Language of document : ECLI:EU:C:2017:104

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

9 ta’ Frar 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikolu 41(1) – Rikonoxximent tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u tal-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fi Stat Membru – Preżentazzjoni tat-talba direttament lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga li t-talba titressaq quddiem l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni”

Fil-Kawża C‑283/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Family Division [qorti għolja tal-ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-familja, ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

M. S.

vs

P. S.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. S., minn T. Scott, QC, u E. Bennet, barrister, fuq struzzjonijiet ta’ M. Barnes, solicitor,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. S., residenti fil-Ġermanja, u P. S., residenti fir-Renju Unit, dwar manteniment.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 4/2009

3        Il-premessi 9, 27, 31 u 32 tar-Regolament Nru 4/2009 jipprovdu li:

“(9)      Kreditur ta’ manteniment għandu jkun jista’ jikseb faċilment, fi Stat Membru, deċiżjoni li tkun awtomatikament eżegwibbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda formalità oħra.

[…]

(27)      Jeħtieġ ukoll li jiġu limitati kemm jista’ jkun il-ħtiġiet formali għall-eżekuzzjoni li jistgħu jkabbru l-ispejjeż li jkollu jġarrab il-kreditur tal-manteniment. […]

[…]

(31)      Sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali ta’ manteniment, għandha tiġi stabbilita sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali maħtura mill-Istati Membri. Huma għandhom jgħinu lill-kredituri u lid-debituri ta’ manteniment biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom fi Stat Membru ieħor billi jippreżentaw talbiet għar-rikonoxximent, dikjarazzjoni dwar l-eżekutorjetà u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li diġà jeżistu, l-emendar ta’ tali deċiżjonijiet jew biex tingħata deċiżjoni. Huma għandhom jiskambjaw ukoll informazzjoni sabiex isibu d-debituri u l-kredituri, u jidentifikaw id-dħul u l-assi tagħhom kif meħtieġ. […]

(32)      […] Il-kriterju biex jiġi determinat id-dritt ta’ persuna li titlob assistenza minn Awtorità Ċentrali għandu jkun inqas strett mill-kriterju ta’ konnessjoni ta’ ‘residenza abitwali’ użat f’partijiet oħra ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, il-kriterju ta’ ‘residenza’ għandu jeskludi s-sempliċi preżenza.”

4        Il-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament huwa intitolat “Rikonoxximent, Eżekutorjetà, u Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet” Huwa jinkludi l-Artikoli 16 sa 43 ta’ dan ir-regolament.

5        Bit-titolu “Tneħħija tal-exequatur”, l-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, li jinsab taħt it-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu IV, dwar “[d]eċiżjoni mogħtija fi Stat Membru marbut bil-Protokoll tal-Aja tal‑2007”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru marbut bil-Protokoll tal-Aja tal‑2007 għandha tkun rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali u mingħajr l-ebda possibbiltà li wieħed jopponi r-rikonoxximent tagħha.”

6        It-Taqsima 1 tal-imsemmi Kapitolu IV tinkludi wkoll l-Artikolu 20 tal-istess regolament. Dan l-artikolu, intitolat “Dokumenti għall-finijiet tal-eżekuzzjoni”, jidentifika, fil-paragrafu 1 tiegħu, id-dokumenti li l-appellant għandu jipprovdi lill-“awtoritajiet tal-eżekuzzjoni kompetenti”.

7        L-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Proċeduri u kondizzjonijiet għall-eżekuzzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, il-proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni. Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandha tiġi eżegwita hemmekk skont l-istess kondizzjonijiet bħal deċiżjoni mogħtija f’dan l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.”

8        Bit-titolu “Aċċess għall-Ġustizzja”, il-Kapitolu V tar-Regolament Nru 4/2009 jinkludi l-Artikoli 44 sa 47 ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kontenut tal-għajnuna legali”, jipprovdi li:

“L-għajnuna legali mogħtija skont dan il-Kapitolu għandha tfisser l-assistenza neċessarja għaż-żewġ partijiet biex ikunu jistgħu jagħfu u jasserixxu d-drittijiet tagħhom u biex jiġi garantit li l-applikazzjonijiet tagħhom, ippreżentati permezz tal-Awtoritajiet Ċentrali jew direttament lill-awtoritajiet kompetenti, jiġu ttrattati bis-sħiħ u b’mod effikaċi. […]

[…]”

9        L-Artikoli 49 sa 63 tal-istess regolament jinsabu taħt il-Kapitolu VII tiegħu, intitolat “Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali”. L‑Artikolu 49 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Nomina ta’ Awtoritajiet Ċentrali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Kull Stat Membru għandu jinnomina Awtorità Ċentrali biex twettaq il-kompiti li huma imposti fuqha minn dan ir-Regolament.”

