Language of document : ECLI:EU:C:2023:313

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fl‑20 ta’ April 2023 (1)

Kawża C548/21

C. G.

vs

Bezirkshauptmannschaft Landeck

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol, l-Awstrija))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari — Telekomunikazzjonijiet — Protezzjoni ta’ data personali — Direttiva (UE) 2016/680 — Proċeduri kriminali — Tentattiv ta’ aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data rreġistrata fuq telefon ċellulari mingħajr awtorizzazzjoni ta’ qorti jew ta’ awtorità indipendenti amministrattiva”






1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, fil-qosor, il-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet tal-pulizija għandhom jissodisfaw sabiex ikollhom aċċess għad-data maħżuna fuq it-telefon ċellulari tal-persuna li kontriha jkunu għaddejjin proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali.

2.        Kif ser nipprova nispjega, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fih nuqqasijiet sostanzjali f’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tiegħu. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, minkejja kollox, li tidħol fil-mertu, ikollha tiddeċiedi dwar il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tad-Direttiva 2002/58/KE (2) u tad-Direttiva (UE) 2016/680 (3).

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IrRegolament (UE) 2016/679 (4)

3.        Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 2 (“Kamp ta’ applikazzjoni materjali”), jistabbilixxi:

“Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

[…]

d)      mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”.

2.      IdDirettiva 2016/680

4.        Il-premessa 2 tiddikjara:

“Il-prinċipji ta’, u r-regoli dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, tkun xi tkun in-nazzjonalità jew ir-residenza tagħhom, għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali. Din id-Direttiva hija maħsuba biex tikkontribwixxi għall-kisba ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja”.

5.        Il-premessa 46 tistipula:

“Kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data għandha tikkonforma mal-Karta u mal-KEDB, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem [(5)], rispettivament, u b’mod partikolari għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet”.

6.        Il-premessa 49 tipprovdi:

“Meta d-data personali tiġi pproċessata fil-kors ta’ investigazzjoni kriminali u proċedimenti tal-qorti f’materji kriminali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu li l-eżerċizzju tad-dritt għall-informazzjoni, l-aċċess għal, u r-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali u r-restrizzjoni tal-ipproċessar jitwettqu skont ir-regoli nazzjonali dwar proċedimenti ġudizzjarji”.

7.        L-Artikolu 1 (“Suġġett u objettivi”) jistabbilixxi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

2.      Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom:

a)      jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali; u,

[…]

3.      Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jipprovdu salvagwardji ogħla minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti”.

8.        Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 2 (“Kamp ta’ applikazzjoni”), jgħid:

“Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1)”.

9.        L-Artikolu 3 (“Definizzjonijiet”) jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

2)      ‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

7)      ‘awtorità kompetenti’ tfisser:

a)      kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika; jew

[…]”.

10.      Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 (“Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”), jippreskrivi:

“L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun:

a)      ipproċessata b’mod legali u ġust;

b)      miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet;

c)      adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata;

[…]

e)      miżmuma b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li tiġi pproċessata;

f)      ipproċessata b’mod li tiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali, inkluż il-protezzjoni kontra proċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telfien, il-qerda jew il-ħsara inċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa”.

11.      L-Artikolu 8 (“Legalità tal-ipproċessar”) jindika:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir minn awtorità kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) u li jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

2.      Il-liġi tal-Istat Membru li tirregola l-ipproċessar fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tispeċifika tal-inqas l-objettivi tal-ipproċessar, id-data personali li għandha tiġi pproċessata u l-finijiet tal-ipproċessar”.

12.      L-Artikolu 13 (“Informazzjoni li għandha tkun disponibbli għal jew mogħtija lis-suġġett tad-data”) jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jagħmel tal-inqas l-informazzjoni li ġejja disponibbli għas-suġġett tad-data:

[…]

d)      id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità superviżorja;

[…]

3.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jittardjaw, jirrestrinġu jew iħallu barra l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 2 safejn, u sakemm tali miżura ma tikkostitwixxix miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:

a)      ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

b)      ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

c)      tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

d)      tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

e)      jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]”

13.      B’mod konformi tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 15 (“Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ aċċess”):

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data sa fejn, u sakemm tali restrizzjoni sħiħa jew parzjali tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika, b’kont debitu tad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:

a)      ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

b)      ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

c)      tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

d)      tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

e)      jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

14.      Skont l-Artikolu 27 (“Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data”):

“1.      Fejn tip ta’ pproċessar, partikolarment bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, u b’kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar li x’aktarx jirriżultaw f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur iwettaq, qabel l-ipproċessar, valutazzjoni tal-impatt tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali.

2.      Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi mill-inqas deskrizzjoni ġenerali tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar previsti, valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, il-miżuri previsti sabiex jindirizzaw dawk ir-riskji, salvagwardji, miżuri u mekkaniżmi ta’ sigurtà li jiżguraw il-protezzjoni ta’ data personali u li juru l-konformità ma’ din id-Direttiva, b’kont meħud tad-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data u persuni oħrajn ikkonċernati”.

15.      L-Artikolu 28 (“Konsultazzjoni minn qabel mal-awtorità superviżorja”) jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jew il-proċessur jikkonsulta lill-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar ta’ data personali li tkun ser tifforma parti minn sistema ġdida ta’ arkivjar li tkun ser tinħoloq, fejn:

a)      valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data kif previst fl-Artikolu 27 tindika li l-ipproċessar jirriżulta f’riskju għoli fin-nuqqas ta’ miżuri meħuda mill-kontrollur biex jittaffa r-riskju; jew

b)      it-tip ta’ pproċessar, b’mod partikolari, meta jkunu qed jintużaw teknoloġiji, mekkaniżmi jew proċeduri ġodda, jinvolvi riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

[…]”.

16.      L-Artikolu 54 (“Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur”) jistabbilixxi:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 52, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għad-dritt tas-suġġett tad-data għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn huwa jqis li d-drittijiet tiegħu stipulati f’dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva inkissru bħala riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet”.

B.      Iddritt nazzjonali

17.      L-Artikolu 18 tal-iStrafprozessordnung (6) jagħti lill-pulizija ġudizzjarja funzjonijiet ta’ servizz fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali (il-paragrafu 1). L-investigazzjonijiet mill-pulizija ġudizzjarja ser ikunu r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tas-sigurtà (il-paragrafu 2). Il-korpi tas-servizz tas-sigurtà pubblika ser jipprovdu s-servizz eżekuttiv tal-pulizija ġudizzjarja, li jikkonsisti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali (il-paragrafu 3).

