Language of document : ECLI:EU:F:2008:166

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2008

Kawża F-113/06

Didier Bouis et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni msejħa tat-‘tieni filliera’ – Proċedura ta’ promozzjoni 2005 – Attribuzzjoni ta’ punti ta’ prijorità – Dispożizzjonijiet tranżitorji – DĠI tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal – Trattament ugwali – Ammissibbiltà”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu D. Bouis u tliet uffiċjali oħra tal-Kummissjoni essenzjalment jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet li ma jingħatawx, għas-snin 2003 u 2004, punti ta’ prijorità disponibbli għal kull direttorat ġenerali u lanqas punti ta’ prijorità bħala rikonoxximent tal-kompiti mwettqa fl-interess tal-istituzzjoni, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjonijiet li ma tinkludix lir-rikorrenti fil-lista tal-uffiċjali promossi għall-grad A*13 taħt il-proċedura ta’ promozzjoni 2005.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Rifjut ta’ inklużjoni fil-lista tal-uffiċjali li l-iktar jistħoqqilhom – Att preparatorju – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Sistema ta’ promozzjoni stabbilita mill-Kummissjoni – Deċiżjoni ta’ attribuzzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ punti ta’ promozzjoni – Att preparatorju – Deċiżjoni li tiffissa n-numru totali ta’ punti attribwiti lill-uffiċjali – Deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 45, 90 u 91)

4.      Uffiċjali – Promozzjoni –Tranżizzjoni minn sistema għal oħra

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(1))

1.      Il-lista ta’ meritu kif ukoll id-deċiżjoni li ma tinkludix l-isem ta’ uffiċjal fl-imsemmija lista jammontaw għal atti preparatorji, minn qabel u neċessarji għad-deċiżjoni finali dwar il-promozzjonijiet. B’hekk jirriżulta li d-deċiżjoni li ma tinkludix l-isem ta’ uffiċjal fil-lista ta’ meritu ma tkunx is-suġġett ta’ rikors għal annullament, iżda li l-legalità tagħha tista’ dejjem tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità tal-Ħatra li tiddeċiedi dwar il‑promozzjonijiet.

(ara l-punti 32 u 33)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ April 2003, Tejada Fernández vs Il‑Kummissjoni, T‑134/02, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑609, punt 18; 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punti 96 sa 98

2.      Uffiċjal ma huwiex f’pożizzjoni li jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-istituzzjonijiet u jista’ jsostni biss, insostenn ta’ rikors għal annullament, l-ilmenti personali tiegħu. Minħabba dan il-fatt huwa manifestament inammissibbli r-rikors ippreżentat minn uffiċjal bil-għan tal-annullament tal-lista ta’ uffiċjali promossi għall-grad ogħla f’proċedura ta’ promozzjoni, f’li din il-lista ma tikkontjenix ismu, peress li dan ma wriex l-interess personali tiegħu sabiex jippreżenta r-rikors. Dan huwa l-każ meta l-uffiċjal jillimita ruħu li jinvoka n-numru ta’ punti ta’ prijorità li ngħata għall-proċedura ta’ promozzjoni inkwistjoni, mingħajr madankollu ma jforni fis-sottomissjonijiet tiegħu ebda element konkret li jippermetti li jiġi stabbilit li huwa kien intitolat għal promozzjoni taħt l‑imsemmija proċedura ta’ promozzjoni u li l-annullament li qed jitlob jagħtih il‑possibbiltà li jiġi promoss, hekk kif jirriżulta mis-sitwazzjoni personali tiegħu, u, b’mod partikolari, tan-numru ta’ punti ta’ promozzjoni miksuba bħala total u f’kull kategorija ta’ punti kif ukoll tal-limiti minimi ta’ promozzjoni għall-grad ikkonċernat li japplikaw fil-proċedura ta’ promozzjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 34 sa 39)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 30 ta’ Ġunju 1983, Schloh vs Il‑Kunsill, 85/82, Ġabra p. 2105, punt 14; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 10 ta’ Diċembru 1997, Smets vs Il‑Kummissjoni, T‑134/96, Ġabra p. II‑2333, punt 47; 22 ta’ Novembru 2006, Milbert et vs Il‑Kummissjoni, T‑434/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑273 u II‑A‑2‑1423, punti 31 sa 33; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 14 ta’ Ġunju 2006, Lebedef et vs Il‑Kummissjoni, F‑34/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑33 u II‑A‑1‑105, punt 21

3.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ promozzjoni implementata mill-Kummissjoni, id‑deċiżjonijiet individwali ta’ għoti ta’ ċerti kategoriji ta’ punti ta’ promozzjoni, adottati qabel ma l-Awtorità tal-Ħatra tiffissa definittivament in-numru totali ta’ punti miksuba għal kull uffiċjal, jammontaw għal atti preparatorji, preliminari u neċessarji għad-deċiżjoni finali li tiffissa n-numru totali ta’ punti. Dan huwa hekk, b’mod partikolari, għall-għoti, mid-diretturi ġenerali, skont regoli interni tal-Kummissjoni, tal-punti ta’ prijorità disponibbli f’kull direttorat ġenerali jew għall-għoti, mill-Awtorità tal-Ħatra, fuq proposta tal-kumitati ta’ promozzjoni, tal-punti ta’ prijorità bħala rikonoxximent tax-xogħol imwettaq fl-interess tal-istituzzjoni, skont l-imsemmija regoli. Dawn id-deċiżjonijiet ma jiffissawx b’mod definittiv il‑pożizzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-uffiċjali kkonċernati.

