Language of document : ECLI:EU:C:2016:789

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Ottubru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/83/KE – Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Regola ta’ proċedura nazzjonali li tipprevedi, għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew min-notifika taċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal ażil – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Prinċipju ta’ effettività – Żvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni susiusdjarja – Żvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ ritorn – Inkompatibbiltà”

Fil-Kawża C‑429/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (qorti tal-appel, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura

Evelyn Danqua

vs

Minister for Justice and Equality,

Ireland,

Attorney General

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal E. Danqua, minn M. Trayers, solicitor, P. O’Shea, BL u C. Power, SC,

–        għall-Minister for Justice and Equality, minn R. Cotter u E. Creedon, bħala aġenti, assistiti minn F. O’Sullivan, BL, u R. Barron, SC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u A. Lewis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalwenza.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Evelyn Danqua, ċittadina tal-Ghana, u l-Minister for Justice and Equality (ministru tal-ġustizzja u tal-ugwaljanza, l-Irlanda) (iktar 'il quddiem il-“Ministru”), u l-Irlanda u l-Attorney General, dwar ir-rifjut tal-Ministru li jeżamina l-applikazzjoni tal-persuna kkonċernata sabiex tikseb l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2004/83/KE

3        Skont l-Artikolu 2(a), (e) u (f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi bħala refuġjati jew bħala persuni li għal raġunijiet oħra jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni li tingħata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96 u Rettifika, ĠU 2005, L 204, p. 24):

“ a)      ‘protezzjoni internazzjonali’, tfisser l-istat ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’(d) u (f);

[...]

e)      ‘persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja’, tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz [...] li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu [...] jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15 [...]

f)      ‘stat ta’ protezzjoni sussidjarja’, ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna [....] eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja.”

4        L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu stat ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz [...] eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.”

 Id-Direttiva 2005/85/KE

5        Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168), tippreċiża, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-applikanti għal ażil.

6        Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, din għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għal ażil ippreżentati fit-territorju tal-Istati Membri.

7        L-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Fejn Stati Membri jużaw jew jintroduċu proċedura li fiha l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu eżaminati kemm bħala applikazzjonijiet abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève, fit-28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 [1954])], kif ukoll bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija taħt iċ-ċirkostanzi definiti mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83/KE, dawn għandhom applikaw din id-Direttiva matul il-proċedura kollha tagħhom.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Mill-proċess disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li E. Danqa, ċittadina tal-Ghana, ippreżentat fl-Irlanda, fit-13 ta’ April 2010, applikazzjoni sabiex tikseb l-istatus ta’ refuġjat, peress li din l-applikazzjoni kienet motivata mill-biża’ tal‑persuna kkonċernata li tiġi suġġetta għall-prattiki trokosi, tip ta’ servitù ritwali ipprattikata fil-Ghana u li taffettwa l-iktar lin-nisa.

9        Ir-Refugee Applications Commissionner (kummissjarju responsabbli għall-applikazzjonijiet għal ażil), f’rapport tas-16 ta’ Ġunju 2010, dwar din l-applikazzjoni, ifformula rakkomandazzjoni negattiva, minħabba nuqqas ta’ kredibbiltà ta’ din l-applikazzjoni. Din ir-rakkomandazzjoni ġiet ikkonfermata fl-appell mir-Refugee Appeals Tribunal (qorti li tieħu konjizzjoni ta’ appelli fir-rigward tal-istatus tar-refuġjati, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2011.

10      Fid-9 ta’ Frar 2011, il-Ministru innotifika lil E. Danqua biċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħha għal ażil u wera l-intenzjoni tiegħu li jordna l-akkumpanjament lejn il-fruntiera (proposal to deport), billi informaha, b’mod partikolari, fuq il-possibbiltà li kellha li tippreżenta, f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru mill-imsemmija notifika, applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja.

11      Wara din id-deċiżjoni, ir-Refugee Legal Service (servizz ta’ għajnuna legali, l-Irlanda) informa lil E. Danqua li, minħabba din iċ-ċaħda, ma kinitx ser tkun assistita fil-kuntest tal-passi tagħha sabiex tikseb il-protezzjoni sussidjarja.

12      Is-servizz ta’ għajnuna legali madankollu ppreżenta, f’isem E. Danqua, applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza minħabba raġunijiet umanitarji.

13      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Settembru 2013, il-Ministru informa lil E. Danqua li din l-applikazzjoni kienet ġiet miċħuda u li deċiżjoni ta’ ritorn ittieħdet, fis-17 ta’ Settembru 2013, fir-rigward tal-persuna kkonċernata.

14      E. Danqua ppreżentat, fit-8 ta’ Ottubru 2013, applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja.

15      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Novembru 2013, il-Ministru informa lil E. Dunqua li l-applikazzjoni tagħha għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja ma setgħetx tiġi aċċettata favorevolment, peress li din l-applikazzjoni ma ġietx ippreżentata fit-terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol kif previst fin-notifika tad-deċiżjoni tal-Ministru tad-9 ta’ Frar 2011 li ċaħdet l-applikazzjoni għal ażil tal-persuna kkonċernata.

16      E. Dunqua kkontestat lil din id-deċiżjoni quddiem il-High Court (qorti għolja, l-Irlanda), billi invokat, b’mod partikolari, ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza peress li l-obbligu, għal applikant għal protezzjoni sussidjarja, li jiġi osservat terminu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja – minkejja li l-osservanza ta’ terminu simili ma kinitx rikjesta għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal ażil.

17      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, il-High Court (qorti għolja) ċaħdet ir-rikors ta’ E. Danqua, billi ddeċidiet b’mod partikolari li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma kienx applikabbli f’din il-kawża, peress li l-persuna kkonċernata pparagunat żewġ regoli tal-proċedura bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni.

18      Fit-13 ta’ Novembru 2014, E. Danqua appellat din is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (qorti tal-appell). Il-persuna kkonċernata reġgħet sostniet quddiem din il-qorti l-argument tagħha li l-obbligu, għal applikant għal protezzjoni sussidjarja, li josserva terminu dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jikser il-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li ma jkun ebda terminu simili applikabbli għall-persuni li jippreżentaw applikazzjoni sabiex jiksbu l-istatus ta’ refuġjat.

19      Il-Court of Appeal (qorti tal-appell), filwaqt li kellha dubji dwar ir-relevanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza f’din il-kawża, tqis li applikazzjoni għal ażil tista’ tikkostitwixxi punt ta’ paragun adattat sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

20      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minkejja li l-maġġoranza tal-applikazzjonijiet għal ażil jiġu ttrattati skont is-sistema implementata mid-Direttiva 2004/83, l-Istati Membri dejjem jistgħu, mill-inqas teoretikament, jagħtu l-benefiċċju tal-ażil konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom. F’dan il-każ, l-applikazzjonijiet għal ażil jistgħu jaqgħu, parzjalment, fid-dritt tal-Unjoni, u parzjalment, fid-dritt nazzjonali.

21      Fir-rigward tal-obbligu, għal applikanti għal protezzjoni sussidjarja, li josserva terminu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, il-qorti tar-rinviju tqis li dan it-terminu huwa ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ qabel l-għoti tas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302), kienet ikkaratterizzata mill-eżistenza ta’ żewġ proċeduri distinti u suċċessivi għall-finijiet tal-eżami, rispettivament, tal-applikazzjoni għal ażil u tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, li jissuġġetttaw l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja għaċ-ċaħda minn qabel tal-applikazzjoni intiża għall-ksib tal-istatus ta’ refuġjat.

22      Skont din il-qorti, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwisjoni fil-kawża prinċipali kellha l-għan li tiżgura li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli.

23      Huwa f’dan il-kuntest li l-Court of Appeal (qorti tal-appell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, applikazzjoni għal ażil, irregolata minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifletti l-obbligi tal-Istat Membru skont id-[Direttiva 2004/83], tista’ titqies bħala punt ta’ paragun xieraq ma’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, għandu jitqies f’dan ir-rigward il-fatt li t-terminu li fih għandhom jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja jservi l-għan importanti li jiġi żgurat li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jkunu ttrattati f’terminu raġonevoli?”

 Fuq id-domandi preliminari

24      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta applikazzjoni għall-ksib tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għal terminu ta’ dekadenza ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru min-notifika, mill-awtorità kompetenti, tal-possibbiltà għall-applikant għal ażil li ġie miċħud, li jippreżenta tali applikazzjoni.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2004/83 ma tinkludix regoli ta’ proċedura li japplikaw għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

26      Id-Direttiva 2005/85 tistabbilixxi, min-naħa tagħha, standards minimi li jirrigwardaw il-proċeduri ta’ eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u tispeċifika d-drittijiet tal-applikanti għal ażil. L-Artikolu 3(1) u (3) ta’ din id-direttiva jispeċifika li din tal-aħħar tapplika għall-applikazzjonijiet għal ażil li kienu eżaminati bħala applikazzjonijiet ibbażati fuq il-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, u bħala applikazzjonijiet għal tipi oħra ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija fiċ-ċirkustanzi speċifikati fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2004/83.

27      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2005/85 tapplika għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja biss meta Stat Membru kien stabbilixxa proċedura unika, li fil-kuntest tagħha jeżamina applikazzjoni fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri dik dwar l-istatus ta’ refuġjat u dik relatata mal-protezzjoni sussidjarja (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N., C-604/12, EU:C:2014:302, punt 39).

28      Madankolli, mill-proċess jirriżulta li dan ma kienx il-każ fl-Irlanda fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali.

29      Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni dwar il-modalitajiet proċedurali dwar il-preżentazzjoni u l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja applikabbli fl-Irlanda, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ dan l-Istat Membri li għandha tirregola dawn il-modalitajiet, sakemm, minn naħa, l-imsemmija modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, ma tagħmilx, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N., C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jitfakkar li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju tirrikjedi l-applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ regola nazzjonali għall-proċeduri bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 74).

31      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni jekk applikazzjoni għal ksib ta’ status ta’ refuġjat tikkostiwixxix bażi xierqa għal paragun ma’ applikazzjoni sabiex jinkiseb l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, sabiex jiġi żgurat l-osservanza ta’ dan il-prinċipju.

32      Issa, f’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 u 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda żewġ talbiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-applikazzjoni tal-persuna kkonċernata intiża għall-benefiċċju tal-istatus ta’ refuġjat u l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar intiża għall-benefiċċju tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

33      Għandu, madankollu, jiġi enfasizzat li, skont il-formulazzjoni stess tal-ewwel domanda, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-eżami tal-applikazzjonijiet għal ażil “tirrifletti” l-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2004/83.

34      Barra minn hekk, mill-elementi disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li d-dritt Irlandiż dwar l-ażil jinkludi regoli sostantivi nazzjonali li jikkompletaw id-dritt tal-Unjoni.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna żewġ tipi ta’ talbiet ibbażati, waħda bħall-oħra, fuq id-dritt tal-Unjoni, l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza hija irrilevanti.

36      Minħabba f’hekk, skont ġurisprudenza stabbilta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tagħti lil qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenza tat-28 ta’ April 2016, Oniors Bio, C‑233/15, EU:C:2016:305, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utili għas-sentenza tal-kawża li tkun qiegħda tisma’, sew jekk din il-qorti għamlet riferiment jew le meta għamlet id-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais, C‑152/03, EU:C:2006:123, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, għal dan il-għan, hemm lok li ż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jinftiehmu bħala intiżi li jkun magħruf jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta applikazzjoni intiża għall-ksib tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għal terminu ta’ dekadenza ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru min-notifika, mill-awtorità kompetenti, tal-possibbiltà għal applikant għal ażil li ġie miċħud, li jippreżenta tali applikazzjoni.

39      Fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, kif tfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandhiex tkun tali li tagħmel, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. B’hekk, tali regola għandha tippermetti, f’dan il-każ, aċċess effettiv lill-persuni li jitolbu li jibbenefikaw mill-protezzjoni sussidjarja għad-drittijiet mogħtija lilhom mid-Direttiva 2004/83.

40      Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk persuna, bħal E. Danqua, li titlob sabiex tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, tistax konkretament teżerċita d-drittijiet tagħha taħt id-Direttiva 2004/83, jiġifieri, f’dan il-każ, id-dritt li tippreżenta applikazzjoni intiża għall-kisba ta’ din il-protezzjoni u, fejn il-kundizzjonijiet rikjesti sabiex tibbenefika mill-imsemmija protezzjoni huma ssodisfatti, dak li tingħata l-istatus mogħti minn din tal-aħħar.

41      Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont ir-regola ta’ proċedura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikant għal protezzjoni sussidjarja lanqas ma jista’, fil-prinċipju, jissottometti applikazzjoni għall-benefiċċju tal-istatus mogħti minn din il-protezzjoni wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol min-notifika taċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu intiża għall-ksib tal-istatus ta’ refuġjat.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn titqajjem il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u fil-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’dil-perspettiva, għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, f’dan il-każ, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen, C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, għandha tiġi eżaminata, b’mod iktar partikolari, jekk terminu perentorju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax ikun iġġustifikata sabiex jiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni sussidjarja, fid-dawl tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub, C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 28).

44      Fir-rigward tat-termini perentorji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward tal-liġijiet nazzjonali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jistabbilixxu termini li jkollhom rabta, b’mod partikolari, mal-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, mal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, man-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u mal-interessi l-oħra pubbliċi jew privati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C‑63/08, EU:C:2009:666, punt 48).

45      Issa, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 75 sa 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni sussidjarja għandha importanza partikolari peress li tiżgura li l-applikanti li jfittxu protezzjoni internazzjonali ż-żamma tad-drittijiet l-iktar bażiċi tagħhom permezz tal-għoti ta’ tali protezzjoni.

46      F’dan il-kuntest, minħabba d-diffikultajiet li tali applikanti jistgħu jaffaċċjaw, minħabba, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni umanament u materjalment diffiċli li fiha dawn l-applikanti jistgħu jkunu, għandu jiġi kkonstatat li terminu ta’ dekadenza, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirriżulta li huwa partikolarment qasir u ma jiżgurax, fil-prattika, lil dawn l-applikanti kollha possibbiltà effettiva sabiex jippreżentaw applikazzjoni sabiex jiksbu l-protezzjoni sussidjarja u, jekk ikun il-każ, li għandu jingħata l-istatus mogħti minn din il-protezzjoni. Għaldaqstant, tali terminu ma jistax ikun raġonevolment iġġustifikat għall-finijiet li jiżgura l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ta’ applikazzjoni għall-għoti ta’ dan l-istatus.

47      Din il-konklużjoni ma hijiex, barra minn hekk, ikkontestata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-effikaċja tal-proċeduri ta’ ritorn, sakemm it-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex marbut direttament mal-proċedura ta’ ritorn, iżda maċ-ċaħda tal-applikazzjoni intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

48      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija tali li tipperikola l-aċċess effettiv tal-applikanti għal protezzjoni sussidjarja għad-drittijiet mogħtija lilhom mid-Direttiva 2004/83.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kolha, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola ta’proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta applikazzjoni għall-ksib tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja għal terminu ta’ dekadenza ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru min-notifika, mill-awtorità kompetenti, tal-possibbiltà għal applikant għal ażil li ġie miċħud, li jippreżenta tali applikazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta applikazzjoni għall-ksib tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għal terminu ta’ dekadenza ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibdew jiddekorru min-notifika, mill-awtorità kompetenti, tal-possibbiltà, għal applikant għal ażil li ġie miċħud, li jippreżenta tali applikazzjoni.

Firem


* * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.