Language of document : ECLI:EU:T:2011:216

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

17 ta’ Mejju 2010 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka – Irkupru ta’ krediti pubbliċi – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Kriterju ta’ kreditur privat”

Fil-Kawża T‑1/08,

Buczek Automotive sp. z o.o., stabbilita fi Sosnowiec (Il-Polonja), inizjalment irrappreżentata minn T. Gackowski, sussegwentement minn D. Szlachetko-Reiter u fl-aħħar nett minn J. Jurczyk, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, inizjalment irrappreżentata minn M. Niechciała, sussegwentement minn M. Krasnodębska-Tomkiel u M. Rzotkiewicz, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn K. Gross, M. Kaduczak, A. Stobiecka-Kuik u K. Herrmann, sussegwentement minn Stobiecka-Kuik, Herrmann u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/344/KE, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar l-għajnuna mill-istat C 23/06 (ex NN 35/06) li l-Polonja implementat għall-produttur tal-azzar Technologie Buczek Group 2007, (ĠU 2008, L 116, p. 26),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta’ TB u tas-sussidjarji tagħha, BA u HB, bejn l-2001 u l-2006

1        Ir-rikorrenti, Buczek Automotive sp. z o.o. (iktar ’il quddiem, “BA”), kumpannija stabbilita fil-Polonja, hija attiva fil-produzzjoni tat-tubi, prinċipalment, għall-użu fil-karozzi. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti kontenzjużi, BA kienet sussidjarja ta’ Technologie Buczek S.A. (iktar ’il quddiem “TB”), produttriċi tat-tubi stabbilita wkoll fil-Polonja. TB kellha diversi sussidjarji oħra, fosthom Huta Buczek sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “HB”), attiva fil-produzzjoni taċ-ċilindri.

2        Mill-2001, TB iffaċċjat dejn li baqa’ jiżdied. Il-kredituri pubbliċi ta’ TB kienu l-korpi li ġejjin: iz-Zakład Ubezpieczeń Społecznych (iktar ’il quddiem iz-“ZUS”) li huwa l-korp Pollakk tas-sigurtà sociali, il-Państwowy Fundusz Rehabilitacji Osób Niepełnosprawnych, li huwa l-fond nazzjonali għar-riabilitazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, it-Teżor Pubbliku u l-komun ta’ Sosnowiec (il-Polonja). TB kienet ukoll debitriċi ta’ kredituri privati, fosthom, Eurofaktor S.A. (iktar ’il quddiem “EF”). Il-krediti ta’ din tal-aħħar fir-rigward ta’ TB kien jilħaq madwar 35 miljun zlotys Pollakki (PLN), ammont li kien ogħla mill-ammont totali tal-krediti pubbliċi, u għaldaqstant, kienet il-kreditur prinċipali.

3        Fl-2002, TB fasslet pjan ta’ ristrutturazzjoni sabiex tiffaċċja d-diffikultajiet finanzjarji tagħha. Fuq il-bażi ta’ dan il-pjan, TB saret eleġibbli għal għajnuna mill-Istat abbażi tal-programm nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka, li fil-kuntest tiegħu, ir-Repubblika tal-Polonja pprevediet l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lill-imsemmija industrija fid-dawl tar-ristrutturazzjoni tagħha, għall-perijodu bejn l-1997 sal-2006. Il-programm nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni kien ġie approvat bil-Protokoll Nru 8 dwar ir-ristrutturar tal-industrija tal-azzar Pollakka (ĠU 2003, L 236, p. 948, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 8”), li jagħmel parti integrali tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33), skont l-Artikolu 60 tal-imsemmi att.

4        Il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ TB kien jipprevedi diversi tipi ta’ għajnuna, fosthom għajnuna għall-impjieg, għajnuna għar-riċerka u għall-iżvilupp kif ukoll miżuri ta’ ristrutturazzjoni finanzjarja, taħt il-forma ta’ annullament jew ta’ skedar mill-ġdid tad-dejn ta’ TB fir-rigward tal-korpi pubbliċi.

5        Madankollu, il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni finanzjarja qatt ma ġew awtorizzati, sa fejn żewġ kundizzjonijiet essenzjali previsti rispettivament mill-Protokoll Nru 8 u mil-liġi Pollakka ma ġewx sodisfatti u d-dejn ta’ TB la ġie annullat u lanqas skedat mill-ġdid.

6        Għaldaqstant, bejn l-2004 u l-2006, il-korpi pubbliċi ċċitati fil-punt 2 iktar ’il fuq adottaw miżuri intiżi għall-irkupru tas-somom dovuti minn TB. B’hekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-ustawa z dnia 17 czerwca 1966 r. o postepowaniu egzekucyjnym w administracji (Liġi tas-17 ta’ Ġunju 1966 dwar il-mezzi ta’ eżekuzzjoni tal-amministrazzjoni), iz-ZUS, il-komun ta’ Sosnowiec u t-Teżor Pubbliku pproċedew għal sekwestri fuq il-patrimonju ta’ TB, bħal sekwestru tal-kontijiet bankarji, ta’ krediti jew ta’ finanzi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 66 tal-ordynacja podatkowa (Liġi dwar il-Kodiċi tat-Taxxi) tad-19 ta’ Awwissu 1997, il-komun ta’ Sosnowiec kiseb it-trasferiment tat-titoli ta’ proprjetà ta’ ċerti assi, jiġifieri, xi plottijiet proprjetà ta’ TB, f’ismu. Barra minn hekk, flimkien mal-miżuri ta’ irkupru, sabiex jigarantixxu l-krediti tagħhom, il-korpi pubbliċi kisbu xi garanziji fuq l-assi ta’ TB. B’mod partikolari, iz-ZUS ikkostitwixxa xi ipoteki għal ammont ta’ PLN 25 miljun, u kellu privileġġ fuq l-assi ta’ produzzjoni ta’ TB ta’ valur ta’ madwar PLN 12 miljun. Fl-aħħar, fuq il-bażi tal-Artikolu 112 tal-ordynacja podatkowa, iz-ZUS de Sosnowiec ipprova wkoll, iżda mingħajr suċċess, li jirkupra l-krediti tiegħu mingħand HB.

7        Fil-1 ta’ Jannar 2006, BA kkonkludiet ma’ TB ftehim ta’ leasing fuq l-assi ta’ produzzjoni li l-valur tagħhom kien jammonta għal PLN 6 383 000. Dan il-ftehim ġie konkluż għal żmien mhux determinat. Ġie previst li BA kellha tħallas lil TB, mingħajr VAT, PLN 258 000, kull xahar. Barra minn hekk, f’Lulju 2006, BA bbenefikat minn żieda fil-kapital ta’ PLN 1 550 000.

8        Fl-2005 u l-2006, TB ipproċediet għal żieda fil-kapital ta’ HB permezz ta’ diversi introduzzjonijiet ta’ kapital, ta’ ammont ta’ PLN 14 811 600. Dawn l-introduzzjonijiet ta’ kapital ħadu l-forma ta’ trasferiment ta’ assi mhux kurrenti li jikkorrispondu għal materjal tal-funderija, ta’ trasferiment ta’ flus kontanti, ta’ kumpens ta’ krediti, ta’ trasferiment ta’ beni immaterjali u ta’ drittijiet. Kull darba li seħħet żieda fil-kapital, TB irċeviet it-titoli ta’ HB.

9        Fis-16 ta’ Awwissu 2006, TB ġiet iddikjarata falluta, iżda ġiet awtorizzata sabiex tkompli twettaq attività ekonomika.

