Language of document : ECLI:EU:T:2014:10

Kawża T‑528/11

Aloe Vera of America, Inc.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva FOREVER – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti 4 EVER – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Xebh tas-sinjali – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Jannar 2014

1.      Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Kunċett – Interpretazzjoni fid-dawl tar-ratio legis tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))

2.      Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))

3.      Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Applikazzjoni tal-kriterji għall-każ speċifiku

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 42(2) u (3))

4.      Trade mark Komunitarja – Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni – Eżami tal-oppożizzjoni – Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti – Użu ġenwin – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Rekwiżit ta’ provi konkreti u oġġettivi

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, punt a tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) u Artikolu 42(2) u (3))

5.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

6.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Trade marks figurattivi FOREVER u 4 EVER

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

1.      Ir-ratio legis tar-rekwiżit li jgħid li t-trade mark preċedenti għandha tkun intużat b’mod ġenwin, fis-sens tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni għal applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kunflitti bejn żewġ trade marks, sa fejn ma jkunx hemm raġuni ekonomika li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat-trade mark fis-suq. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni la hija intiża sabiex tevalwa s suċċess kummerċjali, la sabiex tikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas sabiex tirriżerva l protezzjoni tat-trade marks biss fejn sar użu kummerċjali minnhom b’mod rilevanti mil-lat kwantitattiv.

(ara l-punt 23)

2.      Trade mark tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin, fis-sens tal-Artikolu 42 (2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija tkun ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm opportunità għal dawn il-prodotti u s-servizzi, bl-eċċezzjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li jkollu l-uniku għan li jżomm id-drittijiet mogħtija li jirriżultaw mit-trade mark. Barra minn hekk, il-kundizzjoni dwar l-użu ġenwin mit-trade mark jirrikjedi li din, hekk kif hija protetta fit-territorju rilevanti, tiġi użata pubblikament u l-barra.

L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu tat-trade mark.

Fir-rigward tal-importanza tal-użu li sar mit-trade mark preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u t-tul ta’ żmien li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll tal-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra.

(ara l-punti 24-26)

3.      Sabiex tiġi eżaminata, f’każ partikolari, in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni. B’dan il-mod, volum baxx ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew kostanza kbira fil-perijodu ta’ użu ta’ din it-trade mark u bil-maqlub.

Id-dħul mill-bejgħ miksub kif ukoll il-kwantità ta’ bejgħ ta’ prodotti taħt it-trade mark preċedenti ma jistgħux jiġu evalwati fl-assolut, iżda jridu jiġu evalwati fid-dawl ta’ fatturi rilevanti oħra, bħall-volum tal-attività kummerċjali, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il‑livell ta’ diversifikazzjoni tal-impriża li tuża t-trade mark kif ukoll il‑karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi fis-suq ikkonċernat. Minħabba dan, ma huwiex meħtieġ li l-użu tat-trade mark preċedenti jkun dejjem kwantitattivament importanti sabiex jiġi kkwalifikat bħala ġenwi. Użu anki minimu jista’ jkun suffiċjenti sabiex jitqies bħala ġenwin, bil-kundizzjoni li jkun meqjus bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq għall-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark. Konsegwentement, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat a priori, b’mod astratt, liema livell kwantitattiv għandu jitqies sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu kellux jew le natura ġenwina, b’tali mod li regola de minimis, li ma tippermettix lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jew, f’rikors, lill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha tat-tilwima sottomessa lilhom, ma tistax tiġi ffissata.

(ara l-punti 27, 28)

4.      L-użu ġenwin ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet, iżda għandu jistrieħ fuq elementi konkreti u oġġettivi li jipprovaw użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-punt a tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 42(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark preċedenti, nazzjonali jew Komunitarja, li fuqha tkun ibbażata oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, tinkludi wkoll il-prova tal-użu mit-trade mark preċedenti f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark fil-forma li fiha tkun ġiet irreġistrata.

(ara l-punti 29, 30)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 48, 49, 80)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 51, 52, 84)