10      L-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 4/2009, intitolat “Funzjonijiet speċifiċi tal-awtoritajiet ċentrali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“L-awtoritajiet ċentrali għandhom jipprovdu assistenza rigward l-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 56. B’mod partikolari huma għandhom:

(a)      jittrasmettu u jirċievu tali applikazzjonijiet;

(b)      jibdew jew jiffaċilitaw l-istituzzjoni ta’ proċedimenti fir-rigward ta’ tali applikazzjonijiet.”

11      Skont l-Artikolu 55 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Applikazzjoni permezz tal-Awtoritajiet Ċentrali”:

“Applikazzjoni skont dan il-Kapitolu għandha ssir permezz tal-Awtorità Ċentrali tal-Istat Membru fejn l-applikant hu resident lill-Awtorità Ċentrali tal-Istat Membru rikjest.”

12      L-Artikolu 56 tal-imsemmi regolament, intitolat “Applikazzjonijiet disponibbli”, jipprovdi li:

“1.      Kreditur li jipprova jirkupra manteniment skont dan ir-Regolament jista’ jagħmel l-applikazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)      l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija jew rikonoxxuta fl-Istat Membru rikjest;

[…]

4.      Ħlief fejn previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, l-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi tal-Istat Membru rikjest u għandhom jaqgħu taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli f’dak l-Istat Membru.”

13      L-Artikolu 76 tal-istess regolament, intitolat “Dħul fis-seħħ”, jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

[…]

Dan ir-Regolament għandu japplika, ħlief għad-dispożizzjonijiet imsemmijin fit-tieni subparagrafu, mit-18 ta’ Ġunju 2011, dment li f’dik id-data l-Protokoll tal-Aja tal-2007 jkun applikabbli fil-Komunità. Fin-nuqqas ta’ dak, dan ir-Regolament għandu japplika mid-data tal-applikazzjoni fil-Komunità tal-imsemmi Protokoll.

[…]”

 Id-dritt tar-Renju Unit

14      Skont l-Artikolu 4 tal-Anness 1 tas-Civil Jurisdiction and Judgments (Maintenance) Regulations 2011 [regolament tal-2011 dwar il-ġurisdizzjoni u s-sentenzi ċivili (manteniment)]:

“1.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, meta deċiżjoni li tagħti drittijiet ta’ manteniment tkun trid tiġi eżegwita fir-Renju Unit b’applikazzjoni tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV tar-Regolament [Nru 4/2009], il-qorti li lilha għandha tiġi indirizzata t-talba għall-eżekuzzjoni hija

a)      fl-Ingilterra u Wales, il-Family Court,

[…]

2.      Talba għall-eżekuzzjoni hija trażmessa lill-Family Court […] (“il-qorti ta’ eżekuzzjoni”)

a)      fl-Ingilterra u Wales, mil-Lord Chancellor,

[…]

4.      Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tagħti obbligi ta’ manteniment,

a)      id-deċiżjoni għandha l-istess forza u l-istess effetti,

b)      il-qorti ta’ eżekuzzjoni għandha l-istess setgħat, u

c)      proċedura għal eżekuzzjoni jew b’konnessjoni magħha tista’ tinbeda bl-istess mod,

daqslikieku d-deċiżjoni ttieħdet oriġinarjament mill-qorti ta’ eżekuzzjoni.”

15      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-awtorità ċentrali nnominata għall-Ingilterra u Wales, skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 4/2009, huwa l-Lord Chancellor li, min-naħa tiegħu, jassenja l-funzjoni ta’ eżekuzzjoni tiegħu lir-Reciprocal Enforcement of Maintenance Orders Unit (Unità dwar l-Eżekuzzjoni Reċiproka tal-Ordnijiet ta’ Manteniment, iktar ’il quddiem ir-“REMO”).

 Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      M. S u P. S. iżżewġu matul is-sena 2005 u sseparaw fl-2012. Huma għandhom żewġt itfal, li fid-data tat-talba għal deċiżjoni preliminari kellhom 9 u 5 snin. Id-divorzju tagħhom ingħata mill-Amtsgericht Walsrode (qorti distrettwali ta’ Walsrode, il-Ġermanja), li adottat miżuri li jirregolaw id-drittijiet ta’ manteniment ta’ dawn iż-żewġt itfal permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem id-“digriet tal-qorti Ġermaniża”).

17      Minn wara d-divorzju, M. S. u uliedha baqgħu jgħixu fil-Ġermanja. P. S. jgħix u jaħdem fir-Renju Unit. Huwa jirrifjuta li jħallas il-manteniment previst mid-digriet tal-qorti Ġermaniża peress li, fil-fehma tiegħu, M. S. qiegħda dejjem tostakola l-kuntatt tiegħu ma’ uliedu.

18      Il-qorti tar-rinviju, il-High Court of Justice (England and Wales), Family Division [qorti għolja tal-ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-familja, ir-Renju Unit] ġiet adita bit-talba ta’ M. S., ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 4/2009, għall-eżekuzzjoni tad-digriet tal-qorti Ġermaniża.

19      Din il-qorti tindika li hija għandha, preliminarjament, tiddetermina jekk talba għall-eżekuzzjoni ta’ digriet li jirregola l-obbligi ta’ manteniment, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax issir direttament quddiem il-qorti kompetenti f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, f’dan il-każ il-Family Court (qorti tal-familja, ir-Renju Unit), jew jekk hija għadhiex, fi kwalunkwe każ, tiġi sottomessa qabel lill-awtorità ċentrali msemmija fl-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 4/2009, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Lord Chancellor li jittrażmettiha lill-Family Court (qorti tal-familja) permezz ta’ REMO.

20      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għal diverġenzi fl-approċċ min-naħa tal-qrati nazzjonali u tiċċita, f’dan ir-rigward, żewġ kawżi. Fl-ewwel kawża, il-qorti kompetenti qieset li rikorrent jista’ jindirizza t-talba tiegħu għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni direttament lill-Family Court (qorti tal-familja) u li hemm xi żball fir-regoli nazzjonali li jobbligawh jgħaddi mill-awtorità ċentrali. Fit-tieni kawża, li ma tirrigwardax l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni, imma l-emenda tagħha, il-qorti kompetenti esprimiet riżervi dwar is-sentenza fl-ewwel kawża u qieset li r-rikorrent kellu obbligatorjament jippreżenta t-talba tiegħu permezz tal-awtorità ċentrali. Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li, meta ġiet mistoqsija matul il-kawża prinċipali, ir-REMO, min-naħa tagħha, sostniet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx żbaljata meta tipprevedi li t-talba għandha titressaq obbligatorjament quddiem l-awtorità ċentrali u li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienu ġew abbozzati f’dan is-sens deliberatament.

21      Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, fid-dawl kemm tal-kliem tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 4/2009, inklużi dawk li jinsabu fit-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, applikabbli għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif ukoll l-iskop tal-imsemmi regolament, għandu jkun possibbli li wieħed jindirizza talba għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment direttament lill-Family Court (qorti tal-familja), bħal fil-każ ta’ sitwazzjoni purament interna.

22      Il-qorti tar-rinviju ssostni li madankollu jeżisti dubju dwar dan is-suġġett u li l-kwistjoni tqum attwalment fil-kuntest ta’ diversi kawżi fir-Renju Unit.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England and Wales), Family Division [qorti għolja tal-ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), diviżjoni tal-familja] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Meta kreditriċi ta’ manteniment tixtieq tikseb fi Stat Membru l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija favur tagħha fi Stat Membru ieħor, il-Kapitolu IV tar-[Regolament Nru 4/2009] jagħtiha d-dritt li tressaq talba għal eżekuzzjoni direttament quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat rikjest?

2)      Jekk ir-risposta għad-domanda (i) tkun fl-affermattiv, il-Kapitolu IV tar-Regolament [Nru 4/2009] għandu jiġi interpretat fis-sens li kull Stat Membru huwa obbligat li jipprevedi proċedura jew mekkaniżmu sabiex dan id-dritt ikun jista’ jiġi rrikonoxxut?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju talbet li tiġi applikata l-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba ġiet miċħuda b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2016, S. (C‑283/16, mhux ippubblikat, EU:C:2016:482). Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ġunju 2016, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta l-prijorità lill-kawża preżenti.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 4/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kreditur ta’ manteniment, li kiseb deċiżjoni favurih fi Stat Membru u li jixtieq jikseb l-eżekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor, jista’ jippreżenta t-talba tiegħu direttament lill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, bħal qorti speċjalizzata, jew jekk jistax ikun meħtieġ jissottometti t-talba tiegħu lil din tal-aħħar permezz tal-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

26      Ir-risposta għal din id-domanda teħtieġ li jiġi interpretat l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 4/2009 li jirrigwarda l-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni fi Stat Membru ta’ deċiżjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment mogħtija fi Stat Membru ieħor.

