Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta' Lulju 2010 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija fil-11 ta' Marzu 2010 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-30/08, Nanopoulos vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-308/10 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall, Efthimios Bourtzalas, avukat, u Eirini Antipa, avukat)

Appellat: Fotios Nanopoulos (Itzig, il-Lussemburgu)

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha :

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-11 ta' Mejju 2010, fil-Kawża F-30/08 Nanopoulos vs Il-Kummissjoni;

fin-nuqqas ta' dan, tistabbilixxi l-ammont korrett tal-kumpens u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-11 ta' Mejju 2010, fil-Kawża F-30/08 Nanopoulos vs Il-Kummissjoni, li ordnat lill-Kummissjoni tħallas lill-konvenut kumpens ta' EUR 90 000 bħala danni morali u li tbati l-ispejjeż kollha.

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni l-aggravji li ġejjin:

ksur tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem, ir-"Regolamenti tal-Persunal") u tal-prinċipju ta' ċertezza legali, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel żball ta' liġi meta kkonstata li t-talba magħmula mill-konvenut kellha tiġi kkunsidrata bħala talba għad-danni, mingħajr ma ressaq motivazzjoni;

żball ta' liġi u nuqqas ta' motivazzjoni, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz ikkunsidra li t-talba għad-danni ġiet ippreżentata fil-ħin u li d-deċiżjoni ta' ftuħ ta' proċeduri dixxiplinari kisret il-preżunzjoni ta' innoċenza;

ksur tad-dritt Komunitarju, żball ta' liġi u nuqqas ta' motivazzjoni, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma applikax il-kriterju legali "ksur suffiċjentement serju" u ma spjegax għaliex kien neċessarju li jitbiegħed f'dan il-każ mill-ġurisprudenza eżistenti;

ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, żball ta' liġi u nuqqas ta' motivazzjoni, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ikkunsidra li l-Awtorità tal-Ħatra kienet obbligata tassisti ta' malajr lill-appellat mingħajr investigazzjoni minn qabel u qabel l-iskadenza tat-terminu ta' erba' xhur previst mill-imsemmi artikolu għal tweġiba ta' talba;

żbalji manifesti ta' liġi u ta' motivazzjoni sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni kienet responsabbli għall-allegat kxif ta' informazzjoni fl-istampa u, it-tieni nett, li hija għamlet żball meta bdiet proċeduri dixxiplinari;

ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' żball ta' liġi sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta' kumpens ta' EUR 90 000 għal dannu morali subit mill-appellat.

____________