 Il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni

10      Fl-2005, evalwazzjoni indipendenti mwettqa fil-kuntest tal-implementazzjoni u tal-monitoraġġ tal-Protokoll Nru 8 uriet żieda fl-obbligi finanzjarji ta’ TB mal-kredituri pubbliċi u nuqqas ta’ profitt. B’ittri tad-29 ta’ Marzu, tal-1 ta’ Awwissu u tat-2 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Pollakki. Dawn tal-aħħar irrispondew permezz tal-ittri tat-23 ta’ Ġunju u tat-28 ta’ Settembru 2005 kif ukoll tal-14 ta’ Frar 2006.

11      B’ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika tal-Polonja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Awwissu 2006 (ĠU C 196, p. 23). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Ir-Repubblika tal-Polonja biss irrispondiet għal din l-istedina.

12      Fit-tmiem tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/344/KE, tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar l-għajnuna mill-istat C 23/06 (ex NN 35/06) li l-Polonja implementat għall-produttur tal-azzar Technologie Buczek Group (ĠU 2008, L 116, p. 26, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”).

13      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, fl-2005 u fl-2006, TB ipproċediet għal ristrutturazzjoni tal-grupp u ttrasferiet żewġ attivitajiet ta’ profitt: il-produzzjoni ta’ ċilindri magħmula mill-kromju tal-azzar, ittrasferita lil HB, u l-produzzjoni ta’ tubi tal-azzar miksija bl-aluminju u ta’ tubi tal-kromju, ittrasferita lil BA.

14      Hija rrilevat ukoll, għal dak li jikkonċerna l-krediti tal-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward ta’ TB, li għalkemm il-miżuri ta’ rkupru meħtieġa mil-liġi kif ukoll miżuri oħra, bħall-istabbiliment ta’ ipoteki, kienu ġew adottati mill-imsemmija awtoritajiet, ir-rimbors imwettaq minn TB kien insinjifikattiv fl-2004. F’dan ir-rigward, hija enfassizzat li, fit-tmiem tas-sena 2004, kien evidenti li TB ma kinitx ikar f’pożizzjoni li tħallas la d-dejn tagħha u lanqas li tirrispetta l-impenji kurrenti tagħha. Issa, skont il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Pollakki kellhom garanziji solidi, li kellhom il-possibbiltà li jittrasformaw fi flus, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, l-użu ta’ dawn il-garanziji deher iktar raġjonevoli, mill-perspettiva ta’ kreditur privat ipotetiku, minn ristrutturazzjoni.

15      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-awtoritajiet Pollakki kienu rrinunzjaw għall-eżekuzzjoni forzata ta’ ammont ta’ PLN 20 761 643. Hija żiedet li, sa fejn ir-rinunzja għall-eżekuzzjoni forzata kellha l-istess effett tal-għoti lill-benefiċjarju tal-ammont kollu mhux irrimborsat, il-vantaġġ b’hekk miksub kien l-ammont ta’ PLN 20 761 643, irċevut mill-1 ta’ Jannar 2005. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li BA u HB kienu bbenefikaw mill-għajnuna. Hija qieset li TB ma żammetx l-għajnuna, peress li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni forzata ppremetta lill-impriża sabiex ikomplu l-attività ekonomika tagħha u li torganizza r-ristrutturazzjoni interna tagħha.

16      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddikjara inkompatibbli mas-suq komun, l-għajnuna mill-Istat ta’ PLN 20 761 643, mogħtija illegalment mir-Repubblika tal-Polonja lill-grupp Technologie Buczek (iktar ’il quddiem il-“grupp TB”).

17      Fl-Artikolu 3(1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tordna lir-Repubblika tal-Polonja sabiex tirkupra din is-somma, flimkien mal-interessi moratorji, filwaqt li ppreċiżat li dan l-irkupru għandu jitwettaq mingħand is-sussidjarji HB u BA, proporzjonalment mal-għajnuna li huma rċevew effettivament, jiġifieri mingħand HB, l-ammont ta’ PLN 13 578 115, u mingħand BA, l-ammont ta’ PLN 7 183 528.

18      Skont l-Artikoli 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika tal-Polonja hija marbuta timplementa din id-deċiżjoni f’terminu ta’ erba’ xhur li jibda jiddekorri min-notifika tagħha u li tinforma lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika tagħha, bil-miżuri li hija tkun ħadet sabiex tikkonforma magħha.

19      Skont l-Artikolu 6 tagħha, id-deċiżjoni kkontestata hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

21      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ppreżentat talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

22      B’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 2008, Buczek Automotive vs Il-Kummissjoni (T‑1/08 R, li mhux ippubblikat fil-Ġabra), it-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

23      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-18 ta’ Marzu 2008, ir-Repubblika tal-Polonja talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

24      B’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Mejju 2008, ir-Repubblika tal-Polonja tħalliet tintervjeni.

25      B’digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, tal-4 ta’ Mejju 2009, il-kawża preżenti ngħaqdet mal-Kawża T-440/07, Huta Buczekvs Il-Kummissjoni, kif ukoll mal-Kawża T-465/07, Technologie Buczek vs Il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

26      Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fit-28 ta’ April u t-30 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑465/07 u T‑440/07 informaw lill-Qorti Ġenerali li huma kienu ser jirtiraw ir-rikorsi tagħhom.

27      B’digrieti tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, tas-7 ta’ Lulju u tat-3 ta’ Settembru 2010, il-Kawżi T‑465/07 u T‑440/07 tħassru mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

28      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-ammont ta’ PLN 7 183 528, mingħandha;

–        tannulla l-Artikoli 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn l-artikoli jirrigwardaw l-irkupru tal-għajnuna mingħandha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, sa fejn ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-dispożizzjonijiet li ma jikkonċernawhiex direttament u individwalment;

–        tiċħad il-bqija tar-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

30      Il-Kummissjoni tafferma li l-ewwel kap tat-talbiet hija inammissibbli, peress li l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fil-konfront tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(1) u (3) huwa nieqes. Fil-fatt, dawn id-dipożizzjonijiet huma indirrizzati lir-Repubblika tal-Polonja u jikkonċernaw lill-grupp TB. Issa, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, peress li r-rikorrenti hija biss entità tal-grupp TB u ma ppreżentatx ordni li tawtorrizzaha tinstema’ quddiem qorti f’isem il-grupp, hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE.

31      Ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni u tallega li hija għandha interess ġuridiku fil-konfront tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 3(1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hija tfakkar li, minkejja li hija ma tissemmiex fit-test tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kwistjoni tal-grupp TB. Issa, il-grupp TB huwa ddefinit mill-Kummissjoni b’mod ekonomiku, billi tinjora l-fatt li l-entitajiet differenti li jiffurmawh huma ġuridikament distinti. Mill-analiżi tal-Kummissjoni jirriżulta li l-ammont ta’ għajnuna stabbilit għall-grupp kollu għandu impatt fuq is-somom li għandhom jiġu rkuprati mingħand ir-rikorrenti.

