Language of document : ECLI:EU:T:2015:509

Kawża T‑391/10

Nedri Spanstaal BV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ kwoti u ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ — Dħul mill-bejgħ rilevanti — Kooperazzjoni maul il-proċedura amministrattiva — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multi tal 2006”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015

1.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni — Dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali li tippreċedi d-data ta’ impożizzjoni tal-multa — Kunċett — Informazzjoni li tirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali — Dħul mill-bejgħ li ma jirriflettix is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata matul il-ksur — Ċirkustanzi li ma jiġġustifikawx, fl-assenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, li jintuża d-dħul mill-bejgħ ta’ sena kummerċjali preċedenti oħra

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami — Ħtieġa li jiġu speċifikati l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha — Assenza

(Artikolu 296 TFUE)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Proporzjonalità — Portata

4.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Regoli dwar il-klemenza — Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet — Valur miżjud sinjifikattiv tal-provi prodotti mill-impriża kkonċernata — Determinazzjoni tal-perċentwali ta’ tnaqqis — Kriterji kumulattivi — Teħid inkunsiderazzjoni tal-aspett kronoloġiku tal-kooperazzjoni mogħtija — Portata tal-kooperazzjoni mill-impriża wara l-kontribuzzjoni tagħha

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 20 sa 23)

1.      Fir-rigward tal-kalkolu tal-multi imposti fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, l-għan tal-istabbiliment, fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ta’ limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża li tkun ipparteċipat fil-ksur huwa li jiġi evitat li l-impożizzjoni ta’ multa tmur lil hinn mill-kapaċità ta’ ħlas tal-impriża fid-data li fiha tiġi rrikonoxxuta li hija responsabbli għall-ksur u li fiha tkun suġġetta għal sanzjoni pekunjarja. Sabiex jiġi applikat dan il-limitu massimu huwa meħtieġ, minn naħa, li l-Kummissjoni jkollha d-dħul mill-bejgħ għall-aħħar sena kummerċjali li tippreċedi d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li din l-informazzjoni tkun tirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar.

F’dan ir-rigward, meta, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, id-dħul mill-bejgħ tas-sena kummerċjali li tippreċedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi ma jkunx jikkorrispondi għal dawn il-kriterji u, b’hekk, ma jagħti ebda indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata, il-Kummissjoni tkun obbligata tirreferi, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa, għall-aħħar sena kummerċjali sħiħa li tirrifletti sena sħiħa ta’ attivitajiet ekonomiċi normali. Fil-fatt, ir-riferiment għal “sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali” huwa intiż sabiex jiġi eskluż li tittieħed inkunsiderazzjoni sena li matulha l-aġir tal-impriża kkonċernata fis-suq ma kienx jikkorrispondi għal dak ta’ impriża li teżerċita attività ekonomika f’kundizzjonijiet normali. Għall-kuntrarju, is-sempliċi fatt li d-dħul mill-bejgħ jew il-profitti ġġenerati matul sena partikolari jkunu ferm sinjifikattivament inqas jew iktar minn dawk iġġenerati matul snin preċedenti ma jfissirx li s-sena inkwistjoni ma tikkostitwixxix sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali.

Għaldaqstant, il-fatt li impriża tassumi l-eżerċizzju tal-attività ta’ kompetitur kif ukoll iż-żieda fid-dħul mill-bejgħ ma jikkostitwixxux ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ natura li jiġġustifikaw li l-Kummissjoni tirreferi għal dħul mill-bejgħ ta’ sena preċedenti. B’mod iktar partikolari, ma huwiex meħtieġ li d-dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata matul il-perijodu li matulu twettaq il-ksur.

(ara l-punti 92, 94, 95, 97, 102 u 104)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 98)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 99)

4.      Skont il-punti 20 sa 23 tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, il-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-perċentwali ta’ tnaqqis li għalih tkun intitolata t-tieni impriża li tkun ipprovdiet provi tal-allegat ksur li jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv fil-konfront tal-provi li kienu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni, għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-data li fiha ġew ikkomunikati l-provi u l-livell ta’ valur miżjud tagħhom. Hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll, għalkemm ma hijiex obbligata li tagħmel hekk, il-portata u l-kontinwità tal‑kooperazzjoni min-naħa tal-impriża b’effett mid-data tal-kontribuzzjoni tagħha. Il-fatt li l-kooperazzjoni tkun ingħatat fi stadju bikri u l-livell tal-valur miżjud tal-provi prodotti, kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni eventwali tal-portata tal-kooperazzjoni min-naħa tal-impriża wara l-kontribuzzjoni tagħha, huma kriterji kumulattivi li l-importanza tagħhom tiddependi mill-kuntest u miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ ineżami u li jistgħu jwasslu għal tnaqqis li jinsab f’firxa ta’ valuri bejn 20 u 30 % tal-ammont tal-multa.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kooperazzjoni ma tkunx ingħatat immedjatament wara l-ispezzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

(ara l-punti 120, 124, 126 u 127)