27      Din id-dispożizzjoni tipprevedi fl-ewwel sentenza tagħha li, bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 4/2009, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor hija rregolata mil-“liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni” u, fit-tieni sentenza tagħha, li tali deċiżjoni għandha tiġi eżegwita “skont l-istess kondizzjonijiet” bħal deċiżjoni mogħtija f’dan l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

28      Billi tirreferi għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, l-ewwel sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni tista’, prima facie, tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru tal-eżekuzzjoni jista’ jinkludi, fir-regoli tiegħu tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, li t-talba għandha titressaq obbligatorjament quddiem l-awtorità ċentrali tal-Istat rikjest.

29      Madankollu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kliem tat-tieni sentenza tal-istess dispożizzjoni, li tipprovdi li d-deċiżjoni għandha tiġi eżegwita “skont l-istess kondizzjonijiet” bħal deċiżjoni mogħtija fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, jista’ jitqies li l-imsemmi Artikolu 41(1) jipprekludi t-tressiq obbligatorju tat-talba quddiem l-awtorità ċentrali jekk dan ma huwiex previst fil-kawżi purament interni, bħalma huwa l-każ fl-Istat Membru tal-qorti tar-rinviju.

30      Konsegwentement, huwa importanti li tiġi eżaminata l-portata tal-kunċett tal-“istess kundizzjonijiet” sabiex jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 4(4)(a), (b) u (c) tal-Anness 1 tar-Regolament tal-2011 dwar il-ġurisdizzjoni u s-sentenzi ċivili (manteniment), hijiex kompatibbli mal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 4/2009, anki jekk kreditur ta’ manteniment, bħal M. S., għall-kuntrarju ta’ kreditur f’talbiet purament interni, ma jistax jadixxi direttament lill-qorti kompetenti.

31      F’dan ir-rigward għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-iskop tar-Regolament Nru 4/2009 u s-sistema li minnha jagħmel parti l-Artikolu 41(1) tiegħu.

32      Għal dak li jirrigwarda l-iskop ta’ dan ir-regolament, mix-xogħol preparatorju, u b’mod partikolari mill-green paper tal-Kummissjoni, tal‑15 ta’ April 2004, dwar l-obbligi ta’ manteniment [COM(2004) 254 finali], jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kellu l-intenzjoni jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) b’dispożizzjonijiet li, fid-dawl tal-urġenza partikolari relatata mal-manteniment, iħaffu l-proċedura quddiem il-qorti tal-eżekuzzjoni u jirrenduha għalhekk iktar rapida.

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, f’dan l-istess sens, li l-għan imfittex mir-Regolament Nru 4/2009 huwa li jiġi ffaċilitat bl-iktar mod possibbli l-irkupru ta’ talbiet ta’ manteniment internazzjonali (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Sanders u Huber, C‑400/13 u C‑408/13, EU:C:2014:2461, punt 41).

34      Dawn l-għanijiet ta’ sempliċità u ta’ rapidità jirriżultaw ukoll mill-premessi 9 u 27 tar-Regolament Nru 4/2009. Din il-premessa 9 issostni li l-kreditur ta’ manteniment għandu jkun jista’ jikseb faċilment, fi Stat Membri, deċiżjoni li tiġi awtomatikament eżegwibbli fi Stat Membru ieħor mingħajr ebda formalità oħra. Skont l-imsemmija premessa 27, wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 4/2009 huwa li jiġu limitati kemm jista’ jkun il-formalitajiet ta’ eżekuzzjoni li jistgħu jkabbru l-ispejjeż tal-kreditur ta’ manteniment.

35      Barra minn hekk, għandhom jissemmew il-premessi 31 u 32 tar-Regolament Nru 4/2009. Il-premessa 31 ta’ dan ir-regolament tenfasizza r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali ta’ manteniment u sabiex tingħata assistenza lill-kredituri ta’ manteniment sabiex jasserixxu d-drittijiet tagħhom fi Stat Membru ieħor. Il-premessa 32 tal-imsemmi regolament tirreferi għal din l-assistenza bħala “dritt”.