18.      Skont l-Artikolu 99 tas-StPO, il-pulizija ġudizzjarja twettaq investigazzjonijiet ex officio jew fuq il-bażi ta’ ilment, u għandha timxi fuq l-ordnijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u tal-qrati (il-paragrafu 1). Meta miżura investigattiva teħtieġ l-ordni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-pulizija ġudizzjarja tista’ teżerċita s-setgħa korrispondenti, anki mingħajr tali ordni, f’każ ta’ periklu imminenti. F’każ bħal dan, trid titlob l-awtorizzazzjoni immedjatament (il-paragrafu 2).

19.      Skont l-Artikolu 111(2) tas-StPO, meta l-informazzjoni maħżuna fuq mezzi tad-data jkollha tkun suġġetta għal ġbir tad-data, kull persuna hija obbligata li tagħti aċċess għal tali informazzjoni u, fuq talba, li tagħti jew tippermetti li l-mezz tad-data elettroniku jsir f’format ta’ fajl użat b’mod komuni. Barra minn hekk, għandha tippermetti li ssir kopja ta’ backup tal-informazzjoni maħżuna fuq il-mezzi tad-data.

II.    Ilfatti, ittilwima u ddomandi preliminari

20.      C.G. huwa ċittadin Ġermaniż li jaħdem u jgħix ġewwa l-Awstrija.

21.      Fit‑23 ta’ Frar 2021, waqt li kienu qiegħdin iwettqu kontroll ta’ drogi narkotiċi, uffiċjali mill-uffiċċju doganali ta’ Innsbruck (l-Awstrija) sabu pakkett indirizzat lil C.G. li kien fih 85 gramma kannabis.

22.      Fis‑6 ta’ Marzu 2021, żewġ uffiċjali tal-pulizija interrogaw lil C.G. dwar min bagħat il-pakkett u saret tfittxija fid-dar tiegħu. Waqt dik it-tfittxija, issekwestraw it-telefon ċellulari tiegħu (li kien jinkludi kard SIM u kard SD) u ngħata avviż ta’ sekwestru.

23.      Meta ntalab jippermetti aċċess għad-data tal-konnessjoni tat-telefon ċellulari tiegħu, C.G. irrifjuta, u rrifjuta wkoll li jiżvela l-kodiċi ta’ aċċess għat-telefon.

24.      Mill-uffiċċju tal-pulizija tad-distrett ta’ Landeck (l-Awstrija) ma rnexxielhomx jiżblokkaw it-telefon ċellulari. Dan intbagħat lill-Bundeskriminalamt (l-Uffiċċju Ċentrali tal-Pulizija Ġudizzjarja) fi Vjenna (l-Awstrija), fejn reġa’ sar tentattiv, mingħajr suċċess, sabiex jiġi żblokkat u tiġi kkonsultata d-data maħżuna fih.

25.      Meta dawn il-miżuri ttieħdu mill-pulizija, dawn ma kinux koperti minn ordni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur jew minn deċiżjoni tal-qorti.

26.      Fil‑31 ta’ Marzu 2021, C.G. ippreżenta rikors quddiem il-Landesverwaltungsgericht Tirol (Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol, l-Awstrija) kontra l-miżura koerċittiva imposta fuqu, u kkontesta s-sekwestru tat-telefon ċellulari tiegħu. Dan ingħatalu lura fl‑20 ta’ April 2021.

27.      C.G. ma ġiex infurmat bit-tentattivi li saru sabiex jiġi analizzat il-kontenut tat-telefon ċellulari; sar jaf bihom għaliex l-uffiċjal tal-pulizija li ssekwestrah u, sussegwentement, beda l-analiżi diġitali ġie interrogat bħala xhud suġġett għall-obbligu li jgħid il-verità. Dawk it-tentattivi lanqas ġew dokumentati fil-fajl tal-pulizija ġudizzjarja.

28.      F’dan l-isfond, il-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol) għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 15(1) (possibbilment flimkien mal-Artikolu 5) tad-Direttiva 2002/58/KE […], kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 […], moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta […], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għal data maħżuna fuq telefon ċellulari jikkostitwixxi interferenza mad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-imsemmija artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li hija tant kbira li l-aċċess għandu jkun limitat, fil-qasam tal-prevenzjoni, tar-riċerka, tad-dete[n]zjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, għall-ġlieda kontra reati kriminali serji?

2)      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 18 tal-[StPO] […], moqri flimkien mal-Artikolu 99(1) tiegħu, li abbażi tiegħu l-awtoritajiet ta’ sigurtà jiksbu huma stess, mingħajr awtorizzazzjoni ta’ qorti jew ta’ korp indipendenti amministrattiv, aċċess sħiħ u mhux ikkontrollat tad-data diġitali kollha maħżuna fuq telefon ċellulari matul proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali?

3)      L-Artikolu 47 tal-Karta […], possibbilment moqri flimkien mal-Artikoli 41 u 52 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li, mill-perspettiva tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 18 tal-[StPO], moqri flimkien mal-Artikolu 99(1) tiegħu, li tawtorizza l-analiżi diġitali ta’ telefon ċellulari mingħajr ma l-persuna kkonċernata tiġi avżata qabel jew, minn tal-inqas, wara li tittieħed il-miżura?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti tal-Ġustizzja

29.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Settembru 2021.

30.      Fl‑20 ta’ Ottubru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju tiddikjara jekk id-Direttiva 2016/680 tistax tkun rilevanti għall-kawża.

31.      Fil‑11 ta’ Novembru 2021, il-qorti tar-rinviju rrispondiet li d-Direttiva 2016/680 għandha tiġi applikata fil-kawża prinċipali.

32.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Awstrijak, il-Gvern Ċiprijott, il-Gvern Daniż, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Estonjan, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Irlandiż, il-Gvern Norveġiż, il-Gvern Pollakk u l-Gvern Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

33.      Fis-seduta pubblika, li saret fis‑16 ta’ Jannar 2023 dehru, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Pollakk, dawk li kienu ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, flimkien mal-Gvern Finlandiż. Kollha kemm huma ġew mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jikkonċentraw l-argumenti tagħhom fuq id-Direttiva 2016/680 u sabiex iwieġbu oralment mistoqsijiet speċifiċi b’rabta ma’ din.