32      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li r-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku sakemm ma għandhiex ordni li jawtorizzaha sabiex tinstema’ quddiem qorti f’isem l-entitajiet l-oħra tal-grupp TB jew f’isem ir-Repubblika tal-Polonja. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferi għall-grupp TB, li r-rikorrenti tagħmel parti minnu u, konsegwentement, l-ammont tal-għajnuna stabbilit għall-grupp għandu impatt fuq il-parti tal-għajnuna li r-rikorrenti ser ikollha tirrimborsa. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja hija tal-opinjoni li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura tad-deċiżjoni u tan-natura inseparabbli tal-kontenut tagħha, il-Qorti Ġenerali hija marbuta sabiex teżaminaha kompletament.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

33      Fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħhom u mhux, kif għamlet fit-tieni kap tat-talbiet, sa fejn il-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-ammont ta’ PLN 7 183 528 mingħandha. Il-Kummissjoni tikkunsidra essenzjalment li l-ewwel kap tat-talbiet għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrenti jkollha interess fl-annullament tal-att ikkontestat. Tali interess jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ppreżentatu (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, T‑387/04, Ġabra p. II-1195, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mill-Istat mogħtija illegalment tal-ammont ta’ PLN 20 761 643 lill-grupp TB. Issa, fil-premessa 124, kif ukoll fl-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li l-ħlas lura tal-għajnuna għandu jintalab mingħand il-benefiċjarji tagħha, jiġifieri r-rikorrenti u HB. Jekk l-Artikolu 1 jiġi annullat, il-bażi tal-obbligu ta’ ħlas lura impost b’mod partikolari fuq ir-rikorrenti tispiċċa. Isegwi li din tal-aħħar għandha interess sabiex tikseb l-annullament totali tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

36      Bil-kontra, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata jiffissa l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati rispettivament mingħand ir-rikorrenti u HB. Fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat il-mod kif ġew ikkalkolati dawn l-ammonti. Minn din il-premessa jirriżulta li, l-ewwel nett, hija ħadet inkunsiderazzjoni r-riżorsi effettivament ittrasferiti minn TB lir-rikorrenti u lil HB, jiġifieri PLN 7.833 miljun u PLN 14.81 miljun rispettivament. It-tieni nett, hija kkonstatat li l-ammont ikkumulat tal-imsemmija riżorsi, jiġifieri PLN 22.643 miljun, kien jaqbeż l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija. It-tielet nett, għaqdet l-ammont totali li għandu jiġi rrimborsat mal-ammont tal-għajnuna mogħtija u naqqset proporzjonalment l-ammont dovut rispettivament mir-rikorrenti u minn HB. Peress li r-rikorrenti u HB kisbu rispettivament 34.6 % u 65.4 % tar-riżorsi trasferiti, kienu marbuta li jħallsu 34.6 % u 65.4 % tal-ammont totali li għandu jiġi rrimborsat, jiġifieri PLN 7 183 528 u PLN 13 758 115.

37      Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk l-imsemmija deċiżjoni tiġi annullata fir-rigward tal-ammont dovut minn HB, il-Kummissjoni tkun tista’ titlob lir-rikorrenti sabiex tħallas lura l-ammont ta’ riżorsi effettivament ittrasferiti minn TB u li minnhom hija gawdet, jiġifieri PLN 7.833.

38      Għaldaqstant, għalkemm ir-rikorrenti għandha interess ġuridiku sabiex tikseb l-annullament tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni tordna l-irkupru tal-ammont ta’ PLN 7 183 528 mingħandha, ma jistax jiġi kkunsidrat li hija għandha wkoll interess fl-annullament totali tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata.

39      Isegwi li għandha tiġi milqugħa parzjalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet u li jiġi miċħud l-imsemmija kap tat-talbiet bħala inammissibbli, sa fejn ir-rikorrenti titlob l-annullament totali tal-Artikolu 3(1) u (3) tad-deċizjoni kkontestata.

 Fuq il-mertu

40      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem sitt motivi. Huma bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-Artikolu 88(2) KE, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 253 KE u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2002 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 5 KE, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-ħames wieħed, fuq ksur tad-dritt għal proprjetà u s-sitt wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter.

 L-argumenti tal-partijiet

41      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwl motiv, ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87 KE, billi kklassifikat, b’mod żbaljat, bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, l-eżistenza ta’ dejn pubbliku. Skont ir-rikorrenti, l-ebda waħda mill-erba’ kundizzjonijiet sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat – intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, vantaġġi, twettiq ta’ kummerċ bejn Istati Membri u distorsjoni tal-kompetizzjoni – ma ġiet sodisfatta fil-kawża preżenti.

42      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-intervent tal-Istat, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-awtoritajiet Pollakki qatt ma naqqsu d-dejn ta’ TB, iżda, bil-kontra, adottaw il-miżuri neċessarji kollha għall-eżekuzzjoni tal-krediti tagħhom.

43      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiddetermina jekk l-awtoritajiet pubbliċi Pollakki aġġixxewx bħala kreditur privat ipotetiku. F’dan ir-rigward, qabel kollox, ir-rikorrenti ma taqbilx mal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li kreditur privat kien għażel li jeżegwixxi l-garanziji li kellu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment pjutost milli jħalli lil TB tipproċedi għar-ristrutturazzjoni tagħha sa fejn:

–        il-proċedura ta’ rkupru implementata ppermettiet li jinkiseb progressivament il-ħlas tas-somom dovuti;

–        il-proċeduri ta’ falliment huma proċeduri twal u l-istralċ tal-assi tad-debitur għandu jiġi ppreċedut minn diversi miżuri meħuda mil-likwidatur u mill-Imħallef delegat, li l-biċċa kbira minnhom jistgħu jiġu kkontestati, li, jekk ikun il-każ, jipposponi iktar id-data tal-ħlas tas-somom dovuti;

–        il-proċedura ta’ falliment toħloq hija stess spejjeż li jnaqqsu l-ammont intiż għall-ħlas tal-kredituri;

–        il-garanziji li ddisponew minnhom il-korpi pubbliċi ma kinux tal-ewwel grad.

44      Fir-replika, ir-rikorrenti żżid li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li, kieku talba għal falliment kienet ġiet ippreżentata fl-2004, il-krediti kienu diġà ġew irkuprati, hija bbażata fuq evalwazzjoni a posteriori, li tieħu inkunsiderazzjoni avvenimenti li pproduċew ruħhom sussegwentement u li l-awtoritajiet ma kellhomx konoxxenza tagħhom meta ddeċidew il-metodu ta’ eżekuzzjoni. Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti tispjega li l-awtoritajiet Pollakki ħadu inkunsiderazzjoni, minn naħa, r-riskju li l-proċedura ta’ falliment tirriżulta biss fi ħlas parzjali tad-dejn u, min-naħa l-oħra, il-fatt li d-dikjarazzjoni ta’ falliment għandha bħala għan li twaqqaf il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni li jkunu għaddejjin.

45      Wara, ir-rikorrenti tirrileva li l-aġir ta’ kreditur privat ipotetiku kellu, fil-kawża preżenti, jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ azzjonijiet mibdija mill-kredituri privati ta’ TB, b’mod partikolari dawk tal-kreditur l-iktar importanti tagħha, jiġifieri EF. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja l-fatt li EF kellha garanziji reali solidi ħafna taħt il-forma ta’ ipoteki fuq proprjetà immobbli u ta’ privileġġi fuq xi beni mobbli, hija ma talbitx li TB tiġi ddikjarata insolventi, iżda qieset li proċedura ta’ rkupru kienet tatiha possibbiltà ikbar li tikseb il-ħlas tal-krediti tagħha.

