Language of document : ECLI:EU:F:2007:163

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

20 ta’ Settembru 2007

Kawża F-111/06

Nikos Giannopoulos

vs

Il-Kunsill ta­’ l-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid – Trattament ugwali – Esperjenza professjonali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Fatt ġdid – Ammissibbiltà”

Suġġett : Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li permezz tiegħu, N. Giannopoulos jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill, tad-29 ta’ Novembru 2005, li tiċħad it-talba tiegħu, ippreżentata taħt l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiża sabiex tikseb il-klassifikazzjoni mill-ġdid fil-grad tiegħu, kif ukoll l-għoti ta’ danni.

Deċiżjoni : Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Kontestazzjoni amministrattiva minn qabel – Termini – Dekadenza – Ftuħ mill-ġdid – Kundizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Ħatra fil-grad ogħla tal-karriera

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 31(2))

3.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Ħatra fil-grad ogħla tal-karriera

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5 u 31(2)

4.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Deċiżjoni dwar klassifikazzjoni fi grad – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, paragrafu 2 tal-Artikolu 25 u Artikolu 31)

5.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Ħatra fil-grad ogħla tal-karriera

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 1d (1) u 31(2))

1.      Għalkemm, skond l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kull uffiċjal jista’ jitlob lill-Awtorità tal-Ħatra tieħu deċiżjoni fir-rigward tiegħu, din il-fakultà ma tippermettix madankollu lill-imsemmi uffiċjal jevita t-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-preżentata ta’ lment u ta’ rikors billi jikkontesta indirettament, permezz ta’ talba, deċiżjoni preċedenti li ma kinitx ġiet ikkontestata fit-termini preskritti. Biss l-eżistenza ta’ fatti ġodda sostanzjali tista’ tiġġustifika l-preżentazzjoni ta’ talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ tali deċiżjoni.

Dan huwa l-każ fir-rigward tat-talba ta’ uffiċjal intiża għall-eżami mill-ġdid tal-klassifikazzjoni li huwa kien is-suġġett tagħha meta sar uffiċjal, meta l-amministrazzjoni, qabel it-talba, eżaminat mill-ġdid il-faxxikolu ta’ dan ta’ l-aħħar flimkien mal-faxxikoli ta’ uffiċjali oħra li l-klassifikazzjoni tagħhom kienet saret ukoll definittiva, bl-għan tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tagħhom, mingħajr madankollu ma infurmat b’dan lill-persuna kkonċernata. Din iċ-ċirkustanza tiġġustifika, fil-fatt, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ aċċess għal qorti, li t-Tribunal ikun jista’ jistħarreġ il-fondatezza tar-rifjut li wieħed jipproċedi għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent.


(ara l-punti 28 u 31)

2.      Il-kwalifiki eċċezzjonali li jippermettu l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu evalwati mhux fid-dawl tal-popolazzjoni kollha kemm hi, iżda f’relazzjoni mal-profil medju tal-kandidati magħżula ta’ kompetizzjoni, li jikkostitwixxu diġà popolazzjoni magħżula b’mod strett ħafna b’mod konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fir-rigward tat-tul ta’ l-esperjenza professjonali ta’ uffiċjal li għadu kemm ġie rreklutat, il-fatt li persuna tista’ tinvoka numru ta’ snin ta’ esperjenza professjonali ma jistax, fih innifsu, jagħti lil din ta’ l-aħħar dritt sabiex tiġi maħtura fil-grad ogħla tal-karriera. Il-fatt biss li din l-esperjenza kienet itwal mit-tul minimu rikjest sabiex wieħed ikun jista’ jipparteċipa fil-kompetizzjoni li tagħha l-uffiċjal kien kandidat magħżul mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura eċċezzjonali tat-tul ta’ din l-esperjenza, li għandha tiġi evalwata f’relazzjoni mat-tul ta’ l-esperjenza professjonali tal-kandidati magħżula l-oħra ta’ kompetizzjonijiet organizzati skond proċeduri ta’ għażla komparabbli. F’kull każ, anki jekk jiġi preżunt li t-tul ta’ l-esperjenza professjonali ta’ l-uffiċjal kien imissha ġiet ikkunsidrata bħala eċċezzjonali, din l-evalwazzjoni ma tagħtiħx madankollu d-dritt li jiġi kklassifikat fil-grad ogħla tal-karriera tiegħu. Fil-fatt, anki jekk uffiċjal li għadu kemm ġie rreklutat jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat fil-grad ogħla tal-karriera tiegħu, huwa xorta waħda m’għandux dritt soġġettiv għal tali klassifikazzjoni. Din l-evalwazzjoni tapplika a fortiori għal uffiċjal li ma jissodisfax il-kriterji kollha eżaminati mill-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza eventwali ta’ kwalifiki eċċezzjonali.

Fir-rigward tal-kwalità ta’ l-esperjenza professjonali, din għandha tiġi evalwata mhux astrattament, iżda biss abbażi tar-rekwiżiti ta’ l-impjieg li ġie fdat lill-persuna kkonċernata mad-dħul fis-servizz tagħha.