IV.    Analiżi

A.      Inammissibbiltà

34.      Il-qorti tar-rinviju inizjalment ifformulat id-domandi tagħha fejn talbet biss l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/58. Madankollu, prattikament dawk kollha li intervjenew fil-proċedura jaqblu li din id-Direttiva ma tapplikax għal din il-kawża u, konsegwentement, l-interpretazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa sabiex tissolva t-tilwima.

35.      Skont l-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva 2002/58 tirregola l-“[…]ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi [fl-Unjoni], inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l-apparat ta’ identifikazzjoni”.

36.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “meta l-Istati Membri jimplimentaw b’mod dirett miżuri li jidderogaw mill-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma jimponu obbligi ta’ pproċessar fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ tali komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data tal-persuni kkonċernati ma taqax taħt id-Direttiva 2002/58, iżda biss taħt id-dritt nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-[Direttiva 2016/680]” (7).

37.      Fil-kawża inkwistjoni hawnhekk, it-tentattiv ta’ aċċess għad-data sar direttament mill-awtoritajiet tal-pulizija fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali. Ma kien hemm l-ebda intervent mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li ma kinux meħtieġa jipprovdu data personali. Għalhekk, id-Direttiva 2002/58 ma tapplikax.

38.      Id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tirregola din is-sitwazzjoni hija d-Direttiva 2016/680, li bis-saħħa tal-Artikolu 2(1) tagħha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-“finijiet tal-[…]investigazzjoni […] ta’ reati kriminali”.

39.      Dak li ntqal hawn fuq huwa biżżejjed sabiex iwassal għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ifformulata mill-qorti nazzjonali, peress li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li talbet l-interpretazzjoni tagħha ma kinitx applikabbli għall-kawża.

40.      Huwa minnu, madankollu, li l-Artikolu 267 TFUE jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domandi preliminari li jkunu ġew magħmula lilha jew tindika l-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet oħra possibbilment rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli (8).

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi dwar l-effett eventwali tad-Direttiva 2016/68. Għalhekk, tatha l-opportunità li tikkompleta jew tifformula mill-ġdid id-domandi tagħha hija stess. Minflok ma għamlet dan, il-qorti tar-rinviju llimitat ruħha sabiex tgħid li “f’din il-kawża huwa xieraq, fi kwalunkwe każ, li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680”, iżda mingħajr ma identifikat liema dispożizzjonijiet tagħha għandha dubju dwarhom, u lanqas ma espandiet fuq kunsiderazzjonijiet sostantivi oħra (9).

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddikjarat li “huwa indispensabbli, kif jgħid l-Artikolu 94 (c) tar-Regoli tal‑Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju tkun tinkludi espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil‑kawża prinċipali” (10).

43.      Għalhekk, bħala riżultat ta’ dak espost, in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura huwa ċar f’dan ir-rinviju. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja turi ċerta flessibbiltà f’dan ir-rigward, il-kooperazzjoni mal-qorti tar-rinviju għandha tkun reċiproka: fin-nuqqas, mhux ġustifikat, ta’ kollaborazzjoni min-naħa ta’ din tal-aħħar sabiex tesprimi d-dubji tagħha dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meqjus applikabbli (f’dan il-każ, id-Direttiva 2016/680), jidhirli loġiku li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex tiġi ammessa (11).

44.      Minbarra dak li ntqal qabel, din il-qorti:

—      Ma speċifikatx in-natura tal-ipproċessar li pprovaw iwettqu l-awtoritajiet tal-pulizija, jew tad-data personali speċifikament imfittxija. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidher li tindika li dan kien limitat għad-data tal-konnessjoni (jiġifieri, id-data dwar it-traffiku u l-post), iżda sussegwentement ma teskludix li l-iżblokkar tat-telefon ċellulari pprovda aċċess għad-“data diġitali kollha maħżuna” (12) u anki l-kontenut tal-komunikazzjonijiet u messaġġi elettroniċi skambjati permezz tiegħu (13).

—      Hija tirreferi kemm għas-sekwestru tat-telefon u għall-aċċess, jew tentattiv ta’ aċċess, għad-data li tinsab fih, kif ukoll għall-“użu” (Auswertung) sussegwenti tiegħu, jiġifieri l-analiżi u l-qari tiegħu. Din tal-aħħar, iżżid, “jimplika aċċess sħiħ u mhux ikkontrollat għall-komunikazzjonijiet diġitali kollha tal-parti interessata”, li jippermetti “r-rikostruzzjoni ta’ immaġni dettaljata ħafna u fil-fond ta’ kważi l-oqsma kollha tal-ħajja privata”.

45.      F’dawn il-kundizzjonijiet, iktar milli formulazzjoni mill-ġdid tad-domandi tal-qorti ta’ oriġini, il-Qorti tal-Ġustizzja ikollha twettaq rikostruzzjoni totali tat-talba għal deċiżjoni preliminari, ibbażata, barra minn hekk, parzjalment fuq kunsiderazzjonijiet ipotetiċi, iktar milli fuq fatti bil-provi. Dan kollu, nirrepeti, wara li l-qorti ngħatat il-possibbiltà li tikkompleta jew tifformula mill-ġdid id-domandi tagħha hi stess.

46.      Għalhekk, jiena nipproponi li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata inammissibbli, kif talbu diversi Stati intervenjenti.

47.      Din l-istess dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tirriżulta minħabba ċ-ċirkustanza, enfasizzata waqt is-seduta, li quddiem il-qorti tar-rinviju ma hemmx kawża reali li teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

48.      Fil-fatt, il-Gvern Awstrijak (li jaqgħu taħt l-awtorità tiegħu l-awtoritajiet tal-pulizija li intervjenew fl-investigazzjoni), jirrikonoxxi li l-azzjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet kienu illegali u kisru d-drittijiet tal-parti milquta. Peress li, skont id-digriet tar-rinviju, it-talba tar-rikorrent quddiem il-qorti amministrattiva reġjonali kienet indirizzata, preċiżament, kontra l-miżuri tal-pulizija li l-Awtorità konvenuta tqis li huma illegali, il-kontroversja li ġiet ippreżentata quddiem il-qorti tar-rinviju sparixxiet.

49.      Fi kwalunkwe każ, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-opinjoni tiegħi, iktar ’il quddiem ser nittratta, sussidjarjament, il-problemi sostantivi sottostanti għad-domandi preliminari.