46      Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li fit-tmiem tas-sena 2004, kien evidenti li TB ma setgħatx terġa tibda tagħmel profitt hija żbaljata. Fil-fatt, ir-rikorrenti tfakkar li, fil-premessi 57 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li TB kienet tirċievi xi kera inkambju għall-kiri ta’ parti mill-assi tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li t-titoli ta’ HB, kumpannija benefiċċjarja, kienu jidhru fl-assi ta’ TB, u li b’hekk din tal-aħħar setgħet tistenna xi dħul minnhom fuq il-bażi ta’ dividendi. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, TB kienet żammet, sat-tmiem tas-sena 2006, attività ta’ produzzjoni.

47      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-debiti pubbliċi kollha ta’ TB, kif ukoll l-interessi u l-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni tħallsu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ TB.

48      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma tindika bl-ebda mod kif TB ħadet vantaġġ mill-għajnuna inkwistjoni. Bil-kontra, l-azzjonijiet mibdija mill-awtoritajiet Pollakki kienu wasslu għat-tkabbir gradwali tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ TB.

49      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni lanqas ma wriet kif l-għajnuna inkwistjoni affettwat il-kummerċ bejn Istati Membri jew li ddistortiet jew li heddiet li jkun hemm distorzjoni tal-kompetizzjoni.

50      Qabel kollox, ir-Repubblika tal-Polonja żżid fir-rigward tal-miżuri ta’ rkupru adottati mill-awtoritajiet Pollakki, li l-perijodu bejn il-mument li fih l-eżekuzzjoni forzata saret legalment possibbli sal-mument li fih il-Kummissjoni tqis li din l-eżekuzzjoni forzata twaqqfet, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2004, huwa qasir ħafna u, f’kull każ, huwa insuffiċjenti sabiex jiġu rkuprati l-krediti jew sabiex jiġi konkluż li l-irkupru tal-imsemmija krediti huwa impossibbli permezz tal-mezzi normali ta’ eżekuzzjoni u li huwa neċessarju li tiġi ppreżentata talba għal dikjarazzjoni ta’ falliment.

51      Wara, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn kull loġika, peress li l-Kummissjoni tallega fiha li l-għajnuna mill-Istat ingħatat fil-31 ta’ Diċembru 2004, iżda tiġġustifika din id-data billi tinvoka l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Pollakki fl-2005 u l-2006. Issa, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li l-għajnuna ngħatat lil TB fil-31 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni jkollha tibbaża ruħha biss fuq is-sitwazzjoni li kien hemm f’dak il-mument u fuq l-informazzjoni aċċessibbli f’din id-data.

52      Fl-aħħar, fir-rigward tal-kriterju ta’ kreditur privat ipotetiku, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva b’mod partikolari li l-Kummissjoni ma ressqitx analiżi ekonomiċi ddettaljati li jippermettulha sabiex tikkonkludi li l-awtoritajiet Pollakki kienu jirkupraw parti kbira tal-krediti tagħhom iktar malajr kieku, lejn l-aħħar tas-sena 2004, kienu bdew azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ falliment. Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni tidher li nsiet li l-proċedura ta’ falliment ma tirriżultax fil-ħlas immedjat tal-krediti, u twassal għal spejjeż, u dan inaqqas l-ammont disponibbli sabiex jitqassam bejn il-kredituri.

53      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-irkupru tal-krediti pubbliċi, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tirrispondi qabel kollox li la kien hemm irkupru razzjonali tal-krediti pubbliċi u lanqas l-aħjar użu ta’ dan l-irkupru, u li r-rikorrenti tinjora l-fatt li l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Pollakki kienu ineffettivi. Fil-fatt, il-miżuri adottati minn dawn tal-aħħar wasslu biss għall-irkupru ta’ parti negliġibbli tal-krediti u ma kkontribwixxewx għat-tnaqqis tad-dejn globali ta’ TB. Bil-kontra, fil-prattika, dawn ikkostitwixxew finanzjament kostanti kif ukoll sostenn operattiv għal TB, li setgħet b’hekk tkompli attività li ma kinitx ta’ profitt, filwaqt li l-imsemmija awtoritajiet setgħu jippreżentaw talba għal dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ TB, li kienet tippermetti l-eżekuzzjoni effettiva tal-garanziji miżmuma fuq l-assi ta’ din tal-aħħar, b’mod partikolari, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li dawn il-garanziji kienu tal-ewwel grad.

54      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tafferma li l-opinjoni tagħha hija sostnuta mill-ġurisprudenza li tipprovdi li jkun hemm għajnuna mill-Istat meta kreditu ma ġiex effettivament irkuprat. Fil-fatt, it-tolleranza mill-awtoritajiet pubbliċi għan-nuqqas ta’ rimbors ta’ dejn tnaqqas l-ispejjeż normali tal-impriża, u, mingħajr ma tikkostitwixxi stricto sensu sussidjar, ikollha l-istess natura u effetti identiċi.

55      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, jekk il-vantaġġ selettiv jirriżulta minn dispożizzjonijiet nazzjonali ineffettivi, in-nuqqas jaqa’ fuq ir-Repubblika tal-Polonja. Peress li din tal-aħħar hija d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, hija għandha l-obbligu li tapplikaha, billi tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi l-miżuri leġiżlattivi.

56      It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrenti huma kontradittorji, sa fejn hija ssostni, minn naħa, li l-awtoritajiet Pollakki adottaw il-miżuri legali kollha sabiex jirkupraw is-somom dovuti u, min-naħa l-oħra, li l-istess awtoritajiet volontarjament ma pproċedewx għall-irkupru immedjat tad-dejn, sabiex jirkupraw is-somma dovuta kollha, flimkien mal-interessi moratorji.

57      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li tipprovdi li l-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha biss fuq is-sitwazzjoni li kien hemm fil-31 ta’ Diċembru 2004, u fuq l-informazzjoni li kellha aċċess għaliha f’dik id-data, il-Kummissjoni tfakkar li l-għajnuna mill-Istat ma hijiex miżura unika ta’ għoti ta’ ammont finanzjarju ddeterminat. Din l-għajnuna tirriżulta min-nuqqas ta’ rkupru effettiv tal-krediti. Għaldaqstant, huwa loġiku li tibda f’mument preċiż u ddum matul il-perijodu kollu li fih ma jkunx hemm irkupru effettiv. Għaldaqstant, id-dewmien ta’ tali għajnuna għandu jiġi ġġustifikat min-nuqqas kontinwu li tittieħed azzjoni wara l-bidu tagħha, u mhux biss mil-atti preċedenti, kif trid ir-Repubblika tal-Polonja.

58      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ħlas ta’ interessi, il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ ta’ dejn pubbliku, il-kalkolu tal-interessi jitwettaq indipendentement mir-rieda tal-kredituri u huwa obbligatorju. Ir-rinunzja għall-kalkolu u għall-ġbir tal-interessi rrappreżentat għajnuna addizzjonali.

59      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-awtoritajiet Pollakki aġġixxewx bħala kreditur privat ipotetiku, l-ewwel nett, il-Kummissjoni toġġezzjona għall-fatt li għajnuna għar-ristrutturazzjoni ngħatat inizjalment lil TB irendi impossibbli l-eżami tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Pollakki mill-perspettiva ta’ kreditur privat ipotetiku, peress li tali kreditur ma kienx jittollera li jiġi annullat id-dejn inizjali ta’ TB.

