Language of document : ECLI:EU:F:2007:88

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TIENI AWLA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

24 ta’ Mejju 2007

Kawża F-95/05 AJ

N

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna legali”

Suġġett: Talba li permezz tagħha N jitlob li jiġi ammess għall-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali, skond l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li japplikaw mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skond l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, p. 84), sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan ta’ l-aħħar.

Deċiżjoni: N għandu jiġi ammess għall-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali. Ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż inkorsi minn N b’effett mid-data tat-tressiq tat-talba għall-għajnuna legali għandu jitħallas lill-avukat li huwa inkarigat jassisti lill-persuna kkonċernata, wara li jiġu ppreżentati d-dokumenti ta’ sostenn u sa l-ammont ta’ EUR 2 000. I. Kletzlen hija maħtura bħala avukat sabiex tirrappreżenta lil N.

Sommarju

Proċedura – Talba għal għajnuna legali bla ħlas – Spejjeż koperti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikoli 94 u 95; Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))

Mill-Artikoli 94 u 95 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li l-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali għandu, bħala prinċipju, jiġi rriżervat għall-assunzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ l-istanza, li ġew inkorsi kemm waqt, kif ukoll wara, li tressqet it-talba għall-għajnuna legali. Fil-fatt, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, ma jkunx konformi la mal-kliem u ma’ l-ispirtu ta’ l-imsemmija Artikoli u lanqas fl-interess ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-għajnuna legali tassumi retroattivament ir-responsabbiltà għall-ispejjeż inkorsi qabel din id-data. Fil-każ ta’ l-ispejjeż inkorsi qabel it-tressiq tat-talba għall-għajnuna legali, huwa preżunt, juris tantum, li r-rikorrent ma sabx ruħu f’sitwazzjoni fejn kien impossibbli li jagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż, u li għalhekk, waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna legali mhijex sodisfatta.

(ara l-punt 16)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 3 ta’ April 2006, Hassan vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, T-49/04 AJ, Ġabra p. II-527, punt 21; 27 ta’ Ottubru 2006, Othman vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-318/01 AJ, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31