Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Ġunju 2011 - Holcim (il-Ġermanja) u Holcim vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-293/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniz

Partijiet

Rikorrenti: Holcim AG (Hamburg, il-Ġermanja) u Holcim Ltd (Zürich, l-Isvizzera) (rappreżentanti: P. Niggemann u K. Gaßner, avukati).

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea.

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta' Marzu 2011, dwar proċedura skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, Każ 39520 - Siment u prodotti konnessi;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

L-ewwel motiv: notifika invalida tad-deċiżjoni kkontestata

Skont ir-rikorrenti, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-konvenuta kisbet mingħand il-kumpanniji kollha kkonċernati tal-grupp Holcim mandati ta' rappreżentazzjoni mogħtija favur l-ewwel rikorrenti kif ukoll dikjarazzjonijiet li jikkonfermaw li l-Ingliż intgħażel bħala l-lingwa tax-xogħol. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata, li tagħha d-destinatarju huwa t-tieni rikorrenti, ġiet "innotifikata" lill-ewwel rikorrenti li ma kienet qatt awtorizzata sabiex tirrapreżenta lit-tieni rikorrenti. Ir-rikorrenti jżidu li l-lingwa tax-xogħol tal-kumpannija Holcim Ltd u tal-parti l-kbira tal-kumpanniji l-oħra tal-grupp hija l-Ingliż, tant li ma kienx possibbli għalihom li jifhmu b'mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata.

It-tieni motiv: insuffiċjenza tat-terminu stabbilit għall-produzzjoni ta' informazzjoni u rifjut mill-konvenuta li testendi t-terminu

Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata teżiġi ħafna informazzjoni dettaljata dwar il-ħmistax-il kumpannija tal-grupp (informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet, dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, dwar il-produzzjoni, dwar l-ishma mis-suq, etc.), u dan, fir-rigward ta' perijodu ta' 10 snin. Ir-rikorrenti, li kellhom għarfien tal-abbozz tad-deċiżjoni tal-konvenuta, isostnu li huma kienu indikawlha fid-dettall u suffiċjentement qabel li t-terminu ta' tnax-il ġimgħa previst għall-produzzjoni tal-informazzjoni kien kjarament wisq qasir. Huma jikkunsidraw li, fid-dawl tat-tul tal-proċedura (kważi sentejn u nofs) u l-kooperazzjoni tajba li huma wrew, estensjoni tat-terminu kienet tkun xierqa. Filwaqt li r-rikorrenti aċċettaw li l-proċedura tkompli ssir bl-Ingliż, il-konvenuta stess ikkomplikat u dewmet il-ġbir tal-informazzjoni meta abbozzat id-deċiżjoni kkontestata bil-Ġermaniż: żewġ terzi tal-kumpanniji tal-grupp ma setgħux minħabba f'hekk jaħdmu sewwa.

It-tielet motiv: obbligu ta' Holcim li tipprovdi informazzjoni li hija ma għandhiex fil-forma mitluba

Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata titlob informazzjoni sostanzjali li huma ma għandhomx fil-forma mixtieqa. Id-deċiżjoni kkontestata teżiġi wkoll informazzjoni li, għal diversi raġunijiet, fosthom, b'mod partikolari, tibdil fis-sistema tal-informatika, tista' tinġabar biss permezz ta' xogħol konsiderevoli, kemm f'termini ta' żmien kif ukoll f'termini ta' xogħol proprju. Ir-rikorrenti jqisu li dan ix-xogħol imur lil hinn mill-obbligu tagħhom li jipprovdu l-informazzjoni mitluba.

4.    Ir-raba' motiv: ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni

Skont ir-rikorrenti, la l-investigazzjoni bħala tali u lanqas l-għażla tal-mod ta' investigazzjoni (talba għal informazzjoni taħt piena ta' multi permezz ta' deċiżjoni formali) ma huma suffiċjentement motivati fid-deċiżjoni kkontestata.

5.    Il-ħames motiv: ksur tal-prinċipju tan-neċessità tal-metodi implementati

Ir-rikorrenti jsostnu li sa issa huma rrispondew b'mod eżawrjenti u ddettaljat għal kull talba għal informazzjoni indirizzata lilhom, tant li l-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni għal xiex tippreferi l-proċedura tal-informazzjoni formali (li l-inosservanza tagħha tista' twassal għal multa) minflok il-proċedura tal-informazzjoni informali inqas stretta.

6.    Is-sitt motiv: ksur tal-prinċipju ta' preċiżjoni tal-informazzjoni mitluba

Skont ir-rikorrenti, diversi punti tad-deċiżjoni kkontestata ma jippreċiżawx b'mod suffiċjenti l-informazzjoni mitluba, u dan bi preġudizzju għalihom.

7.    Is-seba' motiv: ksur tal-prinċipju ġenerali ta' proporzjonalità

Wara proċedura ta' sentejn u nofs, l-ilment tal-konvenuta jibqa' fformulat b'mod tant vag u ftit konkret li r-rikorrenti jqisu li huwa sproporzjonat li l-konvenuta tirrikjedi li huma jiġbru tali volum ta' informazzjoni dettaljata, iktar u iktar meta informazzjoni simili ntalbet f'diversi okkażjonijiet taħt forom differenti. Minbarra dawn ir-raġunijiet oġġettivi, ir-rifjut tal-konvenuta li testendi t-terminu huwa manifestament sproporzjonat fid-dawl tat-tul tal-proċedura (kważi sentejn u nofs).

8.    It-tmien motiv: nuqqas ta' kompetenza tal-konvenuta fir-rigward tal-kumpannija Holcim (Česko) a.s. f'dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet marbuta ma' perijodu qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Unjoni Ewropea

Ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta ma tistax titlob informazzjoni għal perijodu qabel l-adeżjoni ta' pajjiż mal-Unjoni Ewropea.

____________