60      It-tieni nett, il-Kummissjoni tallega li kreditur privat ma kienx jaġixxi bl-istess mod tal-awtoritajiet Pollakki, f’sitwazzjoni analoga. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, kreditur privat ma huwiex inklinat li jaċċetta l-estensjoni tat-terminu tar-rimbors tad-dejn għal impriża f’diffikultà jew ftehim għar-ristrutturazzjoni ta’ din l-impriża, ħlief jekk dawn jagħtuh vantaġġ ekonomiku. Issa, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni tafferma li hija wriet, fid-deċiżjoni kkontestata, li, minn Jannar 2004, TB kienet insolventi u li ma kienx probabbli li kienet terġa tibda tagħmel profitt, li jfisser li kreditur privat kien, f’din is-sitwazzjoni, jiddeċiedi li jirkupra l-krediti mill-2004.

61      Madankollu, il-Kummissjoni tippreċiża li kreditur privat ma kienx jissodisfa ruħu b’kwalunkwe miżura ta’ rkupru, iżda kien ikun interessat biss mill-miżuri li setgħu jkunu effettivi. B’hekk, kreditur privat kien jeżamina jekk l-eżekuzzjoni tal-garanziji fil-pussess tiegħu, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment, kienx jirriżulta f’rimbors ikbar milli fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru tal-krediti. Issa, il-Kummissjoni tirrileva qabel kollox, li l-irkupru ma wassalx għar-rimbors tad-dejn ta’ TB, peress li ż-żieda fl-ammont tiegħu kien dejjem ikbar mis-somom irkuprati, sussegwentement, peress li l-possibbiltajiet li TB kienet terġa tibda tagħmel profitt kien tnaqqsu b’mod sinjifikattiv u fl-aħħar, peress li z-ZUS kellu garanziji ekwivalenti għall-ammont ta’ dejn ta’ TB. Minn dan jirriżulta, skont il-Kummissjoni, li kreditur privat li jinsab fis-sitwazzjoni taz-ZUS ma kien ikollu l-ebda raġuni jkompli jistenna l-eżekuzzjoni tal-krediti.

62      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar l-aġir ta’ EF, il-Kummissjoni ssostni li, minn naħa, għandu jiġi miċħud, sa fejn ma ġiex ippreżentat waqt il-proċedura ta’ eżami u, min-naħa l-oħra, EF ma hijiex affidabbli bħala referenza għal kreditur privat.

63      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja dwar in-nuqqas ta’ analiżi ekonomiċi ddettaljati, il-Kummissjoni targumenta, fuq il-bażi tal-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata u tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2004, Lenzing vs Il-Kummissjoni (T‑36/99, Ġabra p. II 3597), li l-prova tas-supremazija tal-proċedura ta’ falliment fuq il-forom l-oħra ta’ irkupru ma kinitx neċessarja, peress li l-awtoritajiet Pollakki ma użawx il-miżuri kollha ta’ rkupru minkejja li kellhom l-obbligu li jagħmlu dan.

64      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-arretrati ta’ dejn pubbliku tħallsu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment, il-Kummissjoni tikkontesta li l-irkupru tad-dejn pubbliku mingħand TB ma jippermettix l-eliminazzjoni ta’ kull distorsjoni tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 88(2) KE. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-irkupru tal-għajnuna huwa intiż sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien hemm fis-suq qabel l-għoti ta’ din l-għajnuna. Dan l-għan jintlaħaq meta l-għajnuna illegali tingħata lura mill-benefiċjarju u meta dan tal-aħħar jitlef il-vantaġġ li kien jibbenefika minnu fuq is-suq, fil-konfront tal-kompetituri tiegħu. Issa, fil-kawża preżenti, peress li l-vantaġġ kompetittiv ġie ttrasferit minn TB lejn BA u HB, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwa ma jistgħux jiġu stabbiliti mill-ġdid sakemm iseħħ ir-rimbors tal-għajnuna minn BA u HB.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

65      Skont l-Artikolu 87(1) KE: “[B]la ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkumpatibbli mas-suq komuni.”

66      Il-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu sodisfatti. L-ewwel nett, irid ikun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent irid ikun jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju billi jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, T-34/02, Ġabra p. II-267, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      B’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li jiġu kkunsidrati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 58).

68      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-vantaġġ, għandu jitfakkar, qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, billi dan jinkludi mhux biss provvisti pożittivi, bħas-sussidji stess, iżda wkoll interventi tal-Istat li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I‑4035, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Wara, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 87 KE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑480/98, Ġabra. p. I‑8717, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fl-aħħar, ġie deċiż li, sabiex jiġi evalwat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjara rċevietx vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tirċievi f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1999, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C-256/97,Ġabra p. I-3913, punt 22). Għal dan il-għan, fir-rigward tal-krediti pubbliċi mhux irkuprati, il-korpi pubbliċi inkwistjoni għandhom jiġu mqabbla ma’ kreditur privat li jfittex li jikseb il-ħlas tas-somom dovuti lilu minn debitur li għandhu diffikultajiet finanzjarji (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T-152/99, Ġabra p. II-3049, punt 167).

71      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikatx korrettament il-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

72      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li, billi l-awtoritajiet Pollakki qatt ma taw remissjoni tad-dejn lil TB u billi adottaw il-miżuri kollha neċessarji għall-irkupru tal-krediti tagħhom, il-kundizzjoni dwar l-intervent mill-Istat hija nieqsa.

73      Għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikorrenti tinvoka n-nuqqas ta’ intervent mill-Istat, l-argumenti tagħha huma kkonċentrati, essenzjalment, fuq il-kwistjoni tal-eżistenza tal-vantaġġ mogħti mill-korpi pubbliċi msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-argumenti tagħha ma jipprovaw bl-ebda mod li l-vantaġġ allegatament mogħti lil TB qatt ma seħħ, la direttament jew indirettament, permezz tar-riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq. Huma juru biss li l-miżuri eżaminati mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ hijiex sodisfatta fil-kawża preżenti.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-awtoritajiet Pollakki la rremissjonaw u lanqas ma skedaw mill-ġdid id-dejn pubbliku ta’ TB. B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, b’mod partikolari mill-premessi 38 sa 40 tagħha, li l-Kummissjoni kellha konoxxenza sħiħa tal-fatt li l-awtoritajiet Pollakki kienu adottaw il-miżuri previsti mil-liġi sabiex jirkupraw il-krediti tagħhom, bħas-sewkwestru tal-kontijiet bankarji, il-kostituzzjoni ta’ ipoteki u ta’ garanziji, kif ukoll it-trasferimenti tal-proprjetà ta’ ċerti assi. Waqt is-seduta tas-7 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet ikkunsidrat, għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li l-irkupru mwettaq mill-korpi pubbliċi msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq kien ineffettiv, fid-dawl taż-żieda fid-dejn ta’ TB, u li n-nuqqas ta’ rkupru effettiv tal-krediti pubbliċi kellu jitqies bħala remissjoni jew bħala skedar mill-ġdid tad-dejn.

75      Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill-premessi 91, 96 u 97 tagħha jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-vantaġġ mogħti lil TB irriżulta, mhux mill-fatt li l-ineffettività tal-irkupru mwettaq mill-korpi pubbliċi msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq seta’ jitqies bħala remissjoni jew bħala skedar mill-ġdid tad-dejn, iżda mill-fatt li l-imsemmija awtoritajiet irrinunzjaw għall-eżekuzzjoni forzata ta’ PLN 20 761 643, peress li ma talbux id-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ TB, mit-tmiem tas-sena 2004, minkejja li, f’dan iż-żmien, kien sar improbabbli li din tal-aħħar setgħet terġa tikseb profitt. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, li hija tesprimi fil-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ikkostitwixxa sostenn operattiv għal TB, li b’hekk setgħet tkompli l-attività mingħajr profitt tagħha.