50.      Qabel dan, madankollu, naħseb li għandha tiġi eskluża l-preżenza ta’ raġuni oħra ta’ inammissibbiltà invokata minn xi wħud mill-partijiet intervenjenti fil-proċedura (14). Fl-opinjoni tagħhom, peress li d-Direttiva 2016/680 tkopri l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tagħhom, hija ma tirregolax każijiet bħal dawn, fejn ma sarx dan l-ipproċessar, iżda sempliċi tentattiv ta’ aċċess għal data li finalment ma setgħetx tinkiseb.

51.      Għall-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, l-effett utli tad-Direttiva 2016/680 għandu jiffavorixxi interpretazzjoni tal-għan tagħha li ma tkunx limitata għall-ipproċessar tad-data fis-sens strett, iżda li tinkludi wkoll kwistjonijiet li huma direttament marbuta miegħu. Waħda minn dawn tal-aħħar huwa t-tentattiv ta’ aċċess għad-data li l-ipproċessar tagħha huwa fil-mira (15).

52.      Fil-fehma tiegħi, mingħajr il-ħtieġa li jiġu sfurzati l-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 (16), l-applikazzjoni tagħha għal din il-kawża hija ġġustifikata mhux minħabba s-sekwestru tat-telefon ċellulari (17), iżda minħabba l-azzjoni sussegwenti tal-awtoritajiet tal-pulizija sabiex jieħdu minnu ċerta  data personali tal-persuna kkonċernata, li għal dan l-iskop ippruvaw jiżblokkawh u jiksbu aċċess għall-kontenut tiegħu.

53.      Fost l-attivitajiet definiti bħala “ipproċessar” mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2016/680 hemm “it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor” tad-data personali, imwettaq fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali. Nifhem li, meta l-awtorità tal-pulizija tissekwestra telefon ċellulari fejn tinżamm dik id-data u timmanipulah sabiex tieħu din id-data minnu, tibda “attività” ta’ pproċessar, anki jekk din l-attività ma tirnexxix minħabba raġunijiet tekniċi li jikkonċernaw is-sigurtà kriptografika.

54.      Tentattiv mingħajr suċċess ta’ aċċess għad-data personali maħżuna fuq telefon ċellulari, f’investigazzjoni kriminali, huwa rregolat mid-Direttiva 2016/680 għal raġunijiet simili għal dawk li ddeterminaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara d-Direttiva 2002/58 applikabbli għal tentattiv (anki jekk mingħajr suċċess) sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja sabiex wieħed jaċċedi għal ċerta data tal-persuna investigata, li kienet fil-pussess ta’ operatur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (18).

55.      F’dan il-kuntest, kieku l-qorti tar-rinviju kellha tiddeċiedi dwar l-illegalità tal-azzjoni tal-pulizija (rrikonoxxuta mill-Gvern Awstrijak, kif diġà spjegajt), l-evalwazzjoni tagħha tista’ tiddependi mil-legalità tal-għan imfittex, kemm jekk il-miżura kienet ta’ suċċess kif ukoll jekk il-miżura kienet bdiet tiġi eżegwita biss, mingħajr ma rnexxiet.

B.      Fuq ilmertu

1.      Lewwel domanda preliminari

56.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 (jekk ikun il-każ, flimkien mal-Artikolu 5 tagħha) u fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, “l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għal data maħżuna fuq telefon ċellulari jikkostitwixxi interferenza mad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-imsemmija artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li hija tant kbira li l-aċċess għandu jkun limitat, fil-qasam tal-prevenzjoni, tar-riċerka, tad-detezzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, għall-ġlieda kontra reati kriminali serji”.

57.      Jekk ir-rinviju jkun ammissibbli, l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2002/58 twassal sabiex l-ewwel domanda tiġi fformulata mill-ġdid, b’tali mod li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-Direttiva 2016/680.

58.      Din ir-risposta għandha tiċċara, suċċessivament, jekk wieħed jistax jitkellem dwar interferenza f’kawżi bħal dik preżenti u, jekk ikun hemm interferenza, jekk id-Direttiva 2016/680 teħtieġx li l-aċċess għad-data jkun limitat għall-każijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

59.      L-attivitajiet ta’ pproċessar tad-data jistgħu jimminaw, min-natura tagħhom, id-drittijiet tar-rispett għall-ħajja privata (l-Artikolu 7 tal-Karta) u għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8 tal-Karta). L-awtoritajiet pubbliċi, konsegwentement, għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta sabiex jiġġustifikaw l-interferenza tagħhom fl-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet fundamentali.

60.      L-interferenza fid-drittijiet protetti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tkun ikbar meta: a) jiġi mfittex aċċess għal data ta’ natura sensittiva li normalment tkun irreġistrata fuq it-telefons ċellulari u li l-għarfien tagħha jista’ jiżvela aspetti tal-ħajja tas-sidien tagħha li għandhom ikunu protetti milli jsiru magħrufa minn partijiet terzi; u b) tippermetti l-aċċess għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet.

61.      Madankollu, minn perspettiva ġenerali u fid-dawl tal-kontenut tagħha, id-Direttiva 2016/680 ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-ipproċessar tad-data li tirreferi għalih huwa limitat biss għal każijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità serja.

62.      Id-Direttiva 2016/680 għandha bħala s-suġġett tagħha kwalunkwe attività ta’ pproċessar (19) ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni tat-tipi kollha ta’ reati kriminali.

63.      Mill-prinċipji li tistabbilixxi d-Direttiva 2016/680 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għal dan il-għan (l-Artikolu 4), jew mill-kundizzjonijiet ta’ legalità sabiex jitwettaq dan (l-Artikolu 8), ma jirriżultax li, bħala regola, l-ipproċessar tad-data huwa limitat biss għall-ipoteżi ta’ kriminalità serja.

64.      Limitazzjoni ristretta għall-każijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja lanqas ma tista’ tkun ibbażata sempliċement fuq l-estrapolazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva 2002/58 (20) għal każijiet bħal dak f’din il-kawża.

65.      Fil-fehma tiegħi, dan ma jistax isir, għaliex, bla ħsara għal dak li ser nispjega iktar ’il quddiem, din il-ġurisprudenza tirreferi għaż-żamma ġeneralizzata u indiskriminata ta’ data personali ta’ grupp ġeneriku u indeterminat, imwettqa minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’mod sistematiku. Il-portata tal-interferenza li dan it-tip ta’ żamma jinvolvi għas-soċjetà kollha kemm hi jispjega għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja kienet partikolarment rigoruża sabiex tipprojbixxih u tikkontempla l-eċċezzjonijiet għal dik il-projbizzjoni.

