Language of document : ECLI:EU:F:2013:191

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2013

Kawża F‑113/12

Vilija Balionyte-Merle

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/204/10 — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Evalwazzjoni tal-kompetenzi ġenerali tal-kandidati — Evalwazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni tal-kandidati waqt l-eżami fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni — Koerenza bejn il-punteġġ numeriku u l-kummenti li jidhru fil-passaport tal-ħiliet”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu V. Balionyte-Merle ppreżentat dan ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-Kompetizzjoni EPSO/AD/204/10 (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Għażla”) li ma tinkludihiex fil-lista ta’ riżerva tal-imsemmija kompetizzjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. V. Balionyte-Merle għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Preżunzjoni ta’ validità — Preżunzjoni ta’ indizji ta’ natura li jikkontestaw il-legalità tal-att — Oneru tal-prova

(Artikolu 256 TFUE)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra barra l-prestazzjoni tal-kandidati — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 5)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Konkordanza bejn il-punteġġ numeriku u l-evalwazzjonijiet letterali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 5)

4.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Regolarizzazzjoni matul il-proċedura kontenzjuża — Kundizzjonijiet

(Artikolu 296 TFUE)

1.      Att amministrattiv igawdi preżunzjoni ta’ legalità. Min-naħa l-oħra, l-oneru tal-prova jistrieħ, bħala prinċipju, fuq min qiegħed jagħmel l-allegazzjonijiet, b’tali mod li huwa r-rikorrent li għandu jipprovdi għall-inqas, kull indizju suffiċjentement preċiż, oġġettiv u konsistenti, ta’ natura li jsostni l-veraċità jew il-plawżibbiltà tal-fatti insostenn tal-allegazzjoni tiegħu.

(ara l-punt 31)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Frar 2010, Wiame vs Il‑Kummissjoni, F‑15/08, punt 21; 24 ta’ April 2013, BX vs Il‑Kummissjoni, F‑88/11, punt 33, li hija suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑352/13 P

2.      Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-konoxxenzi professjonali tal-kandidati, kif ukoll f’dik tal-kompetenzi u tal-motivazzjoni, għandu jibbaża ruħu, b’mod esklużiv u awtonomu, biss fuq il-prestazzjonijiet tal-kandidati, skont ir-rekwiżiti tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

F’dan ir-rigward, f’każ ta’ kontestazzjoni mill-kandidati tal-punteġġ miksub fl-eżami orali, il-konvinzjoni tal-kandidat li jkun irrisponda korrettament għad-domandi magħmula, il-fatt li l-eżerċizzju, preċedentement għall-kompetizzjoni, tal-funzjonijiet kien is-suġġett tad-domandi matul l-eżami orali, kif ukoll is-sodisfazzjon li l-kandidat seta’ jagħti lis-superjuri ġerarkiċi tiegħu qabel ma ressaq il-kandidatura tiegħu, ma jikkostitwixxux provi inkonfutabbli ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(ara l-punti 35 u 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Lulju 2000, Teixeira Neves vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑146/99, punt 41

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Diċembru 2012, Mata Blanco vs Il‑Kummissjoni, F‑65/10, punt 97; 23 ta’ Jannar 2013, Katrakasas vs Il‑Kummissjoni, F‑24/11, punt 185

3.      Il-konkordanza bejn il-punteġġ numeriku u l-evalwazzjonijiet letterali tal-Bord tal-Għażla li hija garanzija tal-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati, tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, indipendenti mill-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tal-kandidati magħmula mill-Bord tal-Għażla, sa fejn l-istħarriġ tal-konkordanza jillimita ruħu li jivverifika l-assenza ta’ nuqqas ta’ koerenza manifesta.

(ara l-punt 52)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Settembru 2008, Coto Moreno vs Il‑Kummissjoni, F‑127/07, punt 34; 13 ta’ Diċembru 2012, Mileva vs Il‑Kummissjoni, F‑101/11, punt 42

4.      Huwa possibbli, l-ewwel nett, li motivazzjoni insuffiċjenti — iżda mhux l-assenza totali — ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni saħansitra fil-mori tal-kawża meta, qabel il-preżentata tar-rikors tagħha, il-persuna kkonċernata kellha diġà elementi li jikkostitwixxu bidu ta’ motivazzjoni u, it-tieni nett, li deċiżjoni titqies li hija motivata biżżejjed meta din ittieħdet f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat li jippermettilu li jifhem il-portata tagħha.

(ara l-punt 62)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 2 ta’ Marzu 2010, Doktor vs Il‑Kunsill, T‑248/08 P, punt 93 u l-ġurisprudenża ċċitata