76      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata la hija bbażata fuq l-għoti ta’ remissjoni jew fuq l-iskedar mill-ġdid tad-dejn ta’ TB u lanqas fuq l-ineffettività tal-miżuri ta’ rkupru użati mill-awtoritajiet Pollakki, meqjusa mill-Kummissjoni bħala remissjoni jew bħala skedar mill-ġdid tad-dejn, iżda fuq il-fatt li l-awtoritajiet Pollakki kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom metodu ieħor ta’ rkupru tal-krediti – id-dikjarazzjoni ta’ falliment – li, skont il-Kummissjoni, kienet tippermetti l-irkupru effettiv tal-krediti.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 68 u 69 iktar ’il fuq, li tipprovdi li la l-forma, la l-kawża u lanqas l-għan tal-miżuri tal-Istat ma jistgħu jostakolaw il-kwalifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball billi kkunsidrat li l-fatt li l-awtoritajiet Pollakki ma għażlux, fit-tmiem tas-sena 2004, li jitolbu d-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ TB, u llimitaw ruħhom li jsegwu, minkejja li b’diliġenza, il-proċeduri legali ta’ rkupru ta’ krediti pubbliċi, kien jikkostitwixxi vantaġġ mogħti lil TB. Fil-fatt, għandu jitfakkar li kull proċedura ta’ falliment, kemm jekk tirriżulta fl-irkupru tal-kumpannija falluta, u kemm fl-istralċ tagħha, mill-inqas, għandha bħala għan li jitwettaq clearance tal-passiv tal-imsemmija kumpannija. F’dan il-kuntest, il-libertà li tiddisponi minnha l-kumpannija falluta fil-ġestjoni kemm tal-assi u kemm tal-attività tagħha hija limitata. Għaldaqstant, billi naqsu milli jitolbu dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ TB, l-awtoritajiet Pollakki msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, ippermettew lil din il-kumpannija sabiex tiddisponi minn perijodu ta’ żmien, li fih hija setgħet tagħmel użu liberu tal-assi tagħha u li tkompli l-attività tagħha, u b’hekk tawha vantaġġ.

78      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kawża preżenti, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li, bejn it-tmiem tas-sena 2004, u d-dikjarazzjoni ta’ falliment fl-2006, TB ma setgħetx tħallas id-dejn kollu tagħha. B’hekk, ir-rikorrenti tirrikonoxxi, fl-atti tagħha, li d-dejn pubbliku ta’ TB kif ukoll l-interessi u l-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni ma tħallsux ħlief fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment. Min-naħa l-oħra, lanqas ma ġie kkontestat li fl-2005 u fl-2006, TB kompliet l-attivitajiet tagħha. Waqt dan il-perijodu, din tal-aħħar b’mod partikolari kriet lir-rikorrenti ċerti mill-assi ta’ produzzjoni tagħha, u pproċediet għal xi żiediet fil-kapital favur ir-rikorrenti u HB. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsiderat li, minkejja l-fatt li l-korpi pubbliċi msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq eżerċitaw il-mezzi ta’ rimedju kollha previsti legalment sabiex jinkiseb il-ħlas tad-dejn ta’ TB, l-imsemmi dejn tħallas biss parzjalment u li TB setgħet tkompli l-attività tagħha u tipproċedi għall-organizzazzjoni mill-ġdid tal-grupp, permezz tal-kiri tal-assi ta’ produzzjoni lil BA u taż-żieda fil-kapital ta’ din tal-aħħar, kif ukoll ta’ żieda fil-kapital ta’ HB, taħt il-forma ta’ kontribuzzjoni ta’ assi fissi. Issa, din l-organizzazzjoni mill-ġdid ma kinitx tkun possibbli kienu TB kienet ġiet iddikjarata falluta fit-tmiem tas-sena 2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 20).

79      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat, bħall-Kummissjoni, li TB ibbenefikat, mit-tmiem tas-sena 2004, minn sostenn operattiv minn naħa tal-awtoritajiet Pollakki li, billi naqsu milli jitolbu d-dikjarazzjoni ta’ falliment tagħha, ippermettewlha tkompli l-attività ekonomika tagħha, mingħajr ma tħallas id-dejn tagħha, li kienu jammontaw għal PLN 20 761 643 f’dak il-mument.

80      Fit-tieni lok, minħabba l-fatt stess li segwew il-proċeduri legali ta’ rkupru ta’ krediti pubbliċi, iżda li naqsu milli jitolbu d-dikjarazzjoni ta’ falliment, l-awtoritajiet Pollakki taw vantaġġ lil TB, hemm lok li jiġi ddeterminat, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 70 iktar ’il fuq, jekk il-Kummissjoni kisritx l-Artikolu 87(1) KE, billi qieset li l-imsemmi vantaġġ ma setax jingħata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni għamlitx applikazzjoni korretta tat-test ta’ kreditur privat ipotetiku, fatt li r-rikorrenti tikkontesta.

81      B’mod partikolari, ir-rikorrenti hija tal-opinjoni li kreditur privat ma kienx jagħżel l-eżekuzzjoni tal-garanziji fil-pussess tiegħu fil-kuntest ta’proċedura ta’ falliment, fid-dawl tat-tul tal-proċeduri ta’ falliment, tal-ispejjeż li joħolqu dawn il-proċeduri, tal-fatt li l-garanziji disponibbli għall-korpi pubbliċi ma kinux kollha tal-ewwel grad u tal-fatt li l-proċedura ta’ rkupru implementata mill-awtoritajiet Pollakki kienet ippermettiet li jinkiseb il-ħlas progressiv tas-somom dovuti. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma ressqitx analiżi ekonomiċi ddettaljati li jippermettulha sabiex tikkonkludi li l-awtoritajiet Pollakki kienu jirkupraw parti kbira tal-krediti tagħhom iktar malajr kieku, lejn it-tmiem tas-sena 2004, kienu talbu d-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ TB.

82      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kwistjoni jekk miżura tissodisfax il-kriterju ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq tinvolvi evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Il-Kummissjoni, meta tadotta att li jinvolvi evalwazzjoni bħal din, tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tal-motivazzjoni, tan-nuqqas ta’ żball ta’ liġi, tal-eżattezza materjali tal-fatti li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni u tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-awtur tad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ April 2002, DSG vs Il-Kummissjoni, C-323/00 P, Ġabra p. I-3919, punt 43; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, HAMSA vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 127, u tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T 196/04, Ġabra p. II-3643, punt 41).

83      Madankollu, għalkemm il-qorti tal-Unjoni tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ekonomiċi jew tekniċi, dan ma jfissirx li l-qorti Komunitarja għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ informazzjoni ta’ din in-natura. Fil-fatt, fl-osservanza tal-argumenti mressqa mill-partijiet, il-qorti tal-Unjoni mhux biss għandha tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C-290/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 65).