66.      Dan ma huwiex il-każ meta l-aċċess imfittex ma jaffettwax popolazzjoni sħiħa jew gruppi kbar tal-popolazzjoni (jiġifieri, id-data personali ta’ grupp ġeneriku u indeterminat), iżda l-informazzjoni maħżuna fuq telefon ċellulari wieħed, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni kriminali singulari wkoll, li hija rregolata speċifikament mid-Direttiva 2016/680.

67.      L-għan tad-Direttiva 2016/680 ma huwa xejn ħlief l-ipproċessar ta’ data mill-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Ta’ kull tip ta’ reati kriminali, u mhux biss dawk ta’ natura serja.

68.      Barra minn hekk, kif enfasizzaw xi wħud mill-intervenjenti fil-proċedura preliminari, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni dwar in-natura serja tar-reati kriminali fid-Direttiva 2016/680, din tista’ ma tiġix applikata b’mod uniformi fl-Istati Membri, peress li l-evalwazzjonijiet ta’ kull dritt nazzjonali dwar is-serjetà ikbar jew iżgħar ta’ mġiba punibbli jvarjaw b’mod sostanzjali (21).

69.      Fil-qosor, id-Direttiva 2016/680 ma timponix, bħala kundizzjoni ta’ legalità, li l-ipproċessar ta’ data personali rregolat minnha jkun limitat biss għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

70.      Dak li ntqal iktar ’il fuq ma jipprekludix li, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq bażi ta’ każ b’każ, l-ipproċessar tad-data li l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-intenzjoni li jwettqu taħt id-Direttiva 2016/680 għandu jkun aġġustat skont: a) in-natura tar-reati kriminali investigati; u b) il-kwalità tad-data personali li hija s-suġġett ta’ dan l-ipproċessar.

71.      Fuq dan is-suġġett, naqbel ma’ xi wħud mid-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż dwar il-limitazzjoni tal-aċċess għad-data tat-telefons ċellulari ssekwestrati, meta din tippermetti li jiġi stabbilit profil sħiħ tal-personalità tas-sid, fid-dawl tal-kontenut diġitali tiegħu. Skont il-Gvern Ġermaniż, dan l-aċċess għandu jkun limitat għad-data li tkun meħtieġa bħala prova f’każ speċifiku u jista’ ma jkunx xieraq minħabba fatturi bħan-“natura minuri tar-reat taħt investigazzjoni jew il-valur probatorju dgħajjef tad-data li jkunu qiegħdin jippruvaw jiksbu” (22).

72.      B’mod astratt, għalhekk, id-Direttiva 2016/680 ma timplikax li huwa illegali, b’mod sistematiku, l-aċċess għal data personali maħżuna fuq telefon ċellulari sabiex tiġi ffaċilitata l-investigazzjoni ta’ mġiba li tista’ taqa’ taħt kriminalità ġenerali jew komuni. Jekk, b’mod konkret, dan l-aċċess jistax isir, hija kwistjoni li l-awtorità korrispondenti għandha tevalwa f’kull okkażjoni, billi tqis il-ħtieġa tiegħu u l-kriterju ta’ proporzjonalità li għadni kif irreferejt għalih.

73.      Fil-fehma tiegħi, dan jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680 li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ validità tal-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità:

—      L-Artikolu 4(1)(a), li bis-saħħa tiegħu d-data għandha tiġi “ipproċessata b’mod legali”.

—      L-Artikolu 8(1), li jenfasizza li l-ipproċessar għandu jkun meħtieġ u jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew tal-Istat Membru.

2.      Ittieni domanda preliminari

74.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, flimkien mal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1), tal-Karta “jipprekludi[x] leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 18 tal-[StPO], moqri flimkien mal-Artikolu 99(1) tiegħu, li abbażi tiegħu l-awtoritajiet ta’ sigurtà jiksbu huma stess, mingħajr awtorizzazzjoni ta’ qorti jew ta’ korp indipendenti amministrattiv, aċċess sħiħ u mhux ikkontrollat tad-data diġitali kollha maħżuna fuq telefon ċellulari matul proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali”.

75.      Il-formulazzjoni tad-domanda hija kemxejn ambigwa. Il-qorti tar-rinviju:

—      Tirrikonoxxi li l-Artikolu 110(2) tal-StPO jipprovdi li s-sekwestri jew il-konfiska ta’ oġġetti jeħtieġu, fil-prinċipju, l-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur. L-awtorità tal-pulizija tista’ twettaq konfiska, mingħajr tali awtorizzazzjoni, biss fil-każijiet straordinarji previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu (li ma jidhirx li jeżistu f’dan il-każ).

—      Hija żżid, madankollu, li l-analiżi tal-informazzjoni maħżuna fuq it-telefons ċellulari “ma huwiex irregolat [fl-StPO] b’mod preċiż” u li jista’ jsir mill-awtoritajiet tas-sigurtà fuq inizjattiva tagħhom stess, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

76.      Il-Gvern Awstrijak joffri verżjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi ma’ dik esposta fid-digriet tar-rinviju. B’mod partikolari, huwa jgħid li, skont id-dritt nazzjonali, kemm is-sekwestru tat-telefon ċellulari (ħlief f’każijiet ta’ urġenza) kif ukoll l-analiżi għad-data maħżuna fuqu huma possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur (23). Mingħajr ordni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, l-użu mill-pulizija tad-data miżmuma fuq dan it-telefon ċellulari huwa illegali.

77.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika t-termini tar-regoli interni. Fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, u hija biss il-qorti tar-rinviju, li għandha tiddetermina l-portata eżatta tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali (24).

78.      Mingħajr ma nixtieq nintervjeni fil-kontroversja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Awstrijak, insibha diffiċli li niddeduċi mill-dispożizzjonijiet li tidentifika l-qorti tar-rinviju biss (l-Artikolu 18 tal-StPO moqri flimkien mal-Artikolu 99(1) tal-istess liġi) il-konsegwenza li tiddeduċi hi stess. Iżda, nerġa’ nirrepeti, din hija xi ħaġa li dik il-qorti biss tista’ ssolvi.

79.      Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju tqis li d-duttrina tas-sentenza Prokuratuur (25) fuq kontroll minn qabel, minn qorti jew awtorità indipendenti, tal-aċċess għad-data miżmuma, tista’ tkun trasferibbli għal kawża bħal dik preżenti.