36      Is-sistema li minnha jagħmel parti l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 4/2009 tirrifletti l-imsemmija għanijiet ta’ sempliċità u ta’ rapidità fil-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament u tipprevedi l-possibbiltà li tintalab l-assistenza tal-awtoritajiet ċentrali fil-Kapitolu VII tiegħu.

37      Għaldaqstant, ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Kapitolu IV, intitolat “Rikonoxximent, Eżekutorjetà u Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet”, li minnu jagħmel parti l-imsemmi Artikolu 41(1) ma tipprevedi proċedura partikolari li tingħaqad mal-proċeduri applikabbli fil-kuntest ta’ talbiet purament interni u, b’mod partikolari, li t-talba għandha obbligatorjament titressaq quddiem l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri.

38      L-assenza ta’ obbligu li t-talba titressaq quddiem dawn l-awtoritajiet ċentrali huwa enfasizzat ukoll għal dak li jirrigwarda deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru marbut mill-Protokoll dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, konkluż f’Den Haag, fit-23 ta’ Novembru 2007, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Intitolat “Tneħħija tal-exequatur”, l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 4/2009, li jinsab fil-Kapitolu IV tiegħu, jispeċifika fil-paragrafu 1 tiegħu, li dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali. L-Artikolu 20(1) tal-istess regolament, li jaqa’ wkoll taħt il-Kapitolu IV jippreċiża d-dokumenti li l-appellant għandu jipprovdi “lill-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni kompetenti”, kliem li jagħti x’jinftiehem li d-dokumenti għandhom jiġu sottomessi direttament lill-awtoritajiet kompetenti.

39      Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu VII tar-Regolament Nru 4/2009, dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali, jipprevedu li t-talba għandha titressaq quddiem l-awtoritajiet ċentrali. Skont l-Artikolu 51(1) ta’ dan ir-regolament, dawn l-awtoritajiet għandhom jipprovdu assistenza rigward it-talbiet previsti fl-Artikolu 56 tiegħu, b’mod partikolari, billi jittrażmettu dawn it-talbiet. Skont dan l-artikolu tal-aħħar, kreditur li jipprova jirkupra manteniment “jista’” jagħmel talba b’mod partikolari għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija jew rikonoxxuta fl-Istat Membru rikjest. F’dan il-każ, huwa għandu jindirizza, skont l-Artikolu 55 tal-imsemmi regolament, lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, liema awtorità għandha tittrażmettiha lill-awtorità ċentrali tal-Istat Membru rikjest.

40      Mill-Artikoli 51 u 56 tar-Regolament Nru 4/2009, moqrija fid-dawl tal-premessi 31 u 32 tiegħu, jirriżulta li t-talba għal assistenza lill-awtoritajiet ċentrali, skont id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu VII ta’ dan ir-regolament, tikkostitwixxi dritt u mhux obbligu. Din hija, għaldaqstant, fakultattiva u tapplika biss jekk il-kreditur ta’ manteniment ikun jixtieq jeżerċita dan id-dritt, pereżempju biex jegħleb ċerti diffikultajiet partikolari, bħall-post fejn jinsab id-debitur tal-manteniment.

41      Għaldaqstant jidher li r-Regolament Nru 4/2009 jipprevedi żewġ metodi alternattivi kif jiġu aditi l-qrati kompetenti, wieħed dirett, skont id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament, u l-ieħor permezz tal-awtoritajiet ċentrali, jekk il-kreditur tal-manteniment jitlob l-assistenza tal-awtorità ċentrali tal-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, skont id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu VII tal-imsemmi regolament.

42      Din l-analiżi hija kkorroborata mill-kliem tal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 4/2009, li jagħmel parti mill-Kapitolu V tiegħu. Dan l-artikolu, li jirrigwarda l-għajnuna legali, jiddistingwi espressament żewġ possibbiltajiet alternattivi li jippermettu lill-kreditur ta’ manteniment jippreżenta talba għal eżekuzzjoni, jiġifieri permezz tal-awtoritajiet ċentrali “jew” direttament lill-awtoritajiet kompetenti.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-obbligu impost fuq il-kreditur ta’ manteniment minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jressaq it-talba quddiem l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru rikjest minkejja li jkun jixtieq jindirizza direttament lill-awtoritajiet kompetenti fuq il-bażi tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 4/2009 u li, skont il-qorti tar-rinviju, iwassal għal dewmien addizzjonali, jmur kontra l-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-iskop tal-imsemmi regolament u tas-sistema li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha.