84      Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, meta impriża li tkun ikkonfrontata b’deterjoramanet kbir tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha tipproponi ftehim, jew sensiela ta’ ftehim, għall-arranġament tad-dejn lill-kredituri tagħha sabiex jinstab rimedju għas-sitwazzjoni tagħha u jiġi evitat l-istralċ tagħha, kull kreditur għandu jagħmel għażla fir-rigward tal-ammont offrut lilu fil-kuntest tal-ftehim propost, minn naħa, u tal-ammont li jidhirlu li jkun jista’ jirkupra fi tmiem l-istralċ eventwali tal-impriża, min-naħa l-oħra. L-għażla tiegħu hija influwenzata minn sensiela ta’ fatturi, bħall-kwalità tiegħu ta’ kreditur ipotekarju, privileġġjat jew ordinarju, in-natura u l-portata tal-garanziji li jkollu, l-evalwazzjoni tiegħu tal-possibbiltajiet li l-impriża terġa’ tiġi fuq saqajha kif ukoll il-qligħ li jagħmel f’każ ta’ stralċ (sentenza tal-Qorti Ġenerali, HAMSA vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 168). Isegwi li hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina, għal kull korp pubbliku inkwistjoni, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi ċċitati iktar ’il fuq, jekk ir-remissjoni tad-dejn li jkun ta kienet manifestament ikbar minn dik li kienet tingħata minn kreditur privat ipotetiku li jinsab, fir-rigward tal-impriża, f’sitwazzjoni simili għal dik tal-korp pubbliku kkonċernat u li jfittex li jirkupra s-somom dovuti lilu (sentenzi DM Transport, punt 70 iktar ’il fuq, punt 25, u HAMSA vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punt 170).

85      B’analoġija, f’każ bħal dak preżenti fejn l-ebda ftehim għall-arranġament tad-dejn ma ġie konkluż, kreditur privat ipotetiku jiġi kkonfrontat b’għażla, fir-rigward, minn naħa, tar-riżultat prevedibbli tal-proċedura legali ta’ rkupru tad-dejn u min-naħa l-oħra, tal-ammont li huwa jqis li jista’ jirkupra fit-tmiem tal-proċedura ta’ falliment tal-kumpannija. L-għażla tiegħu hija influwenzata minn sensiela ta’ fatturi, bħal dawk iċċitati fil-punt 84 iktar ’il fuq. Isegwi li, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kienet marbuta li tiddetermina jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-fattur, kreditur privat kienx, bħall-korpi pubbliċi msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, jippreferi l-proċedura legali ta’ rkupru tad-dejn mill-proċedura ta’ falliment.

86      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tas-sentenza Lenzing vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, li tipprovdi li l-prova tas-supremazija tal-proċedura ta’ falliment fuq il-proċeduri ta’ rkupru l-oħra ma hijiex neċessarja, sa fejn l-awtoritajiet Pollakki ma użawx il-miżuri ta’ rkupru kollha – inkluża l-proċedura ta’ falliment – meta kienu marbuta li jagħmlu dan.

87      Minn naħa, ma jeżisti l-ebda obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali, li jfittxu li jirkupraw xi krediti pubbliċi, li jużaw il-metodi ta’ rkupru kollha li jiddisponu minnhom. Hekk kif jirriżulta mill-punt 70 iktar ’il fuq, l-uniku obbligu li huma suġġetti għalih l-imsemmija awtoritajiet, sabiex l-intervent tagħhom ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, huwa li jadottaw l-aġir ta’ kreditur privat, fiċ-ċirkustanzi normali tas-suq. Issa, meta jeżistu diversi metodi ta’ rkupru, huwa neċessarju li jsir paragun tal-merti rispettivi tad-diversi metodi sabiex jiġi ddeterminat dak li kien jagħżel kreditur privat.

88      Min-naħa l-oħra, għalkemm, fis-sentenza Lenzing vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma wasslitx sabiex tippronunċja ruħha b’mod espress fuq il-ħtieġa għall-Kummissjoni sabiex twettaq paragun bejn il-merti rispettivi, mill-perspettiva ta’ kreditur privat ipotetiku, tad-diversi proċeduri ta’ rkupru, din is-sentenza madankollu ma ssostni bl-ebda mod l-argument tal-Kummissjoni. Bil-kontra, il-Qorti Ġenerali tfakkar, fil-punt 152, li hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika, f’kull każ individwali u skont iaċ-ċirkustanzi tal-kawża, jekk id-deċiżjoni tal-korpi pubbliċi inkwistjoni li jaċċettaw l-arranġament mill-ġdid tad-dejn ta’ impriża f’diffikultà kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ dan l-arranġament mill-ġdid humiex konformi mal-kriterju ta’ kreditur privat. Barra minn hekk, fil-punti 159 u 160 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-imsemmija korpi pubbliċi aġġixxew b’tali mod li jkollhom l-ikbar possibbiltà ta’ rkupru mingħajr ma pproċediet għal analiżi sostnuta tal-vijabbiltà tal-impriża benefiċjarja. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li l-merti tal-proċedura ta’ rkupru segwita mill-korpi pubbliċi inkwistjoni kellhom jiġu evalwati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-vijabbiltà tal-impriża, li jfisser, impliċitament, li, fid-dawl tal-informazzjoni dwar l-imsemmija vijabbiltà, proċedura oħra ta’ rkupru setgħet tintgħażel.

89      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 83 iktar ’il fuq, jekk l-elementi li kienet tiddisponi minnhom il-Kummissjoni, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jippermettulhiex li tikkonkludi li kreditur privat ipotetiku kien jagħżel talba għal dikjarazzjoni ta’ falliment u ma kienx isegwi l-proċeduri legali ta’ rkupru.

90      L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura u tal-portata tal-garanziji li ppossedew il-korpi pubbliċi msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li mill-premessi 40 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni pproċediet għal analiżi tal-imsemmija garanziji. Fit-tmiem ta’ din l-analiżi, hija kkonkludiet, fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, li z-ZUS, il-Państwowy Fundusz Rehabilitacji Osób Niepełnosprawnych u t-Teżor Pubbliku kellhom “garanziji tajbin”, li kellhom l-possibbiltà li jittrasformaw fi flus fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment u li, wara d-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ TB u wara li l-assi tagħha ddgħajfu, l-użu ta’ dawn il-garanziji deher iktar raġjonevoli mill-perspettiva ekonomika minn ristrutturazzjoni. Għalkemm din il-konklużjoni hija kkontestata mir-rikorrenti, hemm madankollu lok li jiġi rrilevat li mill-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni hija bbażata fuq provi materjali pprovduti mill-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

91      It-tieni nett, fir-rigward tal-possibbiltajiet li TB terġa’ tiġi fuq saqajha, il-Kummissjoni wettqet eżami, b’mod partikolari fil-premessi 89, 90 u 96 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-imsemmija possibbiltajiet, fit-tmiem tas-sena 2004. Fit-tmiem ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni kkonkludiet li, fit-tmiem tas-sena 2004, l-indikaturi kollha tal-possibbiltajiet ta’ TB li terġa ssir vijabbli kienu negattivi. Għalkemm, bħal fil-każ tal-analiżi tan-natura u tal-portata tal-garanziji, ir-rikorrenti tikkontestata din il-konklużjoni, għandu madankollu jiġi enfassizzat li l-imsemmi eżami huwa bbażat fuq il-provi materjali msemmija fil-premessi 49 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri r-rapporti ta’ monitoraġġ ippreparati mill-konsulent indipendenti tal-Kummissjoni għas-sena 2003 u għas-sena 2004, kif ukoll ir-rapporti ta’ monitoraġġ ippreparati mir-Repubblika tal-Polonja wkoll għas-snin 2003 u 2004.

92      It-tielet nett, fir-rigward tal-benefiċċju li kreditur privat ipotetiku seta’ jispera li jikseb fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni affermat, fil-premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata, li “konsiderazzjoni kompetenti tal-vantaġġ għall-posponiment tad-dejn tkun uriet li l-potenzjal ta’ rkupru ma jkunx qabeż id-dħul assikurat f’każ ta’ likwidazzjoni [stralċ] ta’ l-azjenda [kumpannija]”. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata ma turix il-provi materjali li din l-affermazzjoni hija bbażata fuqhom.

