Language of document : ECLI:EU:T:2014:153

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

13 ta’ Marzu 2014

Kawża T‑652/13 P

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Appell ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu previst – Firma tal-avukat fuq il-faks li hija differenti minn dik fuq l-oriġinal ippreżentat bil-posta – Preżentata tal-oriġinal wara l-iskadenza tat-terminu – Tardività – Appell manifestament inammissibbli”

Suġġett:      Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Settembru 2013, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑31/13), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Firma bl-idejn tal-avukat li hija differenti minn dik fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta – Konsegwenza – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ meta waslet il-faks sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 43(6))

Skont l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, id-data li fiha kopja tal-oriġinal iffirmat ta’ att proċedurali tasal fir-Reġistru permezz ta’ faks jew ta’ kull mezz tekniku ta’ komunikazzjoni ieħor għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini proċedurali, sakemm l-oriġinal iffirmat tal-att jiġi ppreżentat fir-Reġistru sa mhux iktar minn għaxart’ijiem wara.

Meta l-firma tal-avukat li jirrappreżenta lil rikorrent li tkun tinsab fil-parti ta’ isfel tar-rikors tal-appell trażmess permezz ta’ faks ma tkunx identika għal dik li tkun tinsab fuq l-oriġinal tar-rikors tal-appell ippreżentat sussegwentement, id-data tal-preżentata tar-rikors tal-appell permezz ta’ faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Minn dan isegwi li, skont l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija biss id-data tal-preżentata tal-oriġinal li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tal-imsemmi terminu.

(ara l-punti 6, 8 u 9)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 29 ta’ Novembru 2011, ENISA vs KEPD, T‑345/11, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 15 sa 17, u l-ġurisprudenza ċċitata; 3 ta’ Otturbu 2012, Tecnimed vs UASI – Ecobrands (ZAPPER-CLICK), T‑360/10, mhux ippubblikata fil-ġabra, punti 15 sa 17; 14 ta’ Novembru 2013, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑229/13 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 14 u 15