(ara l-punti 57, 60 u 62 sa 64)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja : 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra p. I‑3009, punt 30

Il-Qorti tal-Prim’Istanza : 5 ta’ Novembru 1997, Barnett vs Il-Kummissjoni, T‑12/97, ĠabraSP p. I‑A‑313 u II‑863, punt 50; 6 ta’ Lulju 1999, Forvass vs Il-Kummissjoni, T‑203/97, ĠabraSP p. I‑A‑129 u II‑705, punt 49; 11 ta’ Lulju 2002, Wasmeier vs Il-Kummissjoni, T‑381/00, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑677, punti 56, 57, 65 u 125 ; 3 ta’ Ottubru 2002, Platte vs Il-Kummissjoni, T‑6/02, ĠabraSP p. I‑A‑189 u II‑973, punt 38; 17 ta’ Diċembru 2003, Chawdhry vs Il-Kummissjoni, T‑133/02, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑1617, punt 102; 15 ta’ Novembru 2005, Righini vs Il-Kummissjoni, T‑145/04, ĠabraSP p. I‑A‑349 u II‑1547, punt 92; 15 ta’ Marzu 2006, Herbillon vs Il-Kummissjoni, T‑411/03, ĠabraSP p. I-A-2-45 u II-A-2-193, punt 62; 15 ta’ Marzu 2006, Valero Jordana vs Il-Kummissjoni, T‑429/03, ĠabraSP p. I-A-2-51 u II-A-2-217, punti 89 u 91 ; 10 ta’ Mejju 2006, R vs Il-Kummissjoni, T‑331/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 72 u 74

Tribunal Għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ April 2006, Falcione vs Il-Kummissjoni, F‑16/05, ĠabraSP p. I-A-1-3 u II-A-1-7, punti 55 u 56

3.      Il-possibbiltà li kandidat fis-servizz pubbliku Ewropew u li huwa partikolarment ikkwalifikat jiġi kklassifikat fil-grad ogħla tal-karriera, minħabba bżonnijiet speċifiċi tas-servizz, għandha bħala għan li tippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata, bħala persuna li tħaddem, li żżomm is-servizzi ta’ persuna li fir-rigward tagħha hemm ir-riskju, fil-kuntest tas-suq tax-xogħol, li jkollha numru ta’ offerti ta’ xogħol minn persuni li jħaddmu potenzjali oħra u għalhekk li titilqilha. F’kull każ, l-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi li jsir paragun bejn il-kwalifiki tal-persuna kkonċernata u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg li għalih hija ġiet assenjata bħala uffiċjal matul ir-reklutaġġ tagħha.

F’dawn il-kundizzjonijiet, uffiċjal li għadu kemm ġie rreklutat jista’ jistabbilixxi nuqqas ta’ rikonoxximent, mill-istituzzjoni tiegħu, tal-bżonnijiet speċifiċi tas-servizz biss jekk l-avviż ta’ kompetizzjoni li tagħha huwa kien kandidat magħżul, l-avviż ta’ post vakanti relatat ma’ l-ewwel impjieg tiegħu jew in-natura tal-funzjonijiet li huwa effettivament eżerċita fil-kuntest ta’ dan l-impjieg kienu jinkludu indikazzjonijiet favur il-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad ogħla tal-karriera tiegħu.

F’dan ir-rigward, l-eżistenza, f’mument partikolari, ta’ bżonn akbar ta’ uffiċjali speċjalizzati fil-qasam ta’ l-uffiċjal li għadu kemm ġie rreklutat fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu ma tippermettix, waħedha, li jiġi konkluż li din ta’ l-aħħar iltaqgħat ma’ diffikultajiet partikolari sabiex tirrekluta l-persunal kapaċi jwettaq il-funzjonijiet ikkonċernati.

(ara l-punti 67 sa 69 u 71)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Ottubru 2004, Brendel vs Il-Kummissjoni, T‑55/03, ĠabraSP p. I‑A‑311 u II‑1437, punt 112; R vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 39

4.      Għalkemm huwa ta’ dispjaċir, taħt l-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba, li l-amministrazzjoni ma qisitx neċessarju li tinforma uffiċjal bil-fatt li l-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad kienet is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid mis-servizzi kompetenti bil-għan ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid eventwali fil-grad ogħla tal-karriera, dan il-fatt ma jwassalx għal ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tirrifjuta l-eżami mill-ġdid mitlub mill-persuna kkonċernata, meta din id-deċiżjoni ssemmi, b’mod ċar, il-kriterji u l-indiċi li fuqhom din l-Awtorità bbażat ruħha sabiex tevalwa n-natura eċċezzjonali tal-formazzjoni u ta’ l-esperjenza professjonali tar-rikorrent. Fid-dawl tas-setgħa wiesgħa diskrezzjonali ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, motivazzjoni tali hija ta’ natura li tippermetti lir-rikorrent ikun jaf il-motiv individwali u rilevanti li din l-Awtorità bbażat ruħha fuqu biex tirrifjutalu l-klassifikazzjoni fil-grad ogħla. Sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni, mhuwiex meħtieġ li l-Awtorità tal-Ħatra tippreċiża, barra minn dan, it-tip ta’ formazzjoni u t-tul ta’ l-esperjenza professjonali meħtieġa sabiex jingħata l-grad addizzjonali mitlub mir-rikorrent, billi l-eżami jsir każ b’każ.

(ara l-punt 84)

5.      L-evalwazzjoni tal-kwalifiki eċċezzjonali ta’ uffiċjal bl-għan tal-klassifikazzjoni tiegħu fi grad ma tistax issir astrattament, iżda għandha ssir fid-dawl ta’ l-impjieg li għalih huwa rreklutat. Il-qorti Komunitarja ma tistax tevalwa motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali billi tagħmel evalwazzjoni ddettaljata tal-kwalifiki ta’ kandidati komparabbli, li jista’ jwassalha tissostitwixxi ruħha ma’ l-Awtorità tal-Ħatra, u b’hekk tonqos milli tirrikonoxxi s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha. Barra minn dan, in-natura ta’ l-evalwazzjoni magħmula każ b’każ, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tipprekludi, prinċipalment, li uffiċjal ikun jista’ utilment jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju.

(ara l-punti 94 u 95)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Chawdhry vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 102; Brendel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129 ; R vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104