93      B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tindikax, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk hija ddisponietx, bħala sostenn għal din l-affermazzjoni, minn analiżi tal-paragun tal-benefiċċju li jikseb kreditur privat ipotetiku, fit-tmiem ta’ proċedura ta’ falliment – b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-ispejjeż maħluqa minn tali proċedura – fil-konfront tal-benefiċċju tal-proċedura legali ta’ rkupru tad-dejn pubbliku.

94      Meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt permezz ta’ mistoqsija bil-miktub imressqa waqt is-seduta tas-7 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni sabiex tindika jekk tali analiżi u studji kinux ġew ippreparati u użati fid-dawl tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Hija sempliċement spjegat li l-imsemmija analiżi dehru fil-premessi 84, 87 u 88 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, dawn il-premessi ma fihom l-ebda analiżi komparattiva tar-riżultat prevedibbli tal-proċedura legali ta’ rkupru ta’ dejn pubbliku u tal-proċedura ta’ falliment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni sabiex tipproduċi dokumenti li fihom tali analiżi, kif talbet il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni li tidher fil-punt 88 tad-deċiżjoni kkontestata ma hija sostnuta minn l-ebda prova.

95      Ir-raba’ nett, fir-rigward ta’ fatturi oħra li jistgħu jinfluwenzaw l-għażla ta’ kreditur privat ipotetiku, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni ma tindikax, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk hija ddisponietx minn studji jew minn analiżi li jipparagunaw it-tul tal-proċedura ta’ falliment meta mqabbel mal-proċedura legali ta’ rkupru ta’ dejn pubbliku. Bil-kontra, meta ġiet mistoqsija dwar dan il-punt, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li ntalbet sabiex tirrispondi waqt is-seduta tas-7 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni indikat li ma kinitx ipparagunat it-tul taż-żewġ proċeduri, minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni ta’ TB, fl-2005, kienet tali li l-falliment tagħha kien inevitabbli.

96      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Qorti Ġeneral tikkunsidra li l-Kummissjoni ma ddisponitx minn provi materjali li jippermettulha tafferma li kreditur privat kien, fit-tmiem tas-sena 2004, jagħżel il-proċedura ta’ falliment. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq u mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi vverifikata l-validità tal-konklużjonijiet li wasslet għalihom il-Kummissjoni fit-tmiem, minn naħa, tal-analiżi tal-garanziji li kellhom l-awtoritajiet Pollakki u, min-naħa l-oħra, tal-evalwazzjoni tal-perspettivi ta’ TB, li l-applikazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tat-test ta’ kreditur privat ipotetiku tikser l-Artikolu 87(1) KE, u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma stabbilixxitx b’mod validu l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lil TB.

97      Isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’ u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, sa fejn il-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat illegali mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja lil TB.

98      Peress li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat minħabba l-motiv espost fil-punt preċedenti, huwa biss għall-kompletezza li l-Qorti Ġenerali ser teżamina l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat illegalment mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja lil TB. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiżat minn naħa waħda, li r-rikorrenti tallega, fil-kuntest tat-tieni motiv, li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet li l-kummerċ bejn l-Istati jkun affettwat u d-distorsjoni jew it-theddida ta’ distorsjoni u, min-naħa l-oħra, ta’ nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motivi ta’ ordni pubbliku li jistgħu, u anzi għandhom, jitqajmu ex officio mill-Qorti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punti 23 u 24).

99      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali li tikkawża preġudizzju għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi ta’ att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C 367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63; ara s-sentenza Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 111, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Madankollu ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’referenza għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha u għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 63).

101    Meta applikat għall-klassifikazzjoni bħala miżura ta’ għajnuna, dan il-prinċipju jeżiġi li jkunu indikati r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza Vlaams Gewest vs IlKummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 64). Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni hija marbuta tindika r-raġunijiet għalfejn hija tqis li l-erba’ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(1) KE, kif deskritti fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq, huma sodisfatti.

102    B’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li l-kummerċ bejn l-Istati jkun affettwat u d-distorsjoni jew it-theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, sunt qasir tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi meħuda inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet huwa suffiċjenti. B’hekk, il-Qorti Ġenerali affermat li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha twettaq analiżi ekonomika tas-sitwazzjoni reali tal-oqsma kkonċernati, tal-parti tas-suq tar-rikorrenti, tal-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri u tal-kurrenti ta’ kummerċ ta’ prodotti u ta’ servizzi inkwistjoni bejn l-Istati Membri, peress li hija esponiet kif l-għajnuna kkontestata twettaq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il‑Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punti 9 sa 12, u s-sentenza HAMSA vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar ’il fuq, punti 224 u 225). Madankollu, anki fil-każ fejn, miċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat l-għajnuna jirriżulta li hija tali li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, xorta hija l-Kummissjoni li għandha tevoka dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (ara s-sentenza Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Kemm fl-atti tagħha u kemm waqt is-seduta, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha, fil-fehma tagħha, hija immotivat id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-fatt li l-kundizzjonijiet li l-kummerċ bejn l-istati jiġi affettwat u d-distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġew sodisfatti.

104    Issa, il-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata hija fformulata kif ġej:

“Għalhekk, il-Polonja tħalliet barra milli tinforza PLN 20.761 miljun (20.267 miljun kienu indikati fir-raba’ rapport Pollakk dwar ir-ristrutturazzjoni, aktar tard irrettifikat mill-Polonja). Dan jikkostitwixxi għajnuna operattiva għall-ażjenda sabiex tkompi n-negozju mhux effiċjenti tagħha u għalhekk huwa vantaġġ mogħti mir-riżorsi ta’ l-istat li jhedded il-kompetizzjoni ħielsa bejn l-Istati Membri, u għalhekk huwa inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artikolu 87 [KE]”.

105    Għandu jiġi kkontestat li, fir-rigward tal-fatt li kummerċ bejn l-istati jiġi affettwat u tad-distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi sempliċement repetizzjoni tal-kliem tal-Artikolu 87(1) KE, u ma fiha l-ebda sunt, lanqas qasir, tal-fatti u kunsiderazzjonijiet ġuridiċi meħuda inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

106    Barra minn hekk, mill-analiżi tal-bqija tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li ma fihom lanqas l-iċken prova li tista’ turi li l-għajnuna inkwistjoni hija tali li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, lanqas fil-kuntest tad-deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom din l-għajnuna ngħatat.

107    Isegwi li d-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement motivata fis-sens tal-Artikolu 253 KE.

108    Peress li, kif ġie espost fil-punt 96 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma stabbilixxitx l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u li, hekk kif ġie rrilevat għall-kompletezza fil-punt preċedenti, id-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement motivata, hemm lok li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

109    Fid-dawl tal-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li jikkostitwixxi l-bażi tal-obbligu ta’ ħlas lura impost fuq ir-rikorrenti, għandhom jiġu annullati wkoll l-Artikolu 3(1) u (3) kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

110    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

111    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/344/KE, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar l-għajnuna mill-istat C 23/06 (ex NN 35/06) li l-Polonja implementat għall-produttur tal-azzar Technologie Buczek Group 2007, huwa annullat.

2)      L-Artikolu 3(1) u (3) u l-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2008/344 huma annullati, sa fejn jirrigwardaw lil Buczek Automotive sp. z o.o.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Buczek Automotive, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

4)      La Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Mejju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.