Language of document : ECLI:EU:F:2007:176

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

17 ta’ Ottubru 2007

Kawża F-114/06

Amerigo Liotti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ uffiċjali promossi – Proċedura ta’ promozzjoni 2005 – Punti ta’ prijorità – Mertu – Anzjanità – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ammissibbiltà”

Suġġett: Rikors ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih A. Liotti jitlob, prinċipalment, l-annullament tal-lista ta’ uffiċjali promossi taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2005, inkwantu din il-lista ma tinkludix ismu, u b’mod sussidjarju, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ punti ta’ prijorità taħt l-imsemmija proċedura.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament parzjalment inammissibbli u bħala manifestament parzjalment infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Proposta ta’ kumitat ta’ promozzjoni għall-għoti ta’ punti ta’ prijorità – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 25(2), 45, 90 u 91)

Ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju proposta magħmula minn kumitat ta’ promozzjoni għall-għoti ta’ punti ta’ prijorità ta’ diversi kategoriji previsti minn sistema ta’ promozzjoni stabbilita permezz ta’ leġiżlazzjoni interna tal-Kummissjoni. Il-kumitati ta’ promozzjoni m’għandhomx, fil-fatt, kompetenza sabiex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ punti ta’ pijorità. Għalhekk, għalkemm skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha tkun motivata, dan ma jgħoddx ukoll f’dak li jikkonċerna tali proposta ta’ kumitat ta’ promozzjoni fir-rigward ta’ uffiċjal li ma ġiex promoss.

(ara l-punt 50)