Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Diċembru 2008 - Huvis vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-536/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Huvis Corporation (Seoul, ir-Repubblika tal-Korea) (rappreżentanti: J.-F. Bellis, F. Di Gianni, R. Antonini, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 893/2008, tal-10 ta' Settembru 2008, li jżomm fis-seħħ dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' staple fibres tal-poliesteri li joriġinaw mill-Belarus, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mill-Arabja Sawdija u mill-Korea wara reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/961, sa fejn ma jħassarx id-dazju antidumping impost fuq ir-rikorrenti sa mid-29 ta' Marzu 2006, il-ġurnata li fiha l-importazzjonijiet ta' staple fibres tal-poliesteri mit-Tajwan u mill-Malasja ġew suġġetti għal dażji antidumping provviżorji li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tiġborx fid-Deċiżjoni tagħha Nru 2007/430/KE tad-19 ta' Ġunju 20072;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, kumpannija li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fil-Korea, ressqet ir-rikors preżenti sabiex tikseb l-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill Nru 893/2008 sa fejn ma jħassarx id-dazju antidumping impost fuq ir-rikorrenti sa mid-29 ta' Marzu 2006 fuq l-istaple fibres tal-poliesteri (PSF) li hija tipproduċi u li joriġinaw mill-Korea. Ir-rikorrenti ssostni li l-PSF li joriġinaw mill-Korea għandhom jibbenifikaw mill-istess trattament applikat lill-PSF li joriġinaw mit-Tajwan u mill-Malasja skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2007/430/KE. Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, id-dazji antidumping għandhom jitħassru fir-rigward tal-PSF li joriġinaw mill-Korea sa minn din id-data.

Ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi insostenn tat-talbiet tagħha.

Hija ssostni li billi żammew fis-seħħ il-miżuri antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Korea filwaqt li dawk mill-Malasja u mit-Tajwan ma kinux suġġetti għal miżuri antidumping, l-istituzzjonijiet Komunitarji kisru l-prinċipju fundamentali ta' non-diskriminazzjoni. Ir-rikorrenti tikkontesta t-tliet motivi mressqa mill-Kunsill sabiex jiġġustifika din id-differenza fit-trattament. Il-fatt li, fir-rigward tal-PSF li joriġinaw mill-Malasja u mit-Tajwan, l-ilment ġie irtirat u li l-Kunsill ma fforma ebda konklużjoni definittiva, ma jistax, skont ir-rikorrenti, jiġġustifika trattament diskriminatorju fir-rigward tal-PSF li joriġina mill-Korea. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll li d-differenza bejn il-kriterju tal-interess Komunitarju applikat fuq il-PSF li joriġinaw mill-Malasja u mit-Tajwan u dak applikat fuq il-PSF li joriġinaw mill-Korea tista' tiġġustifika t-trattament diskrimatorju fir-rigward ta' dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, hija ssostni li, b'mod kuntrarju għall-konklużjonijiet tal-Kunsill, il-fatt li l-investigazzjonijiet li jirrigwardaw il-PSF tal-Malasja u tat-Tajwan, minn naħa, u dawk tal-Korea, min-naħa l-oħra, wasslu għal konklużjonijiet differenti lanqas ma jista' jiġġustifika trattament diskriminatorju.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni li tħassir tal-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-PSF li hija tipproduċi u tesporta mhuwiex iġġustifikat fid-dawl tal-interess Komunitarju hija vvizzjata minn kontradizzjonijiet fundamentali u nuqqas ta' koerenza.

____________

1 - ĠU L 247, p. 1.

2 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2007 li jtemm il-proċediment ta' kontra d-dumping rigward l-importazzjonijiet ta' fibri sintetiċi tal-poliesteri ta' qisien ta' qosor predeterminat (il-PSF) li joriġinaw mill-Malasja u t-Tajwan u li jirrilaxxa l-ammonti assigurati permezz tad-dazji proviżorji imposti (ĠU L 160, p. 30).