membru tal-aħħar sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn din l-impriża u l-ħaddiem matul il-perijodu ta’ kollokament (sentenza tat‑3 ta’ April 2008, Rüffert, C‑346/06, EU:C:2008:189, punt 19).

30      Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva,“‘ħaddiem stazzjonat’ tfisser ħaddiem li, għall-perjodu limitat jagħmel ix-xogħol tiegħu fitterritorju ta’ Stat Membru barra mill-Istat li normalment jaħdem fih”.

31      F’dan ir-rigward, ħaddiem ma jistax, fid-dawl tad-Direttiva 96/71, jitqies li huwa kkollokat fit-territorju ta’ Stat Membru jekk l-eżekuzzjoni tax-xogħol tiegħu ma jkollhiex rabta suffiċjenti ma’ dan it-territorju. Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-istruttura tad-Direttiva 96/71 u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 3(2) tagħha, moqri fid-dawl tal-premessa 15 tagħha, li, fil-każ ta’ provvisti ta’ natura limitata ħafna fit-territorju li fih jintbagħtu l-ħaddiema kkonċernati, jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li jikkonċernaw ir-rati minimi ta’ paga u t-tul minimu ta’ leave annwali mħallas ma japplikawx.

32      Barra minn hekk, l-istess loġika tapplika għad-derogi fakultattivi previsti fl-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 96/71.

33      Issa, ħaddiema, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jwettqu parti kbira mix-xogħol tagħhom fl-Istat Membru li fih hija stabbilita l-impriża li tużahom għall-provvista ta’ servizzi f’ferroviji internazzjonali, jiġifieri l-attivitajiet kollha li jaqgħu taħt dan ix-xogħol bl-eċċezzjoni tal-attività ta’ servizz abbord imwettqa waqt vjaġġ bil-ferrovija, u li jibdew jew itemmu s-servizz tagħhom f’dan l-Istat Membru, ma għandhomx rabta suffiċjenti mat-territorju tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri li dawn il-ferroviji jaqsmu sabiex jitqiesu bħala “kkollokati” hemmhekk, fis-sens tad-Direttiva 96/71.

34      Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li l-provvista tas-servizzi inkwistjoni taqa’ taħt kuntratt konkluż bejn l-imsemmija impriża u impriża li hija stabbilita fl-istess Stat Membru bħal dak tal-operatur ferrovjarju u li, min-naħa tagħha, ikkonkludiet kuntratt ma’ dan tal-aħħar, u li l-impriża ta’ servizzi tuża għal din il-provvista mhux l-impjegati tagħha stess, iżda ħaddiema pprovduti minn impriża stabbilita fl-istess Stat Membru tagħha.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel tliet domandi hija li l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix il-provvista, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż bejn impriża stabbilita fi Stat Membru u impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li hija kuntrattwalment marbuta ma’ operatur ferrovjarju stabbilit f’dan l-istess Stat Membru, ta’ servizzi ta’ alloġġ, ta’ tindif jew ta’ ristorazzjoni għall-passiġġieri mwettqa minn ħaddiema impjegati mill-ewwel impriża, jew minn ħaddiema pprovduti lil din tal-aħħar minn impriża stabbilita wkoll fl-ewwel Stat Membru, f’ferroviji internazzjonali li jaqsmu t-tieni Stat Membru, meta dawn il-ħaddiema jwettqu parti kbira mix-xogħol inerenti għal dawn is-servizzi fit-territorju tal-ewwel Stat Membru u meta jibdew jew itemmu s-servizz tagħhom fih.

 Fuq ir-raba’ domanda

36      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, taħt piena ta’ sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali, timponi fuq impriża stabbilita fi Stat Membru, li tuża l-ħaddiema tagħha stess jew ħaddiema pprovduti minn impriża oħra stabbilita f’dan l-istess Stat Membru għall-provvista ta’ servizzi ta’ alloġġ, ta’ tindif jew ta’ ristorazzjoni għall-passiġġieri f’ferroviji internazzjonali li jaqsmu t-territorju ta’ Stat Membru ieħor, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż minn din l-ewwel impriża ma’ impriża stabbilita f’dan l-Istat Membru l-ieħor u li taġixxi bħala subappaltatur ta’ operatur ferrovjarju wkoll stabbilit f’dan l-imsemmi Stat Membru l-ieħor, l-obbligu li tosserva l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, li huma fis-seħħ f’dan tal-aħħar u li tagħmel, quddiem l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, fi żmien ġimgħa qabel il-bidu tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernati, dikjarazzjoni dwar l-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema u li żżomm, fil-postijiet ta’ intervent fit-territorju tal-istess Stat Membru l-ieħor, minn naħa, id-dokumenti relatati mal-isħubija tal-ħaddiema mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-ewwel Stat Membru u, min-naħa l-oħra, il-kuntratti ta’ xogħol, il-provi relatati mal-ħlas tas-salarji u d-dokumenti relatati mal-klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarji, fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru l-ieħor.

37      F’dan ir-rigward, mill-punt 35 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix servizzi bħal dawk deskritti fil-punt preċedenti.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija f’din ir-raba’ domanda għandha l-għan speċifiku li tittrasponi din id-direttiva u li tipprevedi serje ta’ obbligi aċċessorji intiżi sabiex jistħarrġu l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tagħha, b’mod partikolari fil-qasam tal-paga minima, ma għadx hemm lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix il-provvista, fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż bejn impriża stabbilita fi Stat Membru u impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor li hija kuntrattwalment marbuta ma’ operatur ferrovjarju stabbilit f’dan l-istess Stat Membru, ta’ servizzi ta’ alloġġ, ta’ tindif jew ta’ ristorazzjoni għall-passiġġieri mwettqa minn ħaddiema impjegati mill-ewwel impriża, jew minn ħaddiema pprovduti lil din tal-aħħar minn impriża stabbilita wkoll fl-ewwel Stat Membru, f’ferroviji internazzjonali li jaqsmu t-tieni Stat Membru, meta dawn il-ħaddiema jwettqu parti kbira mix-xogħol inerenti għal dawn is-servizzi fit-territorju tal-ewwel Stat Membru u meta jibdew jew itemmu s-servizz tagħhom fih.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.