B’hekk, id-deċiżjoni definittiva tal-Awtorità tal-Ħatra li tiffissa n-numru totali ta’ punti miksuba minn kull uffiċjal, li tista’ tiġi vverifikata fil-fajl ta’ promozzjoni individwali, hija komposta minn serje ta’ deċiżjonijiet individwali u definittivi ta’ għoti ta’ kategoriji partikolari ta’ punti ta’ promozzjoni li jidhru fil-fajl ta’ promozzjoni individwali stess. Jekk dawn l-aħħar deċiżjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati, huma wkoll, bħala deċiżjonijiet preparatorji u li seħħew qabel id‑deċiżjoni li tiffissa n-numru totali ta’ punti u b’hekk ma jwasslux li jibda jiddekorri t-terminu ta’ ilment, jammontaw bl-istess mod għal deċiżjonijiet li jiffissaw b’mod definittiv is-sitwazzjoni tal-uffiċjal interessat għal dak li jirrigwarda l-kategorija ta’ punti inkwistjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, billi jiġi mitlub, fl-istadju finali tal-proċedura ta’ promozzjoni, l-annullament tad-deċiżjonijiet individwali li ma jagħtuhx la punti ta’ prijorità għad-dispożizzjoni ta’ kull direttorat ġenerali, u lanqas punti ta’ prijorità li jirrikonoxxu x-xogħol tiegħu mwettaq fl-interess tal-istituzzjoni, għas-sentejn preċedenti qabel il-proċedura ta’ promozzjoni inkwistjoni, l-uffiċjal definittivament kellu l-intenzjoni li jikkontesta n-numru totali ta’ punti li huwa kiseb u r-rikors tiegħu ma għandux jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba l-fatt biss li huwa ma ġiex formalment ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tiffissa n-numru totali ta’ punti.

(ara l-punti 64 sa 68)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 96 u 97

4.      Il-limitazzjonijiet inerenti għat-tranżizzjoni minn metodu ta’ ġestjoni għal ieħor, fir-rigward tal-karriera tal-uffiċjali, jistgħu jimponu fuq l-amministrazzjoni li ssir devjazzjoni temporanja, u f’ċerti limiti, mill-applikazzjoni stretta tar-regoli u l‑prinċipji ta’ valur permanenti li japplikaw normalment għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni. Madankollu, devjazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu ġustifikati minn ħtieġa imperattiva marbuta mal-bidla u ma jmorrux lil hinn, fl-applikabbiltà jew il-portata tagħhom, ta’ dak li huwa indispensabbli sabiex ikun hemm tranżizzjoni minn sistema għall-oħra.

Fil-kuntest tal-ewwel proċedura ta’ promozzjoni suġġetta għal sistema ġdida ta’ promozzjoni bbażata fuq il-kwantifikazzjoni tal-merti, implementata minn regoli interni tal-Kummissjoni li jipprovdu miżuri provviżorji li għandhom l-għan li jħarsu t-tranżizzjoni mis-sistema l-antika, meta huwa previst li jiġi attribwit lill-uffiċjali tal-grad A 12 tipi differenti ta’ punti ta’ prijorità, għas-sena qabel din il‑proċedura ta’ promozzjoni, iżda li l-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-għoti ta’ punti ta’ prijorità b’mod tranżitorju, limitazzjoni bħal din ma tistax tiġi meqjusa li teċċedi s-setgħa li għandha l-amministrazzjoni sabiex taġġusta, b’mod tranżitorju, it-tibdil tar-regoli dwar il-promozzjoni tal-uffiċjali. Hija fil-fatt tillimita ruħha li tiffissa limitu fil-kunsiderazzjoni tal-merti preċedentement rikonoxxuti.

Jekk huwa minnu li huwa teoretikament possibbli li tiġi prevista sistema differenti, l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-bidla tal-metodi fis-seħħ għall-promozzjoni tal-uffiċjali għandha, teoretikament, l-għan li tirrimedja għal ċerti inkonvenjenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli l‑antiki. B’hekk huwa inerenti għal proċess bħal dan ta’ riforma, fejn l‑amministrazzjoni tista’ tevalwa b’marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni n-neċessità, li tibda, minn data partikolari, l-evalwazzjoni tal-merti tal-uffiċjali fuq bażijiet ġodda.

(ara l-punti 79 sa 81 u 85)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Lulju 1976, de Wind vs Il‑Kummissjoni, 62/75, Ġabra p. 1167, punt 17; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Lulju 1995, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑557/93, ĠabraSP p. I‑A‑195 u II‑603, punt 20; 11 ta’ Frar 2003, Leonhardt vs Il‑Parlament, T‑30/02, ĠabraSP p. I‑A‑41 u II‑265, punti 51, 55 u 56; 3 ta’ Mejju 2006, Klaas vs Il‑Parlament, T‑393/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑103 u II‑A‑2‑465, punt 56; Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 213 u 220