Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2022 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) fl-14 ta’ Settembru 2022 fil-Kawżi Magħquda T-371/20 u T-554/20, Pollinis France vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-726/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: S. Delaude, C. Ehrbar, G. Gattinara, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Pollinis France

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna r-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-Kawżi T-371/20 u T-554/20 kif ukoll dawk li jirriżultaw minn dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji.

1    Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni” msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni” sa fejn illimitat l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 għal kwistjonijiet suġġetti għal deliberazzjoni fi ħdan l-istituzzjoni jew li ser jiġu, b’mod imminenti, suġġetti għal deliberazzjoni.

2    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta evalwat jekk “l-iżvelar tad-dokument serjament [idgħajjifx] il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet l-interpretazzjoni tagħha tad-deċiżjonijiet ikkontestati u adottat raġunament kontradittorju.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ċaħdet ir-relevanza tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni kif ukoll tar-Regoli standard ta’ proċedura għall-kumitati sabiex jiġi evalwat jekk “l-iżvelar tad-dokument serjament [idgħajjifx] il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni”.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma applikatx il-kriterji legali adegwati sabiex tevalwa l-fatturi rilevanti u ma evalwatx il-fatturi rilevanti fil-kuntest ta’ korp ta’ provi koerenti.

____________