80.      Għall-Gvern Olandiż, għall-kuntrarju, din il-ġurisprudenza għandha tinftiehem fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tippermetti aċċess ġenerali tal-awtoritajiet kompetenti għad-data kollha miżmuma dwar it-traffiku u l-post. Dan jispjega r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel li jista’ ma jkunx iġġustifikat, madankollu, fil-każ ta’ aċċess għad-data ta’ telefon ċellulari wieħed.

81.      Bl-istess argument, il-Gvern Norveġiż jallega li fost il-garanziji multipli stabbiliti mid-Direttiva 2016/680 (26) il-ħtieġa għal awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva indipendenti ma tidhirx b’mod espliċitu.

82.      Il-Kummissjoni, filwaqt li tassumi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Karta, issostni li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 8(1) ta’ din id-Direttiva (kundizzjonijiet għal-legalità tal-ipproċessar) jinvolvi l-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

83.      Jiena naqbel mal-Kummissjoni li, bi qbil ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta, il-leġiżlatur nazzjonali huwa obbligat jiddefinixxi r-regoli meħtieġa sabiex jiġi garantit li l-aċċess għad-data jkun iġġustifikat f’kull każ u jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ u proporzjonat.

84.      Tali regoli nazzjonali, madankollu, ma għandhomx għalfejn ikunu speċifiċi għall-aċċess għad-data personali li tinsab, kif inhu l-każ hawnhekk, fuq telefon ċellulari, iżda jistgħu jkunu dawk previsti fid-dritt intern, b’mod ġenerali, fil-qasam ta’ kisba ta’ provi.

85.      F’dan ir-rigward, diġà rriproduċejt il-punt 103 tas-sentenza La Quadrature du Net, fir-rigward tal-miżuri tal-Istati Membri li jaffettwaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma jiġu imposti obbligi ta’ pproċessar fuq il-fornituri tas-servizzi ta’ tali komunikazzjonijiet (27).

86.      Għalhekk, mingħajr il-ħtieġa li jiġu dedotti mid-Direttiva 2016/680 regoli speċifiċi ta’ natura proċedurali sabiex tiġi ggarantita l-legalità tal-aċċess għal data maħżuna fuq telefon ċellulari (28), għandhom jiġu applikati r-regoli nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ tiftix u sekwestru fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali (29).

87.      Ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern sabiex tiġi ggarantita l-legalità tal-aċċess skont id-Direttiva 2016/680 hija, barra minn hekk, konformi mal-ġurisprudenza tal-QEDB. Preċiżament f’kawża li tirreferi għar-Repubblika tal-Awstrija fir-rigward tal-Artikolu 8 KEDB (id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, kif ukoll tad-dar u tal-komunikazzjonijiet) il-QEDB sabet li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar is-sekwestru ta’ oġġetti u, b’mod partikolari, ta’ dokumenti, tapplika għat-tiftix u s-sekwestru ta’ data miżmuma fuq mezzi informatiċi (30).

88.      Jekk, kif isostni l-Gvern Awstrijak billi jiċċita l-ġurisprudenza tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), l-awtoritajiet tal-pulizija ma humiex intitolati li jkollhom aċċess għal data miżmuma fuq telefon ċellulari partikolari mingħajr awtorizzazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, it-tieni domanda preliminari titlef ħafna mis-sens tagħha.

89.      Fi kwalunkwe każ, ir-risposta għal din id-domanda ma tistax teskludi li l-aċċess għad-data personali tat-telefon sekwestrat iwassal għal “kostruzzjoni mill-ġdid ta’ immaġni dettaljata ħafna u fil-fond ta’ kważi l-oqsma kollha tal-ħajja privata” tal-persuna kkonċernata (31). Minħabba dan, l-awtoritajiet tal-pulizija ma jistax ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fis-sentenza Prokuratuur.

90.      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, din id-dikjarazzjoni ma tidhirx li taqbel man-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 (li tinterpreta s-sentenza Prokuratuur) għal din il-kawża, kif sostnejt iktar ’il fuq. Nifhem, madankollu, li r-raġunament f’din is-sentenza jappoġġja l-istess soluzzjoni.

91.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Prokuratuur, għalkemm l-aċċess inkiseb permezz tal-kisba tad-data (metadata) mingħand il-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kien hemm inkwistjoni, bħal f’dan il-każ, investigazzjoni kriminali unika, diretta kontra persuna partikolari. Din kienet tinvolvi l-ġbir ta’ “data dwar diversi numri tat-telefon ta’ […] u identitajiet internazzjonali differenti ta’ tagħmir mobbli tagħha” (32).

92.      Fis-sentenza Prokuratuur, fil-fehma tiegħi, tista’ ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti: a) dak li jqiegħed fid-dubju r-regola ġenerali ta’ Stat Membru dwar iż-żamma ġeneralizzata u mhux differenzjata u l-aċċess sussegwenti għad-data miżmuma mill-fornituri tas-servizzi; u b) dak tal-kontroll minn qabel, għal każ uniku, ta’ aċċess għal din il-metadata, meta din tippermetti li jiġi kkonfigurat profil preċiż tal-ħajja privata ta’ persuna.

93.      Iċ-ċirkustanza li, f’din il-kawża preżenti, id-data li tiżvela l-ħajja privata ma hijiex fil-pussess tal-fornituri tas-servizz u hija miksuba (jew sar tentattiv sabiex tinkiseb) minn telefon wieħed issekwestrat naħseb li hija ta’ importanza sekondarja fir-rigward tar-raġunament tar-rekwiżit ta’ kontroll minn qabel li tirreferi għalih is-sentenza Prokuratuur.

94.      Dan il-kontroll minn qabel huwa bbażat fuq il-protezzjoni ggarantita mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. L-awtorità li twettqu trid tkun “f’pożizzjoni li tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi marbuta mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li d-data tagħhom hija kkonċernata mill-aċċess” (33).

3.      Ittielet domanda preliminari

95.      Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 47 tal-Karta (jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-Artikoli 41 u 52) jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik Awstrijaka (34) li “tawtorizza l-analiżi diġitali ta’ telefon ċellulari mingħajr ma l-persuna kkonċernata tiġi avżata qabel jew, minn tal-inqas, wara li tittieħed il-miżura”.

96.      Jiena naħseb li d-domanda fformulata f’dawn it-termini tista’ ma tkunx meħtieġa sabiex tissolva t-tilwima, peress li s-suġġett tad-data seta’ jeżerċita d-dritt sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, u talab lill-qorti tar-rinviju tiddikjara n-nullità tal-azzjoni tal-pulizija fuq it-telefon issekwestrat, li kienet tinkludi l-użu sussegwenti (u mingħajr suċċess) tad-data maħżuna fuqu.

