Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Diċembru 2010 - Moreda-Riviere Trefilerías vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-575/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Moreda-Riviere Trefilerías, SA (Gijón, Spanja) (rappreżentanti: F. González Díaz, avukat u A. Tresandi Blanco, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-30 ta' Settembru 2010, li temenda d-Deċiżjoni C(2010) 6676 finali, tat-30 ta' Ġunju 2010, fil-Każ COMP/38344 - Azzar għall-prekompressjoni, u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur kemm tal-prinċipju li l-atti tal-istituzzjonijiet għandhom jiġi interpretat skont it-termini tagħhom, kif ukoll tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni li temenda wettqet ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, billi ġiet adottata mingħajr il-konsultazzjoni obbligatorja tal-Kumitat ta' Konsulenza fuq Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti, kif jeżiġi l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

It-tielet motiv, ta' natura sussidjarja, ibbażat fuq ksur kemm tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni fl-iffissar tal-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-multa u kif ukoll tal-obbligu ta' motivazzjoni tal-atti.

____________