44      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 4/2009, u b’mod partikolari, l-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li kreditur ta’ manteniment, li kiseb deċiżjoni favurih fi Stat Membru u li jixtieq jikseb l-eżekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor, jista’ jippreżenta t-talba tiegħu direttament lill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, bħal qorti speċjalizzata, u ma jistax ikun meħtieġ jissottometti t-talba tiegħu lil din tal-aħħar permezz tal-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

45      It-tieni domanda tirrigwarda l-konsegwenzi għall-Istat Membru tal-eżekuzzjoni ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u hija intiża b’mod iktar partikolari sabiex isir magħruf jekk jeżistix obbligu li tiġi stabbilita proċedura jew mekkaniżmu li jippermettu li tiġi adita direttament l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

46      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm bżonn li mhux biss jiġi indikat jekk l-Istati Membri humiex obbligati jistabbilixxu tali proċedura jew tali mekkaniżmu, iżda anki li jiġi ppreċiżat, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, l-obbligu tal-qorti nazzjonali.

47      Għal dak li jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ regolament, għandu jitfakkar li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, tali att tal-Unjoni huwa vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

48      L-applikabbiltà diretta ta’ regolament teħtieġ li d-dħul fis-seħħ tiegħu u l-applikazzjoni tiegħu favur jew kontra dawk suġġetti għad-dritt iseħħu mingħajr l-ebda miżura ta’ implementazzjoni fid-dritt nazzjonali, ħlief jekk ir-regolament inkwistjoni jħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri leġiżlattivi, regolamentari, amministrattivi u finanzjarji sabiex id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers, C‑606/10, EU:C:2012:348, punt 72).

49      F’dan il-każ, ir-Regolament Nru 4/2009, li sar applikabbli mit-18 ta’ Ġunju 2011, fl-Artikolu 76 tiegħu jipprevedi l-applikazzjoni differita tad-dispożizzjonijiet tiegħu fir-rigward tad-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri l-20 ta’ Jannar 2009. Bejn dawn iż-żewġ dati, kien l-obbligu tal-Istati Membri li jemendaw, skont il-każ, id-dritt nazzjonali tagħhom billi jadattaw ir-regoli proċedurali tagħhom sabiex tiġi evitata kull kontradizzjoni mar-Regolament Nru 4/2009 u, b’mod partikolari, sabiex jippermettu lill-kredituri ta’ manteniment, bħal M. S., jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jadixxu direttament lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, kif previst mill-imsemmi regolament.

50      Fi kwalunkwe każ, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti nazzjonali li għandha l-kompitu li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effettività sħiħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi fejn ikun neċessarju ma tapplikax, fuq inizjattiva tagħha stess, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja, anki sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punti 21 u 24; tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 43, u tal-4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 32).

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw l-effettività sħiħa tad-dritt previst fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 4/2009 billi jemendaw, skont il-każ, ir-regoli tal-proċedura tagħhom. Fi kwalunkwe każ, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 41(1), billi fejn ikun neċessarju ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kuntrarji u, konsegwentement, li tippermetti lil kreditur ta’ manteniment iressaq it-talba tiegħu direttament quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, anki jekk id-dritt nazzjonali ma jipprevedix dan.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, u b’mod partikolari, l-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li kreditur ta’ manteniment, li kiseb deċiżjoni favurih fi Stat Membru u li jixtieq jikseb l-eżekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor, jista’ jippreżenta t-talba tiegħu direttament lill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, bħal qorti speċjalizzata, u ma jistax ikun meħtieġ jissottometti t-talba tiegħu lil din tal-aħħar permezz tal-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

2)      L-Istati Membri huma obbligati jiżguraw l-effettività sħiħa tad-dritt previst fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 4/2009 billi jemendaw, skont il-każ, ir-regoli tal-proċedura tagħhom. Fi kwalunkwe każ, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 41(1), billi fejn ikun neċessarju ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kuntrarji u, konsegwentement, li tippermetti lil kreditur ta’ manteniment iressaq it-talba tiegħu direttament quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, anki jekk id-dritt nazzjonali ma jipprevedix dan.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.