97.      Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ mumenti ta’ atti tal-pulizija, għandha ssir distinzjoni:

—      Rigward is-sekwestru tat-telefon fih innifsu, l-informazzjoni fil-fajl tal-kawża turi li l-persuna kkonċernata kienet taf bih u li rrifjutat li tipprovdi lill-awtoritajiet tal-pulizija l-kodiċi sabiex jiżblokkawh meta dan ġie kkonfiskat.

      Rigward it-tentattiv ta’ analiżi tad-data, kollox jidher li jindika li l-kontrollur tal-ipproċessar ma informax lill-persuna kkonċernata b’din l-attività, għalkemm il-Gvern Awstrijak jgħid li din tal-aħħar kienet taf b’rapport li pprovda l-azzjonijiet tal-pulizija ġudizzjarja fuq it-telefon (35).

98.      Għalhekk, rigward l-użu tad-data u l-għarfien dwar dan l-użu mill-persuna interessata, jibqgħu ċerti ambigwitajiet li, kif diġà rrimarkajt, il-qorti tar-rinviju kellha tiċċara fid-digriet tar-rinviju u li jfixklu l-għoti ta’ risposta utli għat-tielet domanda preliminari.

99.      Fi kwalunkwe każ, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx li din id-domanda hija inammissibbli, jien ser nagħti l-opinjoni tiegħi dwarha. F’din l-ipoteżi, u minħabba l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2002/58, din trid tiġi fformulata mill-ġdid fid-dawl tad-Direttiva 2016/680, li l-Artikoli 13, 15 u 54 tagħha jipprovdu l-punti sabiex tingħata risposta għaliha.

100. Skont id-Direttiva 2016/680, l-informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data tiegħu li għandha tiġi pprovduta lill-persuna kkonċernata hija dik li hija meħtieġa, fost l-oħrajn, sabiex: a) issir talba lill-awtorità ta’ kontroll [l-Artikolu 13(1)(d)]; u b) tinkiseb il-protezzjoni effettiva tal-qrati kontra l-ksur tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 2016/680, bla ħsara għar-riżorsi amministrattivi jew mhux ġudizzjarji disponibbli (l-Artikolu 54).

101. Madankollu, wieħed ma għandux jinsa li kemm l-Artikolu 13(3) kif ukoll l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2016/680 jawtorizzaw lill-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi li:

—      jittardjaw, jirrestrinġu jew iħallu barra l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data skont l-Artikolu 13(2).

—      jirrestrinġu, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data sa fejn, u sakemm tali restrizzjoni sħiħa jew parzjali tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata sabiex, inter alia, ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali jew ikun evitat preġudizzju għall-investigazzjoni ta’ pieni kriminali (36).

102. Fi kwalunkwe każ, il-legalità tal-ipproċessar tad-data ma tiddependix mill-konformità tal-awtoritajiet kompetenti mad-dmirijiet (sussegwenti) imposti fuqhom mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2016/680, iżda mil-legalità tal-għan li ġġustifika dawn; jiġifieri, li dawk l-awtoritajiet amministrattivi kellhom id-dritt sabiex jipproċedu bl-ipproċessar tad-data personali.

103. Minn din il-perspettiva, il-fatt li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata bit-tentattivi ta’ aċċess għad-data miżmuma fit-telefon li ġie ssekwestrat huwa kwistjoni esterna, fih innifsu, għal-legalità għal raġunijiet sostantivi tal-azzjoni tal-pulizija. L-imġiba tal-persuna inkarigata mill-ipproċessar li possibbilment marret kontra d-dmirijiet imposti mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2016/680 jista’ jkollha konsegwenzi oħra, iżda, nerġa’ nirrepeti, ma jaffettwax il-legalità jew in-nuqqas ta’ legalità ta’ dan l-istess ipproċessar.

104. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk ir-regola nazzjonali tippermettix l-eżerċizzju effettiv ta’ dawn id-drittijiet mill-persuna kkonċernata.

V.      Konklużjoni

105. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara t-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mil-Landesverwaltungsgericht Tirol (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Tirol, l-Awstrija) inammissibbli.

Sussidjarjament, nissuġġerixxi li tingħata risposta għal din it-talba f’dawn it-termini:

“1)      L-Artikoli 4(1)(a) u 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, flimkien mal-Artikoli 7, 8, u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandha tiġi interpretata fis-sens li

fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għal data personali maħżuna fuq telefon ċellulari, bil-ħsieb li jipproċessawha, ma huwiex limitat għall-każijiet ta’ ġlieda kontra kriminalità serja.

L-imsemmi aċċess għandu jkun iġġustifikat f’kull każ u jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ u proporzjonat, skont in-natura tar-reati kriminali investigati u d-data personali li għaliha jintalab l-aċċess.

L-awtoritajiet tal-pulizija ma jistgħux jiksbu huma stess, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti, matul proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali, aċċess sħiħ u mhux ikkontrollat tad-data kollha maħżuna fuq telefon ċellulari, meta jkunu jistgħu jiksbu minnha immaġini ċara tal-ħajja privata ta’ persuna.

2)      L-Artikoli 13, 15 u 54 tad-Direttiva 2016/680, flimkien mal-Artikoli 47 u 52 tal-Karta,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li

bla ħsara għal-limitazzjonijiet awtorizzati mill-Artikolu 15(1), tad-Direttiva 2016/680, jew rimedji amministrattivi jew mhux ġudizzjarji oħra disponibbli, is-sid ta’ telefon ċellulari għandu jiġi infurmat dwar l-ipproċessar tad-data personali maħżuna fih li jkunu wettqu l-awtoritajiet korrispondenti, fil-ħin u bit-termini meħtieġa sabiex ikun iggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-dritt tiegħu għal rimedju effettiv kontra ksur eventwali tad-drittijiet rikonoxxuti mid-Direttiva 2016/680”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU 2002, L 201, p. 37).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89 u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6).


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2). Iktar ’il quddiem, “GDPR”.


5      Iktar ’il quddiem, “QEDB”.


6      Il-kodiċi ta’ proċedura kriminali. Iktar ’il quddiem, “StPO”. BGBl nº 631/1975, fil-verżjoni tal-Bundesgesetz BGBl I nº 243/2021.


7      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791; iktar ’il quddiem, “sentenza La Quadrature du Net”), punt 103.


8      Ara, sentenza tat‑28 ta’ April 2016, Oniors Bio (C‑233/15, EU:C:2016:305), punt 30.


9      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien meħtieġ li l-partijiet jiġu mistiedna sabiex jindikaw “x’inhuma, fil-fehma tagħhom, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2016/680 li fid-dawl tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn ikun il-każ, tirriformula t-tliet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju” (ir-raba’ domanda minn dawk magħmula għal tweġiba orali fis-seduta).


10      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799), punt 69.


11      Naqbel mal-Gvern Franċiż f’din l-evalwazzjoni (punti 36 sa 41 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu).


12      Skont it-tieni domanda preliminari.


13      Il-qorti tar-rinviju tipprovdi li “fir-rigward tad-data tal-konnessjoni, din tippermetti li jiġu rikostruwiti kważi l-kuntatti kollha, skont il-frekwenza, il-ħin u t-tul tal-komunikazzjonijiet, kif ukoll il-kontenut tal-komunikazzjonijiet permezz ta’ SMS u servizzi oħra ta’ messaġġi, u l-ipproċessar ta’ ritratti u tal-istorja ta’ browsing jagħtu stampa intima ħafna tal-ħajja privata tas-suġġett inkwistjoni”.


14      Nirreferi, b’mod konkret, għall-Gvern Awstrijak, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Norveġiż.


15      Għall-Kummissjoni, “ma tagħmilx differenza jekk it-tentattivi rnexxewx jew le. L-eżistenza ta’ diffikultajiet tekniċi li jipprevjenu s-suċċess ta’ tentattivi ta’ aċċess hija ċirkustanza li ma tistax tkun magħrufa minn qabel u li ma taffettwax ir-riskji għall-protezzjoni tad-data personali”.


16      Nemmen, b’mod partikolari, li r-riferiment għall-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2016/680, kif issuġġerit mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma hijiex meħtieġa. Il-“valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data” stabbilita bl-Artikolu 27 tirreferi, b’mod ġeneriku, għal “tip ta’ pproċessar” u mhux għal ipproċessar individwali jew partikolari. Dan jirriżulta mill-premessa 52 tad-Direttiva 2016/680: “[i]l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom ikopru sistemi u proċessi rilevanti tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data personali, iżda mhux każijiet individwali” (enfasi miżjuda). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat ir-riferiment tagħha għaż-żewġ dispożizzjonijiet, li ċċitathom biss sabiex tenfasizza kif id-Direttiva 2016/680 wkoll tikkontempla sitwazzjonijiet qabel l-ipproċessar tad-data nnifisha.


17      Direttiva 2016/680 ma tirregolax il-konfiska tat-telefon bħala prova fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali.


18      Sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (L-Uffiċċju tal-Prosekutur) (C‑207/16, EU:C:2018:788).


19      It-tipoloġija ta’ “operazzjonijiet” inkluża fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2016/680 hija wiesgħa ħafna. Ara t-traskrizzjoni tiegħu fil-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Sentenzi La Quadrature du Net et tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970; iktar ’il quddiem, “sentenza Tele2 Sverige u Watson”); tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (l-Uffiċċju tal-Prosekutur) (C‑207/16, EU:C:2018:788); tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International (C‑623/17, EU:C:2020:790); u tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għal data relatata ma’ komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152; iktar ’il quddiem, “sentenza Prokuratuur”).


21      Il-Gvern Franċiż jagħti bħala eżempju r-reati fil-qasam tal-pussess u t-traffikar tad-droga, li l-liġijiet kriminali tal-Awstrija u ta’ Franza huma differenti fir-rigward tas-serjetà tagħhom. Il-Gvern Svediż jieħu pożizzjoni simili.


22      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż, punt 20.


23      Punt 19 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak. Huwa jiċċita s-sentenza tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) tat‑13 ta’ Ottubru 2020 (kawża 11 Os 56/20z) li kklassifikat l-analiżi mill-pulizija ġudizzjarja tad-data ta’ telefon ċellulari mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala illegali, minħabba li jikkonsisti fil-ksur tad-drittijiet suġġettivi tas-suġġett tad-data.


24      Ara, sentenza tat‑28 ta’ April 2022, SeGEC et (C‑277/21, EU:C:2022:318), punt 21.


25      Sentenza Prokuratuur, punt 51: “huwa essenzjali li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun suġġett għal kontroll minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba motivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali”.


26      Minbarra dawk tal-Artikoli 4 u 8, dawk li jinsabu fil-Kapitoli III (“Drittijiet tas-suġġett tad-data”), IV (“Kontrollur u proċessur”), VI (“Awtoritajiet superviżorji indipendenti”) u VIII (“Rimedji, responsabbiltà u pieni”).


27      Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Kompitu li d-diffikultà tiegħu jintwera sew mill-isforzi tal-Kummissjoni fil-punti 34 sa 39 tal-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub fil-kontribut għad-definizzjoni ta’ regoli ċari u preċiżi għall-konfigurazzjoni tal-limiti u garanziji adegwati fir-rigward tal-aċċess għad-data tat-telefon.


29      Regoli li, kif ifakkru pereżempju l-Gvern Daniż u l-Gvern Irlandiż, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda jistgħu jservu sabiex jissodisfaw rekwiżit li jirriżulta minn dak id-dritt.


30      Sentenza tal-QEDB tas‑16 ta’ Ottubru 2007, Wieser u Bicos Beteiligungen vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2007:1016JUD007433601), § 54: “the Austrian Code of Criminal Procedure does not contain specific provisions for the search and seizure of electronic data. However, it contains detailed provisions for the seizure of objects and, in addition, specific rules for the seizure of documents. It is established in the domestic courts’ case-law that these provisions also apply to the search and seizure of electronic data”.


31      Ara d-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju traskritti fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Sentenza Prokuratuur, punt 17.


33      Sentenza Prokuratuur, punt 52.


34      Għal darba oħra ssir referenza għall-Artikolu 18 tal-StPO relatat mal-Artikolu 99 tagħha.


35      Il-punt 37 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.


36      Għal dan il-għan, ara s-sentenza Tele2 Sverige u Watson, punt 121. Id-duttrina tagħha fir-rigward tad-Direttiva 2002/58 hija trasferibbli għad-Direttiva 2016/680 fil-kuntest tal-garanzija tad-dritt għal rimedju effettiv tal-proprjetarji ta’ data suġġetta għall-ipproċessar.