Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Diċembru 2013 minn Kari Wahlström mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-9 ta’ Ottubru 2013 fil-Kawża F-116/12, Wahlström vs Frontex

(Kawża T-653/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Kari Wahlström (Espoo, il-Finlandja) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruniteri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex)

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta’ Ottubru 2013 li tiċħad ir-rikors tiegħu;

tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, billi l-kawża hija fl-opinjoni tal-appellant fi stat li tiġi ġġudikata;

tikkundanna lill-parti l-oħra fil-proċedura għal-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) li biha dan tal-aħħar ċaħad ir-rikors tiegħu li kellu bħala suġġett, minn naħa, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-appellant għas-sena 2010 u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mit-TSP sa fejn dan tal-aħħar iġġudika li l-assenza ta’ djalogu bejn l-evalwatur u l-appellant fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2010 kienet tikkostitwixxi irregolarità proċedurali mhux sostanzjali (li tikkonċerna l-punti 38 et seq tas-sentenza appellata). L-appellant jargumenta li:

minn naħa, it-TSP injora l-ġurisprudenza eżistenti;

min-naħa l-oħra, meta bbaża l-motivazzjoni tas-sentenza appellata fuq il-kuntest li fih ir-rapport ta’ evalwazzjoni ġie stabbilit u mhux biss fuq il-kwistjoni ta’ jekk iż-żamma ta’ djalogu formali setgħetx ikollha effett fuq il-proċedura, it-Tribunal eċċeda l-marġni tal-istħarriġ ġudizzjarju tiegħu billi daħal fuq is-setgħat diskrezzjonali tal-amministrazzjoni.

It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mit-TSP meta dan tal-aħħar iġġudika li l-assenza ta’ ffissar tal-għanijiet għall-ewwel parti tas-sena 2010 ma kinitx tikkostitwixxi irregolarità proċedurali sostanzjali ta’ natura li tikkomprometti l-validità tar-rapport ta’ evalwazzjoni inkwistjoni (dwar il-punti 50 et seq tas-sentenza appellata). L-appellant jargumenta li:

minn naħa, it-TSP injora l-linji gwida dwar l-evalwazzjoni, sa fejn dawn tal-aħħar kienu jipprevedu l-obbligu li jiġu ffisati għanijiet ġodda f’każ tat-tibdil tal-funzjoni tal-membru tal-persunal matul il-perijodu ta’ riferiment;

min-naħa l-oħra, id-deskrizzjoni ta’ kompiti assenjati lill-appellant fil-funzjonijiet il-ġodda tiegħu b’riferiment għal dokumenti dwar l-implementazzjoni u dwar il-funzjonament tal-uffiċċju operattiv bl-ebda mod ma timplika li l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-appellant b’rabta ma’ dawn il-kompiti